Brussell, 18.8.2020

COM(2020) 385 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-FOND TA' GARANZIJA TAL-FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI FL-2019

{SWD(2020) 162 final}


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    Kuntest operazzjonali    

3.    Kontijiet finanzjarji u tranżazzjonijiet baġitarji sinifikanti fl-2019    

3.1.    Rapporti finanzjarji tal-FG FEIS sal-31 ta’ Diċembru 2019    

3.2.    Operazzjonijiet tal-FEIS fil-qafas tal-Garanzija tal-UE    

3.3.    Proviżjonament tal-FG FEIS    

3.4.    Talbiet u użu tal-Garanzija tal-UE    

4.    Ġestjoni tal-FG FEIS fl-2019    

4.1.    Ġestjoni Finanzjarja    

4.2.    Żviluppi tas-suq fl-2019    

4.3.    Kompożizzjoni u karatteristiċi tar-riskju ewlenin tal-portafoll    

4.4.    Prestazzjoni    

5.    Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FG FEIS    



1.Introduzzjoni

Il-bażi ġuridika għal dan ir-rapport hija r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi 1 (“Ir-Regolament dwar il-FEIS”). Ir-Regolament dwar il-FEIS ġie emendat bir-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 fir-rigward tal-estensjoni ta' kemm itul il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti 2 (l-“Emenda FEIS 2.0”). L-Emenda FEIS 2.0 kabbret, fost l-oħrajn, il-Garanzija tal-UE u aġġustat l-ammont fil-mira. Il-ftehim dwar il-ġestjoni tal-FEIS u dwar l-għoti tal-Garanzija tal-UE (il-“Ftehim dwar il-FEIS”) ġie ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-“BEI”) fit-22 ta’ Lulju 2015 u ġie emendat u ddikjarat mill-ġdid fil-21 ta’ Lulju 2016, fil-21 ta’ Novembru 2017, fid-9 ta’ Marzu 2018, fl-20 ta’ Diċembru 2018, fis-27 ta’ Marzu 2020 u fis-27 ta’ April 2020.

L-Artikolu 16(6) tar-Regolament dwar il-FEIS jipprovdi li, sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali 3 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS (il-“FG FEIS”) matul is-sena kalendarja preċedenti, inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FG FEIS u tal-ħtieġa li jiġi rikapitalizzat. Dan ir-rapport annwali għandu jkun fih preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-FG FEIS fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji matul is-sena kalendarja preċedenti kif ukoll it-tranżazzjonijiet sinifikanti u kull informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni u r-riskju tal-FG FEIS fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.

2.Kuntest operazzjonali

Il-Garanzija tal-UE 4 tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment iffirmati mill-BEI fil-qafas tal-parti ewlenija tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (“IIW”, Infrastructure and Innovation Window), u mill-FEI fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs (“SMEW”, SME Window) u s-sottotieqa tal-investiment tal-fond tal-SMEs/kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja tal-IIW. Parti mill-operazzjonijiet ġenerali tal-FEIS hija koperta mill-Garanzija tal-UE filwaqt li parti oħra titwettaq b’riskju proprju tal-Grupp tal-BEI 5 .

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEIS, il-FG FEIS għandu jikkostitwixxi marġini ta’ likwidità li minnu l-BEI għandu jitħallas fil-każ ta’ talba mill-Garanzija tal-UE. F’konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS bejn l-UE u l-BEI, is-sejħiet jitħallsu mill-FG FEIS jekk l-ammont tagħhom ikun akbar mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-BEI fil-Kont tal-FEIS. Il-Kont tal-FEIS, ġestit mill-BEI, ġie stabbilit bil-għan li jinġabar id-dħul u l-ammonti rkuprati tal-UE li jirriżultaw minn operazzjonijiet tal-FEIS fil-qafas tal-Garanzija tal-UE, u sa fejn iwassal il-bilanċ disponibbli, għall-ħlas ta’ talbiet fil-qafas tal-Garanzija tal-UE.

Il-FG FEIS jiġi fornut progressivament, b’kont meħud taż-żieda fl-iskopertura li ġġarrab il-Garanzija tal-UE.

Skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament dwar il-FEIS, ir-riżorsi tal-FG FEIS huma ġestiti direttament mill-Kummissjoni u investiti f’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba skont regoli prudenzjali xierqa.

Il-BEI u l-FEI huma responsabbli għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskju tal-operazzjonijiet individwali appoġġati mill-Garanzija tal-UE. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapportar u suppożizzjonijiet koerenti u prudenti dwar l-attività futura, il-Kummissjoni ssostni l-adegwatezza tal-ammont fil-mira u tal-livell tal-FG FEIS rieżaminat. F’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar il-FEIS, il-BEI u l-FEI rrapportaw lura lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’Marzu 2019.

Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament dwar il-FEIS, ir-rapport annwali tal-BEI lill-Parlament Ewropew u lill Kunsill għandu jkun fih informazzjoni speċifika dwar ir-riskju aggregat assoċjat mal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jsiru skont il-FEIS kif ukoll dwar it-talbiet għal ħlas ta’ garanzija.

3.Kontijiet finanzjarji u tranżazzjonijiet baġitarji sinifikanti fl-2019

L-informazzjoni finanzjarja dwar il-FEIS hija ppreżentata hawn isfel u hija maqsuma f’erba’ taqsimiet: (1) is-sitwazzjoni finanzjarja tal-FG FEIS fil-31 ta’ Diċembru 2019, (2) l-operazzjonijiet tal-FEIS permezz tal-Garanzija tal-UE mwettqa mill-Grupp tal-BEI sal-31 ta’ Diċembru 2019, (3) il-proviżjonament tal-FG FEIS u (4) it-talbiet u l-użu tal-Garanzija tal-UE.

3.1. Rapporti finanzjarji tal-FG FEIS sal-31 ta’ Diċembru 2019

L-assi totali tal-FG FEIS 6 kienu EUR 6 688 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2019. L-assi kienu magħmula mill-portafoll tat-titoli tal-investiment, ikklassifikati bħala disponibbli għall-bejgħ (EUR 6 654 miljun), il-bejgħ ta’ kuntratt forward tal-kambju ta’ USD b’valur nett preżenti pożittiv, ikklassifikat bħala assi finanzjarji bil-valur ġust permezz ta’ surplus u defiċit (EUR 3 miljun), u flus u ekwivalenti ta’ flus (EUR 31 miljun).

F’termini tar-rapport tal-introjtu tal-2019 7 , il-FG FEIS spiċċa s-sena b’riżultat ekonomiku ta’ EUR 21,7 miljun. Il-kontribuzzjoni ewlenija ġiet minn introjtu mill-imgħax nett pożittiv ta’ EUR 18,3-il miljun u qligħ nett minn bejgħ ta’ titoli disponibbli għall-bejgħ 8 (EUR 17,1-il miljun). Dan ġie kkreditat b’riżultat ta’ rivalutazzjoni ta’ munita barranija ta’ EUR -13,1-il miljun 9 . Il-bqija tal-ispiża netta ta’ EUR -0,6 miljun kienet tikkonsisti prinċipalment f’tariffi tal-kustodju.

3.2. Operazzjonijiet tal-FEIS fil-qafas tal-Garanzija tal-UE

Fil-31 ta’ Diċembru 2019, l-esponiment tal-garanzija tal-UE b’rabta mal-operazzjonijiet pendenti żborżati tal-FEIS tal-Grupp tal-BEI kien jammonta għal EUR 17,7-il biljun, mill-impenn legali nett disponibbli 10 ta’ EUR 25,8 biljun tal-Garanzija tal-UE. L-ammont ta’ EUR 17,6-il biljun ġie rreġistrat bħala obbligazzjoni kontinġenti fin-noti li jakkumpanjaw ir-rapporti finanzjarji tal-2019 tal-UE, filwaqt li ġie rikonoxxut provvediment għall-bqija tal-ammont ta’ EUR 0,1 biljun (EUR 74 miljun).

Fl-2019, l-operazzjonijiet tal-FEIS, ġestiti mill-BEI fil-qafas tat-Tieqa tal-Opportunità ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni, iġġeneraw dħul nett ta’ EUR 299,5 miljun għall-UE 11 . Minn dan l-ammont, riċevibbli nett ta’ EUR 50,8 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2019 li l-Kummissjoni rċeviet mill-BEI kien irreġistrat fir-rapporti finanzjarji tal-UE għall-2019.

Għall-operazzjonijiet tal-FEIS fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs, fl-2019 l-UE ġarrbet kost ta’ EUR 109,9 miljun 12 . Minn dan, it-tariffi u l-kostijiet tal-FEI ta’ EUR 37,9 miljun irreġistrati fir-rapporti finanzjarji tal-UE tal-2019 huma pagabbli lill-FEI wara l-31 ta’ Diċembru 2019.

3.3.Proviżjonament tal-FG FEIS

Fl-2019 ġiet impenjata approprjazzjoni baġitarja totali ta’ EUR 357 miljun b’rabta mal-proviżjonament tal-FG FEIS. Minn dan l-ammont, ġiet impenjata approprjazzjoni baġitarja ta’ EUR 167 miljun permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)875 13 . Ġew impenjati approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali għal ammont ta’ EUR 190 miljun bħala dħul assenjat.

Ammont totali ta’ EUR 1 166 miljun tħallas b’mod effettiv fil-FG FEIS matul is-sena. Minn dan, il-parti l-kbira kienet ġejja minn approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-baġit ġenerali tal-UE, filwaqt li ammont ta’ EUR 163 miljun ġie rkuprat bħala dħul assenjat (EUR 136 miljun mid-dħul tal-FEIS u EUR 27 miljun mid-dħul tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa) u ammont ta’ EUR 3 miljun ġie ttrasferit bħala approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali fl-aħħar tas-sena baġitarja.

3.4.Talbiet u użu tal-Garanzija tal-UE

Fl-2019, f’konformità mal-Artikolu 8.1(a) tal-Ftehim dwar il-FEIS, il-Garanzija tal-UE ntalbet għal ammont ta’ EUR 3,5 miljun li huwa marbut ma’ operazzjoni inadempjenti waħda fil-forma ta’ ishma azzjonarji fil-qafas tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni. Barra minn hekk, intalab ammont ta’ EUR 1,4 miljun għall-ispejjeż għall-finanzjament tal-BEI 14 , EUR 27,3 miljun għall-aġġustamenti tal-valur 15 u EUR 0,14 miljun għall-kostijiet ta’ rkupru 16 . Fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs, kien hemm talba waħda għal ammont ta’ EUR 8,1 miljun għal iħħeġġjar mhux tal-euro.

It-talbiet kollha tħallsu minn fondi disponibbli fil-Kont tal-FEIS. Ma kien hemm l-ebda talba mħallsa mill-FG FEIS.

4.Ġestjoni tal-FG FEIS fl-2019

4.1.Ġestjoni Finanzjarja

Il-portafoll ta’ investiment tal-FG FEIS huwa investit f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 165 tal-21 ta’ Jannar 2016 li tapprova l-linji gwida tal-ġestjoni tal-assi tal-FG FEIS.

Dawn il-linji gwida jipprevedu li l-assi fil-portafoll ta’ investiment għandhom jipprovdu biżżejjed likwidità fir-rigward ta’ talbiet potenzjali għal ħlas ta’ garanzija, filwaqt li xorta għandhom l-għan li jtejbu kemm jista’ jkun il-livell ta’ redditu u ta’ riskju li huwa kompatibbli maż-żamma ta’ livell għoli ta’ sigurtà u stabbilità.

L-istrateġiji ta’ investiment u ta’ ġestjoni tar-riskju ġew adottati biex b’hekk jirriflettu l-objettivi ta’ investiment u l-prospettiva tal-kundizzjonijiet tas-suq. L-approċċ ta’ investiment kellu l-għan li jtejjeb id-diversifikazzjoni f’diversi klassijiet ta’ assi bi dħul fiss.

4.2.Żviluppi tas-suq fl-2019

Is-swieq tad-dħul fissi raw fluttwazzjonijiet notevoli fl-2019, bil-bond Ġermaniż (bund) ta’ 10 snin li ċċaqlaq bejn 0,27 % (f’Jannar) u -0,72 % (f’Awwissu) għal firxa ta’ madwar 1 %.

Is-sena bdiet bi stennija li s-swieq jaraw titjib fl-ekonomija u żieda fl-inflazzjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kien ipproġettat li jibda jgħolli r-rati tal-imgħax, filwaqt li r-Riżerva Federali kienet mistennija li tkompli biċ-ċiklu ta’ żieda tagħha. Madankollu, l-estensjoni fin-negozjati tal-ftehim kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina skattat ħafna inċertezza b’episodji ta’ żidiet rapidi u mhux mistennija fit-tariffi miż-żewġ naħat u l-ebda soluzzjoni vijabbli fil-futur qarib. L-inċertezza fl-Ewropa baqgħet għolja wkoll, minħabba theddid ta’ tariffi imposti mill-Istati Uniti fuq l-industriji prinċipali, partikolarment l-industrija tal-karozzi. Konsegwentement, il-ktajjen tal-provvista globali batew, u dan għamel ħsara lis-settur tal-manifattura u l-infiq kapitali beda jiġi pospost.

Dan kollu żied id-domanda għall-assi siguri u l-bonds tul il-klassijiet tal-assi kollha kellhom prestazzjoni tajba filwaqt li r-rendimenti tbaxxew b’rata kostanti sakemm laħqu l-qiegħ f’Awwissu. Sa dak iż-żmien, ir-ritmu tat-tkabbir globali naqas u l-inflazzjoni fl-Ewropa kienet ftit ogħla minn 1 %. Biex tappoġġa l-ekonomija, ir-Riżerva Federali bdiet tnaqqas ir-rati tal-imgħax f’Lulju u f’Settembru l-BĊE beda jagħmel l-istess, flimkien ma’ qawmien mill-ġdid tal-programm tax-xiri tal-assi.

Ir-reżiljenza kumplessiva tas-settur tas-servizzi fl-ekonomiji ewlenin kienet żvilupp pożittiv ieħor. Lejn l-aħħar tas-sena, kien jidher probabbli ħafna li kien se jkun hemm ftehim kummerċjali parzjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Is-sentiment tas-suq tjieb u, flimkien ma’ tnaqqis fil-likwidità u xi ftit ibbilanċjar mill-ġdid/teħid ta’ profitt fl-aħħar tas-sena, ir-rendimenti reġgħu telgħu u l-bund għalaq b’madwar -0,20 %.

Kumplessivament, firxiet ta’ Bonds tal-Gvernijiet Ewropej (EGBs, European Government Bonds) oħrajn mal-bund naqsu, fil-każijiet tal-Italja u ta’ Spanja, b’total ta’ 110 punti bażi fil-punt ta’ maturità ta’ 10 snin. Setturi oħra tal-introjtu fiss, bħad-dejn supranazzjonali, sottosovran u tal-aġenziji flimkien mal-bonds koperti u korporattivi, kellhom prestazzjoni tajba wkoll matul is-sena.

4.3.Kompożizzjoni u karatteristiċi tar-riskju ewlenin tal-portafoll

Fil-31 ta’ Diċembru 2019, il-portafoll ta’ investiment kien predominantement magħmul minn titoli maħruġa minn entitajiet sovrani, sottosovrani, supranazzjonali u aġenziji (SSA) u gvernijiet barranin (47 % tal-valur tas-suq kontra 59 % għall-indiċi ta’ referenza) u bonds koperti (18 % tal-valur tas-suq kontra 20 % għall-indiċi ta’ referenza). Il-bqija ġie allokat prinċipalment għal bonds mhux garantiti maħruġa minn istituzzjonijiet korporattivi u finanzjarji. Madwar 6 % tal-portafoll kienu investiti f’investimenti iddenominati f’USD f’forma likwida u bi klassifikazzjoni għolja (AA/AAA). L-iskopertura għar-riskju tal-valuta ta’ dawn l-investimenti ġiet iħħeġġjata. Fl-aħħar tal-2019, l-esponiment tal-portafoll għal bonds li jikkonformaw mal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza kien iktar minn 6 %, ħames darbiet ogħla mill-indiċi ta’ referenza tiegħu.

Id-durata tal-portafoll 17 fi tmiem l-2019 kienet 3,07 snin. Il-klassifikazzjoni tal-kreditu medja hija BBB+.

Il-biċċa l-kbira tal-portafoll hija investita f’titoli likwidi u parti adegwata (21 % tal-valur totali tal-portafoll) timmatura f’inqas minn 12-il xahar.

Il-profil tal-portafoll, f’termini ta’ tul ta' żmien, riskju ta’ kreditu u likwidità, ġie kkalibrat f’konformità mal-flussi tal-flus imbassra li jirriżultaw minn operazzjonijiet tal-FEIS fil-qafas tal-Garanzija tal-UE (pereż. talbiet proġettati, dħul).

4.4.Prestazzjoni

Il-prestazzjoni annwali hija kkalkulata bil-ħin sabiex ma tiġix affettwata mid-daqs tal-portafoll, li kompla jikber b’mod sinifikanti matul is-sena.

F’ambjent tas-suq diffiċli ħafna karatterizzat minn rendimenti globalment negattivi jew storikament baxxi, abbinati ma’ volatilità u inċertezzi tas-suq sinifikanti, il-Fond irreġistra prestazzjoni annwali assoluta ta’ 1,239 % fl-2019. Dan ir-redditu huwa konformi mal-prestazzjoni annwali tal-indiċi ta’ referenza tal-FEIS (2,302 %)

5.Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FG FEIS

Fil-31 ta’ Diċembru 2019, l-ammont totali ta’ firem akkumulati fil-qafas tal-FEIS kien, għat-28 Stat Membru, EUR 68,7 biljun, li minnhom EUR 49,2 biljun kienu ffirmati fil-qafas tal-IIW (532 operazzjoni) u EUR 19,5-il biljun kienu ffirmati fil-qafas tal-SMEW (630 operazzjoni). Kumplessivament, dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2018, li fi tmiemha l-firem totali kienu jammontaw għal EUR 53,6 biljun.

Fil-31 ta’ Diċembru 2019, l-esponiment żborżat kumplessiv, kopert mill-Garanzija tal-UE, kien jammonta għal EUR 17,7-il biljun (EUR 16,1-il biljun għall-IIW u EUR 1,6 biljun għall-SMEW), li juri żieda minn EUR 15,8-il biljun fl-2018.

L-esponiment tal-baġit tal-UE għal pagamenti futuri possibbli skont il-Garanzija tal-UE f’termini ta’ operazzjonijiet iffirmati (żborżati u mhux żborżati) kien jammonta għal EUR 21,9 biljun (EUR 18,3-il biljun għall-IIW u EUR 3,6 biljun għall-SMEW).

L-iskoperturi żborżati pendenti tal-IIW koperti mill-Garanzija tal-UE kienu ta’ EUR 16,1-il biljun, li minnhom EUR 15,2-il biljun kienu għal operazzjonijiet fil-forma ta’ dejn u EUR 1 biljun għal operazzjonijiet fil-forma ta’ ishma azzjonarji 18 .

Jekk ikun hemm xi telf dovut għal dawn l-operazzjonijiet IIW, dan jiġi kopert mill-Garanzija tal-UE skont it-termini stabbiliti fil-Ftehim dwar il-FEIS. B’mod partikolari, il-Garanzija tal-UE fil-qafas tal-IIW tingħata fil-forma ta’ garanzija tal-Ewwel Biċċa Telf fuq il-bażi ta’ Portafoll għal operazzjonijiet fil-qafas tal-Portafolli ta’ Dejn tal-IIW u tal-Portafoll tal-Ekwità tal-IIW ġestit mill-banek promozzjonali nazzjonali. Fil-qafas tal-Portafoll tal-Ekwità tal-IIW Standard, il-Garanzija tal-UE tingħata fil-forma ta’ garanzija sħiħa, sakemm il-BEI jinvesti fuq bażi pari passu għar-riskju tiegħu stess l-istess ammont ta’ riżorsi.

Fil-31 ta’ Diċembru 2019, fil-qafas tal-SMEW, l-esponiment żborżat pendenti kumplessiv kopert mill-Garanzija tal-UE kien ta’ EUR 1,6 biljun, li EUR 1,2 biljun minnhom kienu għal operazzjonijiet ta’ garanzija u EUR 0,4 biljun għal operazzjonijiet tal-ekwità 19 .

Jekk ikun hemm xi telf minħabba l-operazzjonijiet ta’ garanzija tal-SMEW, dan ikun kopert primarjament mill-kontribuzzjonijiet tal-Faċilità ta’ Garanziji InnovFin għall-SMEs, il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-Programm COSME, il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi kif ukoll l-Istrument Finanzjarju ta’ Garanzija EaSI. Fil-każ tal-Prodotti ta’ Ekwità SMEW, kull telf ikun kopert mill-Garanzija tal-UE fil-qafas tal-FEIS u mill-garanzija tal-Ewwel Biċċa Telf InnovFin Equity (fil-każ tas-Sottotieqa 2 tal-Prodott tal-Ekwità).

L-ammont fil-mira tal-FG FEIS ġie stabbilit f’livell ta’ 35 % tal-obbligi totali tal-Garanzija tal-UE 20 . Il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti differenti appoġġati mill-Garanzija tal-UE turi li, b’mod ġenerali, b’din ir-rata fil-mira l-baġit tal-Unjoni jkun protett b’mod adegwat minn talbiet potenzjali taħt il-Garanzija tal-UE, b’kunsiderazzjoni tal-irkupri, tad-dħul u tal-fondi minn operazzjonijiet preċedenti tal-BEI. Għaldaqstant, ir-rata fil-mira ta’ 35 % hija meqjusa adegwata.

Il-FG FEIS jinsab fil-fażi ta’ kostruzzjoni sal-2022; b’hekk il-bżonn ta’ rikostituzzjoni se jiġi evalwat fi stadju ulterjuri.

(1)

   ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(2)

   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34.

(3)

   Dan ir-rapport huwa l-ħames rapport dwar il-FG FEIS. Għar-rapporti preċedenti, ara COM(2016) 353 final, COM(2017) 326 final, COM(2018)345 final u COM(2019) 244 final.

(4)

   Bl-Emenda FEIS 2.0 id-daqs tal-Garanzija tal-UE żdied minn EUR 16-il biljun għal EUR 26 biljun.

(5)

   Bl-Emenda FEIS 2.0 id-daqs tal-Garanzija tal-Grupp tal-BEI żdied minn EUR 5 biljun għal EUR 7,5 biljun.

(6)

     Ir-rapporti finanzjarji awditjati tal-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS huma żvelati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-rapport tal-FG FEIS.

(7)

     Ara l-paġna 6 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-rapport tal-FG FEIS.

(8)

   Iċ-ċifra netta hija komposta minn qligħ ta’ EUR 18,5-il miljun u telf ta’ EUR 1,4 miljun.

(9)

     Wara l-iħħeġġjar tar-riskju tal-valuta tal-porzjon tal-portafoll iddenominat f’USD.

(10)

     Skont l-Artikolu 11 tal-Emenda FEIS 2.0, il-Garanzija tal-UE ma għandhiex, fi kwalunkwe żmien, teċċedi EUR 26 biljun u taqbeż is-EUR 16-il biljun qabel is-6 ta’ Lulju 2018. It-talbiet u l-użi tal-Garanzija tal-UE, kif ukoll il-provvedimenti għal prodotti ta’ garanzija ta’ portafoll fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs, jitnaqqsu mill-ammont massimu tal-Garanzija tal-UE.

(11)

   Dan l-ammont jinkludi EUR 135,0 miljun fi dħul mhux realizzat derivat minn ċaqliq ’il fuq tal-valur ġust tal-portafolli tal-ekwità tal-IIW fil-31 ta’ Diċembru 2019 meta mqabbel mal-31 ta’ Diċembru 2018.

(12)

   Dan l-ammont jinkludi EUR 69,5 miljun fi provvedimenti finanzjarji fir-rigward tal-portafolli tad-dejn tal-SMEW, kif ukoll EUR 4,3 miljun fi spejjeż mhux realizzati derivati minn ċaqliq ’l isfel tal-valur ġust tal-portafolli tal-ekwità tal-SMEW fil-31 ta’ Diċembru 2019 meta mqabbel mal-31 ta’ Diċembru 2018.

(13)

   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11.02.2019 dwar l-addozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali għall-2019 għad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, li sservi bħala deċiżjoni ta’ finanzjament.

(14)

     Ara l-Artikolu 8.1(d) tal-Ftehim dwar il-FEIS.

(15)

     Ara l-Artikolu 8.1(b) tal-Ftehim dwar il-FEIS.

(16)

     Ara l-Artikoli 8.1(d) u 11.7 tal-Ftehim dwar il-FEIS.

(17)

     Iċ-ċifra tad-durata tirreferi għal “durata modifikata” li tkejjel is-sensittività tal-prezz ta’ bond għal ċaqliq fir-rati tal-imgħax. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq il-kunċett li l-prezz ta’ sigurtà u r-rati tal-imgħax huma relatati b’mod invers.

(18)

     Minħabba l-arrotondament taż-żewġ ċifri għall-operazzjonijiet fil-forma ta’ dejn u fil-forma ta’ ishma azzjonarji, dawn jammontaw għal EUR 16,1-il biljun minflok EUR 16,2-il biljun.

(19)

   Kif muri fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-UE fil-31 ta’ Diċembru 2019, li ma jinkludux kuntratti ta’ garanzija li l-perjodu tad-disponibbiltà tagħhom jibda fl-2020.

(20)

     Ara l-Artikolu 12(5) tar- Regolament dwar il-FEIS .