European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2824

8.11.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2824

tal-24 ta’ Ottubru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda 30 tal-Anness 9 – Faċilitazzjoni – tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li tikkonċerna emendi għall-Kapitolu 1, il-Kapitolu 3, il-paragrafi C, D, G u H, u l-Kapitolu 8, il-paragrafi H u I, ta’ dak l-Anness

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (a) u (b), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din il-Konvenzjoni stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization).

(2)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Għall-perjodu 2022–2025, sitt Stati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)

Skont l-Artikolu 37 j) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandha tadotta u temenda minn żmien għal żmien, skont il-ħtieġa, standards, prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali li jittrattaw il-proċeduri doganali u tal-immigrazzjoni. Skont l-Artikolu 54 l) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali (SARPs, Standards and Recommended Practices), u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4)

Fil-233 sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta l-Emenda 30 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (l-“Emenda 30”).

(5)

L-iskopijiet ewlenin tal-Emenda 30, inkluża fl-Ittra tal-ICAO lill-Istati KE 6/3 - 24/67, huma li jittejbu ċ-ċarezza u konsegwentement il-konsistenza u l-effiċjenza tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (l-“Anness 9”).

(6)

L-Emenda 30 tinkludi emendi għall-Kapitolu 1 (“Definizzjonijiet u prinċipji ġenerali”), il-Kapitolu 3 (“Dħul u tluq tal-persuni u tal-bagalji tagħhom”), il-paragrafi C (“Sigurtà tad-dokumenti tal-ivjaġġar”), D (“Dokumenti tal-ivjaġġar”), G (“Karti tal-imbarkazzjoni/tal-iżbark”) u H (“Spezzjoni tad-dokumenti tal-ivjaġġar”), u l-Kapitolu 8 (“Dispożizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni li jkopru suġġetti speċifiċi”), il-paragrafi H (“Traffikar tal-bnedmin”) u I (“Traffikar tal-organiżmi selvaġġi”) tal-Anness 9.

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO, peress li l-Emenda 30 ser tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u hija rilevanti għal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 (1) u (KE) Nru 1683/95 (2). Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-Emenda 30, sa fejn dak il-kontenut ikun ta’ qasam li diġà huwa kopert fil-parti l-kbira tiegħu minn regoli komuni tal-UE. Din id-Deċiżjoni mhijiex mistennija taffettwa d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-avjazzjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat li jqis li mhuwiex prattiku għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali minn dawn adottati mill-ICAO, jew li jġib ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu konformi għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali minn dawn, jew li jidhirlu li jeħtieġ jiġu adottati regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

(9)

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi proposti tal-Kapitolu 1, tal-Kapitolu 3, il-paragrafi C, D, G, u H, u l-Kapitolu 8, il-paragrafi H u I, tal-Anness 9, li jinsabu fl-Emenda 30 ta’ dak l-Anness inklużi fl-Ittra tal-ICAO lill-Istati EC 6/3 – 24/67, jenħtieġ li tkun li tappoġġa dawk l-emendi. Dik il-pożizzjoni jentieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

(10)

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-Emenda 30, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz tal-proċedura ta’ Ittra tal-ICAO lill-Istati, jenħtieġ li ma tirreġistra l-ebda diżapprovazzjoni u li tinnotifika l-konformità ma’ dik l-emenda. Meta l-liġi tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs li jkun għadhom kif ġew emendati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-SARPs, jenħtieġ li kwalunkwe differenza bejn il-liġi tal-Unjoni u dawk l-SARPs partikolari tiġi nnotifikata lill-ICAO. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’rabta ma’ tali differenzi jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(11)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha tiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-233 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, għandha tkun li tappoġġa l-emendi proposti tal-Kapitolu 1, il-Kapitolu 3, il-paragrafi C, D, G u H, u l-Kapitolu 8, il-paragrafi H u I, tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jinsabu flEmenda 30 ta’ dak l-Anness inklużi fl-Ittra tal-ICAO lill-Istati EC 6/3 – 24/67.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr bidliet sostanzjali l-emendi proposti msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun li ma tirreġistra l-ebda diżapprovazzjoni u li jkun hemm konformità mal-emendi adottati bi tweġiba għall-Ittra rilevanti tal-ICAO lill-Istati.

3.   Meta l-liġi tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs emendati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-SARPs, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għandha tkun li kwalunkwe differenza bejn il-liġi tal-Unjoni u dawk l-SARPs partikolari tiġi nnotifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO biex jiġu nnotifikati d-differenzi, tippreżenta lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO f’konformità mat-Trattati, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) u (3) għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri tal-Unjoni f’konformità mat-Trattati, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2824/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)