|
26.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 185/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/839
tal-20 ta’ Mejju 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“TCT”) ġie approvat f’isem l-Unjoni fl-4 ta’ Marzu 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019. |
|
(2) |
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit mit-TCT għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni kif suppost tat-TCT. It-TCT jeħtieġ li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jadotta regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport u deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit. |
|
(3) |
Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dalwaqt ser jadotta deċiżjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport, ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom, u l-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport. |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, peress li tali deċiżjonijiet huma neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport u ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mwaqqaf mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-regoli dwar il-kwistjonijiet li ġejjin għandha tkun imsejsa fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali (2):
|
(a) |
ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport; |
|
(b) |
ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom; u |
|
(c) |
il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport. |
2. Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dwar bidliet minuri fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SANTOS SILVA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1).
(2) Ara d-dokument ST 8040/21 fi http://register.consilium.europa.eu.