4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 98/2014

tat-3 ta’ Frar 2014

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jipprevedi għall-possibbiltà tal-użu tat-terminu “dry” għall-kategorija tax-xarba spirituża “London gin”. Din ix-xarba spirituża ma jistax ikun fiha taħlil miżjud li jaqbeż iż-0,1 gramma ta’ zokrijiet għal kull litru. Għall-kategoriji ta’ xarbiet spiritużi “gin” u “gin distillat” ma hemm l-ebda limitu stabbilit għaż-żieda ta’ taħlil. Madanakollu, meta l-“gin” u l-“gin distillat” jiġu prodotti mingħajr zokkor jew b’kontenut ta’ zokkor li ma jaqbiżx iż-0,1 gramma għal kull litru, il-possibbiltà li jintuża t-terminu “dry” għandha tiġi estiża għal dawk ix-xarbiet spiritużi kif definit f’dak l-Anness.

(2)

L-Ungerija applikat għar-reġistrazzjoni ta’ “Újfehértói meggypálinka”, bħala indikazzjoni ġeografika, fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dak ir-Regolament. “Újfehértói meggypálinka” huwa spirtu tal-frott tradizzjonalment prodott fl-Ungerija u prodott esklussivament mill-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa “Újfehértói fürtös” u “Debreceni bőtermő” . L-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-fajl tekniku għal “Újfehértói meggypálinka” ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) għall-għanijiet tal-proċedura ta’ oġġezzjoni, skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008. Minħabba li l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda oġġezzjoni skont l-Artikolu 17(7) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, l-isem “Újfehértói meggypálinka” għandu jiġi rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-indikazzjonijiet ġeografiċi “Polska Wódka/Polish Vodka” u “Originali lietuviška degtinė/Original Lithuanian vodka” huma rreġistrati għall-kategorija tal-prodott 15. “Vodka”, tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008. Madanakollu, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkopru wkoll il-vodka mogħtija togħma. Għalhekk, dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom ikunu inklużi wkoll fil-kategorija tal-prodott 31, “Vodka mogħtija togħma” ta’ dak l-Anness. Sabiex tinforma lill-konsumatur bin-natura vera tal-prodott, it-tikketta ta’ dik it-tip ta’ vodka għandu jkollha d-denominazzjoni tal-bejgħ “vodka mogħtija togħma” jew “vodka” bit-togħma predominanti.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu allura jiġi emendat skont dan.

(5)

Biex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni mir-regoli previsti fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għal dawk stipulati f’dan ir-Regolament, il-kummerċjalizzazzjoni tal-istokkijiet eżistenti għandha tiġi prevista sakemm dawn jispiċċaw u l-użu tat-tikketti stampati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandu jitħalla sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 20. “Gin”, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

It-terminu ‘gin’ jista’ jiġi ssupplimentat bit-terminu ‘dry’ jekk ma jkunx fih taħlil li jaqbeż iż-0,1 gramma ta’ zokrijiet għal kull litru tal-prodott finali.”

(b)

fil-punt 21. “Gin distillat”, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

It-terminu ‘gin distillat’ jista’ jiġi ssupplimentat bit-terminu ‘dry’ jekk ma jkunx fih taħlil li jaqbeż iż-0,1 gramma ta’ zokrijiet għal kull litru tal-prodott finali.”

(2)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-kategorija tal-prodott 9. “Spirtu tal-frott”, tiżdied l-entrata li ġejja:

 

“Újfehértói meggypálinka

L-Ungerija”

(b)

fil-kategorija tal-prodott 31. “Vodka mogħtija togħma”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

 

“Polska Wódka/Polish Vodka  (*1)

Originali lietuviška degtinė/Original Lithuanian vodka  (*1)

Il-Polonja

Il-Litwanja

Artikolu 2

Ix-xorb spirituż li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 kif emendat bl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jista’ jitkompla jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

It-tikketti stampati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jitħallew jintużaw sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(2)   ĠU C 85, 18.3.2011, p. 10.

(*1)  Dan il-prodott għandu jkollu fuq it-tikketta d-denominazzjoni tal-bejgħ ‘vodka mogħtija togħma’. It-terminu ‘bit-togħma‘ jista’ jinbidel bl-isem tat-togħma predominanti.”