European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2246

13.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2246

tat-12 ta’ Ottubru 2026

li ġedded l-approvazzjoni tal-aċidu idrokloriku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4), il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

L-aċidu idrokloriku ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 (diżinfettanti taż-żona privata u taż-żoni tas-saħħa pubblika u prodotti bijoċidali oħra). Għalhekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jitqies bħala approvat skont dak ir-Regolament soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. Dik l-approvazzjoni kellha tiskadi fit-30 ta’ April 2024. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2619 ipposponiet dik id-data tal-iskadenza għall-31 ta’ Ottubru 2026 (3).

(2)

Fit-26 ta’ Ottubru 2022, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-aċidu idrokloriku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 (“l-applikazzjoni”). L-applikazzjoni ġiet evalwata mill-awtorità kompetenti tal-Latvja (“l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni”).

(3)

Fl-10 ta’ Ġunju 2025, f’konformità mal-Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ppreżentat rakkomandazzjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-aċidu idrokloriku lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”).

(4)

F’konformità mal-Artikolu 75(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali jħejji l-opinjoni tal-Aġenzija rigward l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi. Il-Kumitat adotta l-opinjoni tal-Aġenzija fil-25 ta’ Frar 2026 (4), wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5)

Fl-opinjoni tagħha, l-Aġenzija kkonkludiet li l-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 li fihom l-aċidu idrokloriku jistgħu jkunu mistennija li jibqgħu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, dment li jkun hemm konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tiegħu, jitqiesu ssodisfati.

(6)

Għalhekk, jixraq li l-approvazzjoni tal-aċidu idrokloriku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 tiġi mġedda, soġġetta għall-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-approvazzjoni tal-aċidu idrokloriku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 hija mġedda, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2619 tal-24 ta’ Novembru 2023 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-aċidu idrokloriku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 2 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2023/2619, 27.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2619/oj).

(4)  L-Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC, Biocidal Products Committee) dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva: Aċidu idrokloriku, Tip ta’ prodott: 2, ECHA/BPC/523/2026, adottat fil-25 ta’ Frar 2026.


ANNESS

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva (1)

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta’ Prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

Aċidu idrokloriku

Klorur tal-idroġenu

Numru KE: 231-595-7

Nru CAS: 7647-01-0

99,9  %

fit-30 ta’ Settembru 2041.

2

L-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali li jużaw l-aċidu idrokloriku bħala sustanza attiva hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni tal-prodott tagħti attenzjoni partikolari għall-esponimenti, għar-riskji u għall-effikaċja marbutin ma’ kull użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li ma ġewx indirizzati preċedentement fil-valutazzjoni tas-sustanza attiva fil-livell tal-Unjoni;

(b)

il-valutazzjoni tal-prodott tagħti attenzjoni partikolari lill-utenti mhux professjonali.

(1)  Il-purità indikata f’din il-kolonna kienet il-grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott li jsir disponibbli fis-suq tista’ tkun tal-istess purità jew ta’ purità differenti jekk ikun ġie ppruvat li hija teknikament ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2246/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)