|
19.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 438/31 |
Sommarju ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tal-20 ta’ Lulju 2016
li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE
(Il-Każ M.7724 — ASL/Arianespace)
(notifikat skont dokument C(2016) 4621)
(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
(2017/C 438/09)
Fl-20 ta’ Lulju 2016 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1), u partikolarment l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista’ tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html
I. IL-PARTIJIET U L-OPERAZZJONI
|
(1) |
Fit-8 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Għaqdiet li permezz tiegħu ASL, impriża konġunta kkontrollata minn Airbus Group S.E. (“Airbus”, in-Netherlands) u Safran S.A. (“Safran”, Franza), takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Għaqdiet kontroll esklużiv ta’ Arianespace Participation S.A. u Arianespace S.A. (flimkien, “Arianespace”, Franza), permezz tax-xiri tal-parteċipazzjoni azzjonarja sħiħa attwalment f’idejn Centre National d’Etudes Spatiales (“CNES”) f’Arianespace (it-“Tranżazzjoni”). Airbus u Safran flimkien, kif ukoll ASL, minn hawn’ il quddiem jissejħu “il-Partijiet”. |
|
(2) |
Arianespace hija kumpanija stabbilita fl-1980 minn CNES, li aġixxiet bħala l-azzjonista ewlenija, u mill-industriji satelliti li ppartiċipaw fil-programm Ariane, jiġifieri Airbus, Safran u ħdax-il kumpanija Ewropeja oħra li jirrappreżentaw l-għaxar pajjiżi Ewropej li ffinanzjaw, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-Aġenzija Spazjali Ewropea (“ESA”), l-iżvilupp tal-lanċatur Ariane. Din l-istruttura azzjonarja inizjali sal-preżent baqgħet fil-biċċa l-kbira l-istess. Arianespace twettaq l-illanċjar ta’ satelliti u inġenji spazjali oħra għal klijenti kummerċjali u istituzzjonali miċ-Ċentru Spazjali ta’ Guyana (“CSG”) f’Kourou, Franza. Għal dak l-għan, l-ESA fdatha bid-dritt esklużiv li tikkummerċjalizza l-lanċaturi Ariane u Vega, iffinanzjati mill-ESA. Skont il-ftehimiet iffirmati bejn ir-Russja, l-ESA u Franza, Arianespace għandha wkoll id-dritt esklużiv li topera servizzi ta’ llanċjar miċ-Ċentur Spazjali ta’ Guyana għal missjonijiet kummerċjali bl-użu tal-lanċatur Russu Soyuz. |
|
(3) |
ASL hija kumpanija inkorporata skont il-liġi Franċiża u kkontrollata b’mod konġunt minn Airbus u Safran (50/50), li tikkombina l-attivitajiet tal-kumpaniji omm tagħha fis-settur tal-lanċaturi ċivili u militari u fis-subsistemi u tagħmir tas-satelliti. Il-ħolqien tal-ASL Group ġie notifikat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ottubru 2014 taħt il-Każ M.7353 u awtorizzat, soġġett għal kondizzjonijiet, fis-26 ta’ Novembru 2014. |
|
(4) |
Airbus hija kumpanija inkorporata skont il-liġi Netherlandiża attiva fl-ajrunawtika u l-ispazju u d-difiża. Hija attwalment elenkata fil-boroż ta’ Frankfurt, Madrid u Pariġi. Airbus tikkonsisti fi tliet diviżjonijiet prinċipali: (i) Airbus Division tiffoka fuq il-manifattura ta’ inġenji tal-ajru kummerċjali (68,4 % tad-dħul totali tal-grupp fl-2014), (ii) Airbus Helicopters (9,8 % tad-dħul totali tal-grupp); u (iii) Airbus Defence u Space (“Airbus DS”) li tiġbor flimkien portafoll wiesa’ ta’ prodotti fil-qasam tad-difiża, is-sigurtà u applikazzjonijiet spazjali siguri (20,9 % tad-dħul totali tal-grupp), inklużi subsistemi għal lanċaturi (permezz ta’ sussidjarja Spanjola Airbus Defence u Space SAU, “Airbus DS SAU”) u satelliti. Airbus DS hija attiva wkoll bħala operatur tas-satellita għal satelliti ta’ telekomunikazzjoni u satelliti li josservaw id-dinja. |
|
(5) |
Safran hija kumpanija bbażata fi Franza elenkata fil-borża ta’ Pariġi ffukata fuq tliet oqsma prinċipali: (i) propulsjoni areospazjali (53 % tad-dħul totali tal-grupp); (ii) tagħmir tal-inġenji tal-ajru (29 % tad-dħul totali tal-grupp), u (iii) difiża u sigurtà (18 % tad-dħul totali tal-grupp). |
II. SOMMARJU
|
(6) |
It-tranżazzjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Jannar 2016. |
|
(7) |
B’deċiżjoni datata s-26 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni sabet li t-Tranżazzjoni qajmet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (“id-Deċiżjoni ta’ Artikolu 6(1)(c)”). |
|
(8) |
L-investigazzjoni fil-fond ikkonfermat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat b’mod preliminari rigward l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva bejn Arianespace u Airbus. |
|
(9) |
Il-Parti Notifikanti ssottomettiet l-impenji finali (“Impenji Finali”) fl-20 ta’ Mejju 2016 li jrendu t-Tranżazzjoni kompatibbli mas-suq intern. |
|
(10) |
Għaldaqstant qed tiġi proposta għall-adozzjoni deċiżjoni tal-klirjanza skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
III. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
A. IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI
1. Suq għal lanċaturi sfruttat minn Arianespace
|
(11) |
Arianespace takkwista lanċaturi mill-kuntratturi prinċipali ta’ lanċaturi (ASL għal Ariane, ELV għal Vega u TsSKB għal Soyuz). ASL hija attiva bħala kuntrattur ewlieni tal-lanċaturi ta’ Ariane. |
|
(12) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis l-eżistenza ta’ suq għal lanċaturi sfruttat minn Arianespace li jkun ta’ ambitu Ewropew. |
2. Suq għal servizzi ta’ llanċjar
|
(13) |
Arianespace twettaq l-illanċjar ta’ satelliti u inġenji spazjali oħra għal klijenti istituzzjonali u kummerċjali. Hija twettaq illanċjar kemm lejn orbiti ġeostazzjonarji ta’ trasferiment (“GTO”) kif ukoll mhux GTO. ASL hija attiva marġinalment fis-suq tas-servizzi ta’ llanċjar permezz tal-impriża konġunta tagħha Eurockot, li tikkummerċjalizza il-lanċjatur Rockot. Il-lanċjatur huwa użat għal llanċjar mhux GTO kemm għal klijenti kummerċjali kif ukoll istituzzjonali. |
|
(14) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li missjonijiet (i) GTO u (ii) mhux GTO jikkostitwixxu swieq differenti. Kull wieħed minn dawn jistgħu jiġu ssegmentati (i) f’illanċjar miftuħ u (ii) f’illanċjar magħluq (ċivili jew militari). Dan jikkorrispondi mas-swieq distinti relevanti li ġejjin: (i) suq miftuħ għal servizz ta’ llanċjar GTO, (ii) suq miftuħ għal servizzi ta’ llanċjar mhux GTO, (iii) suq magħluq għal servizzi ta’ llanċjar GTO u (iv) suq magħluq għal servizzi ta’ llanċjar mhux GTO. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni ta’ jekk is-swieq għal servizzi ta’ llanċjar mhux GTO jistgħux jinqasmu bejn illanċjar LEO u MEO tista’ titħalla miftuħa. |
|
(15) |
Fir-rigward tal-ambitu ġeografiku, il-Kummissjoni tikkunsidra (i) is-swieq miftuħa għal servizzi ta’ llanċjar (kemm GTO kif ukoll mhux GTO) bħala ta’ ambitu dinji; u (ii) s-swieq magħluqa għal servizzi ta’ llanċjar (kemm GTO kif ukoll mhux GTO) bħala ta’ ambitu nazzjonali jew reġjonali. |
3. Suq għas-satelliti
|
(16) |
Airbus hija attiva bħala manifattur tas-satelliti kemm f’termini ta’ satelliti kummerċjali, istituzzjonali u militari, kif ukoll għal kostellazzjonijiet. |
|
(17) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra s-swieq rilevanti li ġejjin: (i) suq għal satelliti istituzzjonali Ewropej; (ii) swieq għal satelliti istituzzjonali nazzjonali fl-UE; (iii) suq għal esportazzjoni ta’ satelliti istituzzjonali; (iv) suq għal satelliti kummerċjali u (v) suq għal satelliti militari. Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni jekk is-suq għal satelliti għandux ikun segmentat iktar skont it-tip ta’ orbita (GTO/mhux GTO), u jekk kostellazzjoni ta’ satelliti tifformax suq distint tista’ titħalla miftuħa. |
|
(18) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li (i) is-suq għal satelliti kummerċjali huwa ta’ ambitu dinji; (ii) is-suq għal satelliti istituzzjonali Ewropej huwa Ewropew jew nazzjonali skont l-awtorità kontraenti; (iii) is-suq għal esportazzjoni ta’ satelliti istituzzjonali huwa ta’ ambitu dinji; u (iv) is-suq għal satelliti militari huwa ta’ ambitu nazzjonali. |
4. Suq għal adattaturi tat-tagħbija u distributuri tat-tagħbija
|
(19) |
ASL kienet attiva bħala fornitur ta’ distributuri tat-tagħbija fuq Ariane 5 (għall-kostellazzjoni Galileo) u fuq Soyuz (għall-kostellazzjoni Globalstar). Airbus DS SAU hija attiva bħala fornitur ta’ adattaturi tat-tagħbija fuq Ariane 5. |
|
(20) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li (i) is-suq tal-adattaturi tat-tagħbija u (ii) is-suq għal distributuri tat-tagħbija jikkostitwixxu swieq ta’ prodotti separati. L-amitu ġeografiku preċiż ta’ dawn is-swieq jitħalla miftuħ bħala wieħed dinji jew li jkopri ż-Żona Ekonomika Ewropea. |
5. Suq għal servizzi ta’ assigurazzjoni spazjali
|
(21) |
Arianespace tipprovdi servizzi tal-assigurazzjoni lill-klijenti tagħha permezz tas-sussidjarja sħiħa tagħha “S3R”. |
|
(22) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ambitu preċiż tas-suq tal-prodott għas-servizzi tal-assigurazzjoni spazjali jista’ jitħalla miftuħ. Bl-istess mod, l-ambitu ġeografiku preċiż ta’ dan is-suq tħalla miftuħ. |
6. Suq ta’ operazzjoni ta’ satelliti
|
(23) |
Airbus hija attiva bħala operatur tas-satelliti għal (i) satelliti għall-osservazzjoni tad-dinja (f’isimha u f’isem aġenziji spazjali Ewropej) permezz tad-diviżjoni tagħha Airbus DS Geo-Information Services (qabel kienet Spot Image u Infoterra) u (ii) telekomunikazzjoni militari (primarjament f’isem il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit) permezz tal-Paradigma sussidjarja tagħha fir-Renju Unit. |
|
(24) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ambitu preċiż tas-suq tal-prodott għas-servizzi tal-operazzjoni tas-satelliti jista’ jitħalla miftuħ. Fir-rigward tal-ambitu ġeografiku, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn is-swieq għandhom ambitu dinji. |
B. VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA
|
(25) |
Airbus u ASL huma attivi fi swieq li huma vertikalment relatati jew konnessi b’mod ieħor mal-attivitajiet ta’ Arianespace. B’mod partikolari, hemm rabtiet bejn l-attivitajiet Arianespace bħala fornitur ta’ servizzi ta’ llanċjar u dawk ta’: (i) ASL, bħala l-fornitur tal-familja ta’ lanċaturi Ariane lil Arianespace; (ii) Airbus DS SAU, bħala fornitur ta’ adattaturi tat-tagħbija; (iii) Airbus DS SAU u ASL, bħala fornituri ta’ distributuri tat-tagħbija; (iv) Airbus, bħala manifattur tas-satelliti; u (v) Airbus bħala operatur tas-satelliti. Hemm relazzjoni oħra maħluqa mit-Tranżazzjoni, partikularment dik bejn l-attivitajiet tal-fornitur tas-servizzi tal-assigurazzjoni ta’ Arianespace u l-attivitajiet ta’ Airbus bħala (i) manifattur tas-satelliti u (ii) operatur tas-satelliti. |
1. Valutazzjoni kompetittiva: relazzjoni bejn (i) Arianespace bħala fornitur ta’ servizz ta’ llanċjar u (ii) Airbus bħala manifattur tas-satelliti
Skambju ta’ informazzjoni sensittiva
|
(26) |
Fid-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), kienu qamu dubji serji dwar ir-riskju li skambji ta’ informazzjoni sensittiva bejn Arianespace u Airbus setgħu jagħmlu ħsara lil manifatturi oħra tas-satelliti u fornituri oħra ta’ servizzi ta’ llanċjar. |
|
(27) |
Apparti mill-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni wasslet għal impediment sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fir-rigward ta’ skambji ta’ informazzjoni sensittiva minn (i) Arianespace lil Airbus fir-rigward ta’ manifatturi oħra tas-satelliti u (ii) Airbus lil Arianespace fir-rigward ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ llanċjar. |
|
(28) |
Skont is-sejbiet tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, Arianespace għandha aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar il-manifatturi tas-satelliti, partikolarment informazzjoni teknika dwar il-massa u l-iskeda, in-natura tal-missjoni, iċ-ċentru tal-gravità u r-rekwiżiti tal-orbita, l-arkitetturi tas-satelliti, eċċ., kif ukoll informazzjoni kummerċjali. Il-klawsoli attwali ta’ kunfidenzjalità (pereżempju d-dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità) inklużi fil-kuntratt bejn manifatturi tas-satelliti u Arianespace mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu informazzjoni kummerċjalment sensittiva milli tiġi trażmessa minn Arianespace lil Airbus. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li Arianespace x’aktarx ikollha l-abbiltà li taqsam informazzjoni sensittiva dwar manifatturi tas-satelliti oħra ma’ Airbus. |
|
(29) |
Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta minn manifatturi tas-satelliti lil Arianespace hija ta’ tali natura li Airbus setgħet kisbet vantaġġ fuq ir-rivali tagħha bl-aċċess għal dik l-informazzjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li Arianespace x’aktarx ikollha l-inċentiv li taqsam informazzjoni sensittiva dwar manifatturi tas-satelliti oħra ma’ Airbus. |
|
(30) |
Barra minn hekk, l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva minn Arianespace lil Airbus dwar manifatturi oħrajn tas-satellita x’aktarx ikollu effett detrimentali sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq għas-satelliti. Dan għaliex dan jirriżulta (i) f’anqas offerti kompetittivi ta’ prezzijiet, peress li Airbus taġġusta l-istrateġija tagħha abbażi tal-informazzjoni dwar ir-rivali tagħha li għaliha jkollha aċċess, u (ii) f’anqas innovazzjoni fis-suq, peress li r-rivali jkunu inqas inklinati li jinnovaw jekk Airbus jistgħu faċilment jikkuppjaw l-innovazzjonijiet tagħhom u dak li jiggwadanjaw mill-innovazzjoni. |
|
(31) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li Airbus għandha aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar fornituri ta’ servizzi ta’ llanċjar li jinkludi informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ slots ta’ llanċjar u pprezzar kif ukoll żviluppi ġodda. Bħal fil-każ ta’ skambju ta’ informazzjoni minn Arianespace lil Airbus, il-klawsoli ta’ kunfidenzjalità ma jeskludux li informazzjoni tingħata lil kumpanija omm jew kumpanija affiljata. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li Airbus x’aktarx ikollha l-abbiltà li taqsam informazzjoni sensittiva dwar fornitur ta’ servizzi ta’ llanċjar oħra ma’ Arianespace. |
|
(32) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li għalkemm Airbus hija diġà preżenti f’Arianespace, Airbus wara li ssir it-Tranżazzjoni x’aktarx se tkun iktar inklinata li tgħaddi informazzjoni dwar fornituri oħra tas-servizzi ta’ llanċjar lil Arianespace. |
|
(33) |
Finalment, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskambji ta’ informazzjoni sensittiva minn Airbus lil Arianespace dwar fornitur oħra ta’ servizz ta’ llanċjar x’aktarx ikollu effett detrimentali sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq għal servizzi ta’ llanċjar. Dan huwa minħabba li l-aċċess Arianespace għal informazzjoni teknika u kummerċjali dwar fornituri ta’ servizzi ta’ llanċjar jista’ jintuża sabiex jiġi nnewtralizzat kwalunkwe vantaġġ tekniku u għaldaqstant jista’ jwassal biex jonqsu l-inċentivi tal-kompetituri sabiex jinnovaw u jikkompetu. |
Esklużjoni tar-rivali ta’ Airbus fi swieq tas-satellita
|
(34) |
Fid-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), kien qamu dubji serji wkoll rigward il-possibbiltà li Arianespace wara t-Tranżazzjoni tista’ tuża’ l-pożizzjoni tagħha fis-swieq għal servizzi ta’ llanċjar sabiex tiffavorixxi l-bejgħ tas-satelliti ta’ Airbus u b’riżultat teskludi r-rivali ta’ Airbus mis-swieq għas-satelliti permezz ta’ diskriminazzjoni. |
|
(35) |
Pereżempju, il-Partijiet jistgħu ipotetikament joffri skont lil klijenti li jixtru s-satelliti ta’ Airbus u s-servizzi ta’ llanċjar Arianespace flimkien, filwaqt li jżidu l-prezzijiet għal dawn iż-żewġ komponenti meta ma jinxtrawx flimkien. Barra minn hekk, Arianespace tista’ ipotetikament tagħti trattament preferenzjali lil Airbus meta talloka s-slottijiet (jiġifieri, jekk klijent jikkommetti ruħu li jixtru satellita minn Airbus) u toffri slots ta’ llanċjar inqas favorevoli lil satelliti mhux ta’ Airbus. |
|
(36) |
B’segwitu għall-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva, minħabba r-relazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fis-suq miftuħ dinji għal servizzi ta’ llanċjar GTO u fis-suq dinji għal satelliti kummerċjali, fir-rigward ta’ strateġiji ta’ esklużjoni. |
|
(37) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li wara t-Tranżazzjoni, il-Partijiet x’aktarx ma jkollhomx l-abbiltà li jeskludu b’suċċess ir-rivali fis-satelliti ta’ Airbus. Dan huwa peress li (i) minkejja li Arianespace hija l-mexxejja tas-suq attwali, jeżistu alternattivi kredibbli, bħal SpaceX u ILS; (ii) is-suq tas-servizzi ta’ llanċjar huwa ambjent kompetittiv dinamiku, li d-dħul fih iseħħ u l-pożizzjonijiet tal-kumpaniji jinbidlu malajr matul iż-żmien; (iii) l-operaturi ta’ satelliti jaf ikunu kapaċi li jikkumpensaw għall-abbiltà tal-Partijiet li jeskludu l-manifatturi rival tas-satelliti; (iv) il-karatteristiċi tas-swieq tas-satelliti x’aktarx li jipprevjenu l-esklużjoni tar-rival fis-satelliti kummerċjali ta’ Airbus għallinqas għal żmien qasir; u (v) l-esklużjoni effettiva ta’ manifatturi tas-satelliti kummerċjali fuq perjodu twil tkun spekulattiva ferm. |
|
(38) |
It-tieni nett, u fir-rigward tal-inċentivi sabiex jiġu esklużi rivali fis-satelliti, l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni uriet li, għalkemm hemm elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ xi inċentivi, hemm ukoll fatturi kompensatorji li jistgħu jegħlbu tali inċentivi potenzjali. Għaldaqstant, minħabba n-nuqqas probabbli ta’ kapaċità għall-esklużjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kwistjoni dwar jekk il-Partijiet ikollhomx inċentiv li jeskludu r-rivali ta’ Airbus mis-suq dinji tas-satelliti tista’ titħalla miftuħa. |
|
(39) |
It-tielet nett, il-Kummissjoni analizzat l-impatt fuq il-kompetizzjoni tal-adozzjoni ta’ strateġija b’effetti ta’ esklużjoni fl-agħar xenarju possibbli ta’ esklużjoni ipotetika ta’ waħda mir-rivali ta’ Airbus. F’dan ix-xenarju, li mhuwiex l-iktar wieħed probabbli, il-Kummissjoni kkonkludiet xorta waħda li l-adozzjoni ta’ tali strateġija ta’ eżklużjoni aktarx li ma jkollhiex effett detrementali sinifikanti fuq il-kompetizzjoni. Dan huwa minħabba l-fatt li (i) hemm bosta atturi oħra attivi wkoll fis-settur kummerċjali, (ii) in vista tal-kapaċità żejda eżistenti, il-manifatturi tas-satelliti jistgħu faċilment jespandu u (iii) operaturi tas-satellita għandhom grad ta’ saħħa tax-xerrej li jikkumpensa. |
|
(40) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li t-Tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba r-relazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Partijiet (i) fis-suq miftuħ dinji għal servizzi ta’ llanċjar mhux GTO u (ii) fis-suq għall-esportazzjoni ta’ satelliti istituzzjonali u fis-suq dinji ipotetiku għal satelliti ta’ kostellazzjoni, fir-rigward ta’ esklużjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li t-Tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba r-relazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Partijiet (i) fis-swieq magħluqa Ewropej u nazzjonali (fi ħdan l-UE) għal servizzi ta’ llanċjar GTO u mhux GTO u (ii) fis-suq Ewropew għal satelliti istituzzjonali u fis-swieq nazzjonali għal satelliti militari/istituzzjonali, fir-rigward ta’ esklużjoni. |
2. Valutazzjoni Kompetittiva: relazzjoni vertikali bejn (i) Arianespace bħala fornitur ta’ servizz ta’ llanċjar u (ii) ASL bħala fornitur tal-familja ta’ lanċaturi Ariane
|
(41) |
Fid-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), kienu qamu dubji serji dwar strateġija ta’ esklużjoni potenzjali tal-klijent fejn il-Partijiet jagħtu prijorità lil illanċjar bil-lanċaturi ta’ Ariane għad-detriment tal-lanċaturi ta’ Vega prodotti minn ELV u kkummerċjalizzati minn Arianespace. |
|
(42) |
B’segwitu għall-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Partijiet ma jkollhomx il-kapaċità u l-inċentiv li jimplimentaw strateġija ta’ esklużjoni tal-klijent kontra ELV u li, anki fil-każ ipotetiku tal-adozzjoni ta’ strateġija bħal din, ma jkunx hemm effett detrimentali sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, is-sejbiet tal-Kummissjoni indikaw li l-pjattaforma Ariane se tintuża’ rarament għall-istess tip ta’ missjonijiet bħal tal-pjattaforma Vega u anki l-adozzjoni ipotetika ta’ esklużjoni tal-klijenti kontra ELV ma jkollha ebda effett fuq ir-rivali ta’ Arianespace fis-swieq għal servizzi ta’ llanċjar. Dan għaliex ELV hija marbuta li tbigħ il-lanċatur tagħha esklużivament lil Arianespace u r-rivali kollha ta’ Arianespace jisfruttaw il-lanċatur tagħhom stess. |
3. Valutazzjoni kompetittiva: relazzjoni vertikali bejn (i) Arianespace bħala fornitur ta’ servizz ta’ llanċjar u (ii) Airbus DS SAU u ASL bħala fornituri ta’ distributuri u adattaturi tat-tagħbija
|
(43) |
Fid-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), kienu qamu dubji serji dwar strateġija ta’ esklużjoni potenzjali tal-klijent fejn il-Partijiet jagħżlu li jixtru distributuri tat-tagħbija u adattaturi tat-tagħbija mingħand ASL jew Airbus DS SAU biss, anki jekk din mhix l-aħjar soluzzjoni disponibbli, għad-detriment tal-fornituri eżistenti tad-distributuri tat-tagħbija u adattaturi tat-tagħbija alternattivi għal Arianespace. |
|
(44) |
B’segwitu għall-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Partijiet x’aktarx mhux se jkunu fil-pożizzjoni li jagħlqu l-aċċess għal swieq downstrem fir-rigward ta’ distributuri tat-tagħbija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Partijiet jkunu jistgħu biss jadottaw strateġija ta’ esklużjoni tal-klijenti fir-rigward ta’ distributuru li mhumiex iffinanzjati mill-ESA, u jkollhom abbiltà limitata li jeskludu r-rivali tagħhom mis-suq għal distributuri tat-tagħbija. Barra minn hekk, anki fix-xenarju ipotetiku tal-adozzjoni ta’ strateġija ta’ esklużjoni tal-klijenti fir-rigward ta’ distributuri tat-tagħbija, x’aktarx li ma jkollhiex effett detrimentali sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq għal servizz ta’ llanċjar minħabba d-daqs relattivament żgħir tal-prezz tad-distributuri tat-tagħbija fil-kost kumplessiv tas-servizzi ta’ llanċjar. |
|
(45) |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Partijiet x’aktarx mhux se jkunu fil-pożizzjoni li jagħlqu l-aċċess għal swieq downstrem fir-rigward tal-adattaturi tat-tagħbija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Partijiet x’aktarx mhux se jkollhom l-abbiltà li jagħlqu l-aċċess għal swieq downstream permezz ta’ strateġija ta’ esklużjoni tal-klijenti fir-rigward tal-adattaturi tat-tagħbija meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet imposti mir-regoli ta’ akkwist tal-ESA u l-kostijiet relattivament għolja tal-iżvilupp ta’ adattaturi tat-tagħbija ġodda. Barra minn hekk, anki fix-xenarju ipotetiku tal-adozzjoni ta’ strateġija ta’ esklużjoni tal-klijenti fir-rigward tal-adattaturi tat-tagħbija, x’aktarx li ma jkollhiex effett detrimentali sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq għal servizz ta’ llanċjar minħabba d-daqs relattivament żgħir tal-prezz tal-adattaturi tat-tagħbija fil-kost kumplessiv tas-servizzi ta’ llanċjar. |
4. Valutazzjoni kompetittiva: relazzjoni bejn (i) Arianespace bħala fornitur ta’ servizz tal-assigurazzjoni u (ii-a) Airbus bħala operatur tas-satelliti u (ii-b) Airbus bħala manifattur tas-satelliti
|
(46) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba r-relazzjoni vertikali bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fis-swieq tas-servizzi ta’ assigurazzjoni spazjali u (i) s-swieq għal operazzjoni tas-satellita u (ii) s-swieq għas-satelliti, kemm fir-rigward ta’ esklużjoni tal-klijent jew ta’ esklużjoni ta’ dħul. |
5. Valutazzjoni Kompetittiva: relazzjoni vertikali bejn (i) Arianespace bħala fornitur ta’ servizz ta’ llanċjar u (ii) Airbus bħala operatur tas-satelliti
|
(47) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba r-relazzjoni vertikali bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fis-swieq tas-servizzi ta’ llanċjar u s-swieq għal operazzjonijiet tas-satellita, kemm fir-rigward ta’ esklużjoni tal-klijent jew ta’ esklużjoni tad-dħul. |
6. Konklużjoni
|
(48) |
Id-Deċiżjoni, għaldaqstant, tikkonkludi li t-Tranżazzjoni twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq għas-satelliti u s-servizzi ta’ llanċjar fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni sensittiva bejn Airbus u Arianespace. |
C. L-IMPENJI
|
(49) |
Sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni marbut mal-iskambji potenzjali ta’ informazzjoni sensittiva bejn Arianespace u Airbus, fl-20 ta’ Mejju 2016 il-Partijiet ippreżentaw l-Impenji Finali deskritti hawn taħt. |
|
(50) |
L-Impenji Finali jinkludu dispożizzjonijiet dwar (i) firewalls u (ii) restrizzjonijiet ta impjieg kemm fil-livell ta’ Airbus, ASL u Arianespace, kif ukoll arbitraġġ fil-ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-impenji. |
|
(51) |
Il-miżuri tal-firewall huma bejn ASL/Arianespace fuq naħa, u Airbus fuq in-naħa l-oħra, sabiex jipprevjenu skambji ta: (a) informazzjoni kompetittivament sensittiva dwar manifatturi tas-satelliti f’kompetizzjoni mal-Grupp Airbus; (b) informazzjoni kompetittivament sensittiva dwar kompattibiltà bejn lanċjaturi u satelliti; u (c) informazzjoni kompetittivament sensittiva dwar is-servizzi ta’ llanċjar ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ llanċjar apparti Arianespace. |
|
(52) |
Sabiex ikomplu jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-firewalls deskritti hawn fuq, il-Partijiet ressqu wkoll rimedju fil-forma ta’ projbizzjoni fuq l-impjegati tal-Airbus li jinħatru bħala kap eżekuttiv jew membri tal-kumitati/tal-bord ta’ Arianespace. Barra minn hekk, (i) persunal ta’ ASL/Arianespace li għandhom aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar manufatturi ta’ satelliti f’kompetizzjoni mal-Grupp Airbus u informazzjoni kompetittivament sensittiva dwar kompatibbilta bejn lanċjaturi u satelliti huma soġġetti għal perjodu ta’ stennija ta’ [1-5] snin qabel ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti għal Airbus DS Satellites u (ii) persunal ta’ Airbus DS Satellites li għandhom aċċess għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar is-servizzi ta’ llanċjar ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ llanċjar apparti minn Arianespace huma soġġetti għal perjodu ta’ stennija ta’ [1-5] snin qabel ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti għal ASL/Arianespace. |
|
(53) |
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Impenji Finali huma xierqa u suffiċjenti sabiex jeliminaw l-impediment sinifikanti identifikat għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq għas-satelliti u s-servizzi ta’ llanċjar fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn Airbus u Arianespace. |
IV. KONKLUŻJONI
|
(54) |
Għal dawn ir-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta kif modifikata bl-impenji mressqa fl-20 ta’ Mejju 2016 mhix se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew xi parti sostanzjali minnu. |
|
(55) |
Konsegwentement, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. |