29.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/748

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-massa tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fl-2013, fl-2014 u fl-2015

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valur tal-massa medja użat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 għal kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida, irid jiġi aġġustat kull tliet snin biex tittieħed inkunsiderazzjoni kull bidla fil-massa medja tal-vetturi l-ġodda rreġistrati fl-Unjoni.

(2)

Mill-monitoraġġ tal-massa fi stat operattiv tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fis-snin kalendarji 2013, 2014 u 2015 huwa evidenti li l-massa medja żdiedet u li ċ-ċifra M0 imsemmija fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 għandha għalhekk tiġi aġġustata.

(3)

Il-valur il-ġdid għandu jiġi ddeterminat billi jitiqiesu biss dawk il-valuri li l-manifatturi tal-vetturi kkonċernati setgħu jivverifikaw, filwaqt li jiġu esklużi mill-kalkolu l-valuri li kienu manifestament żbaljati, jiġifieri valuri ta' anqas minn 500 kg, kif ukoll il-valuri li jirrelataw mal-vetturi li kienu jaqgħu 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, inklużi vetturi b'massa ta' referenza li ma taqbiżx l-2 840 kg. Barra minn hekk, il-valur il-ġdid huwa bbażat fuq il-medja ponderata billi jitqies l-għadd ta' reġistrazzjonijiet ġodda f'kull sena ta' referenza.

(4)

F'dan l-isfond, il-valur ta' M0 li jrid jiġi applikat mill-2018 għandu jiżdied b'60,4 kg minn 1 706,0 sa 1 766,4,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Mill-2018:

L-emissjoni speċifika ta' CO2 = 175 + a × (M – M0)

Fejn:

M

=

il-massa tal-vettura f'kilogrammi (kg)

M0

=

1 766,4

a

=

0,093;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.