9.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/70


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/416

tat-22 ta’ Frar 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà fir-rigward tal-emendar tal-Kapitolu III u tal-Annessi I u II ta’ dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (1) (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

(2)

Taħt l-Artikolu 21(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim (il-“Kumitat Konġunt”) jista’ jemenda, permezz tad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Kapitolu III u l-Annessi tal-Ftehim matul is-sessjoni li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri.

(3)

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Ftehim, jekk deċiżjoni ma tistax tiġi adottata b’mod li jippermetti l-implimentazzjoni fl-istess ħin tal-emendi fil-Ftehim u tal-emendi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-emendi previsti fl-abbozz tad-deċiżjoni mressqa għall-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu implimentati b’mod proviżorju, fejn possibbli, mill-15 ta’ Marzu 2021 f’konformità mal-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti. Dik l-għażla tad-data tikkoinċidi mal-ewwel ħarġa tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2, li fiha l-Iżvizzera qablet li tipparteċipa.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-emendar tal-Kapitolu III u l-Annessi I u II ta’ dak il-Ftehim, minħabba li l-emenda se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà fir-rigward tal-emendar tal-Kapitolu III u l-Annessi I u II ta’ dak il-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (2).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 199, 31.7.2009, p. 24.

(2)  Ara d-dokument ST 5658/21 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu