European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2249

13.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2249

tat-12 ta’ Ottubru 2026

li jopera tnaqqis mill-isforz tas-sajd disponibbli għal Spanja fl-2026 minħabba sajd eċċessiv fis-sena preċedenti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 106(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-isforzi tas-sajd fil-Punent tal-Baħar Mediterran għas-snin 2024, 2025 u 2026 ġew stabbiliti, rispettivament, bir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2024/259 (2), (UE) 2025/219 (3) u (UE) 2026/266 (4).

(2)

Fil-każ tas-sena tas-sajd 2025, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2025/219 jipprevedi li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz huwa stabbilit fl-Anness IV tiegħu. B’mod partikolari, it-tabella fil-punt 1(a) ta’ dan l-Anness tistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, espress f’jiem ta’ sajd, għall-bastimenti tat-tkarkir fil-Baħar Alboran, fil-Gżejjer Baleariċi, fit-Tramuntana ta’ Spanja u fil-Golf tal-Iljuni (is-subżoni ġeografiċi (GSAs) 1, 2, 5, 6 u 7 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM)).

(3)

Sabiex jittejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd u l-effiċjenza taż-żoni magħluqin għall-protezzjoni tal-ħut li għadu qed jikber u l-ħut riproduttiv, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2025/219 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens, li jippermetti lil Stat Membru jagħti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu allokazzjoni addizzjonali ta’ jiem ta’ sajd għas-sena tas-sajd 2025, dment li l-bastiment li jirċievi l-allokazzjoni addizzjonali jissodisfa ċerti kundizzjonijiet. L-Artikolu 8(5) jipprevedi li l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jalloka jiem ta’ sajd addizzjonali li jirriżultaw fil-qbiż tal-livell tal-isforz tas-sajd stabbilit għall-grupp tal-isforz tas-sajd rilevanti fir-Regolament (UE) 2024/259.

(4)

Għas-sena tas-sajd 2024, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2024/259 jipprevedi li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz huwa stabbilit fl-Anness III tiegħu. B’mod partikolari, it-tabella fil-punt 1(a) ta’ dan l-Anness tistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, espress f’jiem ta’ sajd, għall-bastimenti tat-tkarkir fil-Baħar Alboran, fil-Gżejjer Baleariċi, fit-Tramuntana ta’ Spanja u fil-Golf tal-Iljuni (GSAs 1, 2, 5, 6 u 7).

(5)

Sabiex jippromwovi s-selettività tal-irkaptu tas-sajd u l-effiċjenza taż-żoni magħluqin għall-protezzjoni tal-ħut li għadu qed jikber u l-ħut riproduttiv, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/259 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens, li jippermetti lil Stat Membru jagħti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu allokazzjoni addizzjonali ta’ jiem ta’ sajd għas-sena tas-sajd 2024, dment li l-bastiment li jirċievi l-allokazzjoni addizzjonali jissodisfa ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Permezz ta’ email datata d-19 ta’ Novembru 2025, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni li, skont l-interpretazzjoni ta’ Spanja tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2025/219, il-limitu tal-jiem ta’ sajd għas-sena tas-sajd 2025 jenħtieġ li jinkludi mhux biss l-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit għas-sena tas-sajd 2024 (imsemmi minn Spanja bħala “jiem inizjali”), iżda wkoll l-allokazzjoni addizzjonali tal-jiem ta’ sajd mogħtija skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-2024. B’konsegwenza ta’ dan, Spanja talbet lill-Kummissjoni taġġorna l-allokazzjoni tal-isforz tas-sajd Spanjol għall-2025 fl-għodda tal-Kummissjoni QUOTA fuq il-FIDES.

(7)

Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta’ email tat-23 ta’ Novembru 2025 li l-kalkolu tal-jiem addizzjonali li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-2025 jenħtieġ li jsir filwaqt li jitqiesu kemm l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2025/219 kif ukoll l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2024/259, li jirreferi għall-isforz tas-sajd massimu permissibbli stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-isforz tas-sajd stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/259 ma jinkludix il-jiem addizzjonali mogħtija skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-2024.

(8)

Permezz tar-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Novembru 2025 (5), Spanja emendat ir-Riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2025, li ppubblikat il-kwantitajiet disponibbli skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens, u tat 7 125 jum ta’ sajd addizzjonali lill-flotta tat-tkarkir tal-Mediterran tagħha, li jirrappreżentaw madwar 13-il jum ta’ sajd għal kull bastiment, li għandhom jintużaw qabel tmiem l-2025.

(9)

Konsegwentement, il-Kummissjoni bagħtet ittra datata l-1 ta’ Diċembru 2025 lill-awtoritajiet Spanjoli li fiha talbithom jipprovdu spjegazzjonijiet dettaljati dwar il-bażi legali użata minn Spanja biex tagħti dawn il-jiem ta’ sajd addizzjonali għall-2025 permezz tar-Riżoluzzjoni msemmija tal-25 ta’ Novembru 2025. Il-Kummissjoni tenniet li l-livell tal-isforz tas-sajd stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/259 ma jinkludix il-jiem ta’ sajd addizzjonali mogħtija skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-2024. Il-Kummissjoni fakkret ukoll lil Spanja li, f’konformità mal-Artikolu 106(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-Kummissjoni hija meħtieġa tnaqqas kwalunkwe sforz tas-sajd imwettaq li jaqbeż l-isforz tas-sajd tal-2025 allokat lil Spanja għall-istokk ikkonċernat mill-isforz tas-sajd disponibbli għal dak l-istokk fis-sena jew fis-snin ta’ wara.

(10)

F’ittra datata t-22 ta’ Jannar 2026, Spanja wieġbet li “minħabba li r-Regolament (UE) 2024/259 ippreveda wkoll mekkaniżmu ta’ kumpens, li skontu l-Istati Membri jistgħu jagħtu allokazzjoni addizzjonali ta’ jiem ta’ sajd sa 6 %, dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti jiġu ssodisfati, il-livell tal-isforz tas-sajd stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/259 għandu jitqies bħala l-allokazzjoni inizjali flimkien ma’ dak is-6 % (jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati), u li dan huwa l-massimu li l-allokazzjoni addizzjonali ta’ jiem ta’ sajd fl-2025 ma għandhiex taqbeż abbażi tal-mekkaniżmu ta’ kumpens fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/219.” Spanja spjegat li “skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2025/219, l-Istat Membru jista’ jalloka jiem ta’ sajd addizzjonali sal-limitu tal-livell tal-isforz tas-sajd stabbilit bi (…) ir-Regolament (UE) 2024/259, filwaqt li huwa mifhum li tali limitu huwa ddeterminat mill-allokazzjoni inizjali ta’ jiem ta’ sajd, miżjuda b’ 6 %, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet”.

(11)

Skont l-Artikolu 106(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, meta l-Kummissjoni tkun stabbiliet li Stat Membru jkun qabeż l-isforz tas-sajd li ġie allokat lilu, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat l-Istat Membru kkonċernat, trid topera tnaqqis mill-isforz tas-sajd futur li jiġi allokat lil dak l-Istat Membru.

(12)

L-Artikolu 106(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi li dan it-tnaqqis irid isir fis-sena jew fis-snin ta’ wara billi jiġi applikat fattur ta’ multiplikazzjoni stipulat fih.

(13)

Wara li vvalutat l-użu eċċessiv tal-opportunitajiet tas-sajd minn Spanja f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2196 (6), il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja qabżet l-isforz tas-sajd disponibbli tagħha bil-kwantitajiet li ġejjin:

—

520,5 jum ta’ sajd għall-bastimenti tat-tkarkir b’tul totali ta’ bejn 12 u 18-il metru (EFF1/MED1_TR2) li jistadu għat-trilja tal-ħama fil-GSAs 1, 5, 6 u 7, għall-merluzz fil-GSAs 1, 5, 6 u 7, għall-gamblu abjad fil-GSAs 1, 5 u 6 u għall-iskampu fil-GSAs 5 u 6;

—

2 127,5 jum ta’ sajd għall-bastimenti tat-tkarkir b’tul totali ta’ bejn 18 u 24 metru (EFF1/MED1_TR3) li jistadu għall-istess speċijiet fl-istess żoni msemmija hawn fuq;

—

149,5 jum ta’ sajd għall-bastimenti tat-tkarkir b’tul totali ta’ u 24 metru u aktar (EFF1/MED1_TR4) li jistadu għall-istess speċijiet fl-istess żoni msemmija hawn fuq;

—

170,5 jum ta’ sajd għall-bastimenti tat-tkarkir b’tul totali ta’ 24 metru u aktar (EFF2/MED1_TR4) li jistadu għall-gamblu aħmar fil-GSAs 1, 2, 5, 6 u 7.

(14)

Permezz ta’ email tat-30 ta’ Marzu 2026, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod informali lil Spanja dwar it-tnaqqis li jrid isir mill-isforz tas-sajd disponibbli għal Spanja fl-2026 minħabba s-sajd eċċessiv fl-2025. Spanja wieġbet permezz ta’ email fis-7 ta’ April 2026 li ma setgħetx taqbel mat-tnaqqis maħsub, peress li Spanja ma rrapportat l-ebda qbiż tal-isforz tas-sajd imwettaq fi kwalunkwe segment tal-flotta għall-2025. Fit-tweġiba tagħha, Spanja rreferiet għall-ittra msemmija hawn fuq datata t-22 ta’ Jannar 2026, fejn sostniet li l-jiem addizzjonali li Stat Membru jista’ jalloka skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2025/219 għas-sena 2025 jenħtieġ li ma jaqbżux il-jiem inizjali tal-isforz tas-sajd stabbiliti mir-Regolament (UE) 2024/259 għas-sena 2024 miżjuda b’ 6 % li jirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-2024, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(15)

Skont l-Artikolu 106(1) u (2) tar-Regolament tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2026, ikkonsultat formalment lil Spanja. Il-Kummissjoni tenniet l-intenzjoni tagħha li tapplika tnaqqis fuq l-isforz tas-sajd allokat lil Spanja fl-2026. F’din l-ittra, il-Kummissjoni spjegat li l-kalkoli tas-sajd eċċessiv huma bbażati fuq l-isforz tas-sajd adattat, li jikkorrispondi għall-isforz tas-sajd stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2025/219 li miegħu jiżdiedu jiem ta’ sajd addizzjonali possibbli allokati f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-istess Regolament, mingħajr ma jinqabeż il-livell tal-isforz tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 8(5), it-trasferiment possibbli tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2019/1022, l-iskambji tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kif ukoll it-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 106 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(16)

Spanja wieġbet fl-24 ta’ Ġunju 2026 u kkontestat l-eżistenza ta’ qbiż tal-isforz tas-sajd imwettaq, billi qieset li “l-għadd massimu ta’ jiem ta’ sajd li jista’ jiġi allokat matul is-sena tas-sajd 2025 irid jiġi kkalkolat b’referenza għas-somma tal-jiem inizjalment allokati u tal-jiem li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens applikabbli għall-2024.”

(17)

Il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni ta’ Spanja li tagħti jiem ta’ sajd addizzjonali għall-2025 hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2025/219, li jirrikjedi li l-Istati Membri ma jallokawx jiem ta’ sajd addizzjonali li jirriżultaw fil-qbiż tal-livell tal-isforz tas-sajd stabbilit għall-grupp tal-isforz tas-sajd rilevanti fir-Regolament (UE) 2024/259. Dik id-dispożizzjoni trid tinqara flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2024/259, li skontu l-isforz tas-sajd massimu permissibbli huwa stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament. Dan l-Anness jistabbilixxi livell speċifiku ta’ sforz tas-sajd għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz, espress f’jiem ta’ sajd, għal kull grupp ta’ sforz tas-sajd. Jirriżulta li l-livell tal-isforz tas-sajd stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/259, imsemmi fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2025/219, ma jinkludix il-jiem ta’ sajd addizzjonali mogħtija skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-2024, peress li tali jiem ma humiex stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/259 iżda jiddependu mill-użu, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens mill-Istati Membri.

(18)

Spanja ġiet infurmata permezz ta’ email irreġistrata mibgħuta fit-22 ta’ Settembru 2026 li l-Kummissjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2025/219.

(19)

Għalhekk, jenħtieġ li jsir tnaqqis mill-isforz tas-sajd disponibbli għal Spanja fl-2026 għall-isforz tas-sajd maqbuż fiż-żoni tas-sajd u fis-sajd ikkonċernati, f’konformità mal-Artikolu 106(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(20)

Xorta jistgħu jsiru aktar aġġornamenti jew korrezzjonijiet wara d-detezzjoni, għall-eżerċizzji attwali jew preċedenti tat-tnaqqis, ta’ erruri, ta’ ommissjonijiet jew ta’ rappurtar ħażin fid-data dwar l-użu tal-isforz tas-sajd iddikjarata minn Spanja skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isforz tas-sajd stabbilit għas-sena 2026 fir-Regolament (UE) 2026/266 għandhom jitnaqqsu bit-tnaqqis stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/259 tal-10 ta’ Jannar 2024 li jistabbilixxi għall-2024 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed (ĠU L, 2024/259, 11.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/259/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/219 tat-30 ta’ Jannar 2025 dwar l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed (ĠU L, 2025/219, 4.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/219/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/266 tas-26 ta’ Jannar 2026 li jistabbilixxi għall-2026 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed (ĠU L, 2026/266, 30.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/266/oj).

(5)  Resolución de 25 de noviembre de 2025, de la Secretaría General de Pesca, por la que se modifica la de 10 de octubre de 2025, por la que se publica para 2025 la cantidad disponible de días de pesca del mecanismo de optimización por buque y grupo de buques de arrastre de fondo del Mediterráneo, https://www.boe.es/diario_boe/txt.php?id=BOE-A-2025-23990.

(6)  Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2196 tas-17 ta’ Ottubru 2025 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 fir-rigward tal-aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi, tal-kontroll tas-sajd, tas-sorveljanza, tal-ispezzjoni u l-infurzar, tat-tnaqqis tal-kwoti u tal-isforzi tas-sajd, tad-data u l-informazzjoni, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (ĠU L, 2025/2196, 12.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2196/oj).


ANNESS

TNAQQIS MILL-ISFORZ TAS-SAJD GĦAS-SENA 2026 GĦALL-ISTOKKIJIET MISTADA B’MOD EĊĊESSIV

Stat Membru

Kodiċi tal-grupp ta’ sforz tas-sajd

Grupp ta’ stokkijiet

Tul tal-bastiment

Tip ta’ bastiment

Sforz tas-sajd inizjalment allokat għall-2025

(f’jiem ta’ sajd)

Sforz tas-sajd adattat għall-2025 (1)

(f’jiem ta’ sajd)

Total ta’ sforz tas-sajd użat fl-2025

(f’jiem ta’ sajd)

Sforz reali fl-2025

(f’ %)

Sajd eċċessiv relatat mal-isforz tas-sajd adattat fl-2025

(f’jiem ta’ sajd)

Fattur multiplikanti (2)

Tnaqqis li għandu jiġi applikat fl-allokazzjoni tal-isforz tas-sajd għall-2026

(f’jiem ta’ sajd)

ES

EFF1/MED1_TR2 inklużi l-allokazzjonijiet addizzjonali taħt EFF1/MED1_TR2_AA (3)

it-trilja tal-ħama fil-GSAs 1, 5, 6 u 7; il-merluzz fil-GSAs 1, 5, 6 u 7; il-gamblu abjad fil-GSAs 1, 5 u 6; l-iskampu fil-GSAs 5 u 6

≥ 12 m u < 18 m

Bastimenti tat-tkarkir

3 400

16 189

16 709,500

103,22  %

520,500

1,0

520,500

ES

EFF1/MED1_TR3 inklużi l-allokazzjonijiet addizzjonali taħt EFF1/MED1_TR3_AA (3)

it-trilja tal-ħama fil-GSAs 1, 5, 6 u 7; il-merluzz fil-GSAs 1, 5, 6 u 7; il-gamblu abjad fil-GSAs 1, 5 u 6; l-iskampu fil-GSAs 5 u 6

≥ 18 m u < 24 m

Bastimenti tat-tkarkir

6 379

30 375

32 502,500

107,00  %

2 127,500

1,0

2 127,500

ES

EFF1/MED1_TR4 inklużi l-allokazzjonijiet addizzjonali taħt EFF1/MED1_TR4_AA (3)

it-trilja tal-ħama fil-GSAs 1, 5, 6 u 7; il-merluzz fil-GSAs 1, 5, 6 u 7; il-gamblu abjad fil-GSAs 1, 5 u 6; l-iskampu fil-GSAs 5 u 6

≥ 24 metru

Bastimenti tat-tkarkir

2 247

10 698

10 847,500

101,40  %

149,500

1,0

149,500

ES

EFF2/MED1_TR4 inklużi l-allokazzjonijiet addizzjonali taħt EFF2/MED1_TR4_AA (3)

il-gamblu aħmar fil-GSAs 1, 2, 5, 6 u 7

≥ 24 metru

Bastimenti tat-tkarkir

1 297

6 173

6 343,500

102,76  %

170,500

1,0

170,500

(1)  L-isforz disponibbli għal Stat Membru skont ir-regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti, wara li jitqiesu l-jiem ta’ sajd addizzjonali possibbli f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2025/219 tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2025 dwar l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, it-trasferiment possibbli tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1022/2019-08-14), l-iskambji tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj), kif ukoll it-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 106 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(2)  Kif stabbilit fl-Artikolu 106(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(3)  Kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2025/219.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2249/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)