Official Journal L 208 , 03/08/1984 P. 0003 - 0010
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 31 P. 0232
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 31 P. 0232
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 17 P. 0252
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 17 P. 0252
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 tas-17 ta’ Lulju, 1984 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 136/66 tat-22 ta’ Settembru, 1966 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2260/84 [2] u b’mod partikolari Artikolu 5(4) ta’ dan, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi Artikolu 5 tar-Regolament Nru 136/66/KEE jdaħħal sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa; billi din l-għajnuna għar-rigward żoni b’żebbuġ ta’ ċerta data tingħata lil produtturi li huma membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi speċifikati f’Artikolu 20ċ (1) tar-Regolament Nru 136/66/KEE u li l-produzzjoni medja tagħhom hija ta’ l-anqas 100 kilogramm ta’ żejt għal kull sena ta’ bejgħ u lil produtturi oħra fuq il-bażi tal-għadd u l-potenzjal ta’ produzzjoni ta’ siġar taż-żebbuġ u l-ġabriet minn dawn is-siġar, kif deċiż bi qbil ma’ metodu komuni, u bil-kundizzjoni li ż-żebbuġ prodott ikun ġie effettivament maqtugħ; Billi, sakemm ikun stabbilit ir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ, għajnuna għall-produtturi konċernati għandha tkun kalkolata fuq il-bażi tal-medja ta’ l-ammonti miġbura mis-siġar taż-żebbuġ; Billi, biex ikun żgurat it-tħaddim xieraq tas-sistema ta’ għajnuna, huwa meħieġ li jkunu deċiżi t-tipi ta’ żejt taż-żebbuġa li għalihom tingħata għajnuna; Billi, biex ikun żgurat it-tħaddim xieraq tas-sistema tal-għajnuna, għandhom ikunu elenkati d-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk kollha konċernati, jiġifieri organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ukoll l-Istati Membri; Billi l-bażi għandha tkun sistema ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-kultivazzjoni magħmula mill-produtturi; Billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa msemmija f’Artikolu 20ċ (1) tar-Regolament Nru 136/66/KEE għandu jkollhom għadd minimu ta’ membri jew ikunu jirrappreżentaw perċentwal minimu ta’ produtturi jew ta’ produzzjoni taż-żejt; billi dawn il-għadd jew perċentwali minimi għandhom ikunu iffissati f’livelli kompatibbli, min-naħa l-waħda, mal-ħtieġa ta’ effiċjenza ta’ l-organizzazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, mal-faċilitajiet disponibbli għall-verifika fl-Istati Membri produtturi; billi biex tkun żgurata t-tmexxija effiċjenti ta’ l-organizzazzjonijiet, għandhom ikunu elenkati ċerti kundizzjonijiet addizzjonali li jridu jitwettqu mill-produtturi; Billi l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa msemmija f’Artikolu 20ċ (2) ta’ l-imsemmi Regolament għandhom ikunu magħmula minn għadd minimu ta’ gruppi jew ikunu jirrappreżentaw perċentwal minimu ta’ produzzjoni nazzjonali; billi dawn il-għadd jew perċentwali minimi għandhom ikunu iffissati f’livelli li jkunu jippermettu t-twettiq b’mod effettiv tal-kordinament speċjali u xogħol ta’ verifika li huwa l-obbligu ta’ assoċjazzjonijiet bħal dawn; Billi Artikolu 20ċ ta’ l-imsemmi Regolament jispeċifika li organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iwettqu ċerti xogħlijiet ta’ verifika u kordinament; billi għalhekk għandha tkun imfissra n-natura preċiża ta’ dawn ix-xogħlijiet; Billi fl-interessi ta’ l-amministrazzjoni xierqa, organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet tagħhom għandhom japplikaw għand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal għarfien fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tas-sena ta’ bejgħ; billi l-Istat Membru konċernat għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tagħhom fi żmien raġonevoli; Billi, bi qbil ma’ Artikolu 20d (1) ta’ l-imsemmi Regolament, perċentwali ta’ l-għajnuna jista’ jinżamm biex jikkontribwixxi lejn l-ispiża magħmula minn organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet tagħhom biex jagħmlu l-verifiki; billi għandhom jittieħdu passi biex ikun żgurat li s-somom miżmuma jintużaw biss għall-iffinanzjar tax-xogħlijiet li għalihom jipprovdi Artikolu 20ċ (1) u (2) ta’ l-imsemmi Regolament; Billi Artikolu 20d (2) ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi li assoċjazzjonijiet biss għandhom jikkwalifikaw għal ħlas bil-quddiem fuq l-ammont tal-għajnuna; billi għal raġunijiet ta’ tmexxija soda dan il-ħlas bil-quddiem ma għandhux jaqbeż ċertu perċentwali ta’ l-ammont tal-għajnuna; Billi, biex ikun żgurat it-tħaddim xieraq tas-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni għal produtturi li jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandha ssir dispożizzjoni biex isir biss ħlas ta’ għajnuna fir-rigward il-kwantitajiet miksuba f’imtieħen approvati; billi, għall-finijiet ta’ din l-approvazzjoni, l-imtieħen konċernati għandhom iwettqu ċerti kundizzjonijiet; Billi l-għajnuna fil-kwistjoni hija ta’ vantaġġ konsiderevoli għal produtturi taż-żejt u tirrappreżenta piż finanzjarju fuq il-Komunità; billi biex ikun garanit li l-għajnuna tingħata biss fir-rigward żejt li jikkwalifika għaliha, għandha ssir dispożizzjoni għal sistema xierqa ta’ verifiki amministrattivi; Billi, fl-interessi ta’ l-amministrazzjoni xierqa tas-sistema ta’ għajnuna, għandha ssir dispożizzjoni għall-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa eliġibbli għal għajnuna f’każi fejn ikun hemm dubju dwar il-produzzjoni effettiva tal-produttur taż-żebbuġ; Billi l-esperjenza wrietli, minkejja l-għadd kbir ta’ verifiki speċifiċi introdotti, l-għadd ta’ produtturi li kellhom ikunu ikkontrollati jagħmel diffiċli l-iċċekkjar u l-verifika dettaljati u effettivi; billi huwa meħtieġ li dawn id-diffikultajiet ikunu riżolti bit-twaqqif f’kull Stat Membru ta’ fajl kompjuterizzat li jkun fih it-tagħrif meħtieġ biex jiffaċilita l-verifika u l-kxif malajr ta’ irregolaritajiet, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT IL-KAPITOLU 1 Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1 Mis-sena ta’ bejgħ 1984/85, ir-regoli ġenerali elenkati f’dan ir-Regolament japplikaw għall-għoti tal-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa msemmi f’Artikolu 5 tar-Regolament Nru 136/66/KEE. Artikolu 2 1. Għajnuna għall-produzzjoni tingħata fir-rigward ta’ żejt taż-żebbuġa sakemm ikun jikkonformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet imniżżla fil-punti 1 u 4 ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE u ż-żoni taħt iż-żebbuġ ikunu koperti bid-dikjarazzjoni msemmija f’Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1590/83 [3] jew ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet imniżżla f’Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament. 2. L-għajnuna tingħata lil produtturi taż-żebbuġ stabbiliti fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament produttur taż-żebbuġ ikun kull produttur taż-żebbuġ li jintuża għall-produzzjoni taż-żejt. 3. L-għajnuna għandha tingħata fuq applikazzjoni mill-partijiet konċernati lill-Istat Membru li fih iż-żebbuġ ikun ġie prodott. 4. Fil-każ ta’ produtturi taż-żebbuġ li huma membri ta’ xi organizzazzjoni tal-produtturi kif speċifikat f’Artikolu 20ċ (1) tar-Regolament Nru 136/66/KEE u li l-produzzjoni medja tagħhom ma tkunx anqas minn 100 kilogramm ta’ żejt taż-żebbuġa għal kull sena ta’ bejgħ, tingħata l-għajnuna, bi qbil mat-tieni inċiż ta’ Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward il-kwantità ta’ żejt effettivament prodott f’mitħna approvata, bla ħsara għal Artikolu 7. Fil-każ ta’ produtturi oħra taż-żebbuġ, l-għajnuna tingħata bi qbil mat-tieni inċiż ta’ Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE u tkun ugwali għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ żebbuġ u żejt miġbura, iffissati skond il-metodu komuni li għalih jipprovdi Artikolu 18 għall-għadd ta’ siġar taż-żebbuġ fi produzzjoni. 5. Għas-snin ta’ bejgħ 1984/85 u 1985/86, Stati Membri produtturi jiddeċiedu liema produtturi taż-żebbuġ li l-produzzjoni medja tagħhom tkun ta’ l-anqas 100 kilogramma ta’ żejt għal kull sena ta’ bejgħ li huma intitolati għal għajnuna mogħtija skond il-kwantità ta’ żejt effettivament prodott bl-applikazzjoni taż-żebbuġ miġbur u taż-żejt miġbur iffissati skond Artikolu 18 għall-għadd ta’ siġar taż-żebbuġ fi produzzjoni. 6. Qabel il-31 ta’ Marzu, 1986 il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jistabilixxi l-kriterji li għandhom ikunu applikati mis-sena ta’ bejgħ 1986/87 il quddiem biex ikunu deċiżi liema produtturi taż-żebbuġ għandhom medja ta’ produzzjoni ta’ mill-anqas ta’ 100 kilogramma ta’ żejt kull sena ta’ bejgħ. IL-KAPITOLU 2 Obbligazzi li jaqgħu fuq il-produtturi taż-żebbuġ Artikolu 3 1. Kull produttur taż-żebbuġ, fil-bidu ta’ kull sena ta’ bejgħ u qabel data li għandha tkun stabbilita, jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni li jkun fiha, fl-ewwel okkażjoni li tintbagħat: - partikolaritajiet tas-siġar taż-żebbuġ imkabbra u l-lokalità tagħhom, - kopja tad-dikjarazzjoni mibgħuta għall-fini ta’ ġbir tar-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ. Fir-rigward tal-Greċja u sakemm ir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ ikun inġabar mill-Istat Membru, din id-dikjarazzjoni tista’ titbiddel b’dik imsemmija f’Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1590/83. 2. Għas-snin ta’ wara ta’ bejgħ kull kabbar taż-żebbuġ, qabel data li għandha tkun stabbilita, jibgħat dikjarazzjoni supplimentari li fiha jindika kull tibdil li jkun seħħ jew li jiddikjara li d-dikjarazzjoni tiegħu ta’ qabel dwar il-produzzjoni tkun għadha tapplika. 3. Produtturi taż-żebbuġ li huma membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, sa data li għandha tkun stabbilita, jibagħtu lill-organizzazzjoni li tagħha huma membri applikazzjoni individwali għall-għajnuna li tipprovdi prova li ż-żebbuġ ikun ġie mgħaffeġ jew fattura ta’ bejgħ għaż-żebbuġ jew iż-żewġ dokumenti. 4. Il-produtturi taż-żebbuġ li għalihom jirreferi l-paragrafu 3 jibagħtu d-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni u l- applikazzjoni għall-għajnuna permezz ta’ l-organizzazzjoni tagħhom. 5. Produttur taż-żebbuġ jista’ ma jkunx membru ta’ aktar minn organizzazzjoni waħda ta’ produtturi għal żoni li jinsabu f’żona partikolari amministrativa u ma jistgħux jibagħtu aktar minn dikjarazzjoni waħda dwar il-kultivazzjoni u applikazzjoni waħda għal għajnuna għal dawk iż-żoni. Jekk produttur taż-żebbuġ jitlaq mill-organizzazzjoni qabel it-tmiem tal-perjodu msemmi fl-ewwel inċiż ta’ Artikolu 20ċ (1) (g) tar-Regolament Nru 136/66/KEE, hu jista’ ma jisseħibx f’organizzazzjoni oħra li għaliha jipprovdi dan ir-Regolament matul il-bqija tal-perjodu. Organizzazzjonijiet tal-produtturi jinnotifikaw lill-Istat Membru konċernat bl-ismijiet tal-produtturi taż-żebbuġ li għalihom jirreferi t-tieni subparagrafu. 6. Fil-każ ta’ produtturi taż-żebbuġ li ma jkunux membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, id-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni mibgħuta individwalment tgħodd bħala applikazzjoni għall-għajnuna sakemm tkun supplimentata qabel data li għandha tkun stabbilita minn: - dikjarazzjoni li għas-sena ta’ bejgħ fil-kwistjoni huma jkunu ħasdu ż-żebbuġ tagħhom, u - tagħrif dwar l-użu maħsub għaż-żebbuġ. 7. Produtturi taż-żebbuġ li jonqsu li jikkonformaw ma’ l-obbligi mniżżla f’dan l-Artikolu jkunu miċħuda l-għajnuna. IL-KAPITOLU 3 Organizzazzjonijiet tal-produtturi Artikolu 4 1. Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet l-oħra ta’ Artikolu 20ċ (1) tar-Regolament Nru 136/66/KEE organizzazzjoni tal-produtturi tista’ ma tingħatax għarfien taħt dak ir-Regolament kemm-il darba: (a) ma tkunx tikkonsisti, fil-każ ta’ organizzazzjonijiet li jipproduċu u jkabbru l-valur tas-suq taż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa, f’ta’ l-anqas 700 produttur taż-żebbuġ; jew (b) ma tkunx tikkonsisti, f’każi oħra, f’ta’ l-anqas 1200 produttur taż-żebbuġ; jekk organizzazzjoni waħda jew aktar li tkun tipproduċi u tkabbar il-valur tas-suq taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa tkun membru ta’ l-organizzazzjoni fil-kwistjoni, il-produtturi konċernati jitqiesu individwalment għall-finijiet tal-kalkolu tal-għadd minimu ta’ produtturi meħtieġa; jew (ċ) ma tkunx tirrappreżenta ta’ l-anqas 25 % tal-produtturi taż-żebbuġ jew tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fir-reġjun ekonomiku li fih tkun twaqqfet. 2. Dawn li ġejjin biss jistgħu jagħmlu parti minn organizzazzjoni tal-produtturi: produtturi taż-żebbuġ li jkunu sidien ta’ masġar taż-żebbuġ li jkunu jisfruttaw jew produtturi taż-żebbuġ li jkunu ilhom jisfruttaw masġar taż-żebbuġ għal żmien ta’ mill-anqas tliet snin. Għal din il-fini, produtturi taż-żebbuġ jibagħtu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li tagħhom ikunu membri t-tagħrif meħtieġ biex ikun stabbilit li huma persuni li jisfruttraw masġar taż-żebbuġ u tagħrif dwar kull bidla li tkun seħħet mill-applikazzjoni tagħhom għal sħubija. 3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, "reġjun ekonomiku" jfisser reġjun li, skond kriterji li għandhom ikunu ffissati mill-Istat Membru konċernat, ikollu kundizzjonijiet simili ta’ produzzjoni mil-lat ta’ tkabbir taż-żebbuġ. 4. L-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex iħajjru t-twaqqif ta’ gruppi tal-produtturi kif speċifikat fir-Regolament (KEE) Nru 1360/78 [4] jew ta’ organizzazzjonijiet oħra li jipproduċu u jkabbru l-valur tas-suq taż-żebbuġ u żejt taż-żebbuġa li jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 5 1. Organizzazzjonijiet tal-produtturi li jixtiequ jiksbu għarfien mill-bidu tas-sena ta’ bejgħ japplikaw għand l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat mhux katar tard mit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ qabel ta’ bejgħ. 2. Sal-15 ta’ Ottubru, wara li tkun irċeviet l-applikzzjoni, sa l-aktar tard, l-awtorità kompetenti, wara li tivverifika jekk l-organizzazzjoni tilħaqx il-ħtiġijiet ta’ Artikolu 20ċ (1) tar-Regolament Nru 136/66/KEE u ta’ Artikolu 4, tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni u tinnotifika minnufih lill-organizzazzjoni konċernata u lill-Kummissjoni. L-għarfien jidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena ta’ bejgħ li tiġi wara dik li fiha tkun saret l-applikazzjoni. 3. Organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produturi jiddikjaraw sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena lill-awtorità kompetenti kull tibdil magħmul fl-istrutturi minn meta kisbu l-għarfien tagħhom jew mill-aħħar dikjarazzjoni annwali u jirrappurtaw kull notifika ta’ irtirar ta’ jew applikazzjoni għal sħubija li jirċievu. L-awtorità kompetenti tiżgura, fuq il-bażi ta’ din id-dikjarazzjoni u ta’ kull stħarriġ xieraq, jekk il-kundizzjonijiet għal għarfien komplewx ikunu mħarsa. Jekk ma jkunux baqgħu aktar imħarrsa jew jekk l-istruttura ta’ organizzazzjoni ma tkunx tippermetti li l-produzzjoni tal-membri tagħha tkun verifikata, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien u sa l-aktar tard qabel il-bidu tas-sena li jkun imiss ta’ bejgħ, tirtira l-għarfien u tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni li tagħmel dwar dan. Artikolu 6 1. Organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi: - jagħmlu d-dikjarazzjonijiet dwar il-kultivazzjoni tal-membri tagħhom kollha bi qbil ma’ Artikolu 3(1), - jagħmlu l-verifiki fuq il-post dwar it-tagħrif mogħti f’perċentwali li għandu jkun stabbilit ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, - jibagħtu darba fix-xahar f’formola komuni addattata għall-ipproċessar tal-kompjuter kif provdut f’Artikolu 16 l-applikazzjonijiet għall-għajnuna tal-membri tagħhom. Tintalab għajnuna għall-kwantità prodotta minn dawk il-membri li jkunu temmew il-produzzjoni tagħhom taż-żejt, bil-kundizzjoni li l-verifiki speċifikati f’Artikolu 8 jkunu saru u jkunu twettqu l-obbligi li jirriżultaw. L-applikazzjonijiet marbuta mal-produzzjoni ta’ sena waħda ta’ bejgħ għandhom, fuq piena li jitħallew barra, jintbagħtu qabel data li trid tkun speċifikata. 2. F’każi fejn organizzazzjoni tal-produtturi tkun tagħmel sehem minn assoċjazzjoni ta’ dawk l-organizzazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet dwar il-kultivazzjoni u l-applikazzjonijiet għall-għajnuna tal-produtturi membri għandhom jintbagħtu mill-assoċjazzjoni. Artikolu 7 F’każi fejn produttur taż-żebbuġ li huwa membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi - ikun kera wkoll imsaġar taż-żebbuġ għal perjodu ta’ anqas minn tliet snin, - ikun biegħ jew parti mill-produzzjoni tiegħu taż-żebbuġ jew kollha kemm hi, u - ikun issieħeb fl-organizzazzjoni matul is-sena ta’ bejgħ, il-kwantità ta’ żejt li għalih tinkiseb għajnuna ma tistax tkun akbar minn dik deċiża bil-metodu komuni billi jkun applikat mal-għadd ta’ siġar taż-żebbuġ l-ammont taż-żebbuġ miġbur u l-ammont taż-żejt miġbur iffissati kif jipprovdi Artikolu 18. Artikolu 8 1. Qabel tintbagħat l-applikazzjoni għall-għajnuna kull organizzazzjoni tal-produtturi tivverifika l-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li għaliha saret applikazzjoni għall-għajnuna minn kull wieħed mill-membri tagħha. Għall-finijiet ta’ din il-verifika l-organizzazzjoni tiċċekkja b’mod partikolari: - li l-produzzjoni ta’ żebbuġ dikjarata minn kull produttur bħala li kien ġie ppressat f’mitħna approvata tkun taqbel mad-dettalji mogħtija fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-kultivazzjoni, fuq il-bażi ta’ kriterji li għandhom ikunu stabbiliti, - li d-dettalji mogħtija minn kull produttur għall-kwantitajiet ta’ żebbuġ ippressat u l-kwantitajiet ta’ żejt miksub ikunu jikkorrispondi mal-kwantitajiet ta’ żebbuġ u żejt dikjarati fir-reġistri tal-ħażna ta’ l-imtieħen approvati. 2. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jibagħtu l-files dwar il-membri tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat fil-każi li ġejjin: - fejn id-dettalji li għalihom jirreferi l-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 jidhru li ma jkunux jaqblu wara li l-organizzazzjoni tkun akkwistat id-dokumenti kollha ta’ sostenn u kull tagħrif li jista’ jintuża biex tkun stabbilita l-kwantità prodotta, - fejn id-dettalji li għalihom jirreferi t-tieni inċiż tal-paragrafu 1 jidhru li ma jkunux jikkorrispondu, - fejn id-dettalji tad-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni ma jkunux jikkorrispondu mas-sitwazzjoni żvelata mill-iċċekkjar. IL-KAPITOLU 4 Assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi Artikolu 9 1. Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet ta’ Artikolu 20ċ (2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE assoċjazzjoni tista’ ma tkun rikonoxxuta jekk ma tkunx magħmula minn mill-inqas 10 organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti taħt Artikolu 5 jew għadd ta’ organizzazzjonijiet li jkunu jagħmlu tajjeb għal ta’ l-anqas 5 % taż-żejt taż-żebbuġa prodott fl-Istat Membru konċernat. Iżda, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jiffurmaw assoċjazzjoni għandhom ikunu magħmula minn żewġ reġjuni ekonomiċi jew aktar. 2. Id-dispożizzjonijiet dwar l-għarfien u l-irtirar imniżżla f’Artikolu 5 japplikaw ukoll għal assoċjazzjonijiet. Artikolu 10 L-assoċjazzjonijiet speċifikati f’Artikolu 20ċ (2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE: - jikkordinaw l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjonijiet li minnhom huma magħmula u jiżguraw li dawn l-attivitajiet jaqblu mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari jivverifikaw direttament u bi qbil ma’ perċentwali li għandu jkun stabbilit il-mod li bih isir l-iċċekkjar speċifikat f’Artikoli 6 u 8, - jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti d-dikjarazzjonijiet dwar il-kultivazzjoni u l-applikazzjonijiet għall-għajnuna mgħoddija lilhom mill-organizzazzjonijiet li minnhom huma magħmula, - jirċievu mill-Istat Membru konċernat ħlasijiet bil-quddiem tal-għajnuna għall-produzzjoni, kif imsemmi f’Artikolu 12, u l-bilanċ tal-għajnuniet, u minnufih jaqsmuhom bejn il-produtturi li huma membri ta’ l-organizzzzjonijiet li minnhom huma magħmula. IL-KAPITOLU 5 Regoli komuni għal organizzazzjonijiet tal-produtturi ta’ żejt taż-żebbuġa u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn Artikolu 11 1. L-ammont ts-somma miżmuma li għaliha jirreferi Artikolu 20d (1) tar-Regolament (KEE) Nru) 136/66 jintuża bil-mod li ġej: (a) somma li għandha tkun deċiża titħallas lil kull assoċjazzjoni fuq il-bażi tal-għadd ta’ membri ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li minnhom hija magħmula; (b) il-bilanċ jitħallas lill-organizzazzjonijiet kollha tal-produtturi fuq il-bażi ta’: - l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna individwali mibgħuta lil kull organizzazzjoni mill-membri tagħha, - iċċekkjar li jkun sar skond il-proċedura tal-għajnuna. 2. L-Istati Membri li fihom huwa prodott iż-żejt taż-żebbuġa jiżguraw li s-somom mgħoddija lill- assoċjazzjonijiet u lil organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jintużaw minnhom biss għall-iffinanzjar ta’ l-attivitajiet li għalihom huma responsabbli taħt dan ir-Regolament. 3. Jekk is-somom ma jintuzawx, kollha kemm huma jew parti minnhom, kif speċifikat fil-paragrafu 2, għandhom jitħallsu lura lill-Istati Membri konċernati, u jitnaqqsu mill-ispiża finanzjata mill-EAGGF. 4. Biex ikun faċilitat it-tħaddim ta’ ssoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-Istati Membru huma awtorizzati li jħallsuhom, fil-bidu ta’ kull sena ta’ bejgħ, ħlas bil-quddiem li għandu jkun kalkolat fuq il-bażi ta’ rata uniformi skond l-għadd ta’ membri. 5. Stati Membri produtturi jistabilixxu regoli dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna u l-limiti ta’ żmien għal ħlas lil produtturi taż-żebbuġ. Artikolu 12 1. Stati Membri produtturi ikunu awtorizzati li jħallsu lil assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi ħlas bil-quddiem fuq l-ammont ta’ għajnuniet mitluba. 2. Matul is-snin ta’ bejgħ 1984/85, 1985/86 u 1986/87, il-ħlas bil-quddiem li għalih jirreferi l-paragrafu 1 lil kull produttur m’għandux jaqbeż: - l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ġbir ta’ żebbuġ u ta’ żejt iffissat skond Artikolu 18, mal-għadd ta’ siġar taż-żebbuġ fi produzzjoni kif dikjarat fid-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni, jew l-ammont li jirriżulta mill-kwantità msemmija fl-applikazzjoni jekk dik il-kwantità tkun anqas minn dik li għaliha hemm referenza hawn fuq, jew - 50 % ta’ l-ammont li jirriżulta mill-medja tal-għajnuniet effettivament imħallsa matul is-sentejn preċedenti ta’ bejgħ. Artikolu 13 1. Stati Membri japprovaw biss imtieħen li s-sidien tagħhom: (a) ikunu bagħtu lill-Istat Membru relevanti, bi qbil ma’ regoli li għandhom ikunu deċiżi, it-tagħrif kollu dwar it-tagħmir tekniku u l-kapaċità effettiva tal-pressa u kull tibdil f’dan it-tagħrif; (b) ikunu qablu li ssirilhom kull verifika li għaliha tipprovdi l-proċedura tal-għajnuna, li jaċċettaw fuq il-postijiet tagħhom kull mezz ta’ kontroll meqjus meħtieġ u li jippermettu kull iċċekkjar tal-kontijiet tagħhom; (ċ) ma jkunux ġew soġġetti, matul is-sena preċedenti ta’ bejgħ, għal proċeduri dwar irregolaritajiet innotati matul verifiki magħmula bis-saħħa ta’ Artikolu 14 u bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu fir-rigward l-approvazzjoni għas-sena ta’ bejgħ 1984/85; - ma jkunux ġew soġġetti għal proċeduri għal irregolaritajiet innotati matul verifiki magħmula għas-sena ta’ bejgħ 1983/84 bis-saħħa ta’ Artikoli 7 u 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2959/82 [5], u - ma kellhomx l-applikazzjoni tagħhom irtirata għal perjodu li jestendi lil hinn mill-31 ta’ Ottubru, 1984 skond dak ir-Regolament; (d) jaqblu li jżommu reġistri komuni dwar ħażniet skond kriterji li għandhom ikunu stabbiliti. 2. Stati Membri jivverifikaw qabel jagħtu l-approvazzjoni jekk il-kundizzjonijiet għal approvazzjoni jkunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari jivverifikaw fuq il-post it-tagħmir tekniku u l-kapaċità effettiva tal-pressa ta’ l-imtieħen. 3. Matul is-snin ta’ bejgħ 1984/85 u 1985/86, l-Istati Membri konċernati jistgħu jagħtu approvazzjoni proviżorja lill-mitħna involuta malli tintbagħat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni li jkun fiha t-tagħrif li għalih jirreferi l-paragrafu 1. Approvazzjoni proviżorja bħal din issir definittiva malli l-Istat Membru konċernat ikun żgura li huma rispettati l-kundizzjonijiet għal approvazzjoni mniżżla fil-paragrafu 1. Jekk jinstab li xi waħda mill-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1 ma tkunx ġiet imwettqa, l-approvazzjoni proviżorja tkun irtirata. 4. F’każi fejn waħda mill-kundizzjonijiet għal approvazzjoni mniżżla fil-paragrafu 1 ma tkunx għadha aktar imwettqa, l-approvazzjoni tkun irtirata għal perjodu skond il-gravità tan-nuqqas. 5. F’każi fejn l-approvazzjoni tkun irtirata bi qbil mal-paragrafi 3 u 4, ebda applikazzjoni ġdida għal approvazzjoni ma tista’ tingħata f’xi żmien matul il-perjodu ta’ l-irtirar: - lill-istess persuna naturali jew persuna legali li tkun tħaddem il-mitħna fil-kwistjoni, jew - lil xi persuna naturali jew persuna legali li tkun tixtieq tħaddem il-mitħna fil-kwistjoni, sakemm dik il-persuna ma turix, għas-sodisfazzjon tal-Membru konċernat, li l-applikazzjoni għal approvazzjoni ġdida ma tkunx maħsuba biex tiskappa s-sanzjoni imposta. 6. Jekk l-irtirar ta’ approvazzjoni ta’ mitħna jkollu konsegwenzi serji fuq il-kapaċità tal-pressa f’xi żona ta’ produzzjoni partikolari, jista’ jkun deċiż li l-mitħna tkun approvata taħt arranġamenti speċjali ta’ kontroll. IL-KAPITOLU 6 Sistema ta’ verifiki Artikolu 14 1. Kull Stat Membru produttur japplika sistema ta’ verifiki biex jiżgura li l-prodott li dwaru l-għajnuna tingħata jkun eliġibbli għal dik l-għajnuna. 2. Stati Membri produtturi jivverifikaw l-attivitajiet ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi u assoċjazzjoni u, b’mod partikolari, li t-tħaddim tal-verifika jkun twettaq minn dawn il-korpi. 3. Matul is-sena ta’ bejgħ u matul il-perjodu ta’ l-ippressar taż-żejt b’mod partikolari, Stati Membri produtturi jagħmlu verifiki fuq il-post ta’ l-attivitajiet u r-reġistri ta’ ħażna ta’ perċentwali li għandu jkun deċiż ta’ mtieħen approvati. L-imtieħen magħżula għandhom ikunu rappreżentattivi tal-kapaċità ta’ l-ippressar ta’ żona ta’ produzzjoni. 4. Fil-każ taż-żejt taż-żebbuġa mfisser fil-punt wieħed ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE u prodott minn produtturi li ma humiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, l-iċċekkjar isir permezz ta’ kampjuni fuq il-post u għandhom jivverifikaw: - li d-dikjarazzjonijiet dwar il-kultivazzjoni huma eżatti, - li żebbuġ maħsud għandu jintuża biex jipproduċi żejt u, jekk hu possibbli, li jkun ġie effettivament ipproċessat f’żejt. Il-verifiki jsiru fuq perċentwali ta’ produtturi li għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tad-daqsijiet ta’ l-imsaġar b’mod partikolari. 5. Għal dan l-iċċekkjar u verifiki Stati Membri jużaw fost oħrajn il-files bit-tagħrif kompjuterizzat kif hemm provdut f’Artikolu 16. Dawn il-files jintużaw biex jiggwidaw t-tħaddim tal-verifika li għandu jsir skond il-paragrafi 1 sa 4. Artikolu 15 1. Stati Membri jiddeċiedu l-kwantità ta’ żejt eliġibbli għal għajnuna fuq il-bażi ta’ l-applikazzjonijiet mibgħuta skond Artikoli 3 u 6, billi jagħtu kas tal-fatti relevanti, u b’mod partikolari l-iċċekkjar u l-verifiki kollha li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament. Il-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li għaliha jirreferi l-punt 4 ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE li għaliha l-għajnuna tista’ tingħata tkun deċiża fuq il-bażi ta’ produzzjoni tat-tip ta’ żejt imfisser fil-punt 1 ta’ dak l-Anness. 2. Fil-każ ta’ produtturi li l-files tagħhom ikunu ntbagħtu lil Stat Membru mill-organizzazzjoni tagħhom bi qbil ma’ Artikolu 8(2) huwa jiddeċiedi l-kwantità ta’ żejt li għaliha tingħata l-għajnuna. 3. Fejn il-verifiki speċifikati f’Artikoli 13 u 14 ma jikkonfermawx iċ-ċifri fir-reġistri tal-ħażna ta’ mitħna approvata, l-Istat Membru konċernat, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni li tista’ tkun imposta fuq il-mitħna, jiddeċiedi, għal kull produttur li jkun membru ta’ organizzazzjoni li kellha ż-żebbuġ tagħha ppressat fil-mitħna fil-kwistjoni, il-kwantità ta’ żejt li għaliha tingħata l-għajnuna. 4. Għall-fini li tkun deċiża l-kwantità eliġibbli għal għajnuna f’każi koperti mill-paragrafi 2 u 3, l-Istat Membru b’mod partikolari, juża l-ammont miġbur ta’ żebbuġ u l-ammont miġbur ta’ żejt iffissati bi qbil mal-metodu komuni ta’ Artikolu 18. Artikolu 16 1. Kull Stat Membru produttur jfassal u jżomm aġġornati files permanenti kompjuterizzati ta’ tagħrif dwar produzzjoni taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa. 2. Dawn il-files għandu jkun fihom ta’ l-anqas it-tagħrif li ġej: (a) għal kull produttur taż-żebbuġ u għal kull sena ta’ bejgħ li għaliha jkun għamel applikazzjoni għal għajnuna: - it-tagħrif li jkun hemm fid-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni kif hemm provdut fl-Artikolu 3, - il-kwantitajiet ta’ żejt prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni għal għajnuna għall-produzzjoni u l-kwantitajiet li għalihom tkun titħallas għajnuna, - it-tagħrif li jirriżulta mill-verifiki fuq il-post magħmula fuq il-produttur taż-żebbuġ; (b) għal organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, it-tagħrif kollu meħtieġ biex ikunu verifikati l-attivitajiet tagħhom b’konnessjoni mas-sistema preżenti ta’ għajnuna kif ukoll ir-riżultati tal-verifiki magħmula mill-Istati Membri; (ċ) għall-imtieħen taż-żejt u għal kull sena ta’ bejgħ it-tagħrif li jidher fir-reġistri tal-ħażna, tagħrif dwar it-tagħmir tekniku u l-kapaċità ta’ l-ippressar u r-riżultati tal-verifiki magħmula skond dan ir-Regolament; (d) l-ammont annwali indikattivi ta’ ġbir għal kull żona omoġenea ta’ produzzjoni. Artikolu 17 1. Il-files li għalihom jirreferi Artikolu 16 ikunu kunfidenzjali. Dawn li ġejjin ikollhom aċċess għalihom: - l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom is-setgħa mill-Istat Membru, - Impjegati tal-Kummissjoni b’koperazzjoni ma’ l-uffiċjali kompetenti ta’ l-Istati Membri u bi qbil mar-Regolament (KEE) Nru 729/70 [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3509/80 [7], b’mod partikolari dwar il-proċeduri mniżżla, - organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, fir-rigward ta’ l-aspetti li l-Istati Membri jqisu meħtieġa biex jivverifikaw b’mod effettiv il-membri eżistenti rispettivi tagħhom. 2. Il-files tat-tagħrif imhejjija u s-sistemi ta’ proċessar użati biex ikunu ċċekkjati għandhom ikunu kompatibbli mas-sistemi kompjuterizzati wżati minn kull Stat Membru produttur għar-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ. IL-KAPITOLU 7 Dispożizzjonijiet finali Artikolu 18 L-ammont ta’ żebbuġ miġbur u l-ammont ta’ żejt miġbur imsemmija fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE jkunu ffissati skond żoni ta’ produzzjoni omoġenji, mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, fuq il-bażi taċ-ċifri provduti mill-Istati Membri produtturi mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena. Artikolu 19 Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu adottati bi qbil mal-proċedura mniżżla f’Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE. Dawn li ġejjin għandhom ikunu ffissati bi qbil ma’ l-istess proċedura: - l-ammont li jinġabar li għalih jirreferi Artikolu 18 - is-somma li għaliha jirreferi Artikolu 11(1)(a). Artikolu 20 Biex tkun żgurata transizzjoni bla xkiel mill-arranġamenti fis-seħħ fil-preżent għal dawk stabbiliti taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi dwar kull miżura meħtieġa għas-sena ta’ bejgħ 1984/85 bi qbil mal-proċedura li għaliha jirreferi Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE. Bil-ħsieb li jkun żgurat it-tħaris tal-miri ta’ dan ir-Regolament filwaqt li jitqiesu problemi speċifiċi li jistgħu jinqalgħu f’ċerti Stati Membri fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri konċernati jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, li filwaqt li jitqies kull kriterju addizzjonali, tagħti għal perjodu ta’ transizzjoni ta’ tliet snin ta’ bejgħ, mis-sena ta’ bejgħ 1984/85, għarfien proviżorju lil dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jagħmlu talba. Artikolu 21 Qabel it-tmiem tat-tielet sena ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tgħaddi lill-Kunsill rapport dwar it-tħaddim ta’ l-arranġamenti mniżżla f’dan ir-Regolament akkumpanjat bil-proposti li jagħtu s-setgħa lill-Kunsill li jirrevedi l-arranġamenti. Artikolu 22 L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skond dan ir-Regolament. Artikolu 23 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum li fih ikun ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 17 ta’ Lulju, 1984. Għall-Kunsill Il-President A. Deasy [1] ĠU Ċ 172, tat- 30.9.1966, p. 3025/66. [2] Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali. [3] ĠU L 163, tat-22.6.1983, p. 39. [4] ĠU L 166, tat-23.6.1978, p. 1. [5] ĠU L 309, tal-5.11.1982, p. 30. [6] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 2. [7] ĠU L 367, tal-31.12.1980, p. 87. --------------------------------------------------