25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/34


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/328

tal-21 ta' Frar 2017

li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward tal-awdituri esterni tal-Bank of Greece

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Diċembru 2016 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank of Greece (BĊE/2016/46) (1),

Billi:

(1)

Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom għandhom jiġu vverifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u approvati mill-Kunsill.

(2)

Il-mandat tal-awdituri esterni attwali tal-Bank of Greece ser jiskadi wara l-verifika għas-sena finanzjarja 2016. Għalhekk huwa meħtieġ li jinħatru awdituri esterni mis-sena finanzjarja 2017.

(3)

Il-Bank of Greece għażel lil Deloitte Certified Public Accountants S.A. bħala l-awdituri esterni tiegħu għas-snin finanzjarji 2017 sa 2021.

(4)

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE rrakkomanda li Deloitte Certified Public Accountants S.A. jinħatru bħala l-awdituri esterni tal-Bank of Greece għas-snin finanzjarji 2017 sa 2021.

(5)

B'segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE (2) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/70/KE, il-paragrafu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“12.   Deloitte Certified Public Accountants S.A. huma b'dan approvati bħala l-awdituri esterni tal-Bank of Greece għas-snin finanzjarji 2017 sa 2021.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-BĊE.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)   ĠU C 3, 6.1.2017, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE tal-25 ta' Jannar 1999 dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69).