IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.4.2026
COM(2026) 174 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jiddeskrivi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/89/UE li tistabbilixxi
qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu
It-tieni rapport
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jiddeskrivi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/89/UE li tistabbilixxi
qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu
It-tieni rapport
Werrej
1.Introduzzjoni
2.Progress fl-implimentazzjoni mill-aħħar rapport
2.1.Adozzjoni u rieżami tal-MSPs
2.2.Implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-pjanijiet tal-ispazju marittimu stabbiliti mid-Direttiva MSP
2.2.1.Artikolu 5(1) – Applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema
2.2.2.Kunsiderazzjoni tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tas-sikurezza
2.2.3.Promozzjoni tal-koerenza
2.2.4.Interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar
2.2.5.L-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-parteċipazzjoni pubblika
2.2.6.Użu tal-aħjar data disponibbli u kondiviżjoni tad-data
2.2.7.Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u fil-livell tal-baċiri tal-baħar
2.2.8.Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi
2.3.Sfidi bl-implimentazzjoni
3.It-triq ’il quddiem
1.Introduzzjoni
Dan huwa t-tieni rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif meħtieġ skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2014/89/UE li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu (MSP) (“id-Direttiva MSP”). Huwa jagħti ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva MSP mill-2022, meta ġie ppubblikat l-ewwel rapport tal-Kummissjoni. F’konformità mal-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 14(2), huwa jipprovdi ħarsa ġenerali fattwali u analitika lejn il-progress.
Ir-rapport jiffoka fuq:
·il-progress li sar mill-Istati Membri f’termini tal-adozzjoni, ir-rieżaminar u l-aġġornament tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu (MSPs) tagħhom;
·l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin tal-ippjanar tad-Direttiva MSP, inklużi l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, il-kunsiderazzjoni tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tas-sikurezza, l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, il-koerenza ma’ politiki oħrajn, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-użu tad-data, u l-kooperazzjoni fi ħdan l-UE u ma’ pajjiżi terzi;
·ix-xejriet emerġenti, kif ukoll id-differenzi bejn l-Istati Membri u l-isfidi komuni għalihom, hekk kif l-ippjanar tal-ispazju marittimu jimxi mill-fażi inizjali tal-adozzjoni għaċ-ċikli ta’ ppjanar sussegwenti.
L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-implimentazzjoni tad-Direttiva MSP qed tilħaq il-maturità madwar l-UE. Bħalissa, 20 mit-22 Stat Membru kostali adottaw mill-inqas MSP wieħed, b’ħafna minnhom diġà qegħdin jirrieżaminaw, jirrevedu jew jagħmlu aġġornamenti mmirati għall-pjanijiet tagħhom. Diversi Stati Membri qed jidħlu fit-tieni jew fit-tielet ċiklu ta’ ppjanar tagħhom, u dan jindika bidla mit-tħejjija inizjali tal-MSP għal implimentazzjoni, monitoraġġ u reviżjoni adattiva ta’ rutina.
Dan ir-rapport huwa primarjament ibbażat fuq l-MSPs u d-dokumentazzjoni relatata sottomessa mill-Istati Membri, l-informazzjoni disponibbli permezz tal-Pjattaforma Ewropea għall-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, u l-evidenza miġbura permezz ta’ studju ta’ sostenn prodott għall-Kummissjoni, djalogu dwar l-implimentazzjoni, dokumenti tal-Kummissjoni, kif ukoll proġetti u sorsi oħrajn. Flimkien, dawn jipprovdu l-bażi analitika għall-valutazzjoni ppreżentata hawnhekk.
2.Progress fl-implimentazzjoni mill-aħħar rapport
2.1.Adozzjoni u rieżami tal-MSPs
L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva MSP jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu l-MSPs sal-31 ta’ Marzu 2021 u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati fi żmien 3 xhur mill-pubblikazzjoni tal-MSP (l-Artikolu 14(1)).
Din it-taqsima tiġbor fil-qosor il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-MSPs mir-rapport preċedenti tal-Kummissjoni, li jkopri l-perjodu mit-3 ta’ Mejju 2022 sal-1 ta’ Jannar 2026.
Minkejja l-iskadenza tal-31 ta’ Marzu 2021 stabbilita fid-Direttiva MSP, l-iskedi ta’ żmien u l-approċċi għall-adozzjoni u r-reviżjoni tal-MSP ikomplu jvarjaw madwar l-UE. Mid-data limitu għall-ġbir tal-evidenza, 20 mit-22 Stat Membru kostali adottaw l-MSPs tagħhom, bl-adozzjoni aċċellerat b’mod sinifikanti mill-2022. Tmien Stati Membri adottaw il-pjanijiet tagħhom bejn l-2022 u l-2024, filwaqt li l-Portugall u d-Danimarka lestew l-adozzjoni u l-aġġornamenti inizjali fl-istess perjodu. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-Direttiva MSP, il-Kummissjoni bdiet tmien każijiet ta’ ksur bejn l-2021 u l-2023, li sitta minnhom ingħalqu wara li l-Istati Membri inkwistjoni adottaw b’suċċess l-MSPs tagħhom. Il-Greċja u l-Kroazja għad iridu jadottaw pjan li jkopri l-ilmijiet tal-baħar kollha, għalkemm il-ħidma fuq dan għadha għaddejja fiż-żewġ Stati Membri. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib maż-żewġ Stati Membri biex tgħinhom jadottaw l-MSPs tagħhom malajr kemm jista’ jkun.
Id-dewmien biex tintlaħaq l-iskadenza tal-2021 oriġina prinċipalment minn proċeduri twal (eż. valutazzjonijiet ambjentali u koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet), governanza kumplessa, tfixkil relatat mal-COVID, u fatturi politiċi jew ġeopolitiċi. F’xi każijiet, id-dewmien kien fil-biċċa l-kbira amministrattiv, bl-adozzjoni sseħħ ftit wara l-iskadenza.
Il-biċċa l-kbira tal-“adottanti bikrija” issa huma involuti f’ċikli ta’ rieżami jew ta’ reviżjoni. Diversi Stati Membri diġà nedew rieżamijiet sħaħ (eż. il-Belġju, il-Bulgarija, Spanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja), filwaqt li oħrajn lestew evalwazzjonijiet interim jew skedaw ir-rieżamijiet li jmiss (eż. il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja).
B’mod ġenerali, kien hemm bidla mill-adozzjoni inizjali għal aġġornamenti mmirati, għall-ewwel ċikli ta’ rieżami sħaħ. Fl-istess ħin, iż-żewġ Stati Membri li fadal li għad iridu jadottaw MSP qed ikomplu jaħdmu lejn dan.
Tabella 1: L-istatus kurrenti tal-proċessi ta’ adozzjoni u ta’ reviżjoni tal-MSP għat-22 Stat Membru kostali
|
Stat Membru
|
Data tal-adozzjoni tal-pjan kurrenti
|
Pjanijiet preċedenti
|
Proċessi ta’ reviżjoni u pjanijiet ta’ allokazzjoni supplimentari
|
|
Il-Belġju
|
Mejju 2019
|
L-ewwel MSP adottat: Marzu 2014
|
It-tħejjija tat-tielet MSP tal-Belġju (2026-2032) għadha għaddejja - Ir-reviżjoni tal-MSP bdiet fl-2023 u l-workshop kien segwit minn konsultazzjoni pubblika. Pjan ġdid li għandu jiġi adottat fl-2026.
|
|
Il-Bulgarija
|
Mejju 2023
|
/
|
Studju ta’ fattibbiltà mwettaq fl-2023 u fl-2024. L-aġġornament formali huwa skedat li jitlesta sa tmiem l-2027.
|
|
Il-Kroazja
|
Proċess li għadu għaddej
|
/
|
/
|
|
Ċipru
|
Diċembru 2023
|
/
|
Bħalissa ma huwiex qed isir rieżami.
|
|
Id-Danimarka
|
2023
|
/
|
Emendat fl-2024 (suppliment formali għall-MSP), primarjament biex jiġu integrati miri ġodda tal-enerġija tal-baħar u tal-bijodiversità, u fl-2025 - emenda għall-Att dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu li jintroduċi skema għal proġetti temporanji ta’ ttestjar u riċerka barra miż-żoni deżinjati.
|
|
L-Estonja
|
Mejju 2022
|
/
|
Il-monitoraġġ u r-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni annwali għadhom għaddejjin. Proċess ta’ rieżami formali skedat għall-2026–2027 taħt iċ-ċiklu ta’ rieżami ta’ 5 snin meħtieġ skont il-liġi nazzjonali.
|
|
Il-Finlandja
|
Diċembru 2020
|
/
|
Ir-reviżjoni bdiet f’Jannar/Frar 2024; pjan li għandu jiġi aġġornat/adottat sal-2027.
|
|
Franza
|
It-tieni parti (dokumenti strateġiċi): Novembru 2025
|
L-ewwel parti: 2019
It-tieni parti: Mejju 2022
/
|
Wara li l-istrateġija nazzjonali ġiet approvata f’Ġunju 2024, Franza dan l-aħħar irrevediet il-parti strateġika tal-MSPs tagħha biex tiddeżinja żoni ġodda, b’mod partikolari għall-parks eoliċi fuq il-baħar u żoni ta’ protezzjoni “stretti”, u biex tagħmel emendi relatati oħrajn.
|
|
Il-Ġermanja
|
Settembru 2021
|
L-ewwel pjan tal-MSP adottat: 2009
|
Fl-2025, ġie ppubblikat pjan ta’ żvilupp tas-sit li jiddeskrivi strateġija tas-settur marittimu għall-enerġija eolika fuq il-baħar. Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu li għadha għaddejja tal-MSP Ġermaniż għandha tiġi ffinalizzata fl-2026.
|
|
Il-Greċja
|
Proċess li għadu għaddej
|
/
|
/
|
|
L-Irlanda
|
Ġunju 2021
|
/
|
Pjan għaż-żona marittima deżinjata tal-kosta tan-Nofsinhar adottat f’Ottubru 2024 (jiddeżinja żoni tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta biex jgħin fil-provvista ta’ 5 GW ta’ kapaċità eolika fuq il-baħar sal-2030).
|
|
L-Italja
|
Settembru 2024
|
/
|
Bħalissa ma huwiex qed isir rieżami.
|
|
Il-Latvja
|
Mejju 2019
|
/
|
Rapport ta’ evalwazzjoni interim adottat f’Ottubru 2024. Il-proċess ta’ rieżami mistenni jibda fil-ħarifa tal-2025.
|
|
Il-Litwanja
|
Settembru 2021
|
L-ewwel MSP adottat: Ġunju 2015
|
Il-pjan mistenni jiġi rieżaminat fl-2030. Pjan tematiku tal-2024 u valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS) iddeskrivew il-postijiet tal-parks eoliċi fuq il-baħar u l-konnessjonijiet mal-kosta.
|
|
Malta
|
Lulju 2015
|
/
|
Ir-rieżami intern inizjali sar. Għadha għaddejja implimentazzjoni kontinwa, sakemm tingħata d-direzzjoni tal-gvern dwar il-passi li jmiss.
|
|
In-Netherlands
|
Marzu 2022
|
L-ewwel pjan adottat: 2009
It-tieni pjan adottat: Diċembru 2015
|
Ir-reviżjoni parzjali tal-Programm tal-Baħar tat-Tramuntana (2022–2027) għadha għaddejja biex jiġu indirizzati miri ogħla tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, fost suġġetti oħrajn. Abbozz ta’ reviżjoni parzjali sottomess lill-Parlament fit-22 ta’ April 2025; konsultazzjoni pubblika mid-19 ta’ Mejju 2025; finalizzazzjoni mistennija fl-2026.
|
|
Il-Polonja
|
April 2021 b’bidla teknika f’Diċembru 2022
|
|
Evalwazzjoni interim ippubblikata fid-9 ta’ Mejju 2025; id-deċiżjoni li jsir aġġornament ittieħdet; il-ministeru qed ifittex finanzjament; aġġornament wiesa’ li għandu jibda fl-2026 (soġġett għad-disponibbiltà tal-baġit) u li mistenni jieħu bejn sentejn u nofs u 3 snin.
|
|
Il-Portugall
|
Diċembru 2019 (kontinentali u Madeira) u Ottubru 2024 (l-Azores)
|
/
|
Il-pjan ta’ allokazzjoni għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta (PAER, 2025) jorbot awtomatikament mal-Plano de Situacão do Ordenamento do Espaço Maritimo Nacional (PSOEM).
|
|
Ir-Rumanija
|
Novembru 2023
|
/
|
Bħalissa ma huwiex qed isir rieżami.
|
|
Spanja
|
Frar 2023
|
/
|
Ir-rieżami tnieda fl-2024; il-ħames pjanijiet kollha għal kull waħda mill-ħames suddiviżjonijiet Spanjoli tal-baħar iridu jiġu riveduti sal-iskadenza statutorja tal-31 ta’ Diċembru 2027.
|
|
Is-Slovenja
|
Lulju 2021
|
/
|
Bħalissa ma huwiex qed isir rieżami. Ir-reviżjoni formali li jmiss mistennija fl-2031, bil-ħidma preparatorja tibda fl-2029.
|
|
L-Iżvezja
|
Frar 2022
|
/
|
Il-pjanijiet rieżaminati sabiex, fost affarijiet oħra, jintlaħqu miri ġodda għall-iżvilupp tal-enerġija eolika rinnovabbli fuq il-baħar u jinħolqu żoni protetti tal-baħar – proposti għal emenda tal-pjan sottomessi lill-gvern f’Jannar 2025.
|
2.2.Implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-pjanijiet tal-ispazju marittimu stabbiliti mid-Direttiva MSP
It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu valutazzjoni ta’ kif l-Istati Membri implimentaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva MSP. L-analiżi hija strutturata madwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva u teżamina l-approċċi meħuda fl-MSPs nazzjonali u fl-oqfsa ta’ implimentazzjoni relatati.
Id-Direttiva MSP tistabbilixxi qafas flessibbli, li jippermetti lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni dwar kif jimplimentaw ir-rekwiżiti tagħha f’konformità mal-arranġamenti kostituzzjonali nazzjonali, l-istrutturi amministrattivi, is-sistemi legali u l-karatteristiċi marittimi speċifiċi tagħhom. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri adottaw diversi mudelli ta’ ppjanar, arranġamenti ta’ governanza u soluzzjonijiet tekniċi differenti biex jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
Għalhekk, l-osservazzjonijiet u r-referenzi komparattivi għal livelli jew forom differenti ta’ implimentazzjoni fit-taqsimiet li ġejjin huma deskrittivi u analitiċi fin-natura tagħhom. Dawn huma maħsuba biex jiffaċilitaw it-tqabbil, biex jidentifikaw ix-xejriet u biex jenfasizzaw il-mudelli ta’ implimentazzjoni madwar l-UE. Fejn ikunu ntgħażlu approċċi differenti, ma hemm l-ebda suġġeriment li dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ konformità jew implimentazzjoni mhux sodisfaċenti.
2.2.1.Artikolu 5(1) – Applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema
B’mod ġenerali, l-Istati Membri rreferew għall-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva MSP. Madankollu, fil-prattika, il-punt sa fejn ġie applikat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema u kemm dan sar b’mod konsistenti jvarja b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi u jiddependi fuq strutturi kostituzzjonali, amministrattivi u regolatorji differenti. L-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema huwa rreferenzjat b’mod wiesa’ bħala prinċipju gwida fl-objettivi tal-MSP u huwa implimentat l-aktar permezz tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali li jakkumpanjawh.
Madwar l-UE, il-valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS) ħarġet bħala l-mezz primarju biex jingħata effett lill-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema. Il-linji bażi ambjentali, l-analiżi tal-pressjoni, il-valutazzjoni tal-alternattivi u l-miżuri ta’ mitigazzjoni huma tipikament strutturati madwar komponenti ekoloġiċi u pressjonijiet umani, ħafna drabi bbażati fuq id-deskritturi u l-oqfsa ta’ monitoraġġ tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD). F’ħafna każijiet, il-VAS — flimkien ma’ valutazzjoni xierqa fejn rilevanti — hija s-sors ewlieni ta’ evidenza li l-interazzjonijiet tal-ekosistema, il-pressjonijiet kumulattivi u l-limiti ambjentali ġew ikkunsidrati fil-livell strateġiku.
Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-MSPs japplikaw l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema b’mod proċedurali, aktar milli permezz ta’ regoli espliċiti ta’ tqassim f’żoni bbażati fuq l-ekosistema jew limiti inklużi fid-deskrizzjoni bil-miktub tal-pjan. Il-punt sa fejn l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema jinfluwenza d-deċiżjonijiet dwar l-ispazju jvarja b’mod konsiderevoli. F’għadd ta’ Stati Membri, is-sejbiet tal-VAS infurmaw b’mod ċar l-għażliet ta’ żonar, is-salvagwardji, il-kundizzjonijiet jew l-esklużjonijiet għal użi speċifiċi (b’mod partikolari l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, l-estrazzjoni u n-navigazzjoni). F’oħrajn, il-kunsiderazzjonijiet tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema jibqgħu f’livell aktar ġenerali, b’restrizzjonijiet ambjentali li mistennija jiġu indirizzati primarjament fl-istadju tal-awtorizzazzjoni tal-proġett permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sussegwenti.
L-Istati Membri ġeneralment jankraw l-implimentazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fl-oqfsa ambjentali eżistenti tal-UE, b’mod partikolari l-MSFD, il-leġiżlazzjoni ta’ Natura 2000 u s-sistemi nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-baħar. L-allinjament mal-objettivi ta’ status ambjentali tajjeb (GES) spiss jiġi ċċitat, iżda xi pjanijiet biss isarrfu dan l-allinjament f’oqfsa ta’ valutazzjoni strutturati u bbażati fuq deskritturi jew f’analiżijiet tal-impatt kumulattiv li jidderieġu direttament l-għażliet tal-ippjanar. F’postijiet oħrajn, ir-referenzi għall-funzjonament u r-reżiljenza tal-ekosistema huma fil-biċċa l-kbira narrattivi. L-applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema tirrifletti wkoll id-differenzi fil-mudelli ta’ governanza. Is-sistemi ċentralizzati għandhom it-tendenza li jibbażaw fuq valutazzjonijiet ambjentali fil-livell nazzjonali biex jinkorporaw kunsiderazzjonijiet tal-ekosistema. Sadanittant, sistemi fuq ħafna livelli jew federali jqassmu l-implimentazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fost proċessi nazzjonali u subnazzjonali, li xi drabi jirriżultaw f’applikazzjoni irregolari madwar il-baċiri tal-baħar. L-approċċi ta’ ppjanar ibbażati fuq il-baċiri tal-baħar jew fuq façades għenu lil xi Stati Membri jfasslu valutazzjonijiet tal-ekosistema għall-kundizzjonijiet ekoloġiċi reġjonali, u b’hekk jappoġġaw applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema aktar ibbażata fuq il-post.
|
Eżempji ta’ prattika tajba:
·L-Irlanda applikat VAS immexxija mill-objettivi, li ttestjat kull politika tal-qafas nazzjonali tal-ippjanar tal-baħar kontra objettivi ambjentali strateġiċi li jkopru l-aspetti kollha tad-Direttiva VAS (il-bijodiversità, is-saħħa tal-bniedem, l-ilma, il-klima, il-pajsaġġ, il-wirt kulturali, eċċ.). Il-VAS tipprovdi evidenza ta’ rekord sħiħ ta’ skrinjar/identifikazzjoni bikrija, ittestjar iterattiv bl-użu tal-objettivi tal-VAS, u dikjarazzjoni tal-impatt ta’ Natura integrata u valutazzjoni xierqa. Id-Dikjarazzjoni tal-VAS tispjega kif il-konsultazzjoni u l-valutazzjoni biddlu l-qafas nazzjonali tal-ippjanar tal-baħar. Dan huwa eżempju fejn il-VAS influwenzat b’mod ċar il-kontenut tal-pjan.
·Il-VAS tal-2023 tad-Danimarka tivvaluta kull emenda tal-MSP b’referenza għall-11-il deskrittur MSFD, billi tuża tabelli ta’ pressjoni speċifiċi għad-deskritturi biex teżamina kif it-tneħħija taż-żoni tal-akkwakultura u tal-estrazzjoni jew l-espansjoni taż-żoni tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u tal-ħżin tas-CO₂ taffettwa l-GES. Dan l-approċċ strutturat isaħħaħ ir-rabta diretta bejn l-analiżi tal-pressjoni, l-objettivi tal-GES u d-deċiżjonijiet finali dwar iż-żonar.
·Il-VAS tal-Estonja tikkombina l-analiżi tal-pressjoni tal-MSFD mal-immudellar tal-impatt kumulattiv (PlanWise4Blue). L-outputs tal-mudelli li juru riskji għoljin għall-għasafar u għall-friefet il-lejl - speċjalment mill-iżvilupp tal-parks eoliċi raggruppati fil-Golf ta’ Riga - wasslu għar-rilokazzjoni taż-żoni tal-enerġija eolika u għall-introduzzjoni ta’ mitigazzjoni mmirata għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni, akkwakultura u difiża.
|
B’mod ġenerali, l-aktar reviżjonijiet reċenti għall-MSPs juru li sar progress ċar f’termini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(1), b’użu aktar sistematiku tad-data ambjentali, analiżi tal-pressjoni kumulattiva u konnessjonijiet mal-objettivi tal-MSFD. Fl-istess ħin, l-applikazzjoni prattika tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għadha irregolari bejn il-pajjiżi. Dan jirrifletti, parzjalment, interpretazzjonijiet nazzjonali differenti tal-kunċett u n-nuqqas ta’ qafas aktar operazzjonali fil-livell tal-UE. Filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistema huma indirizzati b’mod wiesa’ permezz tal-VAS u ta’ proċeduri relatati, hemm lok fiċ-ċikli tal-ippjanar futuri biex dawn l-analiżijiet jissarrfu b’mod aktar sistematiku f’dispożizzjonijiet spazjali artikolati b’mod ċar, kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet u arranġamenti ta’ monitoraġġ fi ħdan l-MSPs infushom.
2.2.2.Kunsiderazzjoni tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tas-sikurezza
B’mod ġenerali, l-Istati Membri indirizzaw b’mod sistematiku l-aspetti ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tas-sikurezza meta kienu qed iħejju u jimplimentaw l-MSPs, f’konformità mal-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva MSP. Il-kunsiderazzjonijiet ambjentali ġeneralment ingħataw l-aktar attenzjoni u ġew inkorporati b’mod konsistenti fl-MSPs, u dan juri rabtiet b’saħħithom mal-proċessi tal-VAS u allinjament mal-obbligi skont il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. L-aspetti ekonomiċi ġew indirizzati primarjament permezz tal-organizzazzjoni spazjali ta’ setturi marittimi ewlenin, b’mod partikolari l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, it-trasport marittimu, il-portijiet u attivitajiet oħrajn tal-ekonomija blu (bħall-akkwakultura). Sadanittant, il-kunsiderazzjonijiet soċjali ġew inkorporati b’mod aktar irregolari, spiss permezz ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati (pereżempju mas-settur tas-sajd) u permezz ta’ objettivi ta’ ppjanar ta’ livell għoli aktar milli permezz ta’ oqfsa analitiċi ddedikati. L-aspetti tas-sikurezza, b’mod partikolari s-sikurezza marittima u r-restrizzjonijiet relatati mad-difiża, ġew riflessi b’mod komuni f’deżinjazzjonijiet spazjali, miżuri ta’ għażla tar-rotot u żoni ta’ esklużjoni jew restrizzjoni.
|
Eżempji ta’ kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza fl-MSPs:
Ir-rekwiżiti tas-sikurezza huma inkorporati f’diversi MSPs. L-Irlanda teħtieġ valutazzjonijiet tar-riskju ta’ navigazzjoni u tiftix u salvataġġ fil-livell tal-proġetti (bl-użu ta’ għodod bħas-sett ta’ għodod żviluppat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Għajnuniet Marittimi għan-Navigazzjoni (IALA)), allinjati mal-ippjanar nazzjonali ta’ emerġenza u difiża. Il-pjanijiet ta’ façade ta’ Franza jinkludu taqsimiet iddedikati għall-analiżi tar-riskju u skedi ta’ azzjoni dwar is-sorveljanza marittima u l-kapaċità ta’ rispons. L-Iżvezja tippromwovi s-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-baħar - li mistennija jnaqqsu l-kolliżjonijiet u l-inkaljar b’aktar minn 60 % - u tidentifika l-aġġornamenti tal-portijiet u tal-kanali tan-navigazzjoni meħtieġa biex jiġu indirizzati l-lakuni fis-sikurezza. Dawn l-eżempji juru kif l-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jtejjeb is-sikurezza marittima permezz ta’ valutazzjoni u koordinazzjoni strutturati ma’ awtoritajiet speċjalizzati.
|
L-iżviluppi reċenti jindikaw li kien hemm bidla gradwali lil hinn minn approċċ deskrittiv għal kunsiderazzjoni aktar strutturata tal-kompromessi bejn l-objettivi. F’diversi Stati Membri, ir-reviżjonijiet tal-MSP fittxew dejjem aktar li jibbilanċjaw ix-xewqa li jiġi aċċellerat il-varar tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta mal-ħtieġa li tiġi protetta l-bijodiversità, li s-sajd ikun jista’ jeżisti flimkien ma’ setturi oħrajn u li tiġi żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza qed jiksbu prominenza fid-dawl tal-kompetizzjoni dejjem tikber għall-ispazju tal-baħar u l-ħtieġa li tiġi protetta l-infrastruttura kritika, filwaqt li l-objettivi ekonomiċi u ambjentali issa huma stabbiliti b’mod aktar espliċitu fil-livell tal-MSP milli kienu fl-ewwel ċiklu ta’ ppjanar.
Minkejja dan il-progress, għad hemm differenzi f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżijiet soċjoekonomiċi u tas-sikurezza u l-punt sa fejn dawn jitpoġġew fil-prattika. L-aspetti ambjentali għandhom metodoloġiji aktar stabbiliti u disponibbiltà aħjar tad-data, filwaqt li l-impatti soċjali u l-effetti soċjoekonomiċi kumulattivi spiss jiġu indirizzati b’mod kwalitattiv. B’mod ġenerali, l-ippjanar tal-ispazju marittimu qed jintuża dejjem aktar bħala qafas strateġiku għar-rikonċiljazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tas-sikurezza, għalkemm il-metodoloġiji huma mistennija li jiġu żviluppati ulterjorment hekk kif l-Istati Membri jidħlu f’ċikli ta’ ppjanar sussegwenti.
2.2.3.Promozzjoni tal-koerenza
Sa mill-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri żiedu l-isforzi tagħhom b’mod progressiv biex jippromwovu l-koerenza bejn l-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-politiki, l-istrateġiji u l-proċessi ta’ ppjanar relatati, kif meħtieġ skont l-Artikolu 6(2)(c) tad-Direttiva MSP. L-Istati Membri kostali kollha issa jirrikonoxxu b’mod espliċitu l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala qafas ta’ koordinazzjoni għall-allinjament tal-objettivi ambjentali, settorjali u spazjali fl-ambjent tal-baħar, anke jekk il-punt sa fejn il-politiki differenti huma konsistenti jvarja minn pajjiż għal ieħor.
L-aktar approċċ konsistenti biex jintlaħaq dan l-objettiv jista’ jidher fil-politiki ambjentali tal-baħar, li ġew allinjati mal-objettivi u l-evidenza meħtieġa skont l-MSFD u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. F’ħafna każijiet, ir-rekwiżiti ambjentali huma riflessi fid-deżinjazzjonijiet spazjali, fil-kundizzjonijiet tal-ippjanar jew fid-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja, appoġġati minn proċessi ta’ valutazzjoni ambjentali strateġika. Fi Stati Membri oħrajn, il-konsistenza hija indirizzata ulterjorment permezz ta’ referenzi ta’ livell għoli u koordinazzjoni proċedurali, b’integrazzjoni konkreta tal-politika indirizzata fi stadji aktar tard jew fuq bażi ta’ każ b’każ.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirreferu espliċitament ir-rabtiet mal-MSFD u mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD), ħafna drabi billi jallinjaw l-objettivi ambjentali u d-deżinjazzjonijiet spazjali. F’xi każijiet, l-istess awtoritajiet jissorveljaw l-implimentazzjoni kemm tad-Direttiva MSP kif ukoll tal-MSFD, li tiffaċilita l-iskambju ta’ data u għarfien espert.
|
Eżempju ta’ prattika tajba: Franza tuża strument integrat bis-sħiħ fil-livell ta’ faċċati marittimi (Documents Stratégiques de Façade), li fl-istess ħin iservi bħala l-MSP u l-qafas strateġiku għall-implimentazzjoni tal-MSFD. L-obbligi ambjentali (in-network Natura 2000, l-objettivi tal-MSFD, l-obbligi tad-WFD) huma inkorporati fil-mapep tal-użu tad-DSFs u fil-pjan ta’ azzjoni speċifiku għall-façade (li jinkludi skedi ta’ azzjoni tematiċi) li jiżguraw li l-gwida spazjali u l-miżuri ta’ ġestjoni jinġabru flimkien f’dokument wieħed ta’ ppjanar.
|
Lil hinn mill-politika ambjentali, l-ippjanar tal-ispazju marittimu issa qed jintuża b’mod aktar robust biex tittejjeb il-koordinazzjoni mal-oqfsa tal-enerġija, tat-trasport marittimu, tal-iżvilupp tal-portijiet u tal-ippjanar kostali. Ir-reviżjonijiet reċenti tal-pjanijiet u l-aġġornamenti mmirati juru xejra lejn l-iżvilupp ta’ fehim aktar ċar ta’ kif l-ippjanar tal-ispazju marittimu jinteraġixxi mal-istrateġiji settorjali nazzjonali, b’mod partikolari fejn hemm implikazzjonijiet spazjali sinifikanti. Id-differenzi fl-istrutturi ta’ governanza, fiċ-ċikli ta’ ppjanar u fil-mandati legali jkomplu jinfluwenzaw l-allinjament, iżda l-ippjanar tal-ispazju marittimu qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar bħala qafas ta’ referenza stabbli għall-ġestjoni ta’ dawn l-interazzjonijiet.
F’ċerti każijiet u speċjalment f’żoni ffullati, l-ippjanar koerenti jirrikjedi wkoll li jitqies l-użu konġunt tal-ispazju minn partijiet ikkonċernati differenti. Is-sinerġiji u l-opportunitajiet ta’ kolokazzjoni qed jiġu kkunsidrati dejjem aktar f’diversi Stati Membri, inkluż permezz ta’ approċċi emerġenti għal żoni b’diversi użi, li tipikament jinvolvu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u akkwakultura, jew li jikkombinaw l-infrastruttura tal-enerġija u l-objettivi tal-bijodiversità. Filwaqt li jeżistu mekkaniżmi biex jiġu vvalutati l-interazzjonijiet fl-Istati Membri kollha, tali approċċi għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom esploratorji u jiddependu fuq sperimentazzjoni bbażata fuq proġetti aktar milli fuq proċeduri formali ta’ ppjanar. Approċċ veru ta’ “użi multipli skont id-disinn” ikun jeħtieġ ukoll impenn qawwi mill-partijiet ikkonċernati u involviment bikri tagħhom.
B’mod ġenerali, l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu tindika bidla gradwali lil hinn mill-kontrolli formali tal-konsistenza lejn koordinazzjoni aktar sostantiva. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom approċċi differenti, hemm xejra komuni lejn l-inkorporazzjoni tal-koerenza fl-arranġamenti ta’ governanza ta’ rutina, appoġġata minn mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni interministerjali, sistemi ta’ data kondiviżi u rieżamijiet iterattivi tal-pjanijiet. Din ix-xejra hija mistennija li tkompli hekk kif l-ippjanar tal-ispazju marittimu jimmatura u hekk kif l-Istati Membri jidħlu f’ċikli ta’ ppjanar sussegwenti.
2.2.4.Interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar
L-Istati Membri kollha indirizzaw l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar fl-oqfsa tal-ippjanar tal-ispazju marittimu tagħhom, kif meħtieġ mill-Artikoli 4(2) u 6(2)(a) tad-Direttiva MSP. Madankollu, il-profondità, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-intensità tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar ivarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi, u dan jirrifletti d-differenzi fl-arranġamenti kostituzzjonali, fis-setgħat amministrattivi u fit-tradizzjonijiet regolatorji, b’mod partikolari fir-rigward tad-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet tal-ippjanar marittimu u terrestri.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jittrattaw l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar bħala kunsiderazzjoni trażversali minflok ma jindirizzawhom permezz ta’ approċċ ta’ ppjanar integrat bis-sħiħ. L-MSPs jidentifikaw b’mod komuni interfaċċi ewlenin bħall-aċċess għall-portijiet u għat-tbaħħir, il-konnessjonijiet tal-enerġija u tal-grilja, il-protezzjoni kostali, il-pressjonijiet ambjentali li joriġinaw mill-art, u l-konnettività ekoloġika tul il-kosta. Il-proċessi tal-VAS spiss appoġġaw l-integrazzjoni ta’ dawn l-interfaċċi billi enfasizzaw l-effetti kumulattivi tal-politiki tal-baħar u kostali u l-ħtieġa għal konsistenza bejniethom.
Ġew osservati approċċi aktar avvanzati fejn l-arranġamenti istituzzjonali jippermettu koordinazzjoni mill-qrib bejn is-sistemi ta’ ppjanar marittimu u terrestri. F’dawn il-każijiet, l-MSPs jipprovdu gwida aktar ċara dwar l-allinjament tal-użi lil hinn mill-kosta mal-infrastruttura fuq l-art, l-oqfsa tal-iżvilupp kostali u l-objettivi tal-ġestjoni ambjentali. Diversi Stati Membri taw kunsiderazzjoni akbar lill-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar fl-aġġornamenti reċenti għall-MSPs tagħhom, b’mod partikolari b’reazzjoni għaż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, l-iżvilupp tal-portijiet u l-ħtiġijiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.
B’kuntrast għal dan, fl-Istati Membri bi strutturi ta’ governanza aktar frammentati jew b’separazzjoni qawwija bejn il-kompetenzi tal-ippjanar terrestri u marittimu (fejn l-MSPs ikopru biss iż-żona ekonomika esklussiva), l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar spiss ġew indirizzati permezz ta’ referenzi ġenerali, bl-implimentazzjoni fil-biċċa l-kbira titħalla għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-proġett u l-proċessi settorjali għall-ħruġ tal-permessi.
2.2.5.L-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-parteċipazzjoni pubblika
L-Istati Membri kollha daħħlu fis-seħħ arranġamenti biex jiżguraw l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-parteċipazzjoni pubblika fl-ippjanar tal-ispazju marittimu, f’konformità mal-Artikoli 6(2)(d) u 9 tad-Direttiva MSP. Il-parteċipazzjoni pubblika hija ankrata b’mod universali fl-ippjanar statutorju u l-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali, u b’hekk jiġu żgurati opportunitajiet minimi u legalment konformi għall-konsultazzjoni. Billi l-ippjanar tal-ispazju marittimu jinvolvi kunsiderazzjonijiet u impatti ambjentali sinifikanti, l-Istati Membri jridu japplikaw il-prinċipji tad-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni Pubblika meta jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku fil-proċess tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, b’mod partikolari meta jwettqu l-valutazzjoni ambjentali strateġika.
Lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti bażiċi, l-approċċi għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati jvarjaw b’mod sinifikanti fil-kuntesti nazzjonali, u jirriflettu d-differenzi fl-istrutturi kostituzzjonali, fit-tradizzjonijiet amministrattivi, fil-kulturi tal-ippjanar u fl-oqfsa regolatorji.
L-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri ġeneralment evolva minn eżerċizzju ta’ konsultazzjoni predominantement formali f’mudell ta’ impenn aktar strutturat u, f’xi każijiet, kontinwu. L-ewwel ġenerazzjoni ta’ MSPs kienet tiddependi ħafna fuq konsultazzjonijiet pubbliċi mwettqa matul il-fażi preparatorja tal-MSP u l-proċess ta’ valutazzjoni ambjentali strateġika. Pjanijiet aktar reċenti u rieżamijiet li għadhom għaddejjin ikkomplementaw dejjem aktar il-konsultazzjonijiet pubbliċi b’konsultazzjonijiet settorjali mmirati, workshops tematiċi, skambji bilaterali u għodod diġitali, bħal pjattaformi interattivi ta’ mmappjar.
Hemm xejra ċara lejn it-tisħiħ tal-impenn transsettorjali, b’mod partikolari fost l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport marittimu, l-ambjent, is-sajd u l-iżvilupp kostali. F’diversi Stati Membri, ġew stabbiliti korpi konsultattivi jew ta’ koordinazzjoni permanenti jew semi-permanenti, kif ukoll kumitati interministerjali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni u s-segwitu, li jippermettu li d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati jestendi lil hinn mill-fażi tal-adozzjoni u fil-monitoraġġ u r-rieżami. Fejn jeżistu arranġamenti bħal dawn, dawn jikkontribwixxu għal trasparenza, prevedibbiltà u sjieda kondiviża akbar tal-eżiti tal-MSP.
|
Eżempji ta’ prattika tajba:
·Ċipru juri proċess ta’ konsultazzjoni mfassal tajjeb u trasparenti. Dan jinkludi żewġ fażijiet ta’ konsultazzjoni mal-pajjiż kollu li jikkombinaw preżentazzjonijiet belt, belt ma’ pjattaforma online għal sottomissjonijiet bil-miktub u jagħmel l-abbozzi tal-mapep kollha aċċessibbli għall-pubbliku. Huwa importanti li nirrimarkaw li l-input wassal għal bidliet tanġibbli fl-MSP. Pereżempju, l-unitajiet tal-akkwakultura ġew rilokati biex jiġu evitati kunflitti mal-infrastruttura tal-enerġija, ġew introdotti żoni ddedikati għall-ippustjar tal-kejbils biex jitnaqqsu r-riskji tan-navigazzjoni, u ġew formalizzati żoni b’użu multiplu biex tiġi ġestita l-koeżistenza bejn attivitajiet bħall-enerġija, it-trasport, it-turiżmu, il-wirt kulturali u d-difiża. Rapport konsolidat dwar il-kummenti u r-reazzjonijiet iddokumenta kif il-feedback sawwar il-pjan finali, u b’hekk jiżgura traċċabbiltà sħiħa.
·Fin-Netherlands, il-partijiet ikkonċernati tas-sajd huma involuti fl-ippjanar tal-ispazju marittimu permezz ta’ proċess ta’ impenn strutturat u kontinwu, imħaddem b’mod partikolari meta l-MSP tal-Baħar tat-Tramuntana ġie rivedut b’rabta mal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Lil hinn mill-konsultazzjonijiet pubbliċi statutorji, organizzazzjonijiet tas-sajd bħal VisNed (assoċjazzjoni tas-sajd Olandiża) u POV (organizzazzjoni Olandiża tal-produtturi tas-sajd) jipparteċipaw fi djalogu settorjali ddedikat u skambji mmirati. Dan il-proċess jindirizza t-tħassib dwar is-sajd, bħall-aċċess għal postijiet għas-sajd, is-sikurezza, u l-koeżistenza, kif ukoll l-objettivi ambjentali u tal-enerġija, l-appoġġ għat-trasparenza u l-kompromessi infurmati. Għad fadal sfidi, inklużi kunflitti spazjali, riskji għas-sikurezza u lakuni fid-data. Qed jiġu esplorati soluzzjonijiet innovattivi, bħat-tqassim dinamiku f’żoni u r-riċerka kollaborattiva (eż. il-Programm Ekoloġiku tal-Produzzjoni tar-Riħ fuq il-baħar (Wozep)) biex jibbilanċjaw l-interessi f’kompetizzjoni. L-approċċ Olandiż jallinja mad-Direttiva MSP u jinvolvi kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi ġirien tal-Baħar tat-Tramuntana.
|
Fl-istess ħin, il-profondità, il-kontinwità u l-bilanċ tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati għadhom irregolari. Filwaqt li l-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u l-atturi settorjali organizzati sew – b’mod partikolari l-industriji marittimi fuq skala kbira – huma ġeneralment integrati sew fil-proċessi tal-ippjanar, l-inklużjoni tal-komunitajiet lokali, tas-sajd fuq skala żgħira, tal-operaturi tal-akkwakultura, tal-atturi ekonomiċi iżgħar u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tibqa’ ferm aktar varjabbli u spiss limitata għal konsultazzjonijiet ad hoc, aktar milli tkun inkorporata b’mod sistematiku u sostnut matul iċ-ċiklu tal-ippjanar kollu. Ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet u tal-partijiet ikkonċernati, il-mandati differenti fil-livelli kollha tal-gvern u l-kumplessità tal-proċessi tal-MSP jibqgħu ostakli għal impenn aktar konsistenti u inklużiv f’xi Stati Membri.
2.2.6.Użu tal-aħjar data disponibbli u kondiviżjoni tad-data
L-ippjanar tal-ispazju marittimu fl-Istati Membri huwa sostnut minn użu wiesa’ u dejjem aktar strutturat tad-data, f’konformità mal-Artikoli 6(2)(e) u 10 tad-Direttiva MSP. L-MSPs kollha jużaw taħlita ta’ settijiet ta’ data ambjentali, soċjoekonomiċi u settorjali eżistenti u jibbażaw, b’mod partikolari, fuq data ġġenerata skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, b’mod partikolari l-MSFD, id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, u oqfsa settorjali rilevanti, ikkomplementati minn sorsi fil-livell tal-baċir tal-baħar jew fil-livell tal-UE bħan-Network Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet), is-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Ambjent tal-Baħar ta’ Copernicus u l-Atlas Ewropew tal-Ibħra.
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-awtoritajiet jorganizzaw l-użu tad-data permezz ta’ proċessi jew pjattaformi nazzjonali ddedikati li jikkonsolidaw l-input minn awtoritajiet kompetenti u sistemi ta’ monitoraġġ differenti.
Il-valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS) komunement isservi bħala l-mekkaniżmu primarju għall-organizzazzjoni u l-validazzjoni tad-data ambjentali li mbagħad tiġi integrata fl-MSPs. Il-linji bażi ambjentali, l-analiżijiet tal-pressjoni u l-valutazzjonijiet tal-impatt kumulattivi tipikament jibbażaw fuq id-data ta’ monitoraġġ tal-MSFD, l-inventarji ta’ Natura 2000, l-immappjar nazzjonali ta’ qiegħ il-baħar, is-settijiet ta’ data dwar is-sajd u t-tbaħħir, u informazzjoni speċifika għas-settur (eż. l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, il-portijiet, il-kejbils). Diversi Stati Membri jużaw speċifikament id-deskritturi, l-indikaturi u ċ-ċikli ta’ valutazzjoni tal-MSFD li jservu bħala s-sinsla ambjentali għal kif tintuża d-data għall-MSPs tagħhom, filwaqt li oħrajn jużaw dawn b’mod aktar indirett, sabiex iservu bħala evidenza kuntestwali biex jassistu fl-iżvilupp tal-MSPs u d-deċiżjonijiet fuq il-ħruġ tal-permessi.
Ħafna Stati Membri investew fl-infrastruttura nazzjonali jew reġjonali tad-data tal-baħar biex jappoġġaw l-ippjanar tal-ispazju marittimu. Eżempji ta’ tali infrastruttura jinkludu ġeoportali tal-baħar, pjattaformi tas-sistemi ta’ informazzjoni ġeografiċi (GIS) kondiviżi u għodod ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet li jippermettu kopertura spazjali tal-użi, restrizzjonijiet u sensittivitajiet ambjentali. F’xi każijiet, dawn is-sistemi huma mfassla biex jappoġġaw mhux biss it-tħejjija tal-MSPs, iżda wkoll VAS, Valutazzjonijiet Xierqa u awtorizzazzjonijiet sussegwenti fil-livell tal-proġett, it-titjib tal-konsistenza fl-istadji tal-ippjanar u tal-liċenzjar.
Fl-istess ħin, tista’ tiġi osservata varjazzjoni sinifikanti fil-komparabbiltà tad-data u fl-użu operazzjonali tad-data bejn l-Istati Membri, li tirrifletti d-differenzi fid-disponibbiltà tad-data u fil-kapaċità teknika. F’diversi każijiet, il-limitazzjonijiet tad-data huma rikonoxxuti espliċitament fl-MSPs jew fil-VAS, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi tal-ekosistema, il-pressjonijiet kumulattivi, l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-interazzjonijiet soċjoekonomiċi. Fejn jeżistu lakuni fid-data, l-MSPs japplikaw b’mod komuni approċċi ta’ prekawzjoni, jiddifferixxu analiżi dettaljata għal ċikli ta’ ppjanar sussegwenti, jew jibbażaw fuq valutazzjonijiet fil-livell tal-proġett biex jirfinaw l-evidenza.
|
Eżempji ta’ prattika tajba:
·Spanja tuża l-pjattaforma INFOMAR biex tarmonizza s-settijiet ta’ data u l-kriterji għall-ħruġ tal-permessi għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-MSFD u l-awtoritajiet tal-ġestjoni kostali, u b’hekk tiffaċilita l-allinjament operazzjonali fl-oqsma kollha tal-politika.
·L-Istati Membri tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana, b’mod partikolari, jagħmlu użu sistematiku mis-settijiet ta’ data u mill-għodod reġjonali żviluppati fl-ambitu ta’ HELCOM–VASAB, ta’ OSPAR u tal-proġetti ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu ffinanzjati mill-UE.
|
2.2.7.Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u fil-livell tal-baċiri tal-baħar
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-ippjanar tal-ispazju marittimu ssaħħet ulterrjorment, f’konformità mal-Artikoli 6(2)(f) u 11 tad-Direttiva MSP. Il-kooperazzjoni hija karatteristika standard tal-proċessi tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, b’mod partikolari f’baċiri tal-baħar kondiviżi, u hija inkorporata permezz ta’ taħlita ta’ proċeduri formali, oqfsa reġjonali u kollaborazzjoni bbażata fuq proġetti. Madankollu, il-grad u t-tip ta’ kooperazzjoni, u l-influwenza prattika tagħha fuq l-eżiti tal-ippjanar, ivarjaw b’mod sinifikanti bejn il-baċiri tal-baħar u l-pajjiżi.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom mekkaniżmi fis-seħħ biex jikkonsultaw, jikkoordinaw u jiskambjaw informazzjoni mal-pajjiżi ġirien. Tipikament, dawn jieħdu l-forma ta’ konsultazzjonijiet dwar il-VAS u l-MSP, laqgħat bilaterali u parteċipazzjoni fi strutturi reġjonali tal-baċiri tal-baħar. Il-konsultazzjonijiet transfruntiera taħt il-qafas tal-VAS jibqgħu l-aktar mezz sistematiku u legalment robust għall-kooperazzjoni, u b’hekk jiżguraw notifika bikrija, skambju ta’ dokumentazzjoni, u kunsiderazzjoni tal-effetti ambjentali transfruntiera. F’diversi każijiet, dawn il-proċessi għenu biex jiġu allinjati aħjar il-bażijiet tal-evidenza, il-valutazzjonijiet ambjentali u s-suppożizzjonijiet tal-ippjanar bejn il-pajjiżi.
Lil hinn mill-konsultazzjonijiet formali, il-kooperazzjoni spiss tiġi organizzata permezz ta’ oqfsa ta’ governanza reġjonali eżistenti, bħall-grupp ta’ ħidma tal-MSP HELCOM–VASAB fil-Baħar Baltiku, l-istrutturi relatati mal-OSPAR u l-Inizjattiva tal-Baċir tal-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir fil-Grigal tal-Atlantiku, kif ukoll permezz ta’ implimentazzjoni kkoordinata tal-protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Dawn l-oqfsa jipprovdu prinċipji, gwida u fora komuni għad-djalogu li, min-naħa tagħhom, jgħinu biex jallinjaw l-approċċi tal-ippjanar tal-ispazju, b’mod partikolari dwar l-objettivi ambjentali, it-tbaħħir u l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Barra minn hekk, il-proġetti u l-pjattaformi ffinanzjati mill-UE għandhom rwol komplementari billi jiffaċilitaw studji konġunti, metodoloġiji kondiviżi u applikazzjonijiet pilota, speċjalment fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt kumulattivi, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema u l-użu ta’ data transfruntiera.
|
Eżempju ta’ prattika tajba:
L-Inizjattiva tal-Baċir tal-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir (GNSBI) — Imnedija fl-2023 min-Netherlands u minn Franza, il-GNSBI tlaqqa’ flimkien disa’ pajjiżi li jmissu mal-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir (BE, DK, FR, DE, IE, NL, NO, SE, UK). L-għan tagħha huwa li ttejjeb il-koerenza tal-ippjanar tal-ispazju marittimu u tal-ġestjoni tal-baħar fil-baċir kollu billi tallinja l-prijoritajiet f’oqsma bħall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, is-sajd/l-akkwakultura, it-tbaħħir u l-konservazzjoni tan-natura, u billi tappoġġa approċċ transfruntier ibbażat fuq l-ekosistema għall-ottimizzazzjoni ta’ kif jintużaw l-ilmijiet kondiviżi. Filwaqt li taħdem flimkien ma’ fora eżistenti bħall-Kooperazzjoni tal-Enerġija fl-Ibħra tat-Tramuntana (NSEC, North Seas Energy Cooperation) u l-Konvenzjonijiet ta’ Oslo u ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-tal-Atlantiku tal-Grigal (OSPAR), hija ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-ministri, l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati, u tippromwovi l-kondiviżjoni tad-data u tal-għarfien. Sitt flussi ta’ xogħol tekniċi volontarji (il-governanza, l-użu multiplu/l-użu konġunt, il-konservazzjoni tan-natura, l-impatti kumulattivi, il-perspettivi tas-sajd fit-tul u l-kondiviżjoni tal-għarfien) jipprovdu qafas strutturat biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet kumulattivi u jinżammu l-limiti ekoloġiċi.
|
Fil-prattika, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u fil-livell tal-baċir tal-baħar għad għandha impatt li jvarja fuq deċiżjonijiet speċifiċi dwar l-ippjanar tal-ispazju. Filwaqt li xi Stati Membri tqiesu li jallinjaw ruħhom mal-għażliet ta’ żonar, mal-kurituri jew mas-salvagwardji ambjentali, f’ħafna każijiet, il-kooperazzjoni sservi prinċipalment biex tappoġġa l-għarfien reċiproku u l-iskambju ta’ informazzjoni minflok ma twassal eżiti ta’ ppjanar konġunti jew ikkoordinati. Id-differenzi fiċ-ċikli tal-ippjanar, fl-istatus legali tal-MSPs, fis-setgħat amministrattivi u fil-prijoritajiet nazzjonali jibqgħu ostakli għal integrazzjoni aktar profonda.
2.2.8.Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi
Il-maġġoranza tal-Istati Membri jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi, speċjalment fejn ikun hemm raġunijiet konvinċenti biex jagħmlu dan, bħal baċiri tal-baħar kondiviżi, ekosistemi migratorji jew attivitajiet marittimi transfruntieri. Fil-prattika, tali kooperazzjoni hija segwita prinċipalment permezz ta’ strutturi eżistenti bħal konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar, organizzazzjonijiet internazzjonali u proġetti tal-UE aktar milli permezz ta’ ftehimiet bilaterali formali dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu. L-Istati Membri li jikkondividu fruntiera marittima ma’ pajjiżi mhux tal-UE fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u fil-Grigal tal-Atlantiku jirrapportaw impenn bilaterali aktar sistematiku. F’xi baċiri tal-baħar, l-iżviluppi ġeopolitiċi affettwaw il-kontinwità u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u bilaterali.
Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi nstabet li hija l-aktar żviluppata fil-livell tal-formulazzjoni tal-istrateġija u tal-iskambju tal-informazzjoni. L-Istati Membri jipparteċipaw komunement fi pjattaformi reġjonali u f’fora tekniċi għall-finijiet tal-kondiviżjoni tad-data, l-allinjament tal-objettivi ambjentali u d-diskussjoni dwar l-iżviluppi settorjali, b’mod partikolari b’rabta mal-protezzjoni ambjentali, is-sikurezza tat-tbaħħir, is-sajd u l-akkwakultura u użi emerġenti bħall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Dawn l-interazzjonijiet jgħinu biex iqajmu kuxjenza u jtejbu l-fehim reċiproku, iżda rarament biss jirriżultaw f’soluzzjonijiet ta’ ppjanar tal-ispazju kkoordinati jew miftiehma b’mod konġunt. F’diversi każijiet, proġetti ffinanzjati mill-UE jew inizjattivi reġjonali b’perjodu ta’ żmien definit kienu r-raġuni għall-kooperazzjoni, li rriżultaw f’eżiti frammentati jew fit-tmiem tal-kooperazzjoni ladarba l-finanzjament tal-proġett waqaf.
L-evidenza tissuġġerixxi li l-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi hija aktar effettiva meta tkun inkorporata fi strutturi reġjonali fit-tul u meta tkun marbuta ma’ obbligi ambjentali skont konvenzjonijiet internazzjonali. Madankollu, il-mekkaniżmi sistematiċi biex tali kooperazzjoni tissarraf f’dispożizzjonijiet konkreti dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu jew f’miżuri kkoordinati ta’ ppjanar tal-ispazju għadhom limitati. B’mod ġenerali, sar progress fiż-żamma tad-djalogu u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Madankollu, sfida kontinwa għaċ-ċikli ta’ ppjanar futuri tinsab fil-kapaċità tal-Istati Membri li jintegraw b’mod aktar profond u konsistenti l-kunsiderazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi fl-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu.
2.3.Sfidi bl-implimentazzjoni
L-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu miġbura miċ-ċiklu ta’ rapportar preċedenti kkonfermat li l-ippjanar tal-ispazju marittimu issa huwa element ċentrali u stabbilit sew tal-governanza marittima tal-UE. Dan qed jiffunzjona dejjem aktar bħala qafas ta’ referenza għall-organizzazzjoni ta’ użi differenti tal-ispazju tal-baħar u għall-appoġġ tal-koordinazzjoni tal-politika fil-livell nazzjonali u tal-baċiri tal-baħar. Fl-istess ħin, hemm għadd ta’ oqsma fejn ir-rwol tal-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jissaħħaħ ulterjorment biex jirrispondi għall-objettivi ta’ politika li qed jevolvu u għad-domandi dejjem jiżdiedu fuq l-ispazju tal-baħar.
L-ewwel sfida hija relatata mal-koordinazzjoni transsettorjali fil-livelli differenti tal-gvern. L-ippjanar tal-ispazju marittimu diġà jipprovdi qafas spazjali komuni li fih jiġu kkunsidrati l-objettivi ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Madankollu, iż-żieda fl-interazzjonijiet bejn il-politiki dwar l-enerġija, l-ambjent, is-sajd, l-akkwakultura, it-trasport, is-sigurtà u l-adattament għat-tibdil fil-klima jfissru li hemm aspettattivi dejjem akbar għall-ippjanar tal-ispazju marittimu biex tiġi ffaċilitata l-koerenza mhux biss bejn is-setturi, iżda wkoll bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. F’ħafna Stati Membri, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu hija mqassma bejn il-livelli tal-gvern, u din iżżid il-kumplessità tal-proċessi ta’ koordinazzjoni. Filwaqt li l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni huma fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-effettività tagħhom tvarja, u l-esperjenza tal-implimentazzjoni tissuġġerixxi li hemm lok biex jissaħħaħ ulterjorment ir-rwol tal-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala pilastru ta’ koordinazzjoni stabbli li jgħaqqad il-politiki settorjali, l-istrateġiji, il-miri u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni bejn il-livelli tal-gvern. Barra minn hekk, id-domanda dejjem tikber għall-ispazju żżid il-ħtieġa li s-setturi jaħdmu f’oqsma li jikkoinċidu jew kontigwi u, b’hekk, li jippjanaw li jieħdu approċċ ta’ “użu multiplu skont id-disinn” mill-bidu nett u f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati.
Sfida oħra tikkonċerna d-dimensjoni reġjonali u tal-baċir tal-baħar tal-ippjanar tal-ispazju marittimu. Il-kooperazzjoni fil-livell tal-baċiri tal-baħar saret karatteristika standard tal-proċessi tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, appoġġata minn konvenzjonijiet reġjonali, proġetti ffinanzjati mill-UE u pjattaformi ta’ kooperazzjoni stabbiliti. Madankollu, kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi, differenzi fiċ-ċikli tal-ippjanar, mandati nazzjonali u approċċi ta’ implimentazzjoni jistgħu potenzjalment jillimitaw sa liema punt l-objettivi reġjonali huma riflessi sistematikament fl-eżiti spazjali. It-tisħiħ tal-approċċi reġjonali jista’ jgħin biex tinkiseb konsistenza akbar fil-mod kif jiġu indirizzati l-pressjonijiet kondiviżi, l-impatti kumulattivi u l-ħtiġijiet infrastrutturali transfruntiera, filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi nazzjonali.
Sfida addizzjonali tirrigwardja l-importanza li l-istrumenti jsiru aktar koerenti mal-politiki ambjentali, b’mod partikolari mal-MSFD u mar-rekwiżiti u mal-oqfsa relatati mal-konservazzjoni u mar-restawr tan-natura, kif ukoll mal-objettivi tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-proċessi tal-ippjanar tal-ispazju marittimu huma ġeneralment allinjati sew ma’ dawn il-politiki minn perspettiva proċedurali, b’mod partikolari permezz tal-VAS u l-kondiviżjoni tad-data. Madankollu, bl-objettivi ta’ politika jiffokaw dejjem aktar fuq il-kundizzjoni, ir-reżiljenza u r-restawr tal-ekosistemi, kif ukoll fuq l-adattament tagħhom għat-tibdil fil-klima, hemm lok biex l-ippjanar tal-ispazju marittimu jiġi ċċarat ulterjorment biex jiġi żgurat li dan jappoġġa t-traduzzjoni ta’ dawn l-objettivi fl-għażliet tal-ippjanar tal-ispazju. Il-modi kif jiġi ċċarat l-ippjanar tal-ispazju marittimu jinkludu li tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, il-vulnerabbiltà kostali u l-implikazzjonijiet spazjali tal-bidliet xprunati mill-klima, u li jinżamm l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli tas-setturi tal-ekonomija blu.
Sfida emerġenti oħra tirrigwardja l-organizzazzjoni u l-użu tad-data u l-għarfien. Sar progress sinifikanti fl-iżvilupp tal-infrastruttura tad-data tal-baħar u tal-għodod ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, li spiss jibnu fuq inizjattivi fil-livell tal-UE u l-kooperazzjoni reġjonali. Hekk kif l-ippjanar tal-ispazju marittimu qed jevolvi, hemm interess dejjem akbar fit-tisħiħ tar-rabtiet mas-sistemi ta’ osservazzjoni u monitoraġġ tal-oċeani, sabiex jiġi appoġġat l-ippjanar adattiv, jittejjeb il-fehim tal-effetti kumulattivi u tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza għat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-oqsma ta’ politika kollha.
Fl-aħħar nett, l-għadd dejjem jikber ta’ inizjattivi tal-UE dwar l-ispazju tal-baħar jissuġġerixxi ħtieġa għal koerenza u simplifikazzjoni akbar fix-xenarju kollu tal-politika. L-ippjanar tal-ispazju marittimu huwa dejjem aktar mistenni li jopera fl-interfaċċja bejn diversi setturi, strateġiji, pjanijiet u rekwiżiti ta’ rapportar. Filwaqt li dan jirrifletti l-potenzjal tiegħu bħala forza ta’ integrazzjoni, huwa jissottolinja wkoll kemm huwa importanti għall-ippjanar tal-ispazju marittimu li jissimplifika, aktar milli jżid, il-kumplessità tal-governanza eżistenti. Allinjament ulterjuri tal-objettivi, tal-iskedi ta’ żmien u tal-flussi ta’ informazzjoni fil-politiki kollha jista’ jtejjeb l-effettività tal-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala strument ewlieni ta’ ppjanar u koordinazzjoni.
B’mod ġenerali, l-isfidi stabbiliti hawn fuq jissuġġerixxu opportunitajiet biex nibnu fuq il-pedamenti solidi stabbiliti mid-Direttiva MSP. L-esperjenza minn ċikli ta’ ppjanar suċċessivi tipprovdi bażi solida biex jiġi kkunsidrat kif l-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jissaħħaħ ulterjorment bħala pilastru ċentrali tal-governanza tal-oċeani tal-UE, inkluż fil-kuntest tar-rieżami li ġej tad-Direttiva MSP u l-iżvilupp tal-Att futur dwar l-Oċeani, kif imħabbar fil-Patt dwar l-Oċeani adottat f’Ġunju 2025.
3.It-triq ’il quddiem
Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva MSP, il-qafas ta’ politika u legali li jirregola l-ilmijiet tal-baħar tal-UE evolva b’mod sostanzjali. L-ippjanar tal-ispazju marittimu issa jopera f’kuntest li fih qed jiżdied il-pass tal-użu tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, qed jissaħħu l-objettivi tal-protezzjoni u r-restawr tal-ambjent, il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà u tar-reżiljenza qed isiru aktar ċentrali, u hemm aspettattiva dejjem tikber għal governanza integrata tal-oċeani. Dawn l-iżviluppi jenfasizzaw ir-rilevanza strateġika tal-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala strument ewlieni ta’ koordinazzjoni, filwaqt li jesponu wkoll il-limitazzjonijiet tiegħu f’termini kemm tad-disinn kif ukoll tal-implimentazzjoni tiegħu.
L-ippjanar tal-ispazju marittimu huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala wieħed mill-ftit strumenti li kapaċi jgħaqqdu l-politiki settorjali, l-objettivi ambjentali u t-teħid ta’ deċiżjonijiet spazjali fl-oqsma marittimi kollha. Fl-istess ħin, l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu enfasizzat sfidi strutturali. Dawn jinkludu interpretazzjoni inkonsistenti tal-kunċetti ewlenin bħall-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, it-trattament varjabbli tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, kunsiderazzjoni irregolari tal-partijiet ikkonċernati tal-baħar, approċċi frammentati għad-data u għall-monitoraġġ, u kapaċità limitata għall-koordinazzjoni tal-eżiti tal-ippjanar transfruntier u ta’ pajjiżi terzi.
F’dan il-kuntest, tħabbar Att dwar l-Oċeani futur bħala parti mill-Patt Ewropew għall-Oċeani li jistabbilixxi qafas uniku tal-UE għall-protezzjoni tas-saħħa tal-oċeani u għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu. L-Att dwar l-Oċeani huwa maħsub bħala inizjattiva ewlenija ta’ governanza tal-oċeani li se tibni fuq ir-reviżjoni tad-Direttiva MSP. L-għan tal-Att se jkun li jsaħħaħ u li jimmodernizza l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda strateġika li se taqdi l-prijoritajiet tal-Patt għall-Oċeani u l-implimentazzjoni tagħhom, permezz ta’ koordinazzjoni transsettorjali akbar fil-livell nazzjonali u permezz ta’ approċċ organizzat aħjar tal-baċiri tal-baħar. Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni se jipprovdu bażi ta’ evidenza f’waqtha biex tinforma r-rieżami tad-Direttiva 2014/89/UE u l-iżvilupp tal-Att futur dwar l-Oċeani.
Bħala konklużjoni, dan ir-rapport juri li l-ippjanar tal-ispazju marittimu fl-UE daħal f’fażi ġdida ta’ maturità, filwaqt li hemm xi sfidi persistenti. Ħafna Stati Membri issa jinsabu fit-tieni jew fit-tielet ċiklu ta’ ppjanar tagħhom u qed jiffokaw dejjem aktar fuq ir-rieżami u fuq it-twettiq ta’ aġġornamenti mmirati tal-MSPs, u jsegwu l-implimentazzjoni tagħhom. Dan jiftaħ opportunità biex nimxu lejn ippjanar aktar inklużiv, olistiku u orjentat lejn il-miri, b’regoli aktar ċari dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet, rabtiet aktar b’saħħithom mal-monitoraġġ u ġestjoni adattiva, u koerenza mtejba bejn il-politiki u l-baċiri tal-baħar.