31.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/20


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1142

tad-29 ta’ Lulju 2020

dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2020) 5086)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-iskadenza tal-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fl-20 ta’ Awwissu 2018, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 (2) attivat is-sorveljanza msaħħa għall-Greċja għal perjodu ta’ sitt xhur, mill-21 ta’ Awwissu 2018. Is-sorveljanza msaħħa ġiet sussegwentement imtawla tliet darbiet (3), kull darba għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, l-aħħar darba mill-21 ta’ Frar 2020.

(2)

Sa mill-2010, il-Greċja rċeviet ammont sostanzjali ta’ assistenza finanzjarja, u b’konsegwenza ta’ hekk, l-obbligazzjonijiet pendenti tal-Greċja lejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, lejn il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u lejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jammontaw għal EUR 243 700 miljun. Il-Greċja rċeviet sostenn finanzjarju mis-sħab Ewropej tagħha fuq termini konċessjonali u fl-2012 ġew adottati miżuri speċifiċi biex id-dejn jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli u dan reġa’ sar fl-2017 mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Fit-22 ta’ Ġunju 2018, intlaħaq qbil politiku fil-Grupp tal-Euro biex jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Xi wħud minn dawn il-miżuri, inkluż it-trasferiment ta’ ammonti ekwivalenti għall-introjtu li daħħlu l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-bonds tal-gvern Grieg miżmuma fl-ambitu tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli, jista’ jsir qbil dwarhom darbtejn fis-sena fil-Grupp tal-Euro abbażi ta’ rapportar pożittiv fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa fuq il-konformità tal-Greċja mal-impenji ta’ politika tagħha għal wara l-programm. F’dan ir-rigward, ir-rilaxx tal-ewwel tielet ġabriet ta’ miżuri tad-dejn kontinġenti għall-politika ġew implimentati wara ftehim mal-Grupp tal-Euro f’April 2019, Diċembru 2019 u Ġunju 2020 rispettivament.

(3)

Il-Greċja impenjat ruħha fil-Grupp tal-Euro biex tkompli u tlesti r-riformi ewlenin kollha adottati skont il-programm ta’ appoġġ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (“il-programm”) u biex tissalvagwardja l-objettivi tar-riformi importanti adottati skont dan il-programm u l-predeċessuri tiegħu. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li timplimenta azzjonijiet speċifiċi fl-oqsma ta’ politiki fiskali u fiskostrutturali, tal-benessri soċjali, tal-istabbiltà finanzjarja, tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, tal-privatizzazzjoni u tal-amministrazzjoni pubblika. Dawn l-azzjonijiet speċifiċi, li huma stipulati f’anness tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018, se jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi tal-Greċja u s-sorsi jew is-sorsi potenzjali ta’ diffikultajiet ekonomiċi.

(4)

Fis-26 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Greċja (4). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi (5). Filwaqt li l-progress huwa viżibbli f’għadd ta’ oqsma, għad hemm vulnerabbiltajiet u effetti ta’ legat sinifikanti, relatati mad-dejn pubbliku għoli, mal-livell għoli ta’ self improduttiv fuq il-karti bilanċjali tal-banek, u mas-settur estern, f’kuntest ta’ potenzjal ta’ tkabbir li għadu baxx u r-rata għolja ta’ qgħad. Fl-aħħar tal-2019, id-dejn pubbliku tal-Greċja ammonta għal 176,6 % tal-Prodott Domestiku Gross, l-ogħla livell fl-Unjoni. Il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali netta ta’ -150,6 % tal-Prodott Domestiku Gross fl-2019 tibqa’ sostanzjalment negattiva, għalkemm dan jinkludi dejn pubbliku estern kbir fuq termini ta’ konċessjoni għoljin ħafna. Barra minn hekk, minkejja t-tnaqqis sinifikanti fid-defiċit tal-kont kurrenti fl-aħħar snin, dan xorta għadu mhux biżżejjed biex jiġi appoġġat tnaqqis fil-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta sostanzjalment negattiva b’ritmu sodisfaċenti, biex din titnaqqas għal livelli meqjusa bħala prudenti. Filwaqt li l-qgħad kompla jonqos mil-livell massimu tiegħu ta’ 27,8 % fl-2013, kien għadu ta’ 16,1 % fi Frar 2020. Il-qgħad fit-tul (11,9 % fir-raba’ trimestru tal-2019) u l-qgħad fost iż-żgħażagħ (35,6 % fi Frar 2020) għadhom għoljin, għalkemm naqsu wkoll b’mod sostanzjali meta mqabbla mal-ogħla livelli tagħhom matul il-kriżi (il-qgħad fit-tul laħaq l-ogħla livell ta’ 19,9 % fit-tieni trimestru tal-2014 u l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien ta’ 60,2 % fi Frar 2013).

(5)

Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Tirrappreżenta xokk ekonomiku kbir b’impatt negattiv qawwi fuq il-perspettiva makroekonomika tal-Unjoni Ewropea. Il-Greċja probabbilment tintlaqat partikolarment ħażin minħabba l-kompożizzjoni settorjali tal-ekonomija tagħha. Skont it-Tbassir tas-Sajf tal-Kummissjoni tal-2020, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jista’ jilħaq [X%] fl-2020 iżda għandu jiġi segwit minn irkupru rapidu fl-2021, għalkemm mhux totali. L-inċertezza marbuta mat-tbassir għadha għolja. Il-pandemija x’aktarx li twassal għal żieda sinifikanti fid-dejn pubbliku u parti mit-tnaqqis fil-qgħad osservat fis-snin preċedenti terġa’ tibda tiżdied. Ir-ritorn rapidu għat-tkabbir se jkun kruċjali biex jiġu evitati l-effetti ta’ isteriżi u biex jiġi limitat l-impatt soċjo-ekonomiku tal-kriżi. Il-kobor tar-riċessjoni jirrifletti s-sehem kbir tas-settur tat-turiżmu, li qed jiffaċċja inċertezzi kbar f’dak li għandu x’jaqsam mat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, is-setturi tat-trasport u tat-trasport marittimu x’aktarx li jġarrbu tnaqqis qawwi fir-ritmu flimkien ma’ tnaqqis fil-kummerċ globali.

(6)

Sa minn meta bdiet il-pandemija, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu miżuri bla preċedent biex jipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien. B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-UE, il-Greċja adottat miżuri baġitarji f’waqthom biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk iċ-ċittadini u s-setturi partikolarment milqutin. L-UE appoġġat l-isforzi nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa u jittaffa l-impatt ekonomiku. Hija żblukkat il-baġit tagħha biex tiġġieled il-virus, attivat il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, użat il-flessibbiltà sħiħa tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u pproponiet li jinħoloq strument ġdid biex jgħin lin-nies jibqgħu jaħdmu u tat appoġġ biex jittaffew ir-Riskji tal-Qgħad f’Emerġenza (“SURE”). Flimkien mal-miżuri meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment, ir-rispons tal-UE jipprovdi aktar minn nofs triljun euro biex jappoġġa l-ħaddiema u n-negozji. F’dan l-isfond, fis-27 ta’ Mejju 2020 il-Kummissjoni pproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill it-twaqqif ta’ Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, bl-għan li tagħti appoġġ sinifikanti għall-implimentazzjoni ta’ riformi u ta’ investimenti biex jissaħħu l-ekonomiji tal-Istati Membri.

(7)

Il-konsegwenzi fuq terminu medju u twil tat-tifqigħa tal-COVID-19 b’mod kritiku se jiddependu fuq kemm l-ekonomiji tal-Istati Membri se jirkupraw malajr mill-kriżi, li jiddependi fuq il-miżuri li l-Istati Membri se jieħdu biex itaffu l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, bl-appoġġ tal-UE. Bħall-Istati Membri l-oħra, il-Greċja jenħtieġ li tibbenefika mill-pakkett ta’ rkupru tal-UE li se jgħin biex jiġu ffinanzjati riformi u investimenti kruċjali li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-potenzjal tat-tkabbir u li jżidu r-reżiljenza tal-ekonomija. B’hekk jiġi evitat li d-diverġenzi fl-Unjoni ma jibqgħux jikbru.

(8)

Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat is-sitt valutazzjoni tagħha fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa dwar il-Greċja (6). Ikkonkludiet li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi straordinarji li nħolqu mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-Greċja ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tirrispetta l-impenji speċifiċi dovuti tagħha b’rabta mar-riforma. Din il-valutazzjoni qieset l-involviment mill-qrib tal-awtoritajiet Griegi mal-istituzzjonijiet Ewropej u rrikonoxxiet il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-politiki li jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza b’reazzjoni għall-pandemija. F’dan l-isfond, ir-rapport irrikonoxxa li l-miżuri ta’ konteniment kellhom l-effett sekondarju li jaffettwaw b’mod negattiv il-kapaċità ta’ implimentazzjoni tar-riforma matul il-perjodu ta’ rieżami, u ġie nnutat, bi tħejjija għall-ġejjieni, li huwa kruċjali li l-momentum tar-riforma jiġi sostnut u fejn meħtieġ msaħħaħ ġaladarba l-irkupru jkun qabad it-triq it-tajba.

(9)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni tal-2020 u abbażi ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-Kunsill ħa inkonsiderazzjoni l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass neċessarju biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Huwa rrakkomanda (7) lill-Greċja biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizzata b’mod effettiv il-pandemija, anki billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, biex tiżviluppa skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u billi tappoġġa b’mod effikaċi l-attivazzjoni biex jittaffew l-impatti fuq l-impjiegi u soċjali li ġabet il-kriżi, biex tniedi miżuri għall-likwidità u tippromwovi investimenti pubbliċi u privati f’għadd ta’ oqsma ta’ investiment prijoritarji, inkluż it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-Kunsill appella wkoll lill-awtoritajiet biex ikomplu u jlestu r-riformi f’konformità mal-impenji ta’ wara l-programm, sabiex jerġa’ jibda rkupru ekonomiku sostenibbli, wara li gradwalment jillaxkaw ir-restrizzjonijiet imposti minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

(10)

Is-settur bankarju Grieg sar aktar stabbli u reżiljenti għax-xokkijiet sa minn tmiem il-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, iżda għad hemm riskji ta’ legat u vulnerabbiltajiet sottostanti sinifikanti, imsaħħa mill-impatt negattiv tat-tifqigħa tal-Coronavirus. Il-banek għandhom likwidità adegwata iżda l-livell ta’ self improduttiv għadu għoli u jirrappreżenta EUR 68,5 biljun jew 40,6 % tal-iskoperturi ta’ self gross tal-klijenti, minn Diċembru 2019 (8). Il-pandemija tista’ twaqqaf it-tnaqqis gradwali tal-istokk ta’ self improduttiv osservat mill-ogħla livell ta’ EUR 107,2 biljun f’Marzu 2016, u EUR 71,2 biljun fi tmiem Settembru 2019. Barra minn hekk, ix-xokk ekonomiku attwali qed jaffettwa l-istrateġiji ta’ tnaqqis tas-self improduttiv tal-banek u s-suq sekondarju tas-self improduttiv, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-iskema Hercules li tappoġġa t-titolizzazzjoni ta’ dan is-self, wara li tlestew b’suċċess tal-ewwel tranżazzjonijiet. Il-pożizzjoni tal-kapital tal-banek Griegi hija konformi mar-rekwiżiti regolatorji, iżda qed jiffaċċjaw żieda fir-rekwiżiti superviżorji u fil-ħtiġijiet kapitali biex jiġi ffinanzjat il-proċess ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ tas-self improduttiv (NPL) fuq terminu medju, filwaqt li l-profittabbiltà hija baxxa. B’riżultat ta’ dan, il-banek Griegi huma partikolarment esposti għar-riskju ta’ żidiet fl-ispejjeż għall-finanzjament u għal deterjorament mill-ġdid fil-kwalità tal-assi minħabba l-pandemija. L-awtoritajiet qed jieħdu passi biex isostnu l-aċċess għall-finanzi għan-negozji affettwati, li jikkomplimentaw l-inizjattivi fil-livell ta’ banek u ta’ servizzjanti kummerċjali. Huma impenjaw ruħhom ukoll li jkomplu jmexxu ’l quddiem riformi kruċjali fis-settur finanzjarju u jtejbu l-għodod eżistenti għar-riżoluzzjoni tas-self improduttiv, wara l-impatt negattiv tat-tifqigħa tal-COVID-19, bl-istess pass tal-inizjattivi ta’ riforma li għaddejjin u li diġà saru. Dawn ir-riformi, bħat-tiġdid radikali tar-reġim ta’ insolvenza fframmentat, jistgħu jikkontribwixxu biex jittaffa l-impatt fuq terminu medju tal-kriżi fuq id-dejn tas-settur privat.

(11)

Minkejja l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, il-Greċja għadha qed tiffaċċja sfidi kbar fir-rigward tal-ambjent tan-negozju tagħha u fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tagħha. L-awtoritajiet qed ikomplu jaħdmu biex itejbu l-ambjent regolatorju u jagħtu spinta lill-kompetittività, minkejja l-prijoritajiet li qed jinbidlu u d-diffikultajiet iffaċċjati minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Filwaqt li l-Greċja għamlet progress f’oqsma bħalma huma t-tnaqqis taż-żmien biex jiġi rreġistrat negozju u t-tisħiħ tal-protezzjoni għall-investituri minoritarji, xorta għadha lura ħafna mill-aħjar prestazzjoni f’diversi oqsma (pereż. fl-infurzar tal-kuntratti, fir-reġistrazzjoni tal-proprjetà, fir-riżolviment tal-insolvenza, eċċ.). Il-pandemija serviet bħala katalist biex tmexxi ’l quddiem l-aġenda tal-governanza diġitali, u l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jieħdu azzjonijiet komplementari biex itaffu aktar il-piż amministrattiv għan-negozji u ċ-ċittadini.

(12)

Wara li nqatgħet mis-self tas-suq finanzjarju fl-2010, il-Greċja bdiet terġa’ takkwista aċċess għas-suq permezz tal-ħruġ ta’ bonds tal-gvern minn Lulju 2017. Ir-rendimenti tal-bonds tal-gvern Grieg bdew jimmoderaw bil-mod wara l-konklużjoni b’suċċess tal-programm tal-MES fl-2018 u naqsu b’mod sinifikanti fl-2019. Sa mill-bidu tal-pandemija, il-Greċja ħarġet b’suċċess kemm kambjali tat-teżor kif ukoll bonds fit-tul, u dan jindika aċċess sostnut għall-finanzjament tas-suq, madankollu l-kundizzjonijiet tas-self tagħha xorta waħda għadhom esposti għal volatilità għolja.

(13)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-istabbiliment tas-sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 għadhom preżenti. B’mod partikolari, il-Greċja għadha qed taffaċċja riskji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħha li, jekk jimmaterjalizzaw, jista’ jkollhom effetti kollaterali negattivi fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Jekk jimmaterjalizzaw xi effetti kollaterali, dawn jistgħu jseħħu indirettament billi jkollhom impatt fuq il-fiduċja tal-investituri u b’hekk fuq l-ispejjeż ta’ rifinanzjament għall-banek u s-sovrani fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro.

(14)

Għaldaqstant, fuq terminu medju, il-Greċja teħtieġ li tkompli tadotta miżuri biex tindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet u timplimenta riformi strutturali bħala sostenn għal irkupru ekonomiku robust u sostenibbli, bil-ħsieb li jittaffew l-effetti ta’ diversi fatturi li ġejjin mill-passat. Dawn jinkludu daqqa serja u twila ’l isfel fl-ekonomija tul il-kriżi; id-daqs tal-piż tad-dejn tal-Greċja; il-vulnerabbiltajiet tas-settur finanzjarju tagħha; l-interkonnessjonijiet relattivament b’saħħithom u kontinwi bejn is-settur finanzjarju u l-finanzi pubbliċi Griegi, inkluż permezz ta’ sjieda mill-Istat; ir-riskju ta’ kontaġju ta’ tensjonijiet qawwija f’wieħed minn dawn is-setturi fuq Stati Membri oħra, kif ukoll l-esponiment tal-Istati Membri taż-żona tal-euro għad-dejn sovran Grieg.

(15)

Sabiex jiġu indirizzati r-riskji residwi u jiġi mmonitorjat l-issodisfar tal-impenji mmirati apposta għalihom, jidher li huwa meħtieġ u xieraq li s-sorveljanza msaħħa tal-Greċja tiġi estiża skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

(16)

Il-Greċja ngħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, permezz ta’ ittra mibgħuta fl-24 ta’ Ġunju 2020. Fit-tweġiba tagħha tas-29 ta’ Ġunju 2020, il-Greċja fil-biċċa l-kbira qablet mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-isfidi ekonomiċi li qed tiffaċċja, li hija l-bażi għall-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa.

(17)

Il-Greċja se tkompli tibbenifika mill-appoġġ tekniku permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)) u l-leġiżlazzjonijiet suċċessivi tiegħu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi, inkluż għat-tkomplija u t-tlestija ta’ riformi ewlenin f’konformità mal-impenji ta’ politika taħt monitoraġġ permezz tas-sorveljanza msaħħa.

(18)

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkollabora mill-qrib mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, fil-kuntest tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tiegħu, fl-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perjodu ta’ sorveljanza msaħħa tal-Greċja skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 attivat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1192 għandu jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, li jibda fil-21 ta’ Awwissu 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)   ĠU L 211, 22.8.2018, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/338 (ĠU L 60, 28.2.2019, p. 17). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1287 (ĠU L 202, 31.7.2019, p. 110) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/280 (ĠU L 59, 28.2.2020, p. 9).

(4)  SWD(2020) 507 final.

(5)  COM(2020) 150 final.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea: Ir-Rapport ta’ Sorveljanza Msaħħa – il-Greċja, Mejju 2020, Dokument Istituzzjonali 127, Mejju 2020.

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ [l-20 ta’ Lulju] 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Greċja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Greċja.

(8)  Sors: Il-Bank tal-Greċja.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129.19.5.2017, p. 1).