24.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/116


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1773

tat-23 ta’ Ottubru 2019

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tad-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu

(notifikata bid-dokument C(2019) 7643)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fil-11 ta’ April 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/584 (2) meħuda bi qbil mar-Renju Unit, li testendi l-perijodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE. Skont dik id-Deċiżjoni, il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE ġie estiż ulterjorment sal-31 ta’ Ottubru 2019. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika fir-Renju Unit mill-1 ta’ Novembru 2019 (“id-data tal-ħruġ”).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u r-reġjuni tagħhom għandhom jiġu kklassifikati skont l-istatus tal-enċifalopatija sponġiformi bovina (BSE) tagħhom f’waħda minn tliet kategoriji: riskju ta' BSE negliġibbli, riskju ta' BSE kkontrollat, u riskju ta' BSE mhux stabbilit.

(3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq issottometta lill-Kummissjoni applikazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-istatus tal-BSE tiegħu, filwaqt li indikalha li din tkopri wkoll lid-Dipendenzi tal-Kuruna tagħha. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-informazzjoni rilevanti għal dak il-pajjiż u għad-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu dwar il-kriterji u l-fatturi ta’ riskju potenzjali previsti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(4)

L-Iskozja attwalment hija kklassifikata fil-kategorija ta’ riskju negliġibbli iżda fit-18 ta’ Ottubru 2018 ġie kkonfermat każ ġdid ta’ BSE f’dak ir-reġjun tar-Renju Unit. Għalhekk, l-Iskozja m’għadhiex tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 fir-rigward tal-kategorija ta’ riskju negliġibbli. Għalhekk, l-Iskozja jenħtieġ li tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ riskju kontrollat.

(5)

Fir-rigward tal-istatus tal-BSE tagħha, l-Irlanda ta’ Fuq tista’ titqies li għandha riskju negliġibbli, filwaqt li l-bqija tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u d-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jistgħu jitqiesu li għandhom riskju kontrollat ta’ BSE.

(6)

Għalhekk, meta titqies l-informazzjoni speċifika ta’ hawn fuq u sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, l-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li tiġi inkluża fil-lista ta’ reġjuni ta’ pajjiżi terzi fil-punt A tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (3) u l-bqija tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u d-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jenħtieġ li jiġu inklużi fil-punt B ta’ dak l-Anness b’rabta mal-klassifikazzjoni tal-pajjiżi jew ir-reġjuni skont l-istatus tal-BSE tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni jiġi emendat skont dan.

(7)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Novembru 2019. Madankollu, jenħtieġ li ma tapplikax jekk f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Novembru 2019.

Madankollu, m’għandhiex tapplika jekk f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101. 11.4.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS

LISTA TA’ PAJJIŻI JEW REĠJUNI

A.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju negliġibbli ta’ BSE

L-Istati Membri

—

Il-Belġju

—

Il-Bulgarija

—

Iċ-Ċekja

—

Id-Danimarka

—

Il-Ġermanja

—

L-Estonja

—

Il-Kroazja

—

L-Italja

—

Ċipru

—

Il-Latvja

—

Il-Litwanja

—

Il-Lussemburgu

—

L-Ungerija

—

Malta

—

In-Netherlands

—

L-Awstrija

—

Il-Polonja

—

Il-Portugall

—

Ir-Rumanija

—

Is-Slovenja

—

Is-Slovakkja

—

Spanja

—

Il-Finlandja

—

L-Iżvezja

Il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

—

L-Iżlanda

—

Il-Liechtenstein

—

In-Norveġja

—

L-Iżvizzera

Il-pajjiżi terzi

—

L-Arġentina

—

L-Awstralja

—

Il-Brażil

—

Iċ-Ċili

—

Il-Kolombja

—

Il-Costa Rica

—

L-Indja

—

L-Iżrael

—

Il-Ġappun

—

In-Namibja

—

New Zealand

—

Il-Panama

—

Il-Paragwaj

—

Il-Perù

—

Singapore

—

L-Istati Uniti

—

L-Urugwaj

Ir-Reġjuni ta’ pajjiżi terzi

—

L-Irlanda ta' Fuq

B.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju kkontrollat ta’ BSE

L-Istati Membri

—

L-Irlanda

—

Il-Greċja

—

Franza

Il-pajjiżi terzi

—

Il-Kanada

—

Guernsey

—

Isle of Man

—

Jersey

—

Il-Messiku

—

In-Nikaragwa

—

Il-Korea t'Isfel

—

It-Tajwan

—

Ir-Renju Unit bl-eċċezzjoni tar-reġjuni tal-Irlanda ta' Fuq

C.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju mhux determinat ta’ BSE

—

Il-pajjiżi jew ir-reġjuni li mhumiex elenkati fil-punti A jew B.

”