European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2612

18.12.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2612

tal-11 ta’ Diċembru 2025

li tistabbilixxi l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għall-pagament parzjali tas-sitt pagament parzjali skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Pilastru I tal-Faċilità għall-Ukrajna (il-“Faċilità”), stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/792, jagħmel appoġġ finanzjarju sa EUR 38 337 000 000 (2) disponibbli għall-Ukrajna għall-perjodu 2024-2027 fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u ta’ self. Il-finanzjament taħt il-Pilastru I huwa prinċipalment allokat fuq il-bażi tal-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna (il-“Pjan”), approvat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 (3), kif emendata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 (4). Il-Pjan jistabbilixxi l-aġenda ta’ riforma u investiment għall-Ukrajna, u l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li huma marbutin mal-finanzjament taħt il-Pilastru I tal-Faċilità.

(2)

L-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Pjan, inklużi l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li huma marbuta mal-finanzjament taħt il-Pilastru I tal-Faċilità, hija stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2157.

(3)

Is-somma totali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Pjan, tammonta għal EUR 32 337 000 000, li minnhom EUR 5 337 000 000 huma fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u sa EUR 27 000 000 000 huma fil-forma ta’ self.

(4)

F’konformità mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (UE) 2024/792, ġew żborżati EUR 6 000 000 000 lill-Ukrajna bħala finanzjament tranżitorju eċċezzjonali u EUR 1 890 000 000 fil-forma ta’ prefinanzjament li jirrappreżenta pagament antiċipat ta’ 7 % tal-appoġġ fil-forma ta’ self li l-Ukrajna hija eliġibbli li tirċievi skont il-Pjan.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/792, ġew żborżati EUR 16 576 146 834 lill-Ukrajna fl-ewwel ħames pagamenti parzjali skont il-Pjan, li minnhom EUR 3 400 000 000 ġew żborżati fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u EUR 13 176 146 834 fil-forma ta’ self. F’konformità mal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/792, l-ammont ta’ EUR 991 752 987 mill-ewwel ħames pagamenti parzjali intuża biex jiġi kklerjat il-prefinanzjament tas-self.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2024/792, fil-31 ta’ Ottubru 2025 l-Ukrajna ressqet talba debitament ġustifikata għall-pagament ta’ parti mis-sitt pagament parzjali tal-appoġġ fil-forma ta’ self. Fil-11 ta’ Novembru 2025, hija ressqet talba aġġornata sabiex titqies l-adozzjoni ta’ pass wieħed pendenti skont ir-raba’ pagament parzjali. Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) 2024/792, pagament miżmum għandu jitħallas biss meta l-Ukrajna tkun iġġustifikat debitament, bħala parti minn talba sussegwenti għal pagament, li hija ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji kwalitattivi u kwantitattivi. It-talba kienet akkumpanjata minn sensiela ta’ dokumenti li jixhdu l-ilħuq sodisfaċenti ta’ pass wieħed skont ir-raba’ pagament u tmien passi skont is-sitt pagament. Ressqet ukoll id-dokumenti kollha meħtieġa skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim Qafas, l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Finanzjament u l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Self konkluż bejn l-Unjoni u l-Ukrajna skont l-Artikoli 9, 10 u 22, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2024/792.

(7)

Il-passi li jirfdu l-aħħar talba tal-Ukrajna huma relatati ma’ diversi riformi stabbiliti fil-Pjan skont il-kapitoli dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, is-sistema ġudizzjarja, is-swieq finanzjarji, il-kapital uman, l-ambjent tan-negozju, id-deċentralizzazzjoni u l-politika reġjonali, il-ġestjoni tal-materja prima kritika u t-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali. L-għodda ta’ ġestjoni diġitali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna ġiet żviluppata u implimentata. Daħlu fis-seħħ il-liġi li tistabbilixxi qorti ġdida biex tisma’ kawżi amministrattivi, il-leġiżlazzjoni dwar il-prinċipji għall-bejgħ ta’ banek tal-Istat, il-liġi dwar ir-riforma tal-organizzazzjoni territorjali tal-awtoritajiet eżekuttivi fl-Ukrajna u l-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ pubbliku għall-agrikoltura. Ġew adottati standards armonizzati għal tliet gruppi ta’ prodotti industrijali, it-tieni Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali tal-Ukrajna għall-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima u l-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2033. Ġie ppubblikat rapport dwar il-verifika tar-riżervi tal-Ukrajna tal-materja prima kritika.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2024/792, il-Kummissjoni vvalutat it-talba tal-Ukrajna fid-dettall u għamlet valutazzjoni pożittiva tal-ilħuq sodisfaċenti ta’ pass wieħed miż-żewġ passi meħtieġ għar-raba’ pagament parzjali u tmienja mill-għaxar passi meħtieġa għas-sitt pagament parzjali, kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Il-valutazzjoni pożittiva saret fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan. Aktar allinjament mal-acquis tal-Unjoni se jiġi ffaċilitat permezz tal-proċess ta’ adeżjoni mal-Unjoni.

(9)

Fit-talba għall-pagament tagħha, l-Ukrajna kkonfermat li ma reġġgħet lura l-ebda miżura relatata mal-passi li hija kienet wettqet preċedentement b’mod sodisfaċenti.

(10)

Il-Kummissjoni qieset ulterjorment li l-Ukrajna għadha tissodisfa l-prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/792. B’mod partikolari, l-Ukrajna tkompli żżomm u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet rilevanti għall-pagament tar-raba’ pagament parzjali fir-rigward ta’ pass wieħed miż-żewġ passi pendenti u tas-sitt pagament parzjali fir-rigward ta’ tmienja mill-għaxar passi skont il-Pjan intlaħqu b’mod sodisfaċenti.

(12)

Meta titqies is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li qed tiffaċċja l-Ukrajna, huwa ta’ importanza kbira li l-fondi jiġu żborżati malajr kemm jista’ jkun. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni u bil-ħsieb li jitħaffef il-proċess, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-pagament parzjali tar-raba’ u s-sitt pagamenti parzjali tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tal-appoġġ fil-forma ta’ self li jammontaw għal EUR 2 456 365 209, qabel ma jiġi kklerjat il-prefinanzjament, li minnhom EUR 597 494 240 jikkorrispondu għar-raba’ pagament parzjali u EUR 1 858 870 969 jikkorrispondu għas-sitt pagament parzjali, huwa b’dan stabbilit f’konformità mal-valutazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792 u annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

J. JENSEN


(1)   ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.

(2)  F’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157, l-Iżvezja ser tipprovdi SEK 750 000 000, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ madwar EUR 67 000 000, bħala kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali għall-Pilastru I tal-Faċilità fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, wara d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ta’ trasferiment bejn l-Iżvezja u l-Kummissjoni u t-trasferiment tal-kontribuzzjoni finanzjarja relatata.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/1447, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 tas-17 ta’ Ottubru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2025/2157, 27.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2157/oj).


ANNESS

tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet għall-pagament parzjali tas-sitt pagament parzjali skont il-Pjan għall-Ukrajna tal-Faċilità għall-Ukrajna

SOMMARJU EŻEKUTTIV

Fil-31 ta' Ottubru 2025, l-Ukrajna ressqet talba għall-pagament parzjali tal-ħames pagament parzjali tal-Pjan għall-Ukrajna, f'konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792 tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1). Fl-11 ta' Novembru 2025, l-Ukrajna ressqet it-talba aġġornata għall-pagament li tiddikjara l-ilħuq sodisfaċenti ta' pass wieħed pendenti mir-raba' pagament parzjali. Biex tappoġġja t-talba għall-pagament, l-Ukrajna pprovdiet ġustifikazzjoni tal-ilħuq sodisfaċenti ta' pass wieħed mir-raba' pagament parzjali u tmien passi mis-sitt pagament parzjali stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (EU) 2024/1447 tal-14 ta' Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (2), kif emendat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 (“l-Anness tas-CID”) (3).

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Ukrajna, d-disa' passi jitqiesu li ntlaħqu b'mod sodisfaċenti.

Bħala parti mill-Kapitolu 2 dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika, ġiet żviluppata u implimentata l-għodda ta' ġestjoni diġitali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

Bħala parti mill-Kapitolu 3 dwar is-sistema ġudizzjarja, daħlet fis-seħħ il-liġi li tistabbilixxi qorti ġdida biex tisma' kawżi amministrattivi.

Bħala parti mill-Kapitolu 5 dwar is-swieq finanzjarji, daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni aġġornata dwar il-bejgħ ta' banek tal-Istat.

Bħala parti mill-Kapitolu 8 dwar l-ambjent tan-negozju, ġew adottati standards armonizzati għal tliet gruppi ta' prodotti industrijali.

Bħala parti mill-Kapitolu 9 dwar id-deċentralizzazzjoni u l-politika reġjonali, daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma tal-organizzazzjoni territorjali tal-awtoritajiet eżekuttivi fl-Ukrajna.

Bħala parti mill-Kapitolu 12 dwar is-settur agroalimentari, daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ pubbliku għall-agrikoltura tal-Ukrajna.

Bħala parti mill-Kapitolu 13 dwar il-ġestjoni tal-materja prima kritika, ġie ppubblikat ir-rapport dwar il-verifika tar-riżervi tal-Materja Prima Kritika tal-Ukrajna.

Bħala parti mill-Kapitolu 15 dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni ambjentali, ġie adottat it-tieni Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali tal-Ukrajna għall-Ftehim ta' Pariġi u l-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2033.

Pass 2.8

Isem il-pass: L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-għodda ta' ġestjoni diġitali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna

Riforma/investiment relatat: Riforma 4. Ġestjoni mtejba tal-investiment pubbliku

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 2.8 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-għodda ta' ġestjoni diġitali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li tipprovdi aċċess pubbliku għad-data dwar proġetti ta' rikostruzzjoni fl-istadji kollha, inkluż l-ippjanar, il-finanzjament, l-akkwist, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar, biex tippermetti monitoraġġ pubbliku u trasparenti tal-implimentazzjoni tal-proġetti u koordinazzjoni aħjar tal-isforzi ta' rikostruzzjoni bejn is-setturi.”

Il-Pass 2.8 huwa it-tieni pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 4 tal-Kapitolu 2 (ġestjoni finanzjarja pubblika). Qablu kien hemm il-Pass 2.7 (it-tieni trimestru 2024) dwar l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għar-riforma tal-ġestjoni tal-investiment pubbliku.

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness tas-CID;

2)

link għas-sit web tal-għodda diġitali għall-ġestjoni tal-investiment pubbliku: DREAM;

3)

kopja tar-Riżoluzzjoni tal-Kabinett tal-Ministri Nru 527 “Dwar xi kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-investiment pubbliku” datata t-28 ta' Frar 2025 u emendata fis-26 ta' Awwissu 2025;

4)

kopja tal-Liġi tal-Ukrajna Nru 4225-IX “Dwar l-emendi fil-Kodiċi tal-Baġit tal-Ukrajna dwar l-aġġornament u t-titjib ta' ċerti dispożizzjonijiet” datata l-5 ta' Marzu 2025;

5)

kopja tal-Ordni tal-Ministeru għall-Iżvilupp tal-Komunitajiet u t-Territorji tal-Ukrajna Nru 1289 “Dwar l-ikkummissjonar tas-software tas-Sistema Integrata Diġitali Unifikata ta' Informazzjoni u Analiżi għall-Ġestjoni tal-Proċess ta' Rikostruzzjoni ta' Proprjetà Immobbli, Kostruzzjoni u Infrastrutturi” datata l-20 ta' Awwissu 2025;

6)

kopja taċ-ċertifikat tat-tlestija tax-xogħlijiet.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-Pass 2.8.

L-objettiv tar-Riforma 4 huwa li ttejjeb il-ġestjoni tal-investiment pubbliku. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet Ukreni żviluppaw u implimentaw għodda diġitali għall-ġestjoni ta' proġetti ta' rikostruzzjoni, f'konformità mal-pjan direzzjonali għar-riforma tal-ġestjoni tal-investiment pubbliku.

L-Ekosistema tar-Restawr Diġitali għall-Ġestjoni Responsabbli (DREAM, Digital Restoration Ecosystem for Accountable Management) ġiet żviluppata mis-Sħubija Kontraenti Miftuħa f'kooperazzjoni mal-Ministeru għall-Iżvilupp tal-Komunitajiet u t-Territorji tal-Ukrajna. Id-DREAM isservi bħala l-pjattaforma diġitali unifikata għall-ġestjoni ta' proġetti ta' investiment pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern. Din tipprovdi aċċess pubbliku għal informazzjoni f'ħin reali f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta' proġett, filwaqt li jiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà. Billi tikkonsolida d-data kollha tal-proġett f'sistema unika, id-DREAM tippermetti monitoraġġ pubbliku u tad-donaturi kontinwu matul iċ-ċiklu tal-investiment pubbliku – mit-tħejjija tal-proġett sal-implimentazzjoni – u koordinazzjoni aħjar tal-isforzi ta' rikostruzzjoni bejn il-livelli tal-gvern.

Id-DREAM tippermetti lill-ministeri kompetenti jissottomettu l-proġetti ta' investiment pubbliku annwali proposti tagħhom għall-finanzjament, iggwidati mill- Pjan fuq Terminu Medju għall-Investiment Pubbliku ta' Prijorità, li jiġi aġġornat kull sena u jiddefinixxi s-setturi prijoritarji, l-għanijiet ta' politika, u l-limitu massimu indikattiv tal-investiment pubbliku stabbilit mill-Ministeru tal-Finanzi. Id-DREAM tappoġġja l-formazzjoni ta' portafolli ta' proġetti settorjali u r-Riżerva Unika ta' Proġetti – jiġifieri, il-portafoll ta' proġetti prijoritarji li ġew approvati mill-Kunsill tal-Investiment Strateġiku. Id-DREAM tippermetti wkoll li dawn il-proċessi fil-livell ċentrali jiġu riflessi fil-livelli reġjonali u lokali, fejn kull reġjun u muniċipalità huma meħtieġa jiffurmaw ir-Riżerva Unika ta' Proġetti; tagħhom stess ta' proġetti ta' investiment pubbliku reġjonali u lokali.

Id-DREAM hija magħmula minn portal tal-utenti (kabinett elettroniku), portal pubbliku, u portal analitiku. Il-portal tal-utenti jippermetti lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u ċentrali jissottomettu l-proposti tal-proġetti tagħhom għall-finanzjament. Il-portal pubbliku – disponibbli hawnhekk – jipprovdi aċċess għall-proġetti ta' investiment pubbliku prijoritarji approvati kollha fil-portafolli settorjali u r-Riżervi Uniċi ta' Proġetti fil-livelli kollha tal-gvern. Għal kull proġett, informazzjoni komprensiva hija disponibbli għall-pubbliku, inklużi: deskrizzjoni tal-proġett u objettiv(i) strateġiku/strateġiċi, tqassim dettaljat tal-baġit u sors(i) ta' finanzjament, skeda ta' żmien u status tal-ippjanar u l-implimentazzjoni; il-proċess tal-akkwist u tal-ikkuntrattar; dettalji dwar il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar. Id-dokumentazzjoni rilevanti kollha tal-proġett – legali u teknika – tiġi ppubblikata wkoll. Il-portal analitiku jippermetti li jiġu ġġenerati tabelli ta' rapportar u viżwalizzazzjonijiet bl-użu ta' filtri bbażati fuq data granulari tal-proġett. Fih ukoll mappa interattiva li tippermetti li jiġu esplorati l-proġetti kollha ġeografikament, sal-livell lokali.

Id-DREAM hija integrata ma' sistemi diġitali ewlenin oħra, inklużi Prozorro (sistema diġitali tal-akkwist pubbliku) u l-Baġit Miftuħ (data dwar it-tranżazzjonijiet tat-teżor). L-integrazzjoni mas-sistema LOGICA tal-Ministeru tal-Finanzi (data tal-baġit lokali) hija ppjanata fis-sitt xhur li ġejjin.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 3.2

Isem il-pass: Id-dħul fis-seħħ tal-liġi li tistabbilixxi qorti ġdida biex tisma' kawżi amministrattivi

Riforma/investiment relatat: Riforma 1. It-tisħiħ tar-responsabbiltà, l-integrità u l-professjonaliżmu tal-ġudikatura

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 3.2 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“Il-liġi dwar l-istabbiliment tal-Qorti Amministrattiva Distrettwali Speċjalizzata u l-Qorti Amministrattiva Speċjalizzata tal-Appell daħlet fis-seħħ u tnediet għażla trasparenti ta' mħallfin f'konformità mal-leġiżlazzjoni adottata.”

Il-Pass 3.2 huwa t-tieni minn sitt passi fl-implimentazzjoni tar-Riforma 1 tal-Kapitolu 3 (sistema ġudizzjarja). Huwa implimentat b'mod parallel mal-Pass 3.1 dwar il-mili ta' mill-inqas 20 % tal-pożizzjonijiet vakanti ġudizzjarji. Qablu kien hemm il-Pass 3.5 dwar id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tirrevedi d-dikjarazzjonijiet ta' integrità tal-imħallfin u l-proċess ta' verifika tagħhom, li għadu ma ġiex issodisfat mit-tieni trimestru tal-2025. Dan huwa segwit mill-Pass 3.3 dwar is-soluzzjoni/l-aġġudikazzjoni ta' 20 % tal-kawżi dixxiplinari antiki mhux ikkunsidrati sa tmiem l-2023, il-Pass 3.4 dwar it-tlestija tal-evalwazzjoni tal-kwalifiki (skrutinju) fir-rigward ta' 50 % tal-imħallfin li kienu għadhom iridu jgħaddu minnha mit-30 ta' Settembru 2016 dovut fi Q4 2025 u l-Pass 3.15 li jirrikjedi li l-qorti l-ġdida tisma' l-kawżi amministrattivi jkunu operazzjonali fi Q4 2026.

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tal-Liġi tal-Ukrajna Nru 4264-IX “Dwar l-Emendi fil-Liġi tal-Ukrajna ‘Dwar il-Ġudikatura u l-Istatus tal-Imħallfin’ u Ċerti Atti Leġiżlattivi Oħra tal-Ukrajna Rigward il-Bażi Legali għall-Istabbiliment u l-Funzjonament tal-Qorti Amministrattiva Distrettwali Speċjalizzata ta' Kiev u l-Qorti Amministrattiva tal-Appell Speċjalizzata ta' Kiev” datata s-26 ta' Frar 2025;

3)

kopja tal-Liġi tal-Ukrajna Nru 4602-IX “Dwar l-Istabbiliment tal-Qorti Amministrattiva Distrettwali Speċjalizzata, il-Qorti Amministrattiva Speċjalizzata tal-Appell” datata s-16 ta' Settembru 2025;

4)

kopja tal-Avviż tal-kompetizzjoni għal 17-il imħallef fil-Qorti Amministrattiva Distrettwali Speċjalizzata;

5)

kopja tal-Avviż tal-kompetizzjoni għal 10 imħallfin fil-Qorti Amministrattiva Speċjalizzata tal-Appell.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-Pass 3.2.

L-objettiv tar-Riforma 1 huwa li ssaħħaħ il-kontabilità, l-integrità u l-professjonaliżmu tal-ġudikatura u tibni l-fiduċja pubblika fil-ġudikatura billi terġa' tibda l-għażla trasparenti u meritokratika tal-imħallfin, tagħti spinta lill-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-imħallfin li jippresjedu, is-sistema ta' responsabbiltà dixxiplinari, it-tisħiħ tal-għodod eżistenti tal-integrità ġudizzjarja, u l-istabbiliment ta' qorti ġdida biex tisma' kawżi amministrattivi li jinvolvu aġenziji tal-istat. Għal dan l-għan, il-Parlament Ukren adotta l-Liġi Nru 4264-IX, li daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Marzu 2025 u l-Liġi Nru 4602-IX, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Ottubru 2025. Il-liġijiet jistabbilixxu l-Qorti Amministrattiva Distrettwali Speċjalizzata u l-Qorti Amministrattiva Speċjalizzata tal-Appell.

Il-liġi Nru 4264-IX tistabbilixxi l-bażi legali għall-Qorti Amministrattiva Distrettwali Speċjalizzata ta' Kiev (il-Qorti Distrettwali Speċjalizzata) u l-Qorti Amministrattiva tal-Appell Speċjalizzata ta' Kiev (il-Qorti tal-Appell Speċjalizzata) bħala żewġ qrati superjuri speċjalizzati separati. Il-liġi tiddefinixxi l-ġuriżdizzjoni tal-qrati l-ġodda li jiddikjaraw li l-Qorti Distrettwali Speċjalizzata tqis appelli amministrattivi kontra deċiżjonijiet, azzjonijiet jew nuqqas ta' azzjoni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna, tal-ministeru jew ta' korp ċentrali ieħor ta' setgħa eżekuttiva, tal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna, jew ta' korp ieħor, li s-setgħat tiegħu jestendu mal-pajjiż kollu. Hija għandha wkoll ġuriżdizzjoni biex pereżempju tikkunsidra appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-kummissjonijiet tal-għażla responsabbli għal ħatriet ta' livell għoli f'diversi aġenziji tal-istat. Il-Qorti tal-Appell Speċjalizzata hija istanza tal-appell tal-Qorti Distrettwali Speċjalizzata biss u mhux se tkun qed tirrieżamina l-kawżi ta' qrati amministrattivi distrettwali oħra.

Il-liġi Nru 4264-IX tintroduċi rekwiżiti ta' eliġibbiltà għall-imħallfin tal-qrati l-ġodda u tipprevedi proċedura trasparenti għall-għażla tal-imħallfin. Dan jipprevedi l-involviment ta' korp speċjali, il-Kunsill ta' Esperti, fl-iskrutinju tal-kandidati ġudikati. Il-Kunsill ta' Esperti huwa magħmul minn sitt membri, li tlieta minnhom huma proposti mill-Kunsill tal-Imħallfin tal-Ukrajna u t-tlieta l-oħra minn organizzazzjonijiet internazzjonali u barranin li jipprovdu lill-Ukrajna b'assistenza teknika internazzjonali fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja u/jew il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kunsill ta' Esperti jivvaluta l-integrità u l-kompetenza professjonali tal-kandidati, b'mod partikolari, permezz tad-dritt li jsiru intervisti mal-kandidati.

F'konformità mal-leġiżlazzjoni Ukrena, liġi speċjali separata Nru 4602-IX ippreżentata lill-Parlament Ukren mill-President tistabbilixxi formalment iż-żewġ qrati. Hija tistabbilixxi l-post tagħhom bħala l-belt ta' Kiev u l-ġuriżdizzjoni territorjali bħala t-territorju kollu tal-Ukrajna.

Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 4602-IX, fid-29 ta' Ottubru 2025 il-Kummissjoni Għolja tal-Kwalifiki tal-Imħallfin nediet il-proċedura tal-għażla għal 17-il imħallef fl-ewwel istanza, u 10 imħallfin fl-istanza tal-appell.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 5.2

Isem il-pass: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-prinċipji għall-bejgħ ta' banek tal-Istat

Riforma/investiment relatat: Riforma 2. It-tnaqqis tas-sjieda tal-Istat fis-settur bankarju

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 5.2 deskritt fl-anness tas-CID huwa:

“Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni aġġornata dwar il-bejgħ ta' banek tal-Istat, jiġifieri, il-Liġi tal-Ukrajna ‘Dwar iċ-Ċessjoni ta' Parteċipazzjonijiet Azzjonarji tal-Istat fil-Kapital tal-Banek tal-Karta li Jiddeduċu Rikapitalizzazzjoni mill-Istat’ Nru 4524-VI datata 2012. Il-leġiżlazzjoni riveduta għandha tiffaċilita l-bejgħ ta' ishma ta' sjieda li jvarjaw fil-banek tal-Istat (State-owned banks - SOBs), filwaqt li tipprovdi wkoll il-flessibbiltà għal akkwist sħiħ. Il-prinċipji fundamentali li jiggwidaw il-bejgħ tal-SOBs se jiġu żviluppati permezz ta' diskussjonijiet kollaborattivi u b'kunsens mad-donaturi internazzjonali.”

Il-Pass 5.2 huwa l-ewwel minn żewġ passi fl-implimentazzjoni tar-Riforma 2 fil-Kapitolu 5 (swieq finanzjarju). Dan huwa segwit mill-Pass 5.3 dwar l-adozzjoni tal-istrateġija għal tnaqqis gradwali tas-sjieda tal-istat fis-settur bankarju mistennija fit-tieni trimestru tal-2026.

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tal-Liġi tal-Ukrajna Nru 3983-IX “Dwar il-Pekularitajiet tal-Bejgħ ta' Parteċipazzjonijiet Azzjonarji tal-Istat fil-Kapital Awtorizzat tal-Banek” datata d-19 ta' Settembru 2024;

3)

kopja tal-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna Nru 1061-r “Dwar it-Tħejjija għall-Bejgħ tal-Ishma tal-Pakketti Azzjonarji tal-Istat fil-Kapital Awtorizzat tal-Banek” datata tal-1 ta' Ottubru 2025.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u l-evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 5.2.

L-objettiv tar-Riforma 2 huwa li jiġu stabbiliti l-prinċipji għall-bejgħ tal-banek tal-Istat u l-istrateġija għat-tnaqqis gradwali tas-sjieda tal-istat fis-settur bankarju. Għal dan il-għan, il-Parlament Ukren addotta l-Liġi tal-Ukrajna Nru 3983-IX “Dwar il-Pekularitajiet tal-Bejgħ ta' Parteċipazzjonijiet Azzjonarji tal-Istat fil-Kapital Awtorizzat tal-Banek” bid-data tad-19 ta' Settembru 2024. Il-Liġi daħlet fis-seħħ fid-19 ta' Ottubru 2024.

Il-liġi tiffaċilita l-bejgħ ta' ishma varji ta' sjieda f'banek tal-Istat (SOBs, state-owned banks) billi tistabbilixxi qafas legali u proċedurali unifikat għall-iżvestiment ta' ishma miżmuma mill-Istat. Huwa jiddefinixxi t-termini, l-objettivi u l-mekkaniżmi ewlenin li jirregolaw tali tranżazzjonijiet. Il-qafas jirregola t-tħejjija, l-approvazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-bejgħ permezz ta' proċessi kompetittivi, appoġġati mill-involviment ta' konsulenti tal-bejgħ u s-sorveljanza ta' kummissjoni tal-bejgħ deżinjata. Dan jipprovdi proċeduri għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà, it-twettiq ta' offerti, u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' bejgħ, filwaqt li jistabbilixxi wkoll regoli għall-akkwiżizzjonijiet ta' wara l-bejgħ u l-valutazzjoni tal-interessi kontrollanti. Kollettivament, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Istat inaqqas il-parteċipazzjoni tiegħu fis-settur bankarju b'mod strutturat u orjentat lejn is-suq.

Il-liġi tipprevedi wkoll il-flessibbiltà għal akkwiżizzjoni sħiħa, li tippermetti lill-Gvern tal-Ukrajna jfassal kull tranżazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq. Dan jagħti s-setgħa lill-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna biex jaġġusta d-daqs tal-pakketti tal-ishma, jagħżel l-aktar proċedura ta' bejgħ xierqa, u jimmodifika t-termini qabel l-offerti. Il-qafas jippermetti offerti ripetuti u aġġustamenti tal-prezzijiet biex tiġi żgurata t-tlestija, filwaqt li l-involviment ta' konsulenti tal-bejgħ professjonali jintroduċi adattabbiltà fil-proċessi ta' strutturar u valwazzjoni. Barra minn hekk, it-termini kuntrattwali, inklużi l-liġi barranija applikabbli u l-klawżoli ta' arbitraġġ, jistgħu jiġu adattati biex jissodisfaw l-aspettattivi tal-investituri, u b'hekk jiġu żgurati kemm il-konsistenza regolatorja kif ukoll il-flessibbiltà kummerċjali fil-proċess ta' privatizzazzjoni.

Il-prinċipji fundamentali li jirregolarizzaw il-bejgħ tal-SOBs huma stabbiliti permezz ta' diskussjonijiet kollaborattivi u b'kunsens mad-donaturi internazzjonali. B'mod speċifiku, rappreżentanti minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, istituzzjonijiet tal-UE u Stati Membri tal-UE, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali u barranin oħra li jipprovdu assistenza teknika lill-Ukrajna, jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-kummissjoni tal-bejgħ bil-kunsens tagħhom. Huma għandhom id-dritt li jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom, jitolbu u jirċievu informazzjoni mill-kummissjoni tal-bejgħ, u jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar it-tħejjija u t-tmexxija tal-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni tal-bejgħ għandha l-awtorità li tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tal-profil tar-riskju ta' kontestanti f'konformità mar-rekwiżiti tal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna dwar ir-reputazzjoni tan-negozju u l-istruttura tas-sjieda; it-tmexxija u l-proċeduri tal-kompetizzjoni; l-ammissjoni, ir-rifjut, jew it-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-applikanti għal raġunijiet preskritti mil-liġi; l-approvazzjoni ta' abbozzi ta' kuntratti ta' xiri u bejgħ għall-ishma tal-bank, dokumenti relatati, u/jew termini prinċipali ta' tali ftehimiet, inkluż il-prezz inizjali tan-negozjar kif irrakkomandat mill-konsulent tal-bejgħ; il-modifika tal-għadd ta' ishma soġġetti għall-bejgħ; il-ħatra ta' sessjonijiet ġodda ta' offerti jew it-terminazzjoni tal-offerta f'każijiet definiti mil-liġi fuq rakkomandazzjoni tal-konsulent; l-approvazzjoni tar-rebbieħ tal-offerta u l-kuntratt finali ta' xiri u bejgħ għall-volum ta' ishma tal-bank, flimkien mad-dokumenti relatati kollha u l-prezz tal-bejgħ finali ddeterminat mir-riżultati tal-offerti; ir-rikonoxximent ta' jekk l-offerti seħħewx skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi; u kwistjonijiet oħra kif previst fir-regolamenti tal-kummissjoni tal-bejgħ, l-ordnijiet tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna, jew kif meħtieġ mod ieħor għall-implimentazzjoni tal-liġi.

Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, u organizzazzjonijiet internazzjonali u barranin oħra li jipprovdu assistenza teknika lill-Ukrajna jistgħu jipparteċipaw fl-għażla ta' konsulent tal-bejgħ, bid-dritt li jesprimu opinjonijiet, jitolbu u jirċievu informazzjoni, u joffru rakkomandazzjonijiet.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 8.8

Isem il-pass: Adozzjoni ta' standards armonizzati għal tliet gruppi ta' prodotti industrijali

Riforma/investiment relatat: Riforma 5. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandards mal-UE

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 8.8 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“Standards armonizzati għal tliet gruppi ta' prodotti industrijali (makkinarju, kompatibbiltà elettromanjetika tat-tagħmir, tagħmir elettriku b'vultaġġ baxx) jiġu adottati bħala standards nazzjonali permezz tal-metodu tat-traduzzjoni”

Il-Pass 8.8 huwa t-tieni pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 5 tal-Kapitolu 8 (ambjent tan-negozju). Isegwi l-Pass 8.7 biex ikomplu l-miżuri ta' sorveljanza tas-suq u l-kontroll ta' prodotti mhux tal-ikel, inkluż is-sikurezza tal-prodotti. Il-Pass 8.7 kien mistenni fir-raba' trimestru tal-2024 u ġie vvalutat b'mod pożittiv bħala parti mit-tielet pagament parzjali.

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tat-tabella ta' spjegazzjoni li telenka l-71 standard li ġew offruti, tradotti u adottati;

3)

kopja tal-ordnijiet tal-Intrapriża tal-Istat “UkrNDNC” (il-korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tal-Ukrajna) Nri 310-334 datata s-26 ta' Diċembru 2024.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-Pass 8.8.

L-objettiv tar-Riforma 5 huwa li jerġgħu jibdew il-miżuri ta' sorveljanza tas-suq u tiffaċilita l-adozzjoni ta' normi u standards tal-UE fl-Ukrajna, b'mod partikolari fl-oqsma tal-prodotti industrijali. Għal dan l-għan, l-Ukrajna adottat standards armonizzati għal tliet gruppi ta' prodotti prijoritarji — makkinarju, tagħmir ta' kompatibbiltà elettromanjetika (EMC) u tagħmir elettriku b'vultaġġ baxx — bħala Standards Nazzjonali tal-Istandards tal-Istat tal-Ukrajna (DSTU) bil-metodu tat-traduzzjoni. Permezz ta' sensiela ta' offerti miftuħa fl-2024, il-korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni kkuntratta, ittraduċa u approva formalment 71 standard ISO DSTU EN/DSTU EN IEC/DSTU EN . Kull wieħed mill-istandards ġie ppromulgat mill-Ordnijiet Nru 310-334 tal-Ministeru tal-Ekonomija tas-26 ta' Diċembru 2024 u huwa marbut mad-Direttivi rilevanti tal-UE 2006/42/KE (Makkinarju), 2014/30/UE (EMC) u 2014/35/UE (id-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx).

—

Makkinarju: 43 traduzzjonijiet, b'mod partikolari DSTU EN ISO 13849-1:2024 (prinċipji ġenerali tas-sistemi ta' kontroll tas-sikurezza tal-magni) u DSTU EN 474-1: 2022 (makkinarju li jċaqlaq it-terrapin jew l-ħamrija - sikurezza ġenerali).

—

Tagħmir relatat mal-EMC: 4 traduzzjonijiet, eż. DSTU EN 60947-8:2015 (apparati bi protezzjoni termali inkorporata għall-magni rotatorji) u DSTU EN 62196-1:2015 (konnetturi għall-iċċarġjar konduttiv tal-vetturi elettriċi).

—

Tagħmir elettriku ta' vultaġġ baxx: 24 traduzzjoni, inklużi DSTU EN IEC 62477-1:2024 (konvertituri elettroniċi tal-enerġija) u DSTU EN IEC 62052-11:2024 (miters tal-elettriku), flimkien ma' 16-il standard ta' apparati domestiċi fis-serje EN 60335-2-xx.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 9.1

Isem il-pass: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma tal-organizzazzjoni territorjali tal-awtoritajiet eżekuttivi fl-Ukrajna b'applikazzjoni ttardjata

Riforma/investiment relatat: Riforma 1. Avvanz tad-deċentralizzazzjoni

Iffinanzjat minn: self/appoġġ mhux ripagabbli

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 9.1 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“Id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-Ukrajna ‘Dwar l-Emendi għal-Liġi tal-Ukrajna “Dwar l-Amministrazzjonijiet tal-Istat Lokali” u Xi Atti Leġiżlattivi Oħra tal-Ukrajna Rigward ir-Riforma tal-Organizzazzjoni Territorjali tal-Awtoritajiet Eżekuttivi fl-Ukrajna’ bl-applikazzjoni tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data tat-terminazzjoni jew l-abolizzjoni tal-liġi marzjali fl-Ukrajna. Atti legali subordinati għall-implimentazzjoni tal-liġi għandhom jiġu adottati wara li tidħol fis-seħħ. Il-liġi tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:

—

trasformazzjoni tal-amministrazzjonijiet lokali tal-istat f'awtoritajiet tat-tip ta' prefettura sabiex tinħoloq sistema bilanċjata li tiżgura n-natura legali tal-attivitajiet imwettqa mill-korpi tal-awtonomija lokali;

—

żgurar tal-koordinazzjoni tal-korpi territorjali tal-awtoritajiet eżekuttivi ċentrali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-istat fil-livelli reġjonali u lokali.”

Il-pass 9.1 huwa t-tieni u l-aħħar pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 1 tal-Kapitolu 9 (deċentralizzazzjoni u politika reġjonali).

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tal-Liġi tal-Ukrajna Nru 4677-IX dwar “Emendi għal Ċerti Atti Leġiżlattivi tal-Ukrajna biex jiġu żgurati l-Legalità u t-Trasparenza fl-Attivitajiet tal-Korpi Awtonomi Lokali” datata l-5 ta' Novembru 2025.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-Pass 9.1.

L-objettiv tar-Riforma 1 huwa li jiġi stabbilit qafas għat-trasformazzjoni tal-amministrazzjonijiet tal-istat lokali f'awtoritajiet tat-tip ta' prefettura u li tiġi żgurata distribuzzjoni aħjar tas-setgħat bejn il-gvernijiet lokali u l-awtoritajiet eżekuttivi. Għal dan l-għan, il-liġi dwar l-“Emendi f'Ċerti Atti Leġiżlattivi tal-Ukrajna biex jiġu żgurati l-Legalità u t-Trasparenza fl-Attivitajiet tal-Korpi Awtonomi Lokali” ġiet adottata mill-Verkhovna Rada fil-5 ta' Novembru u daħlet fis-seħħ fit-12 ta' Novembru 2025, b'applikazzjoni mdewma bi 12-il xahar mid-data tat-terminazzjoni jew tal-kanċellazzjoni tal-liġi marzjali fl-Ukrajna.

Il-liġi tagħti bidu għat-trasformazzjoni tal-amministrazzjonijiet tal-istat lokali f'awtoritajiet tat-tip ta' prefettura billi tistabbilixxi sistema ta' superviżjoni tal-legalità tal-atti tal-awtonomija lokali. Il-liġi tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni, ir-responsabbiltajiet u l-proċeduri biex jiżguraw il-legalità tal-atti tal-korpi ta' awtogovernanza lokali. Il-liġi tintroduċi miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni tal-ksur tal-legalità tal-attivitajiet tal-korpi ta' awtogovernanza lokali; inkluż mekkaniżmu biex jiġi żgurat li l-korpi ta' awtogovernanza lokali jiġu infurmati dwar il-bidliet fil-leġiżlazzjoni relatata mal-awtogovernanza lokali u, f'każ ta' tilwim, jista' jkollhom rikors għall-qorti.

Il-liġi tistabbilixxi mekkaniżmu għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni. Il-liġi tidentifika l-kapijiet tal-amministrazzjonijiet tal-istat lokali bħala responsabbli għall-koordinazzjoni u għall-iżgurar tal-legalità fl-attivitajiet tal-korpi territorjali tal-ministeri u korpi eżekuttivi ċentrali oħra.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 12.4

Isem il-pass: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ pubbliku għall-agrikoltura tal-Ukrajna

Riforma/investiment relatat: Riforma 3. Titjib tal-istruttura istituzzjonali u amministrattiva għall-ġestjoni tal-programmi ta' investiment

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 12.4 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“Id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-Emendi għal-Liġi tal-Ukrajna ‘Dwar l-Appoġġ mill-Istat għall-Agrikoltura tal-Ukrajna’. Il-Liġi tiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:

—

it-tfassil ta' miżuri futuri ta' appoġġ pubbliku f'konformità mal-prinċipji tal-acquis tal-UE f'dan il-qasam. L-għażla ta' miżuri futuri ta' appoġġ pubbliku se tinkludi analiżi ta' Saħħiet, Dgħufijiet, Opportunitajiet u Theddidiet (Strengths, Weaknesses, Opportunities, and Threats, SWOT);

—

it-tfassil ta' miżuri biex jappoġġaw il-produzzjoni agrikola għal azjendi agrikoli fuq skala żgħira biex iwettqu investimenti privati (assi fiżiċi ta' produtturi ta' azjendi agrikoli, għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni);

—

it-tfassil ta' strumenti finanzjarji futuri (inklużi faċilitajiet ta' garanzija ta' kreditu) għall-kategoriji kollha tal-azjendi agrikoli f'kollaborazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali;

—

id-diġitalizzazzjoni permezz ta' sistemi elettroniċi ta' ġestjoni tad-dokumenti;

—

l-appoġġ mill-Istat mogħti esklużivament lill-benefiċjarji elenkati fir-Reġistru Agrarju tal-Istat.”

Il-Pass 12.4 huwa l-uniku pass tar-Riforma 3 tal-Kapitolu 12 (is-settur agroalimentari).

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tal-Liġi tal-Ukrajna Nru 4619-IX dwar “Emendi f'Ċerti Liġijiet tal-Ukrajna dwar ir-Regolament ta' Ċerti Kwistjonijiet tal-Użu tat-Terminoloġija fis-Settur tal-Enerġija”, bid-data tat-8 ta' Ottubru 2025.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 12.4.

L-objettiv tar-Riforma 3 huwa li jittejjeb l-istabbiliment għall-ġestjoni tal-iskemi ta' appoġġ finanzjarju pubbliku għas-settur agroalimentari. Il-Parlament adotta l-Liġi tal-Ukrajna Nru 4619-IX “Dwar l-Emendi f'Ċerti Liġijiet tal-Ukrajna dwar il-Prinċipji Organizzazzjonali ta' Appoġġ fis-Settur Agrikolu” fit-8 ta' Ottubru 2025. Il-liġi daħlet fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2025.

Il-liġi tfassal miżuri futuri ta' appoġġ pubbliku f'konformità mal-prinċipji tal-acquis tal-UE fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Din tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet f'konformità mal-prinċipji tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) attwali. Hi tispeċifika l-għan ġenerali, l-objettivi tal-politika agrikola u tal-iżvilupp rurali u l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' din il-politika. Abbażi tal-għan u l-objettivi ġenerali, se tiġi żviluppata l-Istrateġija pluriennali għall-Iżvilupp tal-Agrikoltura u t-Territorji Rurali, u l-għażla tal-miżuri ta' appoġġ nazzjonali u t-tipi ta' appoġġ se tintgħażel abbażi ta' analiżi komprensiva tal-Perspettivi, id-Dgħufijiet, l-Opportunitajiet u t-Theddid (SWOT, Strengths, Weaknesses, Opportunities, and Threats).

Il-liġi tistabbilixxi l-istrutturi dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-appoġġ mill-Istat għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Dan jipprevedi l-istabbiliment tal-awtoritajiet responsabbli li jiddefinixxu l-kompiti tagħhom – bħal Aġenzija tal-Pagamenti, Korpi ta' Ċertifikazzjoni, u l-Korp Eżekuttiv Ċentrali, li jiżgura l-formazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

Il-liġi tintroduċi dispożizzjonijiet, fost l-oħrajn, dwar is-separazzjoni tal-funzjonijiet tat-tfassil tal-politika u tal-pagamenti, dwar l-indipendenza istituzzjonali tal-Aġenzija tal-Pagamenti u dwar il-kompiti dettaljati tal-Aġenzija tal-Pagamenti għall-amministrazzjoni tal-appoġġ nazzjonali għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, b'mod partikolari dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà, il-verifika u l-awtorizzazzjoni tal-pagamenti, it-twettiq ta' kontrolli amministrattivi u spezzjonijiet fuq il-post biex tiġi kkontrollata l-eliġibbiltà għall-appoġġ.

Il-produtturi agrikoli żgħar huma l-benefiċjarji prijoritarji tal-appoġġ mill-Istat. Il-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-produtturi agrikoli bħala produtturi żgħar se jiġu ddeterminati skont kull tip ta' appoġġ. Il-liġi tiddefinixxi wkoll miżuri għall-implimentazzjoni ta' appoġġ nazzjonali għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, inklużi investimenti f'assi fiżiċi ta' produtturi agrikoli biex jittejbu l-effiċjenza, il-kompetittività u l-produzzjoni agrikola sostenibbli. Bl-istess mod, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi agrikoli jistgħu jiġu appoġġati fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli.

Il-liġi tawtorizza t-tfassil ta' strumenti finanzjarji futuri (inklużi faċilitajiet ta' garanzija ta' kreditu) għall-kategoriji kollha tal-azjendi agrikoli f'kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola u tal-iżvilupp rurali.

Il-liġi għandha l-għan li tippromwovi d-diġitalizzazzjoni permezz ta' sistemi elettroniċi ta' ġestjoni tad-dokumenti. Il-liġi tipprovdi l-bażi legali għall-iżvilupp tas-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li se tiffunzjona flimkien ma' sistemi oħra diġà eżistenti bħala sistemi elettroniċi ta' ġestjoni tad-dokumenti għall-amministrazzjoni tal-appoġġ nazzjonali għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

Il-liġi teħtieġ l-appoġġ mill-Istat jingħata esklużivament lill-benefiċjarji elenkati fir-Reġistru Agrarju tal-Istat. L-entitajiet li mhumiex reġistrati fir-Reġistru Agrarju tal-Istat huma esklużi milli jirċievu appoġġ mill-Istat.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 13.2

Isem il-pass: Il-pubblikazzjoni ta' rapport dwar il-verifika tar-riżervi tal-Ukrajna tal-Materja Prima Kritika

Riforma/investiment relatat: Riforma 1. It-tisħiħ tal-ippjanar strateġiku u l-iżgurar tal-aħjar qafas għall-investituri strateġiċi

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 13.2 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“Il-pubblikazzjoni ta' rapport dwar il-verifika tar-riżervi tal-Materja Prima Kritika tal-Ukrajna bl-użu ta' sistema ta' klassifikazzjoni internazzjonali u r-riżultati jsiru disponibbli għall-investituri.”

Il-Pass 13.2 huwa l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 1 tal-Kapitolu 13 (ġestjoni tal-materja prima kritika). Qablu kien hemm il-Pass 13.1 dwar id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Programm Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Bażi tar-Riżorsi Minerali tal-Ukrajna sal-2030 li ġie vvalutat b'mod pożittiv fir-raba' trimestru tal-2024 bħala parti mit-tielet pagament parzjali.

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tar-“Rapport ta' verifika tar-riżervi tal-Materja Prima Kritika tal-Ukrajna bl-użu ta' sistema ta' klassifikazzjoni internazzjonali”, ippubblikat fuq is-sit web tal-Istħarriġ Ġeoloġiku Ukren: Ir-Rapport ta' Verifika tar-Riżervi Strateġiċi/Kritiċi tal-Minerali

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 13.2.

L-objettiv tar-Riforma 1 huwa li tattira investimenti fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima kritika.

Ir-rapport dwar il-verifika tar-riżervi tal-Materja Prima Kritika tal-Ukrajna huwa ppubblikat fuq is-sit web uffiċjali tal-Istħarriġ Ġeoloġiku bil-hyperlink: Ir-Rapport ta' Verifika tar-Riżervi tal-Minerali Strateġiċi/Kritiċi.

Ir-rapport juża s-sistema ta' klassifikazzjoni internazzjonali UNFC – Klassifikazzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riżorsi, li ġiet approvata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2004 u tibqa' għodda importanti biex jiġu analizzati d-disponibbiltà u s-sostenibbiltà tar-riżorsi kritiċi.

Il-verżjoni tal-2019 tal-UNFC hija sistema ta' klassifikazzjoni għal proġetti ta' żvilupp tar-riżorsi bbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

—

il-vijabbiltà ambjentali u soċjoekonomika;

—

fattibbiltà teknika;

—

il-potenzjal kummerċjali tal-proġetti tal-materja prima.

Ir-riżultati jsiru disponibbli għall-investituri billi jiġu ppubblikati fuq is-sit web.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 15.4

Isem il-pass: L-adozzjoni tat-tieni Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali tal-Ukrajna għall-Ftehim ta' Pariġi

Riforma/investiment relatat: Riforma 2. Politika tal-klima

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 15.4 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“L-adozzjoni tal-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna ‘Dwar l-Approvazzjoni tat-Tieni Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC) tal-Ukrajna għall-Ftehim ta' Pariġi’. L-NDC jiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:

—

il-mira ogħla għat-tnaqqis tal-emissjonijiet milli fl-NDC attwali tal-Ukrajna;

—

l-istabbiliment ta' sena bażi għall-kalkolu tal-emissjonijiet minn sorsi u bjar ta' gassijiet serra;

—

it-tul ta' żmien tal-implimentazzjoni u/jew il-perjodi ta' żmien tal-miżuri proposti;

—

il-kamp ta' applikazzjoni u l-kopertura tas-setturi ekonomiċi u l-gassijiet serra;

—

l-ippjanar tal-proċess, is-suppożizzjonijiet u l-approċċi metodoloġiċi użati, inkluż għall-istima u l-kontabbiltà tal-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u tal-assorbiment minn bjar ta' gassijiet serra;

—

ġustifikazzjoni tal-ekwità u l-ambizzjoni tal-NDC fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali;

—

il-kontribut għall-kisba tal-objettiv tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-gassijiet serra/jissaħħu l-bjar, f'konformità mal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima.

It-Tieni NDC tal-Ukrajna għall-Ftehim ta' Pariġi se jkun aktar ambizzjuż mill-NDC Aġġornat attwali.”

Il-Pass 15.4 huwa t-tieni pass fl-implimentazzjoni tar-Riforma 2 fil-Kapitolu 15 (tranżizzjoni ekoloġika u protezzjoni ambjentali). Il-Pass 15.2 dwar id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-Politika tal-Istat dwar il-Klima ġie vvalutat b'mod pożittiv fl-ewwel trimestru tal-2025 bħala parti mir-raba' pagament parzjali. Il-Pass 15.4 se jiġi segwit mill-Pass 15.3 dwar l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar il-Kunsill Xjentifiku u Espert dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Preservazzjoni tas-Saff tal-Ożonu fir-raba' trimestru tal-2025.

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tal-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna Nru 1172-r tad-29 ta' Ottubru 2025“Dwar l-approvazzjoni tat-tieni kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-Ukrajna fil-Ftehim ta' Pariġi”;

3)

kopja tal-anness tal-Ordni tal-Kabinett tal-Ministru tal-Ukrajna Nru 1172-r tad-29 ta' Ottubru 2025 dwar “It-tieni kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-Ukrajna għall-Ftehim ta' Pariġi”.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 15.4.

L-objettiv tar-Riforma 2, il-politika dwar il-klima, huwa li tinħoloq arkitettura għall-governanza klimatika kif ukoll mekkaniżmu xieraq għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-istat fil-qasam tat-tibdil fil-klima fl-Ukrajna.

L-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna “Dwar l-Approvazzjoni tat-Tieni Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC) tal-Ukrajna fil-Ftehim ta' Pariġi” kienet addottata fid-29 ta' Ottubru 2025. Hija tistabbilixxi mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (inkluż l-assorbiment) “aktar minn 65 %” mil-livell tal-1990 fl-2035. Il-NDC aġġornat preċedenti mmira għal tnaqqis ta' 65 % sal-2030. Is-sena bażi għall-kalkolu hija l-1990, bl-indikatur ta' referenza jkun l-emissjonijiet għal dik is-sena vvalutati mir-rapport nazzjonali dwar l-inventarju tal-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u assorbimenti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra.

It-tieni NDC tal-Ukrajna jispjega li, minħabba l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, “l-ippjanar ta' miri aktar ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa oġġettivament limitat minħabba l-livell estremament għoli ta' inċertezza dwar l-iskala tal-irkupru, id-dinamika tat-tkabbir ekonomiku, l-istruttura futura tal-bilanċ tal-enerġija u r-rata ta' dekarbonizzazzjoni”.

Id-durata tal-implimentazzjoni għat-tieni NDC hija mill-1 ta' Jannar 2031 sal-31 ta' Diċembru 2035, u l-għan huwa stabbilit bħala mira għas-sena 2035. Is-setturi koperti mit-tieni NDC jinkludu l-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti; l-agrikoltura, l-użu tal-art, il-bidliet fl-użu tal-art u l-forestrija; u l-iskart. Din tkopri l-gassijiet serra kollha li mhumiex regolati mill-Protokoll ta' Montreal.

L-ippjanar tal-proċess huwa kkoordinat mill-ministeru kompetenti rilevanti, b'governanza nazzjonali bbażata fuq il-Liġi tal-Ukrajna Nru 3991-IX “Dwar il-Prinċipji Bażiċi tal-Politika tal-Istat dwar il-Klima”. L-istima u l-kontabbiltà jużaw l-approċċ ta' tqabbil tal-emissjonijiet totali fis-sena fil-mira mal-emissjonijiet totali fis-sena bażi u jiddependu fuq il-Linji Gwida tal-IPCC tal-2006 u jużaw mudelli matematiċi biex jiżviluppaw tliet xenarji ta' tbassir sal-2050.

Il-valutazzjoni ta' hawn fuq hija valida biss fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. Il-livell ta' ambizzjoni klimatika tal-Ukrajna fil-kuntest tal-adeżjoni mal-UE qed jiġi indirizzat separatament.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti

Pass 15.9

Isem il-pass: L-adozzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2033

Riforma/investiment relatat: Riforma 5. Żieda fl-ekonomija ċirkolari

Iffinanzjat minn: self

Kuntest

Ir-rekwiżit għall-Pass 15.9 deskritt fl-Anness tas-CID huwa:

“L-adozzjoni tal-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna ‘Dwar l-Approvazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2033’. Il-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart jiffoka fuq dawn l-oqsma ewlenin:

—

il-ġestjoni tal-iskart domestiku;

—

il-ġestjoni tal-iskart perikoluż;

—

il-ħtiġijiet tal-infrastruttura;

—

l-analiżi tas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja tal-pjan ta' azzjoni;

—

l-implimentazzjoni ta' strumenti ekonomiċi biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart;

—

il-monitoraġġ u l-kontroll tal-immaniġġjar tal-iskart;

—

l-ippjanar strateġiku tal-ġestjoni tal-iskart fl-Ukrajna;

—

l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-iskart fil-livell reġjonali.”

Il-Pass 15.9 huwa l-ewwel fl-implimentazzjoni tar-Riforma 5 fil-Kapitolu 15 (Tranżizzjoni Ekoloġika u Protezzjoni Ambjentali). Il-Pass 15.9 huwa segwit mill-Pass 15.8 dwar l-adozzjoni ta' strateġija għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha fl-ewwel trimestru tal-2026.

Evidenza pprovduta

1)

dokument sommarju li jiġġustifika b'mod xieraq kif il-pass intlaħaq b'mod sodisfaċenti f'konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness tas-CID;

2)

kopja tal-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna Nru 1353-r dwar l-“Approvazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2033” datata s-27 ta' Diċembru 2024.;

3)

kopja tal-anness tal-Kabinett tal-Ministri Nru 1353-r dwar il- “Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2033” datata tas-27 ta' Diċembru 2024.

Analiżi

Il-ġustifikazzjoni u d-dokumentazzjoni sostantiva ta' evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet Ukreni jkopru l-elementi kostituttivi kollha tal-pass 15.9.

L-objettiv tar-Riforma 5 huwa li jiġu implimentati l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u l-ġestjoni tal-iskart. Għal dan l-għan, il-Kabinett tal-Ministri adotta l-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2033 (Pjan Nazzjonali) fis-27 ta' Diċembru 2024.

Fil-Pjan Nazzjonali, l-iskart domestiku huwa definit b'mod komprensiv biex jinkludi skart imħallat u miġbur separatament mill-unitajiet domestiċi, li jammonta wkoll għal komponenti perikolużi li jinsabu fih. Is-sistema attwali tal-ġestjoni tal-iskart fl-Ukrajna tiddependi ħafna fuq teknoloġiji ta' livell baxx, li jwasslu għar-rimi dirett tal-iskart primarjament fil-landfills u fil-miżbliet. Minkejja l-isforzi eżistenti, il-kopertura tal-popolazzjoni minn programmi ta' ġbir separat tal-iskart għadha baxxa, b'madwar 30 % biss.

Is-sorsi primarji tal-iskart perikoluż huma identifikati bħala intrapriżi industrijali, agrikoli u tat-trasport, flimkien mal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u l-unitajiet domestiċi. Filwaqt li l-volum annwali ta' skart perikoluż naqas b'mod sinifikanti fil-perjodu ta' wara l-gwerra mill-2010 sal-2022, l-effiċjenza tal-ġestjoni għadha inadegwata.

F'termini tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura, il-Pjan Nazzjonali jservi bħala dokument qafas, li jfisser li l-oġġetti, it-teknoloġiji u l-kalkoli ekonomiċi speċifiċi tal-infrastruttura għandhom jiġu dettaljati fil-pjanijiet reġjonali u lokali għall-ġestjoni tal-iskart. L-eżekuzzjoni b'suċċess tal-pjan hija mistennija li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tattira kemm il-finanzjament kif ukoll l-investimenti fis-settur. Il-pjani reġjonali u lokali, li jirriżultaw mill-Pjan Nazzjonali, huma espliċitament meħtieġa li jinkludu kalkoli ekonomiċi u valutazzjoni tal-kapaċità ta' implimentazzjoni tagħhom. Il-Pjan Nazzjonali jagħti mandat għall-implimentazzjoni ta' strumenti ekonomiċi essenzjali, inkluż il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u r-responsabbiltà estiża tal-produttur. Id-dokument jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinkiseb livell għoli ta' riċiklaġġ biex il-materja prima sekondarja terġa' tidħol fiċ-ċirkolazzjoni ekonomika.

Eżitu ewlieni antiċipat tal-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali huwa titjib ġenerali fis-sistema għall-monitoraġġ u l-kontroll fuq l-attivitajiet kollha tal-ġestjoni tal-iskart. Il-Pjan Nazzjonali jiffunzjona bħala d-dokument qafas primarju li jiddefinixxi d-direzzjonijiet strateġiċi ewlenin għall-politika tal-istat fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart sal-2033. Konsegwentement, huwa jifforma l-pedament għall-ippjanar strateġiku u l-iżvilupp ta' miżuri speċifiċi fil-livelli reġjonali, lokali, intraprenditorjali u istituzzjonali. Il-previżjonijiet għall-volumi futuri tal-ġenerazzjoni tal-iskart huma bbażati strateġikament fuq projezzjonijiet relatati mad-daqs tal-popolazzjoni u l-iżvilupp mistenni tal-potenzjal tal-produzzjoni u l-infrastruttura tal-pajjiż. F'konformità mal-Liġi, il-korpi ta' awtogovernanza lokali huma responsabbli biex jiżguraw l-immaniġġjar tal-iskart domestiku u jiggarantixxu li s-servizzi jiġu pprovduti lil kull ġeneratur tal-iskart fit-territorju tagħhom. Biex tittejjeb l-effiċjenza, il-komunitajiet territorjali huma mħeġġa jikkooperaw, inkluż permezz ta' finanzjament konġunt għall-kostruzzjoni, ir-rikostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' faċilitajiet tal-ipproċessar tal-iskart domestiku. Il-pjanijiet reġjonali u lokali kollha żviluppati taħt il-Pjan Nazzjonali jridu jqisu l-kundizzjonijiet lokali speċifiċi u l-kalkoli ekonomiċi meħtieġa.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: ksib sodisfaċenti


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta' Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/1447, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj). L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CONSIL%3AST_9492_2024_ADD_1&qid=1716536456361

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157 tas-17 ta' Ottubru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2025/2157, 27.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2157/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2612/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)