12004V177

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU I - SUQ INTERN - Sezzjoni 7 - Disposizzjonijiet komuni - Artikolu III-177

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0076 - 0076


Artikolu III-177

Għall-finijiet ta' l-Artikolu I-3, l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni għandhom jinkludu, kif previst fil-Kostituzzjoni, l-adozzjoni ta' politika ekonomika li hija bbażata fuq il-kordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri, s-suq intern u d-definizjoni ta' għanijiet komuni, u mmexxija skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera.

Flimkien ma' dan ta' qabel, u kif previst fil-Kostituzzjoni u skond il-proċeduri stabbiliti hemmhekk, dawn l-attivitajiet għandhom jinkludu munita unika, l-euro, u d-definizjoni u l-kondotta ta' politika monetarja unika u politika tal-kambju unika, u l-għan primarju tat-tnejn għandu jkun li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, li tiġi sostnuta l-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni, skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera.

Dawn l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni għandhom jinvolvu l-ħarsien tal-prinċipji ta' gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji tajbin u bilanċ stabbli ta' pagamenti.

--------------------------------------------------