IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2021
COM(2021) 428 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru. 4-6/2021
Werrej
1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2021
2.Id-dħul assenjat għall-FAEG
3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2021
3.1.
Miżuri tas-suq
3.2.
Pagamenti diretti
4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG
5.Konklużjonijiet
|
anness:
|
Konsum proviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sat-30/04/2021
|
1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2021
Fit-18 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2021. Il-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jammonta għal EUR 40 368 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 40 354 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament. Ir-raġuni għall-ammonti differenti għaż-żewġ tipi ta’ approprjazzjonijiet hija l-użu ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għal ċerti miżuri implimentati direttament mill-Kummissjoni. Dawn huma prinċipalment relatati ma’ miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli u ma’ miżuri ta’ strateġija politika, ta’ koordinazzjoni u ta’ awditjar.
2.Id-dħul assenjat għall-FAEG
Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dħul li joriġina minn korrezzjonijiet finanzjarji skont deċiżjonijiet dwar il-kontabbiltà u l-approvazzjoni tal-konformità, kif ukoll minn irregolaritajiet, jikkostitwixxi dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG.
Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. Kwalunkwe parti minn dan id-dħul li tibqa’ ma tintużax matul is-sena baġitarja tiġi riportata awtomatikament għas-sena baġitarja ta’ wara
.
Il-baġit tal-FAEG tal-2021 jinkludi:
·l-istimi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-miżuri tas-suq u għall-pagamenti diretti,
·u l-istimi tad-dħul assenjat li jrid jinġabar matul is-sena baġitarja.
Fil-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2021, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni. Madankollu, il-livell meħtieġ ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn qabeż is-sottolimitu tal-FAEG għall-2021 stabbilit fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (QFP). Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi rata ta’ aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja li trid tiġi applikata fuq il-pagamenti diretti biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet tal-FAEG jirrispettaw il-bilanċ nett tal-FAEG. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG għall-2021 filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.
Meta ġie stabbilit il-baġit tal-2021, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 619 miljun. Billi l-ebda riport mhu mistenni mill-2020 għall-2021, ġie stmat li l-ammont kollu se jinġabar matul is-sena baġitarja. Il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul stmat għall-iskema ta’ pagament bażiku (partita 08 02 05 04). It-total tal-approprjazzjonijiet ivvotati u tad-dħul assenjat għal din l-iskema jammonta għal EUR 14 791 miljun.
L-anness ta’ dan ir-rapport juri l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-2021 u t-tqabbil tiegħu mal-profil tan-nefqa mistenni.
3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2021
L-anness ta’ dan ir-rapport juri l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2020 u t-30 ta’ April 2021.
Qed isir tqabbil bejn il-livell ta’ implimentazzjoni u l-profil tan-nefqa tas-sistema ta’ twissija bikrija li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
3.1.Miżuri tas-suq
L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli huwa kemxejn inqas (-3,3 punti perċentwali) mill-profil tal-konsum.
In-nefqa li saret għall-POSEI u l-Gżejjer Minuri tal-Eġew (esklużi l-pagamenti diretti) (08 02 03 01) hija ta’ EUR 10,3 miljun (-4,6 punti perċentwali) inqas milli mistenni fl-aħħar ta’ April skont il-profil tan-nefqa. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa hija mistennija sa tmiem is-sena finanzjarja, meta titqies ukoll l-implimentazzjoni osservata fis-snin preċedenti.
L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli (08 02 03 02) turi devjazzjoni ta’ -10,0 punti perċentwali (EUR -8,6 miljun) mill-profil tal-konsum.
Għall-artikolu baġitarju 08 02 03 04 – L-iskemi tal-iskejjel, l-implimentazzjoni fit-tmiem ta’ April 2021 kienet madwar EUR 29,5 miljun (-14,4 punti perċentwali) lura mill-profil. Sa tmiem is-sena finanzjarja, hija mistennija sottoeżekuzzjoni prinċipalment minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID li għadha għaddejja fuq l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema.
In-nefqa ddikjarata s’issa għall-Frott u ħaxix (08 02 03 06) hija ta’ EUR 26,0 miljun (-3,0 punti perċentwali) inqas mill-profil tan-nefqa. Abbażi tal-previżjonijiet attwali tal-Istati Membri, li huma ogħla mill-medja tal-aħħar tliet snin, hija mistennija l-implimentazzjoni sħiħa tal-Baġit għall-2021.
In-nefqa ddikjarata għall-miżuri ta’ ħżin pubbliku u privat (08 02 03 10) taqbeż il-profil bi 57,4 punti perċentwali (EUR +5,2 miljun). Din tikkonċerna prinċipalment l-għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa adottata fl-2019 u fl-2020: għas-sena baġitarja 2021 l-Istati Membri ddikjaraw pagamenti pendenti għal total ta’ EUR 28,1 miljun. Peress li kien mistenni qabel li l-parti l-kbira ta’ din in-nefqa kellha tiġġarrab fl-2020, din ma kinitx ġiet inkluża fil-baġit tal-2021. Trasferimenti ta’ EUR 25.5 miljun saru mill-partita tal-baġit 08 02 03 04 (Skemi tal-iskejjel).
3.2.Pagamenti diretti
L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti huwa ġeneralment konformi mal-profil tal-konsum. Sal-aħħar ta’ April 2021, l-Istati Membri ddikjaraw total ta’ EUR 35,5 biljun għal dan l-artikolu baġitarju.
In-nefqa li saret għall-Iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (08 02 05 02), il-Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent (08 02 05 05) u l-Iskema għal appoġġ akkoppjat volontarju (08 02 05 09) tikkorrispondi għall-profil tal-konsum.
Għall-Iskema ta’ Pagament Bażiku (08 02 05 04), il-profil huwa kkalkulat billi jitqies id-dħul assenjat. Fuq din il-bażi, in-nefqa għal din l-iskema s’issa hija ta’ EUR 49,6 miljun (-0,3 punti perċentwali) inqas milli mistenni (ara l-kaxxa “Għall-Informazzjoni Biss” fl-anness).
Il-pagamenti lill-bdiewa f’żoni b’restrizzjonijiet naturali (08 02 05 06) huma 6,9 punti perċentwali lura mill-profil (EUR -0,3 miljun). In-nefqa ddikjarata għall-iskema tal-“pagament lill-bdiewa żgħażagħ” (08 02 05 07) hija EUR 138,0 miljun lura mill-profil (-24,0 punti perċentwali). Dawn id-diverġenzi huma kkunsidrati temporanji u l-ammonti bbaġitjati mistennija jiġu implimentati lejn tmiem is-sena.
4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG
It-tabella fl-anness turi li sa l-aħħar ta’ April 2021 kien inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 394,7 miljun. Dan jinkludi:
·id-dħul taħt il-partita tal-baġit 62 00 għal EUR 179,3 miljun. Dan jikkonċerna prinċipalment id-dħul mill-korrezzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet tal-kontabbiltà u tal-approvazzjoni tal-konformità, iżda wkoll minn irregolaritajiet iddikjarati mill-Istati Membri. Huma mistennija li jinġabru ammonti addizzjonali qabel l-għeluq tas-sena finanzjarja;
·id-dħul taħt il-partita tal-baġit 67 00 kien jammonta għal EUR 159,9 miljun, mill-korrezzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità qabel is-sena finanzjarja 2021;
·filwaqt li ma ġie stmat l-ebda ammont riportat meta ġie adottat il-baġit tal-2021, id-dħul li eventwalment ġie riportat mill-2020 għall-2021 kien jammonta għal EUR 55,5 miljun.
5.Konklużjonijiet
F’termini relattivi, l-eżekuzzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG għall-2021, għall-perjodu sat-30 ta’ April 2021, hija f’konformità mal-profil tan-nefqa kkalkulat.
Diġà huwa disponibbli dħul assenjat ta’ EUR 394,7 miljun, u huwa mistenni li jinġabru ammonti addizzjonali matul is-sena baġitarja.
Fil-preżent, il-Kummissjoni tistenna li l-approprjazzjonijiet ivvotati flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat li se jkun disponibbli sa tmiem is-sena baġitarja se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha.