European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/667

1.4.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/667

tas-27 ta’ Marzu 2025

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Każakistan għal ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim mar-Repubblika tal-Każakistan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Każakistan,

(2)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (1); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(3)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tiftaħ negozjati għal ftehim mar-Repubblika tal-Każakistan dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Każakistan.

2.   In-negozjati għandhom isiru fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża, li huwa hawnhekk nominat bħala l-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 218(4) TFUE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura regolarment lill-kumitat speċjali msemmi fil-paragrafu 1 dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni u tikkonsultah fuq bażi regolari.

3.   Kull meta tintalab tagħmel dan mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lill-Kunsill dwar it-tmexxija u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

P. HENNIG-KLOSKA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/667/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)