29.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/28


P9_TA(2020)0255

Oġġezzjoni għal att ta' implimentazzjoni: L-ispeċifikazzjonijiet għad-diossidu tat-titanju (E 171)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għad-diossidu tat-titanju (E 171) (D066794/04 – 2020/2795(RPS))

(2021/C 395/03)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għad-diossidu tat-titanju (E 171),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi ppreżentat fit-13 ta' Mejju 2019 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (3),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-10 ta' Mejju 2019, u ppubblikata fit-12 ta' Ġunju 2019 (4),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) u l-Artikolu 5a(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi r-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi regoli dwar l-addittivi tal-ikel użati fl-ikel biex jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u prattiki ġusti fil-kummerċ tal-ikel, b'kont meħud tal-protezzjoni tal-ambjent, fejn xieraq.

B.

billi r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 jistabbilixxi proċedura komuni għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-addittivi tal-ikel, fost l-oħrajn, li tikkontribwixxi għall-moviment liberu tal-ikel fl-Unjoni u għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għal livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluża l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur;

L-użu tad-diossidu tat-titanju (E 171) fl-ikel

C.

billi d-diossidu tat-titanju (E 171) huwa addittiv tal-ikel parzjalment magħmul minn nanopartikoli u li jinsab prinċipalment f'ikel bħal ħlewwiet, kejkijiet, deżerti, ġelat, gallettini, bars taċ-ċikkulata, u prodotti moħmija u tal-għaġina; billi l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jagħti l-kulur abjad jew l-opaċità tal-prodotti;

D.

billi d-diossidu tat-titanju (E 171) jintuża prinċipalment fi prodotti tal-ikel li huma partikolarment popolari mat-tfal, bħaċ-chewing gum, il-ħelu, iċ-ċikkulata u l-ġelat, u dan iqajjem tħassib dwar l-esponiment potenzjali għoli ta' din il-parti vulnerabbli tal-popolazzjoni;

Valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza

E.

billi l-opinjoni xjentifika tat-28 ta' Ġunju 2016 mill-EFSA (6) dwar id-diossidu tat-titanju (E 171) diġà indikat nuqqas ta' data, ħaġa li tfixkel il-valutazzjoni tar-riskju sħiħa tal-addittiv; billi l-inċertezzi dwar is-sigurtà tad-diossidu tat-titanju (E 171) jirriżultaw parzjalment min-nuqqas tal-manifatturi li jipprovdu d-data meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju;

F.

billi għadd sinifikanti ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi reċenti (7) qajmu dubji dwar is-sikurezza tad-diossidu tat-titanju (E 171) u enfasizzaw ir-riskji potenzjali relatati mal-konsum tiegħu;

G.

billi l-opinjoni tal-Aġenzija Franċiża għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Ambjentali u Okkupazzjonali (ANSES) tat-12 ta' April 2019 (8) identifikat l-impatti karċinoġeniċi possibbli tad-diossidu tat-titanju (E 171), fost effetti negattivi oħra, u kkonkludiet li għad hemm inċertezzi xjentifiċi dwar is-sikurezza tad-diossidu tat-titanju (E 171) u l-lakuni fid-data jibqgħu, li jfisser li kwalunkwe tħassib dwar it-tossiċità potenzjali tad-diossidu tat-titanju (E 171) għall-konsumaturi ma jistax jitneħħa; billi l-Uffiċċju Netherlandiż għall-Valutazzjoni tar-Riskji u r-Riċerka (BuRO) (9) enfasizza wkoll il-lakuni u l-inċertezzi tad-data;

H.

billi l-aħħar dikjarazzjoni tal-EFSA dwar id-diossidu tat-titanju (E 171) fl-ikel (10) tirreferi għall-opinjoni tal-ANSES u tirrikonoxxi wkoll għadd ta' inċertezzi fir-rigward tas-sikurezza tal-użu tiegħu;

I.

billi 19-il xjenzjat minn tmien pajjiżi ltaqgħu fi Frar 2016 fl-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), f'Lyon, Franza, biex jivvalutaw mill-ġdid il-karċinoġeniċità tad-diossidu tat-titanju (E 171) u kkonkludew li dan għandu jiġi kklassifikat bħala possibbilment karċinoġeniku għall-bnedmin (jiġifieri l-grupp 2B) (11);

J.

billi l-US National Institute for Occupational Safety and Health (NIOSH) iddetermina li l-esponiment għad-diossidu tat-titanju ultrafin (E 171) għandu jitqies bħala karċinoġenu okkupazzjonali potenzjali (12);

Deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju

K.

billi, b'konsegwenza tal-opinjoni tal-ANSES u d-dikjarazzjoni sussegwenti tal-EFSA li ma setgħux jeliminaw it-tħassib, il-Gvern Franċiż adotta digriet li jipprevjeni l-bejgħ ta' prodotti tal-ikel li fihom id-diossidu tat-titanju (E 171) mill-1 ta' Jannar 2020, bħala miżura ta' prekawzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi;

L.

billi, minkejja dan l-isfond, il-Kummissjoni, minflok ma pproponiet li telimina gradwalment l-użu tad-diossidu tat-titanju (E 171) fil-prodotti tal-ikel, ippreżentat abbozz ta' regolament li jibdel id-definizzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet ta' dan l-addittiv tal-ikel, li jkompli jippermetti t-tqegħid legali, u ż-żamma tad-diossidu tat-titanju (E 171) fis-suq;

M.

billi kwalunkwe deċiżjoni li d-diossidu tat-titanju (E 171) ma jiġix ipprojbit mis-suq toħloq żvantaġġ għall-kumpaniji li għażlu li japplikaw il-prinċipju ta' prekawzjoni u ssostitwixxew jew neħħew id-diossidu tat-titanju (E 171) mill-prodotti tagħhom;

Il-prinċipju ta' prekawzjoni u “fatturi oħra”

N.

billi l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta' prekawzjoni bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;

O.

billi l-Artikolu 168(1) tat-TFUE jiddisponi li “livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”;

P.

billi aktar minn 85 000 ċittadin madwar l-Ewropa diġà ffirmaw petizzjoni (13) biex jappoġġjaw il-projbizzjoni Franċiża fuq id-diossidu tat-titanju (E 171) u talbu l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fid-dawl tal-inċertezzi fir-rigward tal-addittivi tal-ikel li ma għandhom l-ebda skop nutrittiv u jistgħu jippreżentaw riskju għall-konsumaturi;

Q.

billi l-approvazzjoni tal-addittivi tal-ikel tista' tqis ukoll fatturi oħra rilevanti għall-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata, inklużi fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali, il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-fattibbiltà tal-kontrolli kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008;

Kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni u alternattivi

R.

billi l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jipprevedi li addittiv tal-ikel jista' jiġi awtorizzat biss jekk l-użu tiegħu jkun sikur, teknoloġikament ġustifikat, u jekk l-użu tiegħu ma jqarraqx, iżda għall-kuntrarju jibbenefika, lill-konsumatur;

S.

billi d-diossidu tat-titanju (E 171) jintuża biss għal skopijiet estetiċi u ma għandu l-ebda valur nutrittiv, u lanqas ma jissodisfa xi funzjoni teknoloġika ta' benefiċċju fl-ikel;

T.

billi ma hemm l-ebda ħtieġa teknoloġika konvinċenti għall-użu tad-diossidu tat-titanju (E 171), u ħafna manifatturi tal-ikel u bejjiegħa bl-imnut li joperaw fis-suq Franċiż irnexxielhom ineħħu d-diossidu tat-titanju (E 171) mill-prodotti tagħhom biex jikkonformaw mad-digriet Franċiż li jissospendi t-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tal-ikel li fihom l-addittiv (14); billi xi kumpaniji multinazzjonali impenjaw ruħhom li jneħħu d-diossidu tat-titanju (E 171) mill-portafoll tal-ikel tagħhom (15);

U.

billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri s'issa qed jitħabtu biex jinfurzaw ir-rekwiżit tat-tikkettar tan-nanopartikoli fl-ikel; billi t-testijiet imwettqa minn gruppi ta' konsumaturi fi Spanja, il-Belġju, l-Italja u l-Ġermanja sabu n-nanopartikoli tad-diossidu tat-titanju (E 171) fi proporzjonijiet akbar minn 50 %, mingħajr ma l-addittiv jiġi ttikkettat bħala “nano” (16), inkluż f'oġġetti tal-ikel bħall-ħelu, iċ-chewing-gums, u kejkijiet li ta' spiss jiġu kkunsmati mit-tfal u minn sezzjonijiet vulnerabbli oħra tal-popolazzjoni;

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.

Iqis li l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (KE) Nru 1331/2008;

3.

Iqis li jekk id-diossidu tat-titanju (E 171) jibqa' jitħalla jitqiegħed u jinbiegħ fis-suq bħala addittiv tal-ikel, dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u jaf ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-konsumaturi Ewropej;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta' prekawzjoni u tneħħi d-diossidu tat-titanju (E 171) mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel permessi;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/reg-com_toxic_20190513_sum.pdf

(4)  EFSA statement on the review of the risks related to the exposure to the food additive titanium dioxide (E 171) performed by the French Agency for Food, Environmental and Occupational Health and Safety (ANSES), EFSA Journal 2019; 17(6):5714 (Stqarrija tal-EFSA dwar l-analiżi tar-riskji relatati mal-esponiment għall-addittiv tal-ikel id-diossidu tat-titanju (E 171) magħmula mill-Aġenzija Franċiża għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Ambjentali u Okkupazzjonali) https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5714

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)  Re-evaluation of titanium dioxide (E 171) as a food additive, EFSA Journal 2016; 14(9):4545 (Evalwazzjoni mill-ġdid tad-diossidu tat-titanju (E 171) bħala addittiv tal-ikel), https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4545

(7)  Ara l-lista ta' Avicenn ta' pubblikazzjonijiet akkademiċi reċenti dwar l-effetti negattivi tan-nanopartikoli tal-E 171 u/jew it-TiO2 permezz ta' esponiment orali (“Recent academic publications on adverse effects of E171 and/or TiO2 nanoparticles via oral exposure”) disponibbli fuq http://veillenanos.fr/wakka.php?wiki=RisQIngestionNpTiO2/download&file=20190911AvicennE171recentpublications.pdf; Skocaj, M., Filipic, M., Petkovic, J., and Novak, S., “Titanium dioxide in our everyday life; is it safe?”, Radiology and Oncology, Diċembru 2011; 45(4): 227-247, (Id-diossidu tat-titanju fil-ħajja tagħna ta' kuljum; huwa sikur?) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3423755/; u Pinget, G., et al, “Impact of the Food Additive Titanium Dioxide (E171) on Gut Microbiota-Host Interaction”. Frontiers in Nutrition, 14 ta' Mejju 2019 (L-Impatt tal-Addittiv tal-Ikel id-Diossidu tat-Titanju (E 171) fuq l-Interazzjoni Intestinali bejn il-Mikrobijota Intestinali u l-Ospiti), https://www.frontiersin.org/articles/10.3389/fnut.2019.00057/full

(8)  Opinjoni tal-Aġenzija Franċiża għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Ambjentali u Okkupazzjonali (ANSES) dwar ir-riskji assoċjati mal-inġestjoni tal-addittiv tal-ikel E 171, disponibbli fuq https://www.anses.fr/en/system/files/ERCA2019SA0036EN.pdf

(9)  https://www.nvwa.nl/documenten/consument/eten-drinken-roken/overige-voedselveiligheid/risicobeoordelingen/advies-van-buro-over-de-mogelijke-gezondheidseffecten-van-het-voedseladditief-titaniumdioxide-e171

(10)  EFSA statement on the review of the risks related to the exposure to the food additive titanium dioxide (E 171) performed by the French Agency for Food, Environmental and Occupational Health and Safety (ANSES) (Stqarrija tal-EFSA dwar ir-rieżami tar-riskji relatati mal-esponiment għall-addittiv tal-ikel id-diossidu tat-titanju (E 171) magħmula mill-Aġenzija Franċiża għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Ambjentali u Okkupazzjonali); EFSA Journal 2019; 17(6):5714, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2019.5714

(11)  “Carbon Black, Titanium Dioxide, and Talc”, -“IARC Monographs on the Evaluation of Carcinogenic Risks to Humans”, Volum 93, (Monografi tal-IARC dwar l-Evalwazzjoni tar-Riskji Karċiroġeniċi għall-Bnedmin) https://publications.iarc.fr/Book-And-Report-Series/Iarc-Monographs-On-The-Identification-Of-Carcinogenic-Hazards-To-Humans/Carbon-Black-Titanium-Dioxide-And-Talc-2010

(12)  “Occupational Exposure to Titanium Dioxide” (Esponiment okkupazzjonali għad-diossidu tat-titanju), Current Intelligence Bulletin 63, https://www.cdc.gov/niosh/docs/2011-160/pdfs/2011-160.pdf

(13)  https://you.wemove.eu/campaigns/support-the-french-ban-on-potentially-harmful-food-additive-e171

(14)  Mill-inqas 340 prodott tal-ikel li kien fihom id-diossidu tat-titanju (E 171) ġew riformulati biex isiru “ħielsa mill-E 171” f'perjodu ta' żmien qasir ħafna, skont l-Inventarju Online (mhux eżawrjenti) ta' “Agir pour l'Environnement”, https://infonano.agirpourlenvironnement.org/liste-verte/. Produtturi iżgħar, li diskutibbilment jafu jiffaċċjaw ostakli teknoloġiċi akbar minn operaturi akbar, ġew offruti appoġġ mill-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom biex jeħilsu mid-dijossidu tat-titanju (E 171) fil-prodotti tagħhom, skont stqarrija għall-istampa tal-2018 mill-Ministeru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi, https://www.economie.gouv.fr/files/files/directions_services/dgccrf/presse/communique/2018/CP_Nanoparticules201804.pdf

(15)  https://www.centerforfoodsafety.org/press-releases/4550/top-candy-company-mars-commits-to-phasing-out-harmful-nanoparticles-from-food-products

(16)  Inklużi Altroconsumo fl-Italja, OCU fi Spanja, Test-Achats fil-Belġju u UFC – Que Choisir fi Franza.