IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.11.2023
COM(2023) 759 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 7-10/2023
Werrej
1.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2023
1.1.Tipi ta’ interventi f’ċerti setturi taħt il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (Artikolu Baġitarju 08 02 02)
1.2.Nefqa relatata mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (Artikolu Baġitarju 08 02 03)
1.3.Pagamenti diretti barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (Artikolu Baġitarju 08 02 05)
2.Riżerva agrikola (l-Artikolu tal-Baġit 08 02 01)
3.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG (Partita Baġitarja 6 2 0 0)
4.Konklużjonijiet
|
anness:
|
Konsum proviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31/08/2023
|
1.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2023
L-anness ta’ dan ir-rapport juri l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2022 u l-31 ta’ Awwissu 2023.
Qed isir tqabbil bejn il-livell ta’ implimentazzjoni u l-profil tan-nefqa tas-sistema ta’ twissija bikrija li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 19 tar-
Regolament (UE) 2021/2116.
Hawn taħt qed jiġi ppreżentat kummentarju qasir għal ċerti artikoli u partiti tal-baġit, li juri d-differenzi l-aktar sinifikanti bejn il-livelli ta’ implimentazzjoni u l-profili tan-nefqa.
1.1.Tipi ta’ interventi f’ċerti setturi taħt il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (Artikolu Baġitarju 08 02 02)
Il-partiti kollha taħt it-tipi ta’ interventi settorjali taħt il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK juru devjazzjoni sinifikanti ’l isfel mill-profil (-41,5 punt perċentwali). Il-konsum provviżorju totali għal dan l-artikolu jammonta għal EUR 146,9 miljun, jiġifieri inqas mill-profil b’madwar EUR 398,2 miljun.
In-nefqa ddikjarata s’issa għall-partiti tal-baġit 08 02 02 01 - Is-settur tal-frott u l-ħxejjex, 08 02 02 02 – Is-settur tal-prodotti tal-apikultura u 08 02 02 05 u Is-setturi taż-Żejt taż-Żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda juru devjazzjoni mill-profil ta’ EUR -148,2 miljun rispettivament
(-31,5 punt perċentwali), EUR -23,7 miljun (-44,7 punt perċentwali) u EUR -6,2 miljun (-17,3-il punt perċentwali).
L-implimentazzjoni aktar baxxa milli mistenni għas-settur tal-inbid (08 02 02 03) (EUR -220,1 miljun) tikkuntrasta ma’ dik ogħla għal dak is-settur taħt il-partita tal-baġit 08 02 03 07 (EUR 190,1 miljun). Dan jissuġġerixxi li xi Stati Membri qed jittrasferixxu l-allokazzjonijiet tal-approprjazzjonijiet tagħhom għat-tipi ta’ interventi fis-settur tal-inbid fil-qafas tal-Pjanijiet lill-Programmi Nazzjonali ta’ Appoġġ fl-inbid, li huma ffinanzjati barra mill-Pjanijiet (jekk jogħġbok ara l-punt 1.2 hawn taħt).
Fil-każ tal-Ħops (08 02 02 04), il-pagament sar barra mill-Pjan Strateġiku tal-PAK (ara l-kumment relatat għal 08 02 03 09, jekk jogħġbok ara l-punt 1,2 t’hawn taħt).
1.2.Nefqa relatata mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (Artikolu Baġitarju 08 02 03)
B’mod ġenerali, l-użu tal-approprjazzjonijiet għan-nefqa b’rabta mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK huwa ogħla mill-profil tal-konsum b’EUR 242,5 miljun (13,9-il punt perċentwali).
Madankollu, l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet relatati mal-“Promozzjoni ta’ prodotti agrikoli – Programmi sempliċi taħt ġestjoni kondiviża” (08 02 03 02) u maż-“Żejt taż-żebbuġa” (08 02 03 05) hija inqas mill-profil b’EUR -4,5 miljun (‑5.4 punti perċentwali) u EUR -2,3 miljun rispettivament
(-25,2 punt perċentwali).
Għall-kuntrarju, għan-nefqa fuq il-Frott u l-ħxejjex (08 02 03 06), l-implimentazzjoni hija EUR 97,1 miljun ogħla milli mistenni (19,1-il punt perċentwali) u għall-programmi ta’ appoġġ għall-inbid (08 02 03 07) hija saħansitra EUR 190,1 miljun ogħla mill-profil (30.3 punt perċentwali).
Il-pagamenti għall-apikultura (08 02 03 08) jaqbżu l-ammont ibbaġitjat u huma EUR 5,5 miljun (110.1 punti perċentwali) ogħla milli mistenni fl-aħħar ta’ Awwissu.
Għall-Ħops, l-eżekuzzjoni sħiħa saret taħt 08 02 03 09 (il-partita baġitarja tal-Ħops taħt in-nefqa b’rabta mas-suq barra l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) minflok 08 02 02 04 (il-partita baġitarja tal-Ħops taħt it-Tipi Settorjali ta’ Interventi taħt il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK).
Għal 08 02 03 10 - Miżuri ta’ ħżin pubbliku u privat, id-diverġenza mill-profil se tippersisti fir-rigward tal-ħżin privat tal-laħam tal-ħanżir li fis-sena baġitarja 2022 l-Istati Membri diġà ħallsu parti mill-ammont inizjalment stmat li jitħallas fis-sena baġitarja 2023.
Fil-preżent, id-diverġenzi mill-profili għat-tipi ta’ miżuri ta’ hawn fuq huma kkunsidrati temporanji, ħlief għal miżuri ta’ ħżin pubbliku u privat.
Kollox ma’ kollox, l-ammonti bbaġitjati huma mistennija li jkopru l-ħtiġijiet.
1.3.Pagamenti diretti barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (Artikolu Baġitarju 08 02 05)
L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK huwa ġeneralment konformi mal-profil tal-konsum. Sal-aħħar ta’ Awwissu 2023, l-Istati Membri ddikjaraw total ta’ EUR 37 620,1 miljun għal dan l-artikolu baġitarju.
Il-pagamenti li saru għall-Iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (08 02 05 02), Pagament ridistributtiv (08 02 05 03), Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent (08 02 05 05) u l-Iskema għal appoġġ akkoppjat volontarju (08 02 05 09) huma globalment konformi mal-profil tal-konsum.
Il-profil ta’ implimentazzjoni għall-Iskema ta’ Pagament Bażiku (08 02 05 04) iqis id-dħul assenjat għal din il-partita tal-baġit. Abbażi ta’ dan, in-nefqa għal din l-iskema hija ta’ EUR -1,1 miljun (devjazzjoni ta’ 0,0 punti perċentwali) inqas milli mistenni (ara l-kaxxa “Għall-Informazzjoni Biss” fl-anness).
Il-pagamenti għall-bdiewa f’żoni b’restrizzjonijiet naturali (08 02 05 06) u għall-bdiewa żgħażagħ (08 02 05 07) huma rispettivament aktar baxxi mill-profil b’EUR -0,1 miljun (-2,3 punti perċentwali) u b’EUR -19,4-il miljun (-4,1 punti perċentwali). L-ammont ibbaġitjat għall-Iskema għall-bdiewa żgħażagħ huwa mistenni li ma jiġix implimentat kollu lejn tmiem is-sena. L-approprjazzjonijiet mhux użati se jiġu trasferiti biex isaħħu partiti oħra skont dan l-artikolu fejn in-nefqa taqbeż il-ħtiġijiet ibbaġitjati.
Għall-Iskema għall-bdiewa żgħar (08 02 05 10), l-implimentazzjoni hija ogħla milli mistenni b’2,3 punti perċentwali (EUR 13,4-il miljun).
2.Riżerva agrikola (l-Artikolu tal-Baġit 08 02 01)
Għas-sena baġitarja 2023, ġew ivvutati EUR 450 miljun biex ikopru n-nefqa potenzjali taħt ir-riżerva agrikola. Sa tmiem Awwissu, ġew adottati ħames miżuri, b’total ta’ EUR 530,5 miljun:
·miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tal-pollam fil-Polonja(EUR 17,0-il miljun);
·miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-setturi taċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin fil-Bulgarija, fil-Polonja u fir-Rumanija (EUR 56,3 miljun);
·miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-pollam fl-Italja (EUR 27,2 miljun);
·miżura ta’ appoġġ ta’ emerġenza għas-setturi taċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin fil-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja (EUR 100,0 miljun);
·appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn problemi speċifiċi b’impatt fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi agrikoli (EUR 330,0 miljun).
L-ewwel tliet miżuri huma ffinanzjati taħt ir-riżerva agrikola tal-2023, b’hekk taħt il-Baġit 2023. Id-dati tal-eliġibbiltà għall-aħħar żewġ miżuri jaqgħu f’sentejn finanzjarji differenti tal-FAEG. Konsegwentement, huma ffinanzjati kemm taħt ir-riżervi agrikoli tal-2023 kif ukoll tal-2024 (Baġit 2023 u Baġit 2024). Sal-31 ta’ Awwissu 2023, ġew iddikjarati EUR 10,0 miljun ta’ pagamenti.
3.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG (Partita Baġitarja 6 2 0 0)
It-tabella fl-Anness turi li sa tmiem Awwissu 2023 kien inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 505,5 miljun. Dan jinkludi:
·id-dħul ta’ EUR 503,1 miljun, miġbur matul is-sena baġitarja. Dan jikkonċerna prinċipalment id-dħul mill-korrezzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet tal-kontabbiltà u tal-approvazzjoni tal-konformità, iżda wkoll minn irregolaritajiet iddikjarati mill-Istati Membri.
·filwaqt li ma ġie stmat l-ebda ammont riportat meta ġie adottat il-baġit tal-2023, id-dħul li eventwalment ġie riportat mill-2022 għall-2023 kien jammonta għal EUR 2,3 miljun.
4.Konklużjonijiet
L-eżekuzzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG għall-2023, għall-perjodu sal-31 ta’ Awwissu 2023, hija ħarira ogħla (EUR 408,2 miljun jew 1,0 punt perċentwali) mill-profil tan-nefqa kkalkulat.
Diġà hemm disponibbli dħul assenjat ta’ EUR 505,5 miljun, u huwa mistenni li jinġabru ammonti addizzjonali matul is-sena baġitarja.
Bħalissa, il-Kummissjoni tistenna li l-approprjazzjonijiet ivvotati flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat li se jkun disponibbli sa tmiem is-sena finanzjarja se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha.