European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2368

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2368 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0093/2024),

A.

billi l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva (IHI JU), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Novembru 2021 fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 (1); billi l-IHI JU ssostitwiet u ssuċċediet l-Impriża Konġunta Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi, li ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) għal perjodu ta’ 10 snin (2) (IMI 1) u ġiet estiża f’Mejju 2014 fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (3) (IMI 2);

B.

billi l-IHI JU hija sħubija pubblika-privata b’enfasi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni interdixxiplinari, sostenibbli u ċċentrata fuq il-pazjent; billi l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija Ewropea COCIR, il-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi, inklużi Vaccines Europe, EuropaBio u MedTech Europe;

C.

billi biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta għandha tiddivulga, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu jkunu joperaw, l-Impriża Konġunta għandha tippreżenta għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali li jiġu stabbiliti għall-programm rispettiv, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet li jiġu riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; billi l-Impriża Konġunta għandha tkompli ttejjeb it-trasparenza;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) il-kontijiet tal-IHI JU għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-IHI JU fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li skont ir-rapport tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jilqa’ r-rwol tal-IHI JU fit-trasformazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa f’benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

3.

Jinnota li l-baġit li għandha disponibbli l-IHI JU għall-2022 (4) kien ta’ EUR 272,4 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (EUR 11,0 miljun fl-2021) u EUR 174,8 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (EUR 210,4 fl-2021);

4.

Jinnota li l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament laħqet 96,60 % (75,91 % fl-2021) u 86,25 % (95,39 % fl-2021) rispettivament;

5.

Jinnota li l-bidliet fid-daqs tal-baġit tal-IHI JU jiddependu fil-biċċa l-kbira mill-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni; jinnota li fl-2022, l-IHI JU bdiet l-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa, u, għalhekk, il-baġit tal-2022 jinkludi l-baġit ta’ impenn għall-ewwel sejħiet ta’ Orizzont Ewropa ppjanati għall-2022;

6.

Jinnota li fil-kontijiet annwali tal-IHI JU għall-2022, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet rikonoxxuti għal kull kategorija ta’ membri (l-Unjoni u l-membri privati) ivarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin; jinnota li dan minħabba li l-kontribuzzjonijiet fi flus mill-Unjoni jiġu vvalidati u rikonoxxuti meta jitħallsu lill-IHI JU fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri jiġu rikonoxxuti biss wara l-validazzjoni tal-ispejjeż li jiġġarrbu u li jiġu ddikjarati għall-implimentazzjoni tal-proġett; jistieden lill-IHI JU tkompli tindirizza d-distakk bejn l-ammont rikonoxxut ta’ kontribuzzjonijiet fi flus minn naħa u l-kontribuzzjonijiet in natura min-naħa l-oħra, billi tipprovdi informazzjoni dwar l-impenji legali tal-membri tal-IHI JU fi tmiem is-sena, f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati;

7.

Jinnota li l-IHI JU għadha ma lestietx l-implimentazzjoni tal-programm FP7 (5);

8.

Jinnota, f’dan ir-rigward, li fi tmiem l-2022, l-IHI JU kienet impenjat bis-sħiħ il-kontribuzzjoni operattiva massima tal-Unjoni ta’ EUR 966 miljun għal ftehimiet ta’ għotja ffirmati fil-qafas tal-programm; jinnota li, għaxar snin wara tmiem il-programm FP7, madwar EUR 44,9 miljun (jew 5 %) għad iridu jitħallsu għal proġetti li għad iridu jitlestew; jinnota li dan id-distakk jikkorrispondi għal ħames proġetti li jwettqu riċerka dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR); jinnota, barra minn hekk, li 2 minn dawk il-proġetti lestew l-attivitajiet tagħhom sa tmiem l-2022; jirrikonoxxi li l-AMR hija qasam ta’ sfida għar-riċerka u japprezza l-valur xjentifiku u soċjetali tal-finanzjament tal-iżvilupp ta’ approċċi ġodda għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antibijotiċi;

9.

Jinnota, barra minn hekk, li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 914,2 miljun jew 94,6 % tal-mira operattiva minima ta’ EUR 966 miljun u li, minn dak l-ammont impenjat, huma rrappurtaw EUR 831,9 miljun (jew 86 % tal-mira) fi tmiem l-2022;

10.

Jinnota, fir-rigward ta’ Orizzont 2020, li l-impenji legali tal-Membri huma fil-livell tal-miri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom;

11.

Jinnota, f’dan ir-rigward, li fi tmiem l-2022, l-IHI JU kienet impenjat EUR 1 452,1 miljun (jew 91 %) tal-kontribuzzjoni operattiva massima tal-Unjoni ta’ EUR 1 595,4 miljun għal ftehimiet ta’ għotja ffirmati fil-qafas tal-programm Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 484,8 miljun (jew 33,4 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti li għad iridu jitlestew; jinnota, barra minn hekk, li l-membri privati u s-sħab assoċjati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 1 499,4 miljun (jew 94 %) tal-mira minima ta’ EUR 1 595,4 miljun u li, minn dak l-ammont impenjat, huma rrappurtaw EUR 1 078,9 miljun (jew 67,6 % tal-mira) fi tmiem l-2022;

12.

Jinnota li, skont l-IHI JU, ir-rati ta’ kisbiet aktar baxxi huma parzjalment spjegati mid-durata twila tal-proġett meħtieġa min-natura taż-żona ta’ riċerka speċifika għall-IHI JU u l-iskala kbira tal-konsorzji globali li jimplimentaw il-proġetti;

13.

Jinnota li, għall-attivitajiet ta’ Orizzont 2020, l-IHI JU ma rċeviet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiva ġdida, peress li kienet temmet l-aħħar sejħa għal proposti tagħha sa tmiem l-2020; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament operattivi kienet fil-livell ta’ 87 % (96 % fl-2021);

14.

Jaqbel mal-Qorti li l-IHI JU għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni skedat biż-żmien għall-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti approvati fl-ambitu ta’ Oqfsa Finanzjarji Pluriennali preċedenti;

15.

Jinnota, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa li, fl-2022, il-Kummissjoni għamlet biss kontribuzzjonijiet fi flus ta’ EUR 1,4 miljun għall-ispejjeż amministrattivi tal-IHI JU; jinnota li l-IHI JU ma talbitx kontribuzzjonijiet fi flus għall-attivitajiet tagħha ta’ Orizzont Ewropa, billi l-ewwel żewġ sejħiet imnedija fl-2022 fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa se jitlestew fl-2023;

16.

Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività Korporattiva tal-2022, li l-IHI JU kellha prestazzjoni tajba fil-kuntest tal-maġġoranza tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPI) tal-IMI2, li spiss qabżet il-miri stabbiliti; jilqa’, b’mod partikolari, il-fatt li l-proġetti tal-IHI JU ffinanzjati fl-ambitu tal-IMI2 lestew 24 proċedura regolatorja, inklużi żewġ ittri regolatorji ta’ appoġġ, għaxar opinjonijiet regolatorji kwalifikati, żewġ sottomissjonijiet għal opinjoni ta’ kwalifika u l-inklużjoni f’sitt linji gwida regolatorji;

17.

Jinnota b’sodisfazzjon li sehem ta’ 58,3 % (ogħla mill-mira ta’ 50 %) tal-proġetti tal-IHI JU ffinanzjati fl-ambitu tal-IMI2 għamlu r-riżorsi u l-outputs tagħhom aċċessibbli lil hinn mis-sħab tal-konsorzji; jenfasizza eżempji bħal-librerija tal-komposti kimiċi, il-Kollezzjoni tal-Komposti Ewropej, stabbilita mill-proġett ESCulab, il-pjattaforma tad-data RADAR-base b’sors miftuħ żviluppata minn RADAR-CNS, in-network federat Ewropew tad-data, stabbilit mill-proġett EHDEN, jew il-bijobank taċ-ċelloli staminali embrijonali awtosuffiċjenti pprovdut minn EBiSC2;

18.

Jilqa’ l-fatt li madwar 67 % tad-dokumenti maħruġa mill-proġetti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta għandhom koawturi minn setturi differenti, li juru n-natura transdixxiplinarja tar-riċerka u l-approċċ kollaborattiv tal-proġetti tagħha;

Akkwist u persunal

19.

Jinnota li l-maġġoranza tal-impenji kuntrattwali tal-IHI JU fl-2022 ġew konklużi abbażi ta’ kuntratti qafas pluriennali eżistenti; jinnota, barra minn hekk, li f’termini ta’ volum, il-kuntratti qafas użati l-aktar kienu fil-qasam tal-IT, tar-riżorsi umani u tas-servizzi tal-awditjar; jilqa’ l-fatt li ħafna mill-kuntratti qafas inkwistjoni huma interistituzzjonali, u b’hekk jimminimizzaw il-piż amministrattiv u jiżguraw ekonomiji ta’ skala;

20.

Jinnota mir-Rapport tal-Attività Annwali Konsolidat 2022 (6) li l-IHI JU nediet żewġ proċeduri ta’ sejħa għall-offerti (7) fl-2022 barra mill-kuntratti qafas eżistenti b’valur ta’ aktar minn EUR 15 000;

21.

Jinnota l-fatt li l-proċeduri kollha ġew amministrati f’konformità mar-Regoli Finanzjarji tal-IHI JU u r-Regolament Finanzjarju biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi ekonomiċi, u l-aktar użu tajjeb u effiċjenti tal-fondi tal-IHI JU;

22.

Jinnota li t-tabella tal-persunal (SEP) tippermetti 39 aġent temporanju, 15-il aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat wieħed (SNE), b’kollox 55 membru tal-persunal; jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2022, kien hemm 49 pożizzjoni okkupata: 36 minn 39 aġent temporanju (92,30 %), 11 minn 15-il aġent kuntrattwali (73,30 %) u 0 minn espert nazzjonali sekondat wieħed (0 %);

23.

Jinnota, fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri u l-bilanċ ġeografiku, li madwar 65 % tal-persunal huma nisa u madwar 35 % huma rġiel, li ġejjin minn 15-il nazzjonalità differenti fl-IHI JU fil-31 ta’ Diċembru 2022;

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

24.

Jinnota li, għan-nefqa fil-qafas tal-FP7, l-IHI JU wettqet awditi ex post, filwaqt li għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post;

25.

Jinnota li l-IHI JU rrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,1 % u rata tal-iżball residwu ta’ 0,8 % għan-nefqa tagħha fil-qafas tal-FP7, kif ukoll rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,7 % u rata tal-iżball residwu ta’ 0,9 % għan-nefqa tagħha fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali) (8);

26.

Jinnota li, għall-programm Orizzont Ewropa, għad iridu jitwettqu awditi ex post, billi l-ewwel pagamenti interim huma mistennija biss fl-2024;

27.

Jinnota li sabiex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-IHI JU, il-Qorti awditjat kampjun aleatorju ta’ pagamenti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2022, fil-livell tal-benefiċjarji finali (9); jinnota li l-Qorti ma sabet l-ebda żball jew dgħufija fil-kontroll fir-rigward tal-benefiċjarji tal-IHI JU inklużi fil-kampjun;

28.

Jilqa’ l-fatt li, fi tmiem l-2022, l-IHI JU kienet żviluppat u implimentat approċċ sħiħ ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante f’konformità mal-gwida taċ-Ċentru ta’ Implimentazzjoni Komuni (CIC), b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tar-riskju speċifiċi għall-IHI JU; jinnota li, għal dan il-fini, l-IHI JU identifikat il-kriterji tar-riskju l-aktar rilevanti u fasslet, abbażi tagħhom, approċċ ta’ monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju; jinnota li dan l-approċċ ippermetta lill-IHI JU tivvaluta l-livell ta’ riskju ta’ kull proġett u benefiċjarju matul il-fażijiet prinċipali tal-implimentazzjoni tal-proġett, bħat-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja, l-emenda tal-ftehim ta’ għotja, ir-rappurtar, u l-pagament;

29.

Jinnota, f’dan ir-rigward, li l-IHI JU fasslet ukoll linji gwida interni dwar l-approċċ tagħha bbażat fuq ir-riskju, u ħarrġet u ggwidat lill-persunal tagħha dwar l-applikazzjoni xierqa u konsistenti tiegħu;

30.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-IHI JU żviluppat approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-awditjar ex post bil-għan li tnaqqas ir-rata ta’ żball tagħha billi tuża kampjuni mmirati aħjar biex jiġu identifikati l-aktar benefiċjarji suxxettibbli għall-iżbalji, u b’hekk, jissaħħaħ l-effett tat-tindif tal-awditi ex post tagħha; Din hija bidla pożittiva importanti fl-approċċ tal-awditjar ex post peress li l-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni għall-għotjiet ta’ Orizzont Ewropa ma jippermettix li jiġu stabbiliti kampjuni rappreżentattivi speċifiċi tal-impriża konġunta u, konsegwentement, li jiġu kkalkolati r-rati ta’ żball rappreżentattivi u residwi speċifiċi għall-impriżi konġunti;

31.

Jinnota li l-Qorti sabet li l-impriżi konġunti b’approċċ tal-awditjar ex post ibbażat fuq ir-riskju żviluppat tajjeb għandhom rata tal-iżball residwu taħt il-medja tal-impriżi konġunti li ma kellhomx dan l-approċċ, minħabba l-identifikazzjoni u l-awditjar sistematiċi tal-benefiċjarji l-aktar riskjużi;

Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti

32.

Jinnota li l-“osservazzjonijiet” fir-rapporti annwali speċifiċi tal-IHI JU fil-fatt huma “rakkomandazzjonijiet mhux f’waqthom” mill-Qorti; jinnota li l-QEA ssegwi kull sena dawk l-osservazzjonijiet billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”;

33.

Jinnota l-fatt li l-IHI JU ħadet azzjoni korrettiva biex tindirizza l-osservazzjoni tal-Qorti tal-2021 relatata ma’ parti mill-kontribuzzjonijiet tal-impjegatur għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54).

(4)  Il-baġit disponibbli jinkludi l-approprjazzjonijiet mhux użati mis-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena attwali, kif ukoll id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena li jmiss.

(5)  Is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (2007-2013).

(6)   https://www.ihi.europa.eu/sites/default/files/uploads/Documents/About/Reports/IHI_CAAR_2022.pdf

(7)  Għamara tal-uffiċini — EUR 24 453,65 u Strateġija ta’ Komunikazzjoni — EUR 15 950,00.

(8)  Ir-Rapport tal-Attività Annwali Konsolidat 2022 tal-IHI JU, il-Kapitolu 4.1.1.

(9)  Għal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rappurtar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2368/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)