11.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/798

tal-25 ta' April 2017

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mal-Gvern tal-Ġappun għal ftehim dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 103 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn il-Gvern tal-Ġappun dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata tiftaħ negozjati mal-Gvern tal-Ġappun għal ftehim li jżid dispożizzjonijiet mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar kooperazzjoni fuq attivitajiet antikompetittivi (1) dwar l-iskambju ta' evidenza f'investigazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni fuq bażi reċiproka.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi ta' direttivi ta' negozjar tal-Kunsill stipulati fl-addendum għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b'dan nominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kompetizzjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' April 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

I.BORG


(1)   ĠU L 183, 22.7.2003, p. 12.