12.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/39


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/777

tal-10 ta’ Mejju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perijodu ta’ tliet snin.

(2)

Skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jista’ jestendi l-Konvenzjoni għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tagħha, il-Konvenzjoni ġiet estiża regolarment għal perjodi oħra ta’ sentejn. Il-Konvenzjoni ġiet estiża l-aħħar permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fl-10 ta’ Ġunju 2019 u tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(3)

Matul it-53 sessjoni tiegħu, li ser issir fit-7 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandu jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-Konvenzjoni għal perjodu ieħor ta’ mhux aktar minn sentejn mill-1 ta’ Lulju 2021.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-53 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, peress li huwa fl-interess tal-Unjoni li tiġi estiża l-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-53 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995, għal perjodu ieħor ta’ mhux aktar minn sentejn mill-1 ta’ Lulju 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 dwar l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, li jikkostitwixxu l-Ftehim Internazzjonali dwar iċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).