European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/628

1.4.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/628

tal-31 ta’ Marzu 2025

li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u dwar ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni għall-fini tas-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet għall-fini tal-infurzar tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2065 (2) fir-rigward tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna. Għal dak l-għan, hija teżerċita setgħat ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament (UE) 2022/2065.

(2)

Il-kompiti tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 jitwettqu mid-Direttorat Ġenerali responsabbli għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija tal-Kummissjoni.

(3)

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħha ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni tipproċessa l-informazzjoni. Dik l-informazzjoni tista’ tinkludi data personali ta’ persuni fiżiċi, bħal persunal individwali tal-impriża (pereżempju, il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità, il-punt uniku ta’ kuntatt), persuni suspettati, vittmi, whistleblowers, informaturi, u xhieda kif ukoll persuni fiżiċi oħra li d-data personali tagħhom tinsab f’dokumenti miksuba b’rabta mal-eżerċizzju tal-kompiti tagħha ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

(4)

L-ipproċessar tad-data personali, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725, imwettaq waqt attivitajiet ta’ investigazzjoni u infurzar skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, jista’ jsir anki qabel ma l-Kummissjoni formalment tibda proċedimenti skont l-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2022/2065, jista’ jkompli matul it-twettiq tal-investigazzjoni, u jista’ jkompli anki wara l-għeluq formali tal-investigazzjoni (pereżempju, għall-fini ta’ monitoraġġ tal-konformità jew ta’ attivitajiet ta’ skrinjar, ta’ valutazzjoni tal-ħtieġa li jingħata bidu għal attivitajiet investigattivi ġodda jew għal proċedimenti legali).

(5)

Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali, bħad-data ta’ identifikazzjoni, id-dettalji ta’ kuntatt, id-data dwar l-involviment fil-każ, id-data relatata mal-każ u kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa. Għalkemm mhux probabbli, il-kategoriji ta’ data personali pproċessata jistgħu jinkludu wkoll kategoriji speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jekk tapplika xi waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 10(2) jew (3) ta’ dak ir-Regolament kif ukoll data personali relatata ma’ kundanni u reati kriminali kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet tal-persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali rikonoxxuti mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, hija meħtieġa tikkonforma mar-regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 84 ta’ dak ir-Regolament.

(6)

F’ċerti ċirkostanzi huwa meħtieġ li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu rrikonċiljati skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-eżerċizzju effettiv tal-kompiti ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, filwaqt li jiġi żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data. Għal dak l-għan, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprovdi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tirrestrinġi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, l-Artikolu 35 u l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(7)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu rrikonċiljati mal-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-objettivi tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ imwettqa skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 bħala objettiv importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 25(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tapplika restrizzjonijiet fejn, pereżempju, l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet jaffettwa serjament il-kapaċità tagħha li twettaq l-investigazzjoni b’mod effettiv u b’hekk ifixkel l-objettiv tagħha. F’tali każijiet, hemm riskju li l-evidenza tinqered jew li jkun hemm interferenza ma’ atturi ewlenin (pereżempju, ix-xhieda) matul investigazzjoni.

(8)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu bbilanċjati mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni oħra kkonċernati, bħall-vittmi jew ix-xhieda. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra ta’ tali persuni sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan, b’mod partikolari biex tipproteġi lil dawk il-persuni minn ritaljazzjoni possibbli.

(9)

Huwa meħtieġ li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali dwar l-informatur, il-whistleblower, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tkun irrappurtat informazzjoni lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħha ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrestrinġi l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra ta’ tali persuni sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha ikkonċernati skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Huwa biss jekk il-persuna li tirrapporta tawtorizza dan, li l-Kummissjoni tista’ tiżvela l-identità tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżvela l-identità tagħha, jekk dan ikun meħtieġ mil-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja. F’każijiet fejn is-suġġetti tad-data jippreżentaw talba biex jaċċessaw id-data personali tagħhom, jenħtieġ li jingħataw aċċess għal tali data personali inkluż dik ipprovduta minn persuna li tirrapporta. Sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tipprovdix lis-suġġett tad-data bl-isem tal-persuna li tirrapporta, jew kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti l-identifikazzjoni diretta jew indiretta tagħha.

(10)

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2065, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u b’hekk tissalvagwardja objettiv importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel dan f’sitwazzjoni fejn il-fini ta’ tali restrizzjoni minn awtorità ta’ Stat Membru tkun ipperikolata jekk il-Kummissjoni ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni tista’ tapplika restrizzjonijiet biex tissalvagwardja l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 25(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Istat Membru li jissalvagwardja l-objettiv importanti ta’ interess pubbliku ġenerali kkonċernat dwar ir-raġunijiet potenzjali rilevanti għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 25(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tissalvagwardja funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta, anki okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija hawn fuq, u kif imsemmi fl-Artikoli 25 (1), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(11)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika restrizzjonijiet biss meta dawn jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali stabbiliti fil-Karta u jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati f’soċjetà demokratika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi ġustifikazzjoni għal dawk ir-restrizzjonijiet.

(12)

L-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jirrikjedi li l-kontrollur jinforma lis-suġġetti tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tagħhom li jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(13)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni relatata mar-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni lis-suġġett tad-data jekk l-għoti ta’ dik l-informazzjoni b’xi mod jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkanċellax l-effett tagħha.

(14)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tneħħi r-restrizzjoni hekk kif il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, u tivvaluta dawk il-kundizzjonijiet fuq bażi regolari.

(15)

Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b’mod trasparenti u koerenti permezz ta’ avviż ta’ protezzjoni tad-data ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lill-whistleblowers, lill-informaturi, lix-xhieda u, fejn rilevanti għall-każ, lill-persunal individwali tal-impriża (pereżempju, il-kap tal-funzjoni ta’ verifikà tal-konformità, il-punt uniku ta’ kuntatt), dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

(16)

L-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi eċċezzjonijiet għad-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni. Jekk japplikaw dawk l-eċċezzjonijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tapplika restrizzjoni għad-dritt għall-informazzjoni skont din id-Deċiżjoni. L-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 16(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom japplikaw meta l-għoti ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 16(1) sa (4) ta’ dak ir-Regolament ikun impossibbli, ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, jew x’aktarx jagħmel impossibbli jew ifixkel serjament il-kisba tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar. L-għoti ta’ tali informazzjoni jista’ jkun impossibbli jew jista’ jinvolvi sforz sproporzjonat, f’każijiet ta’ suġġetti tad-data li mhumiex rilevanti għall-investigazzjoni u li d-data personali tagħhom tinsab f’dokumenti miksuba b’rabta mas-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar, u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, għajr dawk is-suġġetti tad-data infurmati individwalment. Dan jista’ jkun il-każ meta l-Kummissjoni tikseb data personali fil-kuntest ta’ rapport ta’ whistleblower jew matul l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-konformità miegħu. L-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 16(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725 jistgħu jiġu applikati wkoll meta l-għoti ta’ tali informazzjoni lill-persuni suspettati u lill-vittmi relatati ma’ każ x’aktarx jagħmel impossibbli jew ifixkel serjament il-kisba tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar.

(17)

Fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ trasparenza, ġustizzja u responsabbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tittratta l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u żżomm rekord tal-applikazzjoni tagħha tal-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet.

(18)

Sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi lill-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija u l-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni matul il-proċess kollu tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet u tiddokumenta dik il-konsultazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data jiġi kkonsultat fi żmien debitu dwar kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħhom ma’ din id-Deċiżjoni.

(19)

Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet bil-għan li jiżgura l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(20)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta’ Ottubru 2024,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta twettaq l-kompiti tagħha ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 20, u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (b), (c), (g) u (h) tiegħu.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni tal-kategoriji tas-suġġetti tad-data li ġejjin:

(a)

il-persuni suspettati;

(b)

il-vittmi;

(c)

il-whistleblowers;

(d)

l-informaturi;

(e)

ix-xhieda;

(f)

il-persunal ta’ impriża;

(g)

il-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tinsab fid-dokumenti jew media oħra miġbura bħala parti mis-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni tal-kategoriji tas-suġġetti tad-data li ġejjin:

(a)

id-data ta’ identifikazzjoni;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt;

(c)

id-data dwar l-involviment fil-każ;

(d)

id-data relatata mal-każ;

(e)

kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, inkluża d-data personali msemmija fl-Artikolu 10(1) u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 3

Restrizzjonijiet

1.   Soġġett għall-Artikoli 3 sa 8 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 20, u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju tat-trasparenza stabbilit fl-Article 4(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta:

(a)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jipperikola l-fini tal-attivitajiet superviżorji, investigattivi, ta’ infurzar u ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (c) u (g) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(b)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tas-suġġetti tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(c)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jista’ jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istati Membri bil-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2065, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (b), u (g), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istati Membri rilevanti dwar ir-raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

4.   Qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq u tiddokumenta valutazzjoni każ b’każ tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament neċessarju biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.

Artikolu 4

Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lis-suġġetti tad-data kollha dwar l-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għall-fini tal-kompiti tagħha ta’ superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. L-avviż dwar il-protezzjoni tad-data għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-restrizzjoni potenzjali għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 3. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu limitati, ir-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu applikati r-restrizzjonijiet u d-durata potenzjali tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lill-whistleblowers, lill-informaturi, lix-xhieda u, fejn rilevanti għall-każ, lill-persunal individwali tal-impriża, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

3.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi f’konformità mal-Artikolu 3, b’mod sħiħ jew parzjali, l-għoti ta’ informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha żżomm rekord tar-raġunijiet għar-restrizzjoni, u tirreġistrahom, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġetti tad-data bid-dritt tagħhom li jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 5

Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data, dritt għal rettifika, dritt ta’ tħassir u dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt tal-aċċess għad-data mis-suġġetti tad-data, id-dritt għal rettifika, id-dritt ta’ tħassir u d-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17 sa 20, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat b’dawn l-aspetti li ġejjin fit-tweġiba tagħha għat-talba għall-aċċess, għar-rettifika, għat-tħassir jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar:

(a)

ir-restrizzjoni applikata u r-raġunijiet ewlenin għaliha;

(b)

il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni li tikkonċerna r-raġunijiet għar-restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data sakemm dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dan huwiex ġustifikat fuq bażi ta’ każ b’każ. Hekk kif dan ma jibqax jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data.

Artikolu 6

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data

1.   Meta l-Kummissjoni tkun taħt obbligu li tikkomunika ksur ta’ data personali skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tirrestrinġi tali komunikazzjoni b’mod sħiħ jew parzjali. Għandha żżomm rekord tar-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi legali għaliha skont l-Artikolu 3, kif ukoll il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħha, u tirreġistrahom. Ir-rekord għandu jiġi kkomunikat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fil-mument tan-notifika tal-ksur tad-data personali.

2.   Meta r-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinfurmah bir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Meta l-Kummissjoni tinnotifika l-ksur ta’ data personali lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, din għandha tinkludi r-rekord li tkun għamlet skont l-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Żamma tar-rekords u reġistrazzjoni tar-restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm rekord tar-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, il-valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ restrizzjoni, u l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, b’kont meħud tal-elementi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Ir-rekord għandu jiddikjara kif l-eżerċizzju tad-dritt mis-suġġett tad-data rilevanti jimmina waħda jew aktar mir-raġunijiet applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 25(1), il-punti (b), (c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

4.   Il-Kummissjoni għandha tħejji rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Durata tar-restrizzjonijiet

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 għandhom ikomplu japplikaw sakemm ir-raġunijiet li jiġġustifikawhom jibqgħu applikabbli u jitneħħew hekk kif dawk ir-raġunijiet ma jibqgħux japplikaw.

2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni.

3.   Hija għandha tipprovdi wkoll ir-raġunijiet prinċipali għall-applikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni lis-suġġett tad-data u tinfurmah bil-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jitfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 kull sitt xhur u fl-għeluq tal-fajl. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni b’kont meħud tal-elementi rilevanti elenkati fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 9

Salvagwardji u żamma

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevjeni l-abbużi u l-aċċess illegali għal data personali li fir-rigward tagħha japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet jew eċċezzjonijiet, jew it-trasferiment illegali ta’ tali data. Tali salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi bħal:

(a)

definizzjoni ċara tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet, il-passi proċedurali u d-drittijiet ta’ aċċess;

(b)

ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess illegali jew aċċidentali għal data elettronika minn persuni mhux awtorizzati jew it-trasferiment illegali jew aċċidentali ta’ tali data lil dawn il-persuni;

(c)

ħażna u pproċessar siguri tad-dokumenti stampati limitati għal dak li huwa strettament neċessarju biex tintlaħaq l-fini tal-ipproċessar;

(d)

monitoraġġ dovut tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom. Ir-rieżamijiet għandhom jitwettqu mill-inqas kull sitt xhur u fl-għeluq tal-fajl.

2.   Id-data personali għandha tinżamm f’konformità mar-regoli ta’ żamma applikabbli tal-Kummissjoni li għandhom jiġu definiti fir-rekords tal-ipproċessar miżmuma skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fi tmiem il-perjodu ta’ żamma, id-data personali għandha titħassar, tiġi anonimizzata jew trasferita fl-arkivji f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 10

Involviment tal-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni

1.   Il-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija għandu jiġi kkonsultat qabel ma tiġi applikata kwalunkwe restrizzjoni u għandu jivverifika l-konformità tagħhom ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet ta’ suġġett tad-data jiġu ristretti f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Meta jitlob li jsir hekk, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokument li jkun fih elementi fattwali u legali sottostanti.

3.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jitlob rieżami tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni u għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar l-eżitu ta’ tali rieżami.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddokumenta l-involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni u tal-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data, inkluż liema informazzjoni tiġi kondiviża magħhom, f’kull każ fejn id-drittijiet u l-obbligi msemmija fl-Artikolu 3(1) ikunu ristretti.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/628/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)