Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2026 (1)
Kawża C‑185/25 [Waldfelber] (i)
RS
vs
TS
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Il-punt 7 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ kontrollur tad-data – Persuna fiżika li taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala kap ta’ korp pubbliku – Kap ta’ skola – Determinazzjoni tal-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali – Data personali f’posta elettronika mibgħuta mill-kap tal-iskola mill-indirizz elettroniku professjonali tiegħu – Artikolu 15(1)(g) – Dritt tas-suġġett tad-data li jkollu aċċess għal ‘kwalunkwe informazzjoni disponibbli’ dwar is-sors tad-data personali – Data personali li tikkonsisti f’opinjoni dwar is-suġġett tad-data – Opinjoni bbażata fuq diskussjoni ma’ terz – Dritt tas-suġġett tad-data li jkollu aċċess għal informazzjoni dwar l-identità ta’ terz – Artikolu 82 – Dritt għal kumpens u responsabbiltà – Ħsara allegatament ikkawżata minn ksur tad-dritt ta’ aċċess – Esklużjoni tar-responsabbiltà tal-kap tal-iskola – Validità tal-esklużjoni”
I. Introduzzjoni
1. Il-kawża ineżami tikkonċerna sitwazzjoni li ma hijiex rari fuq il-post tax-xogħol. Persuna fiżika, li taġixxi bħala impjegat jew rappreżentant ta’ entità ġuridika privata jew pubblika, titlob lil terz, waqt konverżazzjoni wiċċ imb wiċċ, jagħti l-opinjoni tiegħu dwar persuna magħżula għall-pożizzjoni partikolari fi ħdan din l-entità. Wara din id-diskussjoni, l-impjegat jew ir-rappreżentant jibgħat posta elettronika mill-indirizz tal-posta elettronika professjonali tiegħu lill-persuna inkarigata li tipproponi l-kandidat, billi jitlob li minflok tiġi proposta persuna oħra.
2. Il-persuna maħtura għal din il-pożizzjoni issir taf b’dan il-posta elettronika u tfittex li tkun taf l-identità tat-terz. Din il-persuna tista’ tikseb din l-informazzjoni abbażi tal-GDPR (2), u b’mod partikolari tal-Artikolu 15(1)(g) tiegħu?
3. Skont din id-dispożizzjoni, is-suġġett tad-data (jiġifieri l-persuna fiżika identifikata jew identifikabbli li d-data (3) personali tagħha ġiet ipproċessata) (4) għandu d-dritt li jikseb mingħand il-“kontrollur” “kwalunkwe informazzjoni disponibbli [dwar] is-sors” tad-data personali tiegħu, meta din id-data personali ma tinġabarx mingħand is-suġġett tad-data nnifsu. F’dan il-każ, l-allegat “kontrollur” (TS, il-“konvenut fil-kawża prinċipali) huwa l-kap ta’ skola primarja fl-Awstrija. F’din il-kapaċità, huwa jorganizza programmi ta’ taħriġ kontinwu għall-għalliema tal-iskola tiegħu. Dawn il-programmi huma amministrati mill-Pädagogische Hochschule (l-Università għax-Xjenzi Edukattivi), bl-għajnuna ta’ “koordinaturi tal-programm” (“Prozessbegleiter”).
4. Il-persuna kkonċernata (RS, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali) hija waħda minn dawn il-koordinaturi tal-programm. TS, wara li ġie informat li programm ta’ taħriġ futur għall-għalliema tal-iskola tiegħu kien ser jiġi kkoordinat minn RS, staqsa dwar ir-reputazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma’ terz. Abbażi tal-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilu, TS bagħat posta elettronika lill-Università għax-Xjenzi Edukattivi mill-indirizz professjonali tiegħu, fejn talab li jinħatar koordinatur ta’ programm differenti minfloku. Abbażi tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, RS jixtieq ikun jaf l-identità tat-terz li tkellem b’mod negattiv dwaru.
5. F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) titlob preċiżazzjonijiet dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa jistaqsi wkoll, preliminarjament, jekk persuna bħal TS tistax titqies bħala “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Finalment, huwa jixtieq ikun jaf jekk il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1) tal-GDPR jistgħux jikkostitwixxu “dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament”, fis-sens tal-Artikolu 82(2) tal-GDPR, u jwasslux għall-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens mill-kontrollur. Jistaqsi wkoll jekk, f’tali sitwazzjoni, l-Artikolu 82 tal-GDPR jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi li persuni li jaġixxu bħala “korpi eżekuttivi” ta’ ċerti entitajiet ġuridiċi pubbliċi (bħal, fil-kawża ineżami, TS) jinżammu responsabbli għal tali dannu.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
6. Il-premessa 63 tal-GDPR tistipula:
“Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta' aċċess għal data li tkun inġabret dwaru, u li jeżerċita dak id-dritt faċilment u f'intervalli raġonevoli, sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar. [...] Kull suġġett tad-data għandu għalhekk ikollu d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni b'mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata d-data personali, fejn possibbli il-perijodu li għalih id-data personali tiġi pproċessata, ir-riċevituri tad-data personali, il-loġika involuta fi kwalunkwe pproċessar awtomatiku tad-data personali u, għallinqas meta bbażata fuq it-tfassil ta’ profili, il-konsegwenzi ta’ dan l-ipproċessar. [...] Dak id-dritt ma għandux jaffettwa negattivament id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ persuni oħrajn, inklużi sigrieti tan-negozju jew proprjetà intellettwali u b'mod partikolari d-dritt tal-awtur li jipproteġi s-software. Madankollu, ir-riżultat ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet m’għandux ikun rifjut li tiġi provduta l-informazzjoni kollha lis-suġġett tad-data.”
7. Il-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-“kontrollur” bħala “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.
8. L-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt “li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u [...] fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom”.
9. L-Artikolu 82(1) tal-GDPR jagħti lil “[k]walunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament [...] d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[k]walunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament”. Barra minn hekk, huwa jispeċifika li “[p]roċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar f’każ biss fejn ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament diretti b’mod speċifiku lejn il-proċessuri jew fejn ikun aġixxa lil hinn minn jew kontra istruzzjonijiet legali tal-kontrollur”.
B. Id-dritt Awstrijak
10. Il-Kapitolu 1 (intitolat “Responsabbiltà tat-Terz”) tal-Bundesgesetz über die Haftung der Gebietskörperschaften und der sonstigen Körperschaften und Anstalten des öffentlichen Rechts für in Vollziehung der Gesetze zugefügte Schäden (Amtshaftungsgesetz) (il-Liġi Federali dwar ir-Responsabbiltà tal-Awtoritajiet Lokali u ta’ Entitajiet oħra tal-Liġi Pubblika għal Dannu Kkawżat fl-Eżekuzzjoni tal-Liġijiet (“Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili”)), tat‑18 ta’ Diċembru 1948 (BGBl. 20/1949), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-proċedura prinċipali, fih Paragrafu 1 li jgħid kif ġej:
“Il-Federazzjoni, il-Länder, il-muniċipalitajiet, il-korpi korporattivi l-oħra rregolati mid-dritt pubbliku u l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – iktar’ il quddiem imsejħa ‘persuni ġuridiċi’ – huma responsabbli, skont id-dispożizzjonijiet tad-Dritt Ċivili, għal kull danni lil persuna jew lil proprjetà kkawżati b’atti illegali ta’ persuni b’tort meta jimplimentaw il-liġi għan-nom ta’ tali entitjtaiiet legali; tali uffiċjali eżekuttivi li jimplimentaw il-liġi ma humiex responsabbli fil-konfront tal-persuni li sofrew id-dannu. [Kumpens għad-dannu] huwa previst biss fil-forma ta’ flus.”
11. Skont il-punt 9(5) ta’ din il-liġi (taħt il-Kapitolu II, intitolat “Proċedura”), “[kumpens għad-]dannu kkawżat minn minn uffiċjal eżekuttiv ta’ entità legali msemmija fil-[paragrafu] 1 ta' din il-[Liġi] Federali fil-kors tal-implimentazzjoni tal-liġi ma jistgħux jintalbu milll-parti leża fi proċeduri legali standard”.
III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12. TS, il-konvenut fil-kawża prinċipali, huwa kap ta’ skola primarja fl-Awstrija. F’din il-kapaċità, huwa jorganizza programmi ta’ taħriġ kontinwi għall-għalliema tal-iskola, li huma suġġetti għal obbligu legali li jattendu.
13. Il-Pädagogische Hochschule (l-Università għax-Xjenzi Edukattivi) tipprovdi l-programmi ta’ taħriġ inkwistjoni. B’mod partikolari, din tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-iskejjel persunal organizzattiv (koordinaturi tal-programmi) li jintgħażel speċifikament sabiex jiffaċilita t-twettiq ta’ dawn il-programmi.
14. Wara li ġiet informata li RS, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kien ġie propost mill-Università għax-Xjenzi Edukattivi bħala koordinatur ta’ programm ta’ taħriġ futur għall-għalliema tal-iskola tiegħu, TS staqsa dwar ir-reputazzjoni ta’ RS waqt konverżazzjoni wiċċ imb wiċċ ma’ għalliem (iktar ’il quddiem “it-terz”).
15. Ftit jiem wara din il-konverżazzjoni mat-terz, TS bagħat, permezz tal-indirizz elettroniku professjonali tiegħu, li huwa juża esklużivament għal finijiet uffiċjali, permezz ta’ kompjuter skolastiku u ta’ server speċifikament indikat, lil impjegat tal-Università għax-Xjenzi Edukattivi li fih huwa talab l-għoti ta’ koordinatur ta’ programm differenti (iktar ’il quddiem “il-posta elettronika inkwistjoni”). Huwa bbaża t-talba tiegħu fuq l-informazzjoni li kien kiseb mingħand it-terz rigward RS, li skont RS, għandu problema bis-sistema tal-iskejjel pubbliċi u jinsab f’kunflitt kostanti mal-awtorità edukattiva rilevanti.
16. TS ma kitibx nota tal-fajl u lanqas ma ddokumenta l-konverżazzjoni li kellu mat-terz. Huwa ma xerred l-informazzjoni miksuba matul din il-konverżazzjoni bl-ebda mod ieħor. Fil-fatt, minbarra l-posta elettronika inkwistjoni nnifisha, ma hemmx dokumentazzjoni bil-miktub oħra tad-data personali li tikkonċerna lil RS.
17. Meta RS sar jaf bil-kontenut tal-posta elettronika inkwistjoni, huwa ressaq ilment quddiem TS. Huwa talab li tiġi kkomunikata lilu ċerta informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-identità tat-terz, skont l-Artikolu 15(1) tal-GDPR, u li tintbagħatlu kopja tad-data personali li tikkonċernah u li TS kien ipproċessa f’din il-posta elettronika.
18. Fl-istess jum, TS informa lil RS permezz ta’ posta elettronika li huwa la qatt kellu fil-pussess tiegħu data personali li tikkonċernah u li lanqas ma kien għadda tali data lil persuni oħra. TS indika li kien illimita ruħu li jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għażla ta’ RS bħala koordinatur tal-programm għall-programm ta’ taħriġ li għalih l-għalliema tal-iskola tiegħu kienu mistennija li jattendu.
19. Sussegwentement, RS beda proċedura ġudizzjarja, intiża sabiex TS jiġi ordnat jipprovdilu ċerta informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-identità tat-terz, skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, kif ukoll kopja tad-data personali li tikkonċernah. Huwa talab ukoll li TS jiġi kkundannat iħallsu s-somma ta’ EUR 800 bħala kumpens għad-dannu morali minħabba l-allegat ksur tad-dritt tiegħu għall-informazzjoni, previst fl-Artikolu 15 tal-GDPR. TS oġġezzjona għal dan ir-rikors għar-raġuni li l-entità legali li tmexxi l-iskola li f’isimha kien aġixxa biss setgħet tinżamm responsabbli u li hu la pproċessa u lanqas żamm id-data personali ta’ RS.
20. Il-qorti adita fl-ewwel istanza ċaħdet it-talba ta’ RS. Din id-deċiżjoni ġiet sussegwentement ikkonfermata mill-qorti tal-appell kompetenti. Iż-żewġ qrati qiesu, essenzjalment, li TS kien aġixxa bħala uffiċjal eżekuttiv tal-entità legali li tmexxi l-iskola u l-mezzi ta’ pproċessar tad-data personali (server speċifiku, indirizz tal-posta elettronika professjonali) kienu ġew preskritti lilu. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huma qiesu li l-klassifikazzjoni ta’ TS bħala “kontrollur” fis-sens tal-GDPR tmur kontra l-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita fl-appell, qieset li, fi kwalunkwe każ, ma kien jeżisti l-ebda obbligu li jinżamm rekord bil-miktub tal-isem tat-terz u, għaldaqstant, l-ebda obbligu li tiġi żvelata informazzjoni dwar l-identità ta’ dan it-terz.
21. RS ippreżenta appell dwar kwistjoni ta’ liġi mid-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-appell quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju.
22. Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-punt 7 tal-Artikolu 4, l-Artikolu 15(1)(g) u l-Artikolu 82 tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) Il-punt 7 tal-Artikolu 4 [tal-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li, meta tipproċessa data personali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha u permezz ta’ mezzi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha u li ġew iddeterminati għaliha, taġixxi mhux fl-interess personali tagħha stess, iżda bħala direttur ta’ organizzazzjoni (korp jew organu ieħor li ma jkollux personalità ġuridika), li, madankollu, tiddependi minn entità legali, tikkostitwixxi ‘kontrollur’ li jista’ jinżamm responsabbli quddiem qorti?
(2)(a) L-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li meta d-data pproċessata tikkonsisti f’dikjarazzjoni fattwali jew evalwazzjoni dwar is-suġġett tad-data f’messaġġ elettroniku, il-kliem ‘kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom’ jinkludi biss l-awtur ta’ dan il-messaġġ elettroniku, jew jinkludi wkoll iċ-ċirku ta’ persuni li magħhom l-awtur tkellem dwar is-suġġett tad-data?
(2)(b) Fil-każ li l-ismijiet mhux issejvjati ta’ tali interlokuturi jikkostitwixxu ‘informazzjoni disponibbli rigward is-sors’ tad-data fis-sens tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR: waqt l-ibbilanċjar tal-interessi tas-suġġett tad-data ma’ dawk tal-interlokutur, il-fatt li dan tal-aħħar ma setax jipprevedi li d-dikjarazzjonijiet tiegħu kienu jkunu s-suġġett ta’ pproċessar ta’ data huwa rilevanti?
(3) L-Artikolu 82(2) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenzi negattivi, għas-suġġett tad-data, li jirriżultaw mill-ksur, wara l-ipproċessar tad-data personali, tad-dritt tiegħu li jingħata aċċess għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxu dannu kkawżat mill-‘ipproċessar li jikser dan ir-Regolament’, b’tali mod li jwassal għall-obbligu tal-kontrollur tad-data li jagħti kumpens għad-dannu mġarrab?
(4) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tielet domanda: l-Artikolu 82 tal-GDPR jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-kumpens għad-dannu kkawżat lil persuna leża minn [uffiċjal eżekuttiv] ta’ entità legali, li jaġixxi fil-kuntest ta’ kompetenza amministrattiva ta’ implimentazzjoni tal-liġi, ma jistax jiġi invokat kontra l-[uffiċjal eżekuttiv] innifsu?”
23. It-talba għal deċiżjoni preliminari, datata t‑18 ta’ Frar 2025, ġiet iddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2025. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saret ebda seduta.
IV. Evalwazzjoni
24. Il-GDPR ġie adottat bl-għan li jiġi stabbilit “qafas b’saħħtu […] għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni” (5), permezz tat-“tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta' dawk li jipproċessaw […] data personali” (6) u billi jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-persuni fiżiċi jkollhom “livell għoli ta’ protezzjoni” (7) u l-“kontroll tad-data personali tagħhom” (8). Għal dan l-għan, l-Artikoli 12 sa 15 tal-GDPR jawtorizzaw lis-suġġetti tad-data jirċievu ċerta informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-ipproċessar (9) tad-data personali tagħhom, kif ukoll il-kategoriji ta’ data personali u r-riċevituri kkonċernati. Kif spjegajt fl-introduzzjoni, skont l-Artikolu 15(1)(g) tiegħu, meta d-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, is-suġġett tad-data għandu wkoll id-dritt li jirċievi “kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors” ta’ dik id-data. L-obbligu li tingħata din l-informazzjoni jaqa’ direttament fuq il-“kontrollur” (10).
25. Fl-istess ħin, il-premessa 4 tal-GDPR tiddikjara li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), “mhuwiex dritt assolut” u “għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn”, inkluż id-dritt għal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni.
26. Minn dan isegwi li jeżistu limiti għad-diversi drittijiet li s-suġġetti tad-data jisiltu mill-GDPR u li huma intiżi li jagħtu effett utli lid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, inkluż id-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament.
27. Il-kawża ineżami tirrigwarda l-limiti ta’ dan l-aħħar dritt u, b’mod iktar preċiż, sa fejn suġġett tad-data (fil-kawża ineżami, RS, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali) għandu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni tal-kontrollur dwar is-“sors” tad-data personali li tikkonċernah, skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR. Meta din id-data tkun ġiet prodotta mill-kontrollur wara konverżazzjoni orali ma’ terz (bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali), is-suġġett tad-data għandu dritt għall-iżvelar tal-identità tat-terz?
28. Ser nindirizza din il-kwistjoni, li tikkorrispondi, essenzjalment, għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), fit-Taqsima B iktar ’il quddiem. Qabel ma nagħmel dan, ser nippreċiża qabelxejn, b’risposta għall-ewwel domanda, jekk persuna fiżika li (bħal TS) tipproċessa data personali mhux fl-interess personali tagħha stess, iżda fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, bħala kap ta’ organizzazzjoni (f’dan il-każ, ta’ skola), u permezz tal-għodod imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha u preskritti minn tali organizzazzjoni, tistax tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR (Taqsima A).
29. Finalment, ser nindirizza t-tielet u r-raba’ domanda, li jirrigwardaw id-dritt għal kumpens tas-suġġetti tad-data, kif previst fl-Artikolu 82 tal-GDPR. B’mod iktar preċiż, it-tielet domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1) tal-GDPR jistgħux jikkostitwixxu “dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament”, fis-sens tal-Artikolu 82(2) tal-istess regolament (Taqsima C). Ir-raba’ domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk dan l-artikolu jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-persuni li jaġixxu bħala “uffiċjali eżekuttivi” – jiġifieri, f’isem – ċerti entitajiet ġuridiċi pubbliċi, ma jistgħux jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati lis-suġġetti tad-data fil-kwalità tagħhom ta’ kontrolluri jew ta’ proċessuri (Taqsima D).
A. Il-kunċett ta’ “kontrollur” (il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR) (l-ewwel domanda)
30. Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jiddeskrivi żewġ sitwazzjonijiet li fihom “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor” jistgħu jitqiesu bħala “kontrollur”. Fil-fatt, skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, “il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru” (l-ewwel każ) (11). It-tieni ipoteżi hija dik fejn, wara evalwazzjoni tal-fatti rilevanti, il-persuna inkwistjoni titqies “[waħedha] jew flimkien ma’ oħrajn, [li tiddetermina] l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar” Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex tissodisfa dan il-kriterju, persuna fiżika jew ġuridika għandha effettivament “[t]influwenza l-ipproċessar ta’ data personali” (12). Minn dan isegwi li persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li huma effettivament f’pożizzjoni li jiddeterminaw l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ser jitqiesu bħala “kontrollur”, irrispettivament minn jekk ikunux formalment inħatar bħala tali (bil-liġi, b’kuntratt jew b’mod ieħor) (13).
31. L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda din it-tieni ipoteżi. Fil-fatt, din il-qorti tistqarr li d-dritt Awstrijak jindika espressament lill-kapijiet tal-iskejjel primarji bħala “kontrolluri” tad-data personali tal-istudenti biss. Il-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ipproċessar ta’ tali data. Kif diġà spjegajt, din tikkonċerna l-ipproċessar, mill-kap ta’ skola primarja (TS), tad-data personali ta’ persuna (RS) li ntgħażlet sabiex tikkoordina programm ta’ taħriġ tal-għalliema tal-iskola inkwistjoni.
32. L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tqis li ċ-ċirkustanzi li ġejjin huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk TS jistax jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR: TS aġixxa skont l-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu; huwa pproċessa d-data personali mhux fl-interess personali tiegħu, iżda f’dak tal-iskola, u għamel dan permezz tal-għodod imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu u preskritti lilu (billi uża l-posta elettronika professjonali tiegħu, ta’ kompjuter skolastiku u ta’ server speċifikament indikat).
33. RS jikkontesta l-eżattezza tal-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li l-mezzi użati minn TS sabiex jiġbor id-data personali inkwistjoni (il-konverżazzjoni orali mat-terz) ma kinux preskritti lilu, li TS seta’ aġixxa għall-finijiet tiegħu stess waqt il-ġbir ta’ din id-data mingħand terz u meta bagħat il-posta elettronika inkwistjoni (li kienet tinkludi d-data personali) u li tali operazzjonijiet ta’ pproċessar ma kinux, fi kwalunkwe każ, la “normali” u lanqas neċessarji għall-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ TS bħala kap ta’ skola. Għalhekk, skont RS, TS mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu u aġixxa barra mid-dmirijiet tiegħu taħt id-dritt Awstrijak.
34. Infakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-fatti allegati, iżda għandha biss tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jsiru mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu (14).
35. Minn dan isegwi li, minkejja l-argumenti ta’ RS, li tajt sunt tagħhom fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nillimita ruħi, sabiex nirrispondi l-ewwel domanda, għall-punti fattwali ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, kif deskritti fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
36. F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li persuna fiżika li (bħal TS) tipproċessa data personali mhux fl-interess personali tagħha stess, iżda fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha bħala kap ta’ organizzazzjoni (f’dan il-każ, skola), u permezz tal-għodod imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha u preskritti minn tali organizzazzjoni, ma tikklassifikax bħala “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Il-Gvern Awstrijak u dak Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, huma wkoll tal-istess opinjoni.
37. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “kontrollur”. L-għan ta’ din id-definizzjoni wiesgħa jikkonsisti, konformement mal-għan imfittex minn dan ir-regolament, f’li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u, b’mod partikolari, livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha (15).
38. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kontrollur għandu “[jinfluwenza], għal finijiet partikolari [għalih]” (16). Bħala tali, huwa ċar li persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, dipartiment jew organu ieħor li jipproċessa data personali f’isem ħaddieħor, minflok għall-finijiet tiegħu stess, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.
39. Dan huwa kkonfermat mill-premessa 74 ta’ dan ir-regolament, li tipprevedi li r-responsabbiltà tal-kontrollur hija l-istess għal “kwalunkwe pproċessar ta’ data personali li jitwettaq mill-kontrollur jew f’isem il-kontrollur” (17), kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li “kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur [...] li jkollhom aċċess għal data personali ma għandhomx jipproċessaw dik id-data ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-kontrollur [...]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn din id-dispożizzjoni li kontrollur ma jistax jiġi eżentat mir-responsabbiltà għas-sempliċi raġuni li dan id-dannu kien ikkawżat mill-aġir żbaljat ta’ persuna li taġixxi taħt l-awtorità tagħha (18).
40. Barra minn hekk, u kif irrilevat il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi diversi eżempji li fihom id-data personali inkwistjoni ġiet ipproċessata minn persuna fiżika f’isem entità ġuridika u fejn din l-entità (u mhux il-persuna fiżika) madankollu tqieset bħala l-“kontrollur” (19). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuni ġuridiċi (bħall-kumpanniji) huma responsabbli mhux biss għall-ksur tal-GDPR imwettaq mir-rappreżentanti, mid-diretturi jew mill-amministraturi tagħhom, iżda wkoll għal dak imwettaq minn kull persuna oħra li taġixxi fil-kuntest tad-dmirijiet ta’ dawn il-persuni ġuridiċi u f’isimhom (20). Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika naturalment għal kull “awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor”, sabiex jintużaw it-termini użati fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.
41. Dawn il-konstatazzjonijiet huma konformi mal-Linji Gwida 07/2020 tal-EDPB, li jipprevedu, essenzjalment, li, anki meta persuna speċifika tinħatar minn entità ġuridika (kumpannija jew korp pubbliku) bħala responsabbli għall-implimentazzjoni tal-attività ta’ pproċessar, l-entità ġuridika tibqa’ finalment responsabbli, fil-kwalità tagħha ta’ kontrollur, fil-każ ta’ ksur tar-regoli (21).
42. Fil-fehma tiegħi, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-kap tal-iskola li (bħal TS) jipproċessa data personali mhux fl-interess personali tiegħu stess (jiġifieri mhux għall-finijiet tiegħu stess), iżda bħala kap ta’ tali korp pubbliku, għandu jitqies li jaġixxi f’isem din tal-aħħar. F’tali sitwazzjoni, il-kap tal-iskola ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Għall-kuntrarju, l-iskola hija l-“kontrollur” (22).
43. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-iskola nnifisha ma għandhiex personalità ġuridika. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li entità tista’ titqies bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk din l-entità ma jkollhiex personalità ġuridika (23).
44. Fil-fehma tiegħi, riżultat differenti jkun iġġustifikat biss jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ppreżentati lilha, li, fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data personali ta’ RS, TS aġixxa jew barra mill-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jiġifieri esklużivament għall-finijiet tiegħu stess (f’liema każ ikun l-uniku “kontrollur”), jew għall-finijiet tiegħu stess kif ukoll dawk tal-iskola (bħala kontrollur konġunt) (24). Jekk waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet tiġi stabbilita fil-kawża prinċipali, inqis li TS għandu jitqies li jiddetermina mhux biss l-għanijiet, iżda wkoll il-mezzi tal-ipproċessar. Fil-fatt, sa fejn huwa juża l-indirizz tal-posta elettronika professjonali tiegħu, kif ukoll il-kompjuter skolastiku u s-server indipendenti mqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu għall-finijiet tiegħu stess, l-użu ta’ dawk il-mezzi jkun “mhux awtorizzat”, u dan ifisser li ma jistgħux jitqiesu li huma determinanti għalih. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali evalwazzjoni.
45. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel domanda. Fid-dawl ta’ din ir-risposta, inqis li ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi mit-tieni sar-raba’ domanda, li jirrigwardaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1)(g) u mill-Artikolu 82 tal-GDPR li għalihom persuna fiżika bħal TS tkun suġġetta li kieku kienet “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (25). Nemmen li dan huwa l-każ, irrispettivament mill-fatt li din id-domanda ma hijiex espliċitament ifformulata bħala subordinata għar-risposta għall-ewwel domanda (26).
46. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta perspettiva differenti u, għall-finijiet ta’ kompletezza, issa ser nindirizza l-kwistjonijiet sostantivi mqajma mit-tieni sar-raba’ domanda.
B. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għall-informazzjoni dwar is-sors tad-data personali (l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR) (it-tieni domanda)
47. It-tieni domanda hija magħmula minn żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta d-data personali li tkun ġiet ipproċessata tikkonsisti f’dikjarazzjoni fattwali jew evalwazzjoni tas-suġġett tad-data f’posta elettronika, l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li “kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors” tad-data tirreferi biss għall-identità tal-awtur tal-posta elettronika jew jekk tirreferix ukoll għal dik tal-persuni li magħhom l-awtur (oralment) iddiskuta s-suġġett tad-data u li fuq l-opinjoni tagħhom tali dikjarazzjoni fattwali jew evalwazzjoni hija bbażata.
48. Sabiex din il-kwistjoni titqiegħed f’kuntest, infakkar li, fil-kawża prinċipali, RS isostni li għandu jkollu d-dritt, abbażi tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, li jfittex mingħand TS (li huwa jqis bħala “kontrollur, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament”) l-identità tat-terz (li miegħu TS iddiskuta r-reputazzjoni ta’ RS), peress li din it-terz għandu jitqies bħala s-“sors” tad-data personali – l-opinjoni dwar RS – li tinsab fil-posta elettronika inkwistjoni.
49. It-tieni parti tirrigwarda l-punt dwar jekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-identità ta’ tali terz tikkostitwixxi “informazzjoni disponibbli rigward is-sors”, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, huwiex rilevanti, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi tas-suġġett tad-data ma’ dan it-terz, li din tal-aħħar ma setax jipprevedi li d-dikjarazzjonijiet tiegħu kienu ser ikunu s-suġġett ta’ pproċessar.
1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda
50. Qabelxejn, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tal-espressjoni “kwalunkwe informazzjoni” fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “data personali” li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti portata wiesgħa lil dan il-kunċett, li potenzjalment jinkludi kull tip ta’ informazzjoni, mhux biss oġġettiva, iżda wkoll suġġettiva, fil-forma ta’ opinjonijiet u ta’ evalwazzjonijiet, sakemm dawn “ikunu marbuta” mas-suġġett tad-data (27).
51. Kif tippreżumi ġustament il-qorti tar-rinviju, minn dan isegwi li opinjoni (“evalwazzjoni”) dwar suġġett tad-data (fil-kawża ineżami RS) li tinsab fil-posta elettronika (fil-kawża ineżami, il-posta elettronika mibgħuta minn TS lill-Università għax-Xjenzi Edukattivi) tikkostitwixxi “data personali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.
52. Fir-rigward tas-“sors”, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, ta’ tali opinjoni jew ta’ dikjarazzjoni fattwali dwar is-suġġett tad-data f’posta elettronika, nirrileva li la din id-dispożizzjoni u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jiddefinixxu dan il-kunċett. Fl-assenza ta’ tali definizzjoni, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita, li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss is-sens abitwali tal-kelma “sors” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (28).
53. Is-“sors” ta’ xi ħaġa huwa ddefinit, fis-sens ordinarju tiegħu, bħala “l-persuna, il-post jew l-oġġett li minnhom tiksebha” (29). Għalhekk, fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi żvelata skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, l-oriġini ta’ din id-data personali għandha tiġi eżaminata. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR japplika biss “fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data”, huwa ċar li s-“sors” ma jistax, skont din id-dispożizzjoni, ikun is-suġġett tad-data nnifsu.
54. Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, nirrileva li t-terminu “sors” jinsab ukoll fl-Artikolu 14(2)(f) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi d-dritt li tinkiseb mingħand il-kontrollur informazzjoni dwar “minn liema sors toriġina d-data personali” (30), meta din ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data nnifsu. Dan jikkonferma, fil-fehma tiegħi, li t-terminu “sors” fl-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR jindika l-oriġini tad-data personali.
55. Finalment, fir-rigward tal-għanijiet tal-GDPR, huwa importanti li jitfakkar li l-Artikolu 15 tal-GDPR “jikkompleta l-qafas ta’ trasparenza ta’ dan ir-regolament billi jagħti lis-suġġett tad-data dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu u dritt għal informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ din id-data” (31).
56. Il-paragrafu 1(a) sa (h) ta’ dan l-artikolu huwa intiż li jagħti effett lil dan id-dritt tal-aħħar. Billi tipprevedi li s-suġġett tad-data għandu dritt għal informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu, din id-dispożizzjoni tippermettilu jevalwa l-eżattezza tad-data personali u l-legalità tal-ipproċessar, kif ukoll jeżerċita effettivament id-drittijiet relatati previsti minn dan ir-regolament, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rettifika, għat-tħassir (iktar ’il quddiem “id-dritt li tintnesa”), għal-limitazzjoni tal-ipproċessar u għall-oġġezzjoni (32), – li kollha huma intiżi sabiex isaħħu l-“kontroll” tas-suġġett tad-data fuq id-data personali tiegħu (33).
57. Inqis li huwa fid-dawl ta’ din il-funzjoni partikolari li għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt għall-informazzjoni dwar is-“sors” tad-data personali previst fl-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR (34). Bħala tali, għandu jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni mitluba skont din id-dispożizzjoni hijiex neċessarja sabiex is-suġġett tad-data jiżgura l-eżattezza tad-data personali tiegħu jew il-legalità tal-ipproċessar ta’ din id-data, jew sabiex is-suġġett tad-data jeżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija lilu minn dan ir-regolament (35).
58. Fil-fehma tiegħi, dan ikun il-każ meta, pereżempju, is-suġġett tad-data jinvoka l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR sabiex jiddetermina s-“sors” tad-data mhux eżatta dwaru b’mod li jipprekludi li din id-data sussegwentement tixxerred bejn kontrolluri differenti (36) (jiġifieri, sabiex jiġi prekluż “ipproċessar” ulterjuri), jew meta l-komunikazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar is-“sors” tad-data personali rilevanti tippermetti lis-suġġett tad-data jidentifika li jkun twettaq ipproċessar minn qabel, jew sett ta’ operazzjonijiet, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR, għall-istess data – li fir-rigward tagħhom huwa għandu s-setgħa jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-regolament.
59. Wara li għamilt dawn il-preċiżazzjonijiet, nirrileva li l-Kummissjoni u l-Gvern Taljan iqisu li, meta d-data personali rilevanti tikkonsisti f’opinjoni (“evalwazzjoni”) jew f’dikjarazzjoni fattwali dwar is-suġġett tad-data li tinsab f’posta elettronika, is-“sors” ta’ tali opinjoni huwa l-awtur tal-posta elettronika (fil-kawża ineżami, TS). Huma jsostnu li, f’tali sitwazzjoni, l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li “kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors” tad-data ma tinkludix l-identità tal-persuni li magħhom l-awtur (oralment) iddiskuta s-suġġett tad-data qabel ma jifforma l-opinjoni tiegħu jew jikteb id-dikjarazzjoni fattwali dwar dan is-suġġett.
60. Jien naqbel. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali konklużjoni tista’ tinsilet biss bil-kundizzjoni li l-opinjoni (“evalwazzjoni”) jew id-dikjarazzjoni fattwali dwar il-persuna kkonċernata fil-posta elettronika inkwistjoni jkunu jistgħu effettivament jiġu attribwiti lill-awtur ta’ din il-posta elettronika. F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni li l-fatt li l-awtur jirreferi, fil-posta elettronika, għall-fehmiet ta’ persuni oħra li jikkonċernaw is-suġġett tad-data huwa irrilevanti, sakemm id-data personali inkwistjoni (jiġifieri l-opinjoni jew id-dikjarazzjoni fattwali) tista’ xorta waħda tiġi attribwita lill-awtur innifsu u ma tikkostitwixxix sempliċi ċitazzjoni ta’ dawn il-fehmiet. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, inqis li s-“sors” tad-data personali (l-opinjoni) hija terz jew terzi li l-fehmiet tagħhom hija ċċitata u mhux l-awtur tal-posta elettronika.
61. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-fatti li għandha quddiemha, jekk l-opinjoni (“evalwazzjoni”) dwar RS li tinsab fil-posta elettronika inkwistjoni hijiex effettivament imputabbli lil TS jew jekk, għall-kuntrarju, dawn humiex biss fehmiet preċedentement espressi lil TS minn terz (jiġifieri, l-għalliem l-ieħor li miegħu TS iddiskuta fuq RS), li TS sempliċement irriproduċa jew ikkwota fil-posta elettronika, kif jidher li jsostni RS (37). Jekk din il-qorti tikkonstata li l-opinjoni dwar RS fil-posta elettronika inkwistjoni hija imputabbli lil TS, inqis – bi qbil mal-Kummissjoni u mal-Gvern Taljan – li d-dritt ta’ RS għall-informazzjoni dwar is-“sors” ta’ din l-opinjoni, fl-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, ma jistax jestendi għar-riċezzjoni ta’ informazzjoni dwar tali terz peress li TS biss jista’ jitqies bħala s-“sors” tal-opinjoni inkwistjoni.
62. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jirriżultax mill-fatt li l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR jirreferi mhux biss għas-“sors” tad-data personali rilevanti, iżda wkoll għal “kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors”, li anki meta s-“sors” ta’ opinjoni jew ta’ dikjarazzjoni fattwali dwar is-suġġett tad-data f’posta elettronika jkun l-awtur tal-posta elettronika, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirċievi informazzjoni dwar l-elementi jew il-persuni li kkontribwixxew għall-formazzjoni ta’ tali opinjoni jew għall-awtur li jifformula tali dikjarazzjoni fattwali (bħall-identità ta’ terz li miegħu l-awtur kellu konverżazzjoni orali).
63. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, naqbel mal-Gvern Taljan u mal-Kummissjoni li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR hija wiesgħa wisq, fid-dawl tan-numru kbir ta’ elementi li jistgħu jkunu involuti, b’mod partikolari fil-formazzjoni ta’ opinjoni. Bħala eżempju, ser neżamina l-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza Nowak (38). Parti mid-data personali inkwistjoni kienet il-kummenti suġġettivi tal-eżaminatur fuq folji tal-eżami. F’tali sitwazzjoni, “kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors” tad-data personali, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, tista’ tinkludi kull informazzjoni dwar persuni li magħhom l-eżaminatur seta’ interaġixxa meta evalwa l-karti tal-eżami, li jvarjaw, pereżempju, minn kollega li ta pariri dwar l-evalwazzjoni tar-risposti tal-kandidati għal ġar li jagħmel storbju partikolarment irritanti, u b’hekk tant irrita bil-kbir l-eżaminatur illi dan tal-aħħar kien iktar iebes fl-għoti tal-marki milli kellu? Fil-fehma tiegħi, dan ma kienx il-każ.
64. It-tieni nett, u b’riferiment għall-funzjoni speċifika tad-dritt għall-informazzjoni dwar is-sors tad-data personali fl-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR li spjegajt fil-punt 57 iktar ’il fuq, ma narax kif il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-identità ta’ terz li ma huwiex is-“sors” tad-data personali rilevanti (hawnhekk, opinjoni jew dikjarazzjoni fattwali dwar is-suġġett tad-data f’posta elettronika), imma li sempliċement ikkontribwixxa għall-formazzjoni ta’ opinjoni bħal din jew għall-awtur tal-posta elettronika jifformula dik id-dikjarazzjoni wara konverżazzjoni orali miegħu, kien ikun jippermetti lis-suġġett tad-data jiżgura l-korrettezza tad-data personali tiegħu jew il-legalità tal-ipproċessar ta’ dik id-data, jew biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont il-GDPR.
65. It-tielet nett, kif diġà ġie stabbilit fil-punti 25 u 26 hawn fuq, il-premessa 4 tal-GDPR tagħmilha ċara li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa, fi kwalunkwe każ, “mhuwiex dritt assolut” u “għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma' drittijiet fundamentali oħrajn”, inkluż id-dritt għal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni. L-istess japplika għad-diversi drittijiet li s-suġġetti tad-data jisiltu mill-GDPR u li huma intiżi li jagħtu effett utli lid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, bħad-dritt ta’ aċċess għad-data personali previst fl-Artikolu 15 tal-GDPR (39), li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma kellux jippreġudika d-drittijiet jew il-libertajiet ta’ oħrajn (40). Ma hemmx għalfejn jingħad li għandu jitwettaq ukoll ibbilanċjar simili fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni dwar is-sors tad-data personali skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR.
66. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa evidenti li l-iżvelar tal-identità tat-terz li ma huwiex huwa stess is-“sors” tad-data personali rilevanti (f’dan il-każ, opinjoni jew dikjarazzjoni fattwali dwar is-suġġett tad-data f’posta elettronika), iżda li kkontribwixxa sempliċement għall-formazzjoni ta’ tali opinjoni jew għall-awtur tal-posta elettronika li jagħmel tali dikjarazzjoni wara konverżazzjoni orali miegħu, iqiegħed indebitament il-bilanċ favur is-suġġett tad-data billi jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet tat-terz, b’mod partikolari d-dritt tiegħu għal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni (41) jew għall-ħajja privata u għar-rispett tal-komunikazzjonijiet (42).
67. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta s-“sors” ta’ opinjoni (“evalwazzjoni”) jew ta’ dikjarazzjoni fattwali dwar is-suġġett tad-data f’posta elettronika jkunu l-awtur nnifsu tal-posta elettronika, is-suġġett tad-data ma għandux is-setgħa, skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, li jirċievi informazzjoni dwar l-elementi jew il-persuni (bħall-identità ta’ terz li miegħu l-awtur kellu konverżazzjoni orali) li kkontribwixxew għall-formazzjoni ta’ tali opinjoni jew għall-formulazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni fattwali mill-awtur.
68. Bħala kumment finali, infakkar li l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR jagħti lis-suġġetti tad-data dritt għal “kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors” tad-data personali li tikkonċernahom, u mhux dritt li jkollhom kwalunkwe informazzjoni dwar is-sors tad-data personali u s-sorsi ta’ dan is-sors. Jekk, kuntrarjament għal dak li nissuġġerixxi, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tadotta l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni esposta fil-punt 62 iktar ’il fuq, dan ikollu l-konsegwenza li, meta s-sors tad-data personali jkun, pereżempju, fajl jew reġistru, is-suġġett tad-data jkun intitolat, skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, mhux biss għal “kwalunkwe informazzjoni disponibbli” dwar dan il-fajl jew reġistru, iżda wkoll għal kull fajl jew reġistru minn qabel li fuqu tkun ibbażata. Fi kliem ieħor, il-portata ta’ din id-dispożizzjoni ssir illimitata.
2. Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda
69. It-tieni parti tat-tieni domanda tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha terz, pjuttost milli l-awtur tal-posta elettronika, għandu jitqies bħala s-“sors” tad-data personali inkwistjoni, f’dan il-każ opinjoni jew dikjarazzjoni fattwali dwar is-suġġett tad-data li tinsab fil-posta elettronika. Kif spjegajt fil-punt 60 iktar ’il fuq, din is-sitwazzjoni sseħħ biss meta l-opinjoni jew id-dikjarazzjoni li jinsabu fil-posta elettronika ma jkunux attribwibbli lill-awtur tal-posta elettronika għaliex din tkun tikkonsisti sempliċement f’riproduzzjoni jew ċitazzjoni ta’ fehmiet espressi preċedentement minn terz.
70. Fil-fehma tiegħi, f’tali sitwazzjoni, huwa ċar li l-ibbilanċjar imsemmi fil-punt 65 iktar ’il fuq japplika wkoll. Fi kliem ieħor, l-iżvelar tal-identità tas-“sors” tad-data personali rilevanti skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR ma jkunx awtomatiku. Id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna li titqies bħala s-“sors” għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu bbilanċjati mad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb informazzjoni dwar is-sors tad-data personali, skont din id-dispożizzjoni.
71. F’dan ir-rigward, il-fatt li t-terz inkwistjoni ma setax jipprevedi li d-dikjarazzjonijiet tagħha jkunu s-suġġett ta’ pproċessar jikkostitwixxi element rilevanti. Fil-fatt, dan jissuġġerixxi li t-terz impenja ruħu f’dak li kien assuma bħala konverżazzjoni kunfidenzjali jew privata, li l-kontenut u l-fatt tal-parteċipazzjoni tiegħu fiha ma kinux mistennija li jiġu kondiviżi mas-suġġett tad-data skont id-dispożizzjonijiet tal-GDPR. Fil-fehma tiegħi, f’tali sitwazzjoni, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-importanza tar-rispett tad-dritt tat-terz għal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni (43) kif ukoll għall-ħajja privata u għar-rispett tal-komunikazzjonijiet (44).
72. Barra minn hekk, ma narax kif, anki meta l-opinjoni jew id-dikjarazzjoni dwar is-suġġett tad-data f’posta elettronika jikkonsistu sempliċement f’riproduzzjoni jew ċitazzjoni ta’ fehmiet espressi preċedentement oralment mit-terz, il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-identità ta’ din il-parti (is-“sors”), skont l-Artikolu 15(1)(g) tal-GDPR, tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li huwa, kif fakkart fil-punt 57 iktar ’il fuq, li jippermetti lis-suġġett tad-data jiżgura, b’mod partikolari, il-korrettezza tad-data personali tiegħu. Fil-fatt, l-opinjonijiet huma suġġettivi min-natura tagħhom. Dan ifisser li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet fattwali, l-eżattezza jew il-korrettezza tagħhom hija diffiċli li tiġi vverifikata (45).
C. Id-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 82 tal-GDPR minħabba l-ksur tal-Artikolu 15(1) tal-GDPR (it-tielet domanda)
73. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-konsegwenzi negattivi mġarrba minn suġġett tad-data minħabba l-ksur mill-kontrollur tal-obbligu li jipprovdi informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1) tal-GDPR (f’dan il-każ, l-obbligu, previst fil-punt (g) tiegħu, li tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-“sors” tad-data personali miġbura) jikkostitwixxux “dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament”, fis-sens tal-Artikolu 82(2) tal-GDPR, li jwassal għar-responsabbiltà tal-kontrollur u għal obbligu korrispondenti għalih li jikkumpensa lis-suġġett tad-data.
74. Kif tispjega din il-qorti, hija titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk ksur ta’ dan l-obbligu jistax jagħti lok għal talba għal kumpens tas-suġġett tad-data skont l-Artikolu 82 tal-GDPR, meħud fl-intier kollu tiegħu. B’mod iktar konkret, TS għandu jitqies bħala “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, u bħala li aġixxa bi ksur tal-Artikolu 15(1)(g) ta’ dan ir-regolament, RS għandu dritt għal kumpens skont l-Artikolu 82 tal-GDPR? Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid it-tielet domanda sabiex tinkludi fiha l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-intier tagħha, minflok ma sempliċement tirreferi għall-paragrafu 2 tagħha (46).
75. Sabiex ngħaddi issa għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 82 tal-GDPR, nifhem li d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżultaw mill-fatt li l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jeżisti biss wara l-ipproċessar rilevanti ta’ data personali (47), kif ukoll meta effettivament ma jkun seħħ ebda pproċessar (48), filwaqt li l-Artikolu 82(2) tal-GDPR jirrigwarda d-“dannu kkawżat mill-ipproċessar [...]” (49). Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, jista’ jiġi preżunt, kif tidher li tagħmel din il-qorti, li d-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament jitnissel biss għad-dannu kkawżat minn ipproċessar li jmur kontra l-GDPR, u mhux għad-danni li jirriżultaw minn ksur ta’ obbligu previst minn dan l-istrument li, bħall-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1) tiegħu, iseħħ wara jew indipendentement minn tali pproċessar.
76. Madankollu, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li d-dritt għal kumpens previst mill-ewwel dispożizzjoni jestendi għad-danni kkawżati minn ksur ta’ dan l-obbligu.
77. L-ewwel nett, fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 82 tal-GDPR, infakkar li d-dispożizzjoni korrispondenti tal-predeċessur tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46, kienet tirreferi għal “ħsara minħabba operazzjoni ta’ ipproċessar illegali jew att li ma jkunx jaqbel mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond [id-Direttiva 95/46]”. Huwa ċar li, fl-adozzjoni tal-GDPR, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jnaqqas il-livell ta’ protezzjoni mogħtija lis-suġġetti tad-data meta mqabbel ma’ dak mogħti lilhom skont id-Direttiva 95/46, iżda l-kuntrarju (50).
78. F’dan ir-rigward, nirrileva wkoll li, matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tal-GDPR, il-Kunsill issuġġerixxa li d-dritt għal kumpens tas-suġġetti tad-data jiġi limitat għad-danni li huma “r-riżultat ta’ operazzjoni ta’ pproċessar mhux konformi [mal-GDPR]” (51). Madankollu, din il-limitazzjoni ma tinsabx fil-verżjoni finali tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament.
79. It-tieni nett, l-Artikolu 82 tal-GDPR għandu funzjoni doppja. Minn naħa, dan jagħti lis-suġġett tad-data dritt għal kumpens u jistabbilixxi, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà korrispondenti tal-kontrollur jew tal-proċessur għad-dannu mġarrab (Artikolu 82(1)). Min-naħa l-oħra, dan jiddefinixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi li fihom il-kontrollur jew il-proċessur, jew it-tnejn, jistgħu jinżammu responsabbli (jew eżentati mir-responsabbiltà) għal dan id-dannu, kif ukoll il-mod li bih ir-responsabbiltà għandha titqassam bejniethom meta jkun hemm diversi partijiet involuti fl-ipproċessar tad-data inkwistjoni (l-Artikolu 82(2) sa (5)).
80. Minn dan isegwi li l-Artikolu 82(2) tal-GDPR ma għandux l-għan li jiddetermina l-portata tad-dritt għal kumpens tas-suġġetti tad-data bħala tali. Pjuttost, għandhom jiġu ppreċiżati r-regoli dwar ir-responsabbiltà, li l-prinċipju tagħhom huwa stabbilit fil-punt 1 ta’ dan l-artikolu (52).
81. Il-portata tad-dritt għal kumpens għandha, min-naħa tagħha, tiġi ddeterminata fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR, li ma jinkludix l-istess limitazzjoni bħall-punt 2 ta’ dan l-artikolu, peress li jistabbilixxi b’mod iktar ġenerali li “[k]walunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab” (53). Ma hemm l-ebda riferiment għat-terminu “pproċessar”.
82. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li r-riferiment “għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar” li jinsab fl-Artikolu 82(2) tal-GDPR ma jistax jiġi interpretat bħala li jillimita l-portata tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) ta’ dan ir-regolament għal dan id-dannu biss. Konklużjoni simili nsiltet mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Brillen Rottler (54), li fihom huwa ddeskriva l-Artikolu 82(2) tal-GDPR bħala “regola supplimentari” u mhux bħala limitazzjoni tal-punt 1 ta’ dan l-artikolu.
83. Barra minn hekk, fis-sentenza reċenti f’dik il-kawża (55), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li, peress li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR ma jinkludix riferiment għall-“ipproċessar” ta’ “dan id-dritt għal kumpens ma jistax jiġi limitat għad-danni li jirriżultaw minn ipproċessar ta’ data personali” (56).
84. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR jinsab fil-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament, li jirregola r-rimedji, ir-regoli ta’ responsabbiltà u s-sanzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu dawn id-drittijiet, u li għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 141 tal-GDPR, li tipprevedi li kull suġġett tad-data għandu jkollu dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta “fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament” (57). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li dan jinkludi d-dritt ta’ aċċess ta’ suġġett tad-data għad-data personali tiegħu skont l-Artikolu 15(1) tal-GDPR. Dan id-dritt, kif ukoll id-drittijiet l-oħra rrikonoxxuti lis-suġġetti tad-data mill-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, inkluż id-dritt li tinkiseb l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1(a) sa (h) tiegħu, għandhom għalhekk jiġu protetti mill-Artikolu 82 tal-GDPR, li għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li japplika għad-danni li jirriżultaw minn ksur ta’ dawn id-drittijiet.
85. It-tielet nett, jidhirli li huwa evidenti li l-limitazzjoni tad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb kumpens skont din id-dispożizzjoni għad-danni kkawżati minn ipproċessar illegali ta’ data tkun ukoll inkompatibbli mal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament fl-intier tiegħu , li jikkonsistu, kif indikajt fil-punt 24 iktar ’il fuq, li jiġi żgurat “livell għoli ta’ protezzjoni” u t-“tisħiħ [...] [tal-]obbligi ta’ dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta’ data personali”. Fis-sentenza Brillen Rottler (58), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, essenzjalment, li l-Artikolu 82 tal-GDPR huwa intiż li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ dawn l-għanijiet.
86. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, jekk id-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb kumpens skont din id-dispożizzjoni jkun limitat għad-danni kkawżati minn ipproċessar illegali ta’ data, dan jaffettwa mhux biss il-protezzjoni tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll kważi d-drittijiet kollha tas-suġġetti tad-data skont il-Kapitolu III tal-GDPR (59), li jsir fil-biċċa l-kbira simboliku (60). Fil-fatt, kull wieħed minn dawn id-drittijiet huwa akkumpanjat minn obbligu korrispondenti għall-kontrolluri, li għalih huma suġġetti biss wara (61) l-ipproċessar (allegat) tad-data inkwistjoni (62).
87. Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-konsegwenzi negattivi mġarrba minn suġġett tad-data minħabba ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1) tal-GDPR jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “dannu”, fis-sens tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, li jwasslu għalhekk għal obbligu għall-kontrollur li jħallas kumpens lis-suġġett tad-data skont din id-dispożizzjoni.
D. Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 82 tal-GDPR jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni tar-responsabbiltà tal-kontrollur tad-data (ir-raba’ domanda)
88. Issa ser neżamina r-raba’ domanda li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tielet domanda, jekk l-Artikolu 82 tal-GDPR jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-persuni li jaġixxu bħala “uffiċjali eżekuttivi”, jiġifieri f’isem ċerti entitajiet ġuridiċi pubbliċi, ma jistgħux jinżammu responsabbli għad-dannu li huma jikkawżaw lis-suġġetti tad-data, fil-kwalità tagħhom ta’ kontrolluri jew proċessuri.
89. Din id-domanda hija magħmula fir-rigward ta’ ċerti karatteristiċi speċifiċi tad-dritt Awstrijak, jiġifieri dawk stabbiliti fil-punt 1 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, li jipprevedi li l-persuni li jaġixxu bħala “uffiċjali eżekuttivi” tal-Federazzjoni, tal-Länder, tal-muniċipalitajiet, ta’ korpi korporattivi oħra rregolati mid-dritt pubbliku u ta’ istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma humiex responsabbli, fl-eżekuzzjoni tal-liġi, għad-dannu li huma jikkawżaw lil kull persuna minħabba l-aġir illegali tagħhom. Konsegwentement, talba għal kumpens għal dannu ma tistax titressaq kontra tali persuni skont l-Artikolu 82 tal-GDPR (63).
90. F’dan il-każ, nifhem li TS, fil-kwalità tiegħu bħala kap ta’ skola primarja fl-Awstrija, għandu jitqies bħala li jaġixxi bħala “korp” tal-Land rilevanti (peress li, fid-dritt Awstrijak, l-iskejjel ma għandhomx personalità ġuridika u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu mħarrka). Mill-punt 1 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili jirriżulta li, anki jekk TS kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha neċessarji sabiex jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (li, kif spjegajt, ma jidhirlix li huwa l-każ), RS ma setax iressaq talba għal kumpens kontrih skont l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament għad-dannu allegatament ikkawżat mill-ksur, minn TS, tal-Artikolu 15(1)(g) tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali dispożizzjoni nazzjonali tmurx kontra l-Artikolu 82 tal-GDPR.
91. Jiena ma naħsibx. Fil-fatt, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili ma tipprekludix, fiha nnifisha, lil suġġett tad-data milli jressaq talba għal kumpens meta l-ksur rilevanti tal-GDPR ikun twettaq minn persuna li taġixxi f’isem entità ġuridika pubblika. Għall-kuntrarju, hija sempliċement tittrasferixxi l-obbligazzjoni ta’ kumpens lill-entità inkwistjoni.
92. Jidher li l-għan prinċipali ta’ tali trasferiment ta’ responsabbiltà huwa li jiżgura l-protezzjoni tal-vittma billi jipprovdilha debitur solventi (64). B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ir-raġuni għall-eżistenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Pubblika ma hijiex li tirrestrinġi l-protezzjoni legali tal-persuni kkonċernati, iżda pjuttost li ssaħħaħha.
93. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma narax kif tali dispożizzjoni nazzjonali tista’ titqies inkompatibbli mal-Artikolu 82 tal-GDPR.
94. Nirrikonoxxi li l-Artikolu 82(2) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi li “[k]walunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser [il-GDPR]”, jista’, prima facie, jinftiehem bħala li jimponi r-responsabbiltà diretta tal-kontrollur.
95. Madankollu, ir-raġuni wara l-Artikolu 82 tal-GDPR hija, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (65), li tipprovdi lis-suġġett tad-data kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu mġarrab minħabba ksur tal-GDPR (66). Kif diġà rrilevajt fil-punt 84 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tinsab fil-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament, li jirregola r-rimedji, is-sistema ta’ responsabbiltà u s-sanzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu dawn id-drittijiet. Għalhekk, din għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 141 tal-GDPR, li tirreferi espressament għad-dritt tas-suġġetti tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-regolament.
96. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa importanti li l-kumpens jitħallas direttament mill-kontrollur jew mill-proċessur jew mill-entità ġuridika pubblika li timpjega jew li hija responsabbli għal tali persuna. Dak li huwa importanti huwa li d-dannu reali mġarrab mis-suġġett tad-data minħabba ksur tal-GDPR jiġi kkumpensat kompletament.
97. Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata minn paragun bejn l-Artikolu 82 tal-GDPR u l-Artikolu 83(7) tiegħu, li jħalli espressament għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri d-determinazzjoni tal-punt sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi u b’hekk l-uffiċjali eżekuttivi. Skont RS, l-assenza ta’ kwalunkwe marġni ta’ evalwazzjoni simili għall-Artikolu 82 tal-GDPR jista’ jiġi interpretat biss fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jeżentaw lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-korpi u għalhekk lill-uffiċjali eżekuttivi, mit-talbiet għad-danni taħt id-dritt privat.
98. Madankollu, dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 82 u l-Artikolu 83 tal-GDPR għandhom għanijiet differenti (67). L-ewwel dispożizzjoni għandha funzjoni esklużivament kumpensatorja (fi kliem ieħor, tikkonċerna l-kumpens għad-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data), filwaqt li t-tieni għandha għan punittiv (68). Inqis li, minħabba dan l-għan punittiv, il-multi amministrattivi għandhom, bħala prinċipju, ikunu direttament “marbuta” mal-kontrollur jew mal-proċessur inkwistjoni.
99. Barra minn hekk, kif spjegat fil-punt 91 iktar ’il fuq, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili sempliċement tittrasferixxi r-responsabbiltà għall-kumpens ta’ persuna li taġixxi f’isem entità legali lill-entità inkwistjoni (69). B’kuntrast ma’ dan, meta Stat Membru jistabbilixxi regoli abbażi tal-Artikolu 83(7) ta’ dan ir-regolament, huwa jista’ jeskludi l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi fuq l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tiegħu.
100. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Artikolu 82 tal-GDPR ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuni li jaġixxu f’isem ċerti entitajiet ġuridiċi pubbliċi ma jistgħux jinżammu responsabbli għad-dannu li jikkawżaw lis-suġġetti tad-data, fil-kwalità tagħhom ta’ kontrolluri jew ta’ proċessuri, sakemm dawn ir-regoli jidentifikaw ukoll l-entità li kontriha tista’ titressaq talba għal kumpens minn tali suġġetti tad-data.
V. Konklużjoni
101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:
Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)
għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha, tipproċessa data personali mhux fl-interess personali tagħha stess, iżda bħala kap ta’ organizzazzjoni, u permezz tal-għodod imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha u preskritti lilha minn tali organizzazzjoni, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-ebda isem reali tal-ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p, 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p, 2).
3 Ara l-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.
4 Ibid.
5 Ara l-premessa 7 tal-GDPR.
6 Ara l-premessa 11 tal-GDPR.
7 Ara l-Artikolu 1(2) u l-premessa 10 tal-GDPR.
8 Ara l-premessa 7 tal-GDPR. Dan ir-regolament huwa bbażat fuq kunċett tas-suġġett tad-data bħala persuna attiva, kapaċi jieħu deċiżjoni fir-rigward tad-data personali li tikkonċernah (ara Spieckergen. Döhmann, I., Papakonstantinou, V., Hornung, G. u De Hert, P., General Data Protection Regulation: Article-by-Article Commentary, Nomos Baden-Baden, 2023 p. 86).
9 L-“ipproċessar” huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR bħala “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda”.
10 Ara l-Artikolu 15(1) tal-GDPR: “[i]s-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur[…]” (korsiv miżjud).
11 F’tali sitwazzjoni, il-“finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali” huma stess iddeterminati mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru.
12 Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 68). Din is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur” kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 335). Għalkemm din id-direttiva ma għadhiex fis-seħħ u ġiet issostitwita mill-GDPR, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tibqa’ rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-GDPR, peress li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett tibqa’ identika fiż-żewġ strumenti, bl-eċċezzjoni ta’ emendi formali minuri. Għalhekk, ser nirreferi mingħajr distinzjoni għas-sentenzi li jirrigwardaw strument jew ieħor.
13 Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-“Linji Gwida 07/2020 dwar il-kunċetti ta’ kontrollur u ta# proċessur fil-GDPR” tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), verżjoni 2.1, adottati fis‑7 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida 07/2020 tal-EDPB”, disponibbli fil-lingwa Ingliża fuq https://edpb.europa.eu/system/files/2021-07/eppb_guidelines_202007_controllerprocessor_final_en.pdf), p. 3 u l-punt 21 u 25 sa 27.
14 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għal data personali maħżuna fuq telefon ċellulari) (C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punt 29).
16 Ibid., punt 30.
17 Korsiv miżjud minni.
18 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, juris (C‑741/21, EU:C:2024:288, punti 47 sa 49).
19 Ibid. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S (C‑579/21, EU:C:2023:501), tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen (C‑807/21, EU:C:2023:950), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn (C‑687/21, EU:C:2024:72), fejn ġie kkonstatat li l-“kontrolluri” kienu kumpanniji, minkejja li l-“ipproċessar” allegat sar mill-impjegati ta’ dawn il-kumpanniji.
20 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen (C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 44).
21 Ara l-punti 18 u 19 ta’ dawn il-linji gwida.
22 Naqbel mal-Kummissjoni li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sempliċement tistaqsi jekk persuna bħal TS tistax tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR. B’hekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-fehma tiegħi li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv, ma naħsibx li huwa neċessarju għaliha li tiddetermina jekk l-iskola jew il-Land ikkonċernat għandhomx jitqiesu bħala l-“kontrollur” minflok TS.
23 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Amt der Tiroler Landesregierung (C‑638/23, EU:C:2025:127, punti 30 sa 34). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali) (C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 36).
24 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe (C‑604/22, EU:C:2024:214, punti 56 sa 59). Għal eżempju fejn entità (komunità reliġjuża) u l-membri ta’ dik l-entità nstabu fil-fatt bħala kontrolluri konġunti, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551).
25 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lindenberg (C‑205/25, EU:C:2026:312, iktar ’il quddiem, “il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lindenberg”), fejn fil-punt 49 tagħhom niddikjara li l-Artikolu 15 tal-GDPR jista’ jiġi eżerċitat biss kontra l-kontrollur.
26 Dan huwa wkoll il-każ tar-raba’ domanda, li saret biss “fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tielet domanda” (korsiv miżjud minni).
27 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 34), dwar il-kunċett ta’ “data personali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, u tat‑2 ta’ Diċembru 2025, Russmedia Digital u Inform Media Press (C‑492/23, EU:C:2025:935, punt 49). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-“Linji Gwida 01/2022 dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data – Id-dritt ta’ aċċess tal-EDPB, verżjoni 2.1, adottati fit‑28 ta’ Marzu 2023 (“il-Linji Gwida EDPB 01/2022”, disponibbli fuq: https://www.edpb.europa.eu/our-work-tools/our-documents/guidelines/guidelines-012022-data-subject-rights-right-access_mt), punt 96.
28 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2026:216, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Ara d-definizzjoni ta’ “sors” fil-verżjoni online ta’ Collins Dictionary, disponibbli fuq: https://www.collinsdictionary.com/dictionary/english/source. Skont Cambridge Online English Dictionary, it-terminu “sors” ġeneralment jinftiehem bħala li jfisser il-post minn toriġina xi ħaġa, jew xi ħadd jew xi ħaġa li jipprovdu informazzjoni (https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/source).
30 Korsiv miżjud minni.
31 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Österreichische Datenschutzbehörde (Talbiet eċċessivi) (C‑416/23, EU:C:2025:3, punt 46).
32 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S (C‑579/21, EU:C:2023:501, punti 56 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 63 tal-GDPR (punt 6 hawn fuq).
33 Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.
34 Ara, b’analoġija, il-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lindenberg, fejn inqis li l-portata tad-dritt li tinkiseb kopja skont l-Artikolu 15(3) tal-GDPR tibqa’ strettament limitata mill-funzjoni tagħha.
35 Ara, għal darba oħra, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S (C‑579/21, EU:C:2023:501, punti 69 sa 75), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza jekk l-iżvelar tal-informazzjoni rilevanti jistax ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti, u b’hekk tippermetti lis-suġġett tad-data jinvoka b’mod sħiħ id-drittijiet mogħtija lilu minn dan ir-regolament.
36 Ara l-Linji Gwida tal-EDPB 01/2022, punt 36.
37 Fil-fatt, RS isostni li, meta l-informazzjoni rċevuta waqt konverżazzjoni orali ma’ terz tiġi riprodotta f’posta elettronika eżattament kif tkun waslet (kif, fil-fehma tiegħu, huwa l-każ fil-kawża prinċipali), it-terz innifsu għandu jitqies bħala s-“sors” tad-data personali li tinsab fil-posta elettronika.
38 Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994).
39 Ara l-premessa 63 tal-GDPR.
40 Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S (C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 77).
41 Ara l-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB).
42 Skont kif inhu protett skont l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-KEDB.
43 Ara l-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB.
44 Skont kif inhu protett skont l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-KEDB.
45 Madankollu, nirrikonoxxi li, f’tali sitwazzjoni, il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-identità tas-sors tista’ tippermetti lis-suġġett tad-data jipprekludi li d-data personali tiegħu sussegwentement tixxerred bejn kontrolluri differenti (jiġifieri, sabiex jipprekludi “ipproċessar” ulterjuri) (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). Madankollu, din il-kunsiderazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġġustifika l-iżvelar tal-identità tas-sors (it-terz) lis-suġġett tad-data.
46 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fejn meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li sarulha u tikkunsidra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma semmietx fid-domanda tagħha (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2026, Lidl Italia (Prattiki żleali li għandhom x’jaqsmu mal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel). C‑301/25, EU:C:2026:357, punt 25).
47 Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirċievi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tal-GDPR mingħand il-kontrollur biss meta d-data personali tiegħu qiegħda tiġi pproċessata.
48 Skont l-Artikolu 15(1) tal-GDPR, is-suġġett tad-data għandu wkoll “d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le” (korsiv miżjud minni).
49 Korsiv miżjud minni. Ara wkoll l-Artikolu 82(4) tal-GDPR u l-premessa 146 tiegħu, li jsemmi “kwalunkwe dannu li tista’ ssofri persuna b’riżultat ta’ pproċessar”.
50 Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2025:723, iktar ’il quddiem “il-konklużjonijiet fil-kawża Brillen Rottler”, punti 69 sa 71).
51 Ara, f’dan ir-rigward, in-Nota mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Nru 9565/15, tal‑11 ta’ Ġunju 2015, “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) – Tħejjija ta’ approċċ ġenerali”, disponibbli fuq https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9565-2015-INIT/mt/pdf (p. 185).
52 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata (C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 159). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fil-kawża Brillen Rottler, fejn l-Avukat Ġenerali jispjega fil-punt 70 li l-Artikolu 82(2) tal-GDPR introduċa r-responsabbiltà tal-proċessur, li ma kinitx inkluża fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46.
53 Korsiv miżjud minni.
54 Punt 73.
55 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brillen Rottler, EU:C:2026:216”).
56 Ara l-punt 48. Fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tgħid li, sabiex ikun jista’ jinħoloq dritt għal kumpens, għandha tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u l-ksur tal-GDPR, mifhum b’mod wiesa’. Sa fejn naf jien, ir-rekwiżit iktar restrittiv ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-“ipproċessar illegali” (iktar milli “ksur tal-GDPR”) jidher biss fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata (C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 159). Huwa jinsab ukoll fil-punt 36 tas-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali) (C‑300/21, EU:C:2023:370); madankollu, il-punt 32 jirreferi, b’mod iktar ġenerali, għal “ksur tal-GDPR”.
57 Punt 49.
58 Punt 53.
59 Dan il-kapitolu jinkludi, minbarra d-drittijiet varji għall-informazzjoni previsti fl-Artikoli 12 sa 15, id-dritt għar-rettifika tad-data personali (l-Artikolu 16), id-dritt li titħassar tali data (l-Artikolu 17), id-dritt li jiġi ristrett l-ipproċessar tad-data personali (l-Artikolu 18) u d-dritt għall-portabbiltà tad-data (l-Artikolu 20).
60 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Brillen Rottler, punt 53.
61 Il-Kapitolu III tal-GDPR jinkludi wkoll id-dritt ta’ oġġezzjoni “fi kwalunkwe ħin” għall-ipproċessar ta’ data personali (l-Artikolu 21 tal-GDPR). Kuntrarjament għad-drittijiet l-oħra elenkati f’dan il-kapitolu, jidhirli li dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat matul l-ipproċessar ta’ din id-data, peress li jimponi, bħala prinċipju, l-obbligu fuq il-kontrollur illi ma jibqax jipproċessa d-data personali inkwistjoni.
62 L-istess japplika għal obbligi oħra imposti fuq il-kontrolluri mill-Kapitolu III tal-GDPR, bħal dawk previsti fl-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament, li l-ksur tagħhom ma jikkostitwixxix “ipproċessar illegali” (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Brillen Rottler, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(5) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, li l-kontenut tiegħu semmejt fil-punt 11 iktar ’il fuq.
64 Ara, f’dan ir-rigward, Kucsko-Stadlmayer, G. “Art. 23 BV-G”, f’Korinek, K., Holoubek M., et (edituri), ÖsterreichischesBundesverfassungsrecht, Verlag Österreich,, 2013. Il-bażi kostituzzjonali tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar ir-Eesponsabbiltà Ċivili hija l-Artikolu 23 tal-Bundes-Verfassungsgesetz (iktar ’il quddiem il-“B-VG”, il-“Liġi Kostituzzjonali Federali”).
65 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs (C‑507/23, EU:C:2024:854, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Quirin Privatbank (C‑655/23, EU:C:2025:655, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 146 tal-GDPR li tistabbilixxi li “[i]s-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu”.
67 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2024, juris (C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 56), u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat) (C‑590/22, EU:C:2024:536, punt 38).
68 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital (C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punti 2 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat) (C‑590/22, EU:C:2024:536, punt 41), u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Quirin Privatbank (C‑655/23, EU:C:2025:655, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69 F’dan ir-rigward, nirrileva li t-trasferiment tar-responsabbiltà mwettaq mill-Artikolu 1 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili ma jwassalx neċessarjament għal eżenzjoni totali mir-responsabbiltà tal-“korp” inkwistjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 23(2) tal-Liġi kostituzzjonali federali u l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, entità ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li tkun ikkumpensat lil suġġett tad-data għal dannu kkawżat minn wieħed mill-“uffiċċjali eżekuttivi” tagħha tista’ titlob kumpens mill-persuni li aġixxew bħala “uffiċjal eżekuttiva” meta dan tal-aħħar ikun aġixxa intenzjonalment jew b’negliġenza serja.