02016R1104 — MT — 08.07.2016 — 000.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/1104 tal-24 ta' Ġunju 2016 (ĠU L 183 8.7.2016, p. 30) |
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/1104
tal-24 ta' Ġunju 2016
li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati
KAPITOLU I
KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.
Huwa m'għandux japplika għal materji fiskali, doganali jew amministrattivi.
2. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:
(a) il-kapaċità ġuridika tas-sħab,
(b) l-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta' sħubija reġistrata,
(c) l-obbligi ta' manteniment,
(d) is-suċċessjoni għall-patrimonju ta' sieħeb deċedut,
(e) is-sigurtà soċjali;
(f) l-intitolament għal trasferiment jew aġġustament bejn is-sħab fil-każ ta' xoljiment jew annullament tas-sħubija reġistrata, tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar jew ta' diżabbiltà akkumulati matul is-sħubija reġistrata u li ma ġġenerawx dħul pensjonabbli matul is-sħubija reġistrata,
(g) in-natura tad-drittijiet in rem relatati ma' proprjetà, u
(h) kwalunkwe reġistrar f'reġistru tad-drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti tar-reġistrar jew tan-nuqqas ta' reġistrar ta' tali drittijiet f'reġistru.
Artikolu 2
Kompetenza f'materji ta' konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati fl-Istati Membri
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw materji ta' konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:
(a) “sħubija reġistrata” tfisser is-sistema li tirregola l-ħajja komuni bejn żewġ persuni, prevista mil-liġi, li r-reġistrazzjoni tagħha hija obbligatorja skont dik il-liġi u li tissodisfa l-formalitajiet legali kollha rikjesti minn dik il-liġi għall-ħolqien tagħha;
(b) “konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata” tfisser il-ġabra tar-regoli li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tas-sħab, bejniethom u fil-konfront ta' partijiet terzi, b'riżultat tar-relazzjoni legali li tinħoloq bir-reġistrazzjoni tas-sħubija jew mix-xoljiment tagħha;
(c) “ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija” tfisser kwalunkwe ftehim bejn is-sħab jew sħab futuri li permezz tiegħu jiġu organizzati l-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom;
(d) “strument awtentiku” tfisser dokument f'materja tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:
(i) tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku, u
(ii) tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini;
(e) “deċiżjoni” tfisser kwalunkwe deċiżjoni f'materja tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata mogħtija minn qorti ta' Stat Membru, irrispettivament mill-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;
(f) “tranżazzjoni bil-qorti” tfisser tranżazzjoni fi kwistjoni relatata mal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata li kienet approvata minn qorti jew li kienet konkluża quddiem qorti matul il-proċedimenti;
(g) “Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li fih ingħatat id-deċiżjoni, jew ġie mfassal l-istrument awtentiku, jew ġiet approvata jew konkluża t-tranżazzjoni bil-qorti;
(h) “Stat Membru tal-eżekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li fih issir it-talba għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, jew għall-istrument awtentiku jew għat-tranżazzjoni bil-qorti.
2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “qorti” jfisser kwalunkwe awtorità ġudizzjarja u l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn kollha b'kompetenza f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delega ta' setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll tagħha, dment li tali awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u tad-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu, u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom taħt il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:
(a) jistgħu jkunu s-suġġett ta' appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; u
(b) għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta' awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 64.
KAPITOLU II
ĠURIŻDIZZJONI
Artikolu 4
Ġuriżdizzjoni f'każ ta' mewt ta' wieħed mis-sħab
Fejn qorti ta' Stat Membru tkun inkarigata fi kwistjonijiet tas-suċċessjoni ta' wieħed mis-sħab reġistrati taħt ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata relatati ma' dik il-kawża ta' suċċessjoni.
Artikolu 5
Ġuriżdizzjoni f'każijiet ta' xoljiment jew annullament
1. Fejn qorti ta' Stat Membru tkun inkarigata biex tiddeċiedi fuq ix-xoljiment jew l-annullament ta' sħubija reġistrata, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata li jinħolqu b'rabta ma' dak il-każ ta' xoljiment jew annullament, fejn ikun hemm il-qbil tas-sħab dwar dan.
2. Jekk il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jiġi konkluż qabel ma l-qorti tkun ġiet inkarigata biex tiddeċiedi dwar materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata, il-ftehim għandu jikkonforma mal-Artikolu 7.
Artikolu 6
Ġuriżdizzjoni f'każijiet oħra
Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4 jew 5 jew f'każijiet għajr dawk previsti f'dawk l-Artikoli, il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata għandha tkun tal-qrati tal-Istat Membru:
(a) li fit-territorju tiegħu s-sħab ikunu residenti abitwali fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,
(b) li fit-territorju tiegħu s-sħab kienu residenti abitwali l-aħħar, sa fejn wieħed minnhom ikun għadu jirrisjedi hemmhekk fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,
(c) li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun residenti abitwali fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,
(d) li tiegħu s-sħab għandhom ċittadinanza komuni fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,
(e) li taħt il-liġi tiegħu nħolqot is-sħubija reġistrata.
Artikolu 7
Għażla tal-qorti
1. Fil-każijiet li huma koperti mill-Artikolu 6, il-partijiet jistgħu jaqblu li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 26(1) jew il-qrati tal-Istat Membru li taħt il-liġi tiegħu tkun inħolqot is-sħubija reġistrata għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni esklussiva li jiddeċiedu fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom.
2. Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi espress bil-miktub u ddatat u ffirmat mill-partijiet. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.
Artikolu 8
Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut
1. Apparti mill-ġuriżdizzjoni derivanti minn dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, qorti ta' Stat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 26(1), u li quddiemha l-konvenut jidher, għandha jkollha l-ġuriżdizzjoni. Din ir-regola m'għandhiex tapplika fejn id-dehra tkun saret biex tkun ikkontestata l-ġuriżdizzjoni, jew f'każijiet koperti mill-Artikolu 4.
2. Qabel ma tassumi ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1, il-qorti għandha tiżgura li l-konvenut ikun informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġuriżdizzjoni u bil-konsegwenzi jekk jidher jew jekk ma jidhirx quddiemha.
Artikolu 9
Ġuriżdizzjoni alternattiva
1. Jekk qorti tal-Istat Membru li jkollu ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, jew il-punti (a), (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 6 tiddeċiedi li l-liġi tagħha ma tipprevedix l-istituzzjoni ta' sħubija reġistrata, din tista' tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni. Jekk qorti tiddeċiedi li tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni, hija għandha tagħmel dan mingħajr dewmien bla bżonn.
2. Fejn qorti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni u fejn il-partijiet jaqblu li jikkonferixxu l-ġuriżdizzjoni lill-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 7, il-ġuriżdizzjoni għad-deċiżjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati għandha tkun tal-qrati ta' dak l-Istat Membru.
F'każijiet oħrajn, il-ġuriżdizzjoni għad-deċiżjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati għandha tkun tal-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 8.
3. Dan l-Artikolu m'għandux japplika meta l-partijiet ikunu kisbu x-xoljiment jew l-annullament tas-sħubija reġistrata li jistgħu jiġu rikonoxxuti fl-Istat Membru tal-forum.
Artikolu 10
Ġuriżdizzjoni sussidjarja
Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 8, jew meta l-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni u l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il-punt (e) tal-Artikolu 6, jew l-Artikoli 7 jew 8, għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni l-qrati ta' Stat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab xi proprjetà immobbli ta' kwalunkwe mis-sħab jew tat-tnejn li huma, iżda f'dak il-każ il-qorti inkarigata għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi biss fir-rigward tal-proprjetà immobbli inkwistjoni.
Artikolu 11
Forum necessitatis
Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8 jew 10, jew meta l-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni u l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il-punt (e) tal-Artikolu 6, jew l-Artikoli 7, 8 jew 10, il-qrati ta' Stat Membru jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata jekk il-proċedimenti ma jkunux raġonevolment jistgħu jitressqu jew jitmexxew, jew ikunu impossibbli fi Stat terz li miegħu jkun marbut mill-qrib il-każ.
Il-każ għandu jkollu rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti inkarigata.
Artikolu 12
Kontrotalbiet
Il-qorti li fiha jkunu pendenti l-proċedimenti skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 10 jew 11, għandu jkollha ġuriżdizzjoni wkoll biex tiddeċiedi dwar kontrotalba jekk din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 13
Limitazzjoni tal-proċedimenti
1. Fejn il-patrimonju tad-deċedut li s-suċċessjoni tiegħu taqa' taħt ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 ikun fih assi li jinsabu fi Stat terz, il-qorti inkarigata biex tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata tista', fuq talba ta' waħda mill-partijiet, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar wieħed jew aktar minn tali assi jekk jista' jkun mistenni li d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta' dawk l-assi ma tiġix rikonoxxuta u, fejn applikabbli, ma tiġix dikjarata eżekutorja f'dak l-Istat terz.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-partijiet li jillimitaw l-ambitu tal-proċedimenti skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti inkarigata.
Artikolu 14
Inkarigar ta' qorti
Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, qorti tkun ikkunsidrata inkarigata:
(a) fil-mument meta d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, dment li l-applikant ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li huwa kien meħtieġ jieħu biex id-dokument ikun notifikat lill-konvenut;
(b) jekk id-dokument għandu jkun innotifikat qabel ma jiġi ppreżentat lill-qorti, f'mument li fih jasal għand l-awtorità responsabbli għan-notifika, dment li l-applikant ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat lill-qorti; jew
(c) jekk il-proċedimenti jinfetħu mill-qorti ex officio, fil-mument meta d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti tittieħed mill-qorti, jew, fejn tali deċiżjoni ma tkunx meħtieġa, fil-mument meta l-każ jiġi rreġistrat mill-qorti.
Artikolu 15
Verifika tal-ġuriżdizzjoni
Fejn qorti ta' Stat Membru tiġi inkarigata b'każ dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata li fuqu ma jkollha ebda ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament, hija għandha ex officio tiddikjara li m'għandha l-ebda ġuriżdizzjoni.
Artikolu 16
Verifika tal-ammissibbiltà
1. Fejn konvenut li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat minbarra l-Istat Membru fejn tiġi istitwita l-azzjoni ma jidhirx, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament għandha tissospendi l-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta' jirċievi d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti biex iħejji d-difiża tiegħu, jew li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak il-għan.
2. L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) għandu japplika minflok il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed għal ieħor f'konformità ma' dak ir-Regolament.
3. Fejn ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ma jkunx japplika, għandu japplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar il-komunikazzjoni u n-notifika barra mill-pajjiż ta' atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess 'il barra mill-pajjiż f'konformità ma' dik il-Konvenzjoni.
Artikolu 17
Lis pendens
1. Fejn jiġu istitwiti proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet fil-qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti, ħlief il-qorti li ġiet inkarigata l-ewwel, għandha tissospendi l-proċedimenti ex officio sakemm tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-ewwel qorti inkarigata.
2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba minn qorti inkarigata bid-disputa, kwalunkwe qorti oħra inkarigata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-ewwel qorti bid-data li fiha ġiet inkarigata.
3. Fejn tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun ġiet inkarigata l-ewwel, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata għandha tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni favur dik il-qorti.
Artikolu 18
Kawżi relatati
1. Fejn ikunu pendenti kawżi relatati fi qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata għandha tissospendi l-proċedimenti tagħha.
2. Fejn il-kawżi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu pendenti fl-ewwel istanza, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata tista' wkoll, fuq applikazzjoni minn waħda mill-partijiet, tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk l-ewwel qorti inkarigata jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-kawżi inkwistjoni u l-liġi tagħha tkun tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.
3. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, kawżi huma meqjusa li jkunu relatati fejn ikunu konnessi hekk mill-qrib li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien biex ikun evitat ir-riskju ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.
Artikolu 19
Miżuri provviżorji, inklużi miżuri protettivi
Tista' ssir applikazzjoni fil-qrati ta' Stat Membru li titlob tali miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu jkunu disponibbli taħt il-liġi ta' dak l-Istat, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qrati ta' Stat Membru ieħor ikollhom il-ġuriżdizzjoni dwar il-mertu tal-każ.
KAPITOLU III
LIĠI APPLIKABBLI
Artikolu 20
Applikazzjoni universali
Il-liġi speċifikata bħala applikabbli minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk hi l-liġi ta' Stat Membru kif ukoll jekk mhijiex.
Artikolu 21
Unità tal-liġi applikabbli
Il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata għandha tapplika għall-assi kollha li jkunu soġġetti għal dawk il-konsegwenzi, irrispettivament minn fejn jinsabu l-assi.
Artikolu 22
Għażla tal-liġi applikabbli
1. Is-sieħeb jew sħab futuri jistgħu jaqblu li jagħżlu jew li jibdlu l-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom, sakemm dik il-liġi torbot konsegwenzi patrimonjali mal-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata u dik il-liġi tkun waħda minn dawn li ġejjin:
(a) il-liġi tal-Istat fejn is-sħab jew sħab futuri, jew wieħed minnhom, ikollu r-residenza abitwali tiegħu jew tagħhom fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim,
(b) il-liġi ta' Stat taċ-ċittadinanza ta' xi wieħed mis-sħab jew ta' sieħeb futur fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, jew
(c) il-liġi tal-Istat li taħt il-liġi tiegħu tkun inħolqot is-sħubija reġistrata.
2. Sakemm is-sħab ma jiftehmux mod ieħor, bidla fil-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom, li ssir matul is-sħubija, għandu jkollha biss effett prospettiv.
3. Kull bidla retroattiva fil-liġi applikabbli taħt il-paragrafu 2 ma għandhiex taffettwa negattivament id-drittijiet ta' partijiet terzi derivanti minn dik il-liġi.
Artikolu 23
Validità formali tal-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli
1. Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 22 għandu jkun espress bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ sħab. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni durabbli tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għall-kitba.
2. Jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih iż-żewġ sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
3. Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, is-sħab ikunu residenti abitwali fi Stati Membri differenti u l-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għall-ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' kwalunkwe waħda minn dawk il-liġijiet.
4. Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, sieħeb wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u dak l-Istat jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 24
Kunsens u validità materjali
1. L-eżistenza u l-validità ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi jew ta' kwalunkwe terminu tiegħu għandhom jiġu determinati mil-liġi li tirregolah skont l-Artikolu 22 kieku l-kuntratt jew it-terminu kienu validi.
2. Madankollu, sieħeb jista', sabiex jistabbilixxi li ma tax il-kunsens tiegħu, jiddependi fuq il-liġi tal-pajjiż fejn ikollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument li tiġi inkarigata l-qorti jekk miċ-ċirkostanzi jkun jidher li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-imġiba tiegħu skont il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.
Artikolu 25
Validità formali ta' ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija
1. Il-ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija għandu jkun espress bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ sħab. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni durabbli tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għall-kitba.
2. Jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih iż-żewġ sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, is-sħab ikunu residenti abitwali fi Stati Membri differenti u l-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' waħda minn dawk il-liġijiet.
Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, sieħeb wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u dak l-Istat jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
3. Jekk il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata timponi rekwiżiti formali addizzjonali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 26
Il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla mill-partijiet
1. Fin-nuqqas ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi skont l-Artikolu 22, il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati għandha tkun il-liġi tal-Istat li taħt il-liġi tiegħu s-sħubija reġistrata tkun inħolqot.
2. Bħala eċċezzjoni u fuq applikazzjoni minn kwalunkwe sieħeb, l-awtorità ġudizzjarja li jkollha l-ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata tista' tiddeċiedi li l-liġi ta' Stat, li ma jkunx l-Istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont il-paragrafu 1, għandha tirregola l-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata jekk il-liġi tal-Istat l-ieħor torbot konsegwenzi patrimonjali mal-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata u jekk l-applikant juri li:
(a) is-sħab kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom f'dak l-Istat l-ieħor għal perjodu ta' żmien twil b'mod sinifikanti; u
(b) iż-żewġ sħab ddependew fuq il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor fl-arranġament jew l-ippjanar tar-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom.
Il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandha tapplika mill-ħolqien tas-sħubija reġistrata, ħlief jekk sieħeb minnhom ma jaqbilx. Fil-każ tal-aħħar, il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandu jkollha effett mill-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni f'dak l-Istat l-ieħor.
L-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat l-ieħor m'għandhiex taffettwa negattivament id-drittijiet tal-partijiet terzi derivanti mil-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1.
Dan il-paragrafu m'għandux japplika meta s-sħab ikunu kkonkludew ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija qabel l-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni f'dak l-Istat l-ieħor.
Artikolu 27
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi applikabbli
Il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati skont dan ir-Regolament għandha tirregola, inter alia:
(a) il-klassifikazzjoni tal-proprjetà ta' wieħed jew taż-żewġ sħab f'kategoriji differenti matul u wara s-sħubija reġistrata,
(b) it-trasferiment tal-proprjetà minn kategorija għall-oħra,
(c) ir-responsabbiltà ta' sieħeb wieħed għall-obbligazzjonijiet u d-djun tas-sieħeb l-ieħor,
(d) is-setgħat, drittijiet u obbligi ta' wieħed mis-sħab jew tat-tnejn li huma fir-rigward tal-proprjetà,
(e) id-diviżjoni, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-proprjetà fil-mument tax-xoljiment tas-sħubija reġistrata,
(f) l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati fuq relazzjoni legali bejn sieħeb u partijiet terzi, u
(g) il-validità materjali ta' ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija.
Artikolu 28
Effetti fil-konfront ta' partijiet terzi
1. Minkejja l-punt (f) tal-Artikolu 27, il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata bejn is-sħab ma tistax tiġi invokata minn sieħeb kontra parti terza f'tilwima bejn il-parti terza u wieħed mis-sħab jew it-tnejn li huma, sakemm il-parti terza ma kinitx taf jew, fl-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, kellha tkun taf b'dik il-liġi.
2. Il-parti terza titqies li jkollha konoxxenza tal-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata, jekk:
(a) dik il-liġi tkun il-liġi:
(i) tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għat-tranżazzjoni bejn sieħeb u l-parti terza,
(ii) tal-Istat fejn is-sieħeb kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom jew,
(iii) f'każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà,
jew
(b) kwalunkwe mis-sħab ikun ikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għad-divulgazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata speċifikati mil-liġi:
(i) tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għat-tranżazzjoni bejn sieħeb u l-parti terza
(ii) tal-Istat fejn is-sieħeb kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom jew,
(iii) f'każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà
3. Fejn il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata ma tkunx tista' tiġi invokata minn sieħeb kontra parti terza permezz tal-paragrafu 1, il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata fir-rigward tal-parti terza għandhom ikunu regolati:
(a) mil-liġi tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn sieħeb u l-parti terza; jew
(b) f'każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli jew assi jew drittijiet reġistrati, permezz tal-liġi tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà jew fejn ikunu reġistrati l-assi jew id-drittijiet.
Artikolu 29
Adattament ta' drittijiet in rem
Fejn persuna tinvoka dritt in rem li hija tkun intitolata għalih skont il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt ikun invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u sa fejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt ekwivalenti taħt il-liġi ta' dak l-Istat, b'kont meħud tal-għanijiet u tal-interessi segwiti mid-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.
Artikolu 30
Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti
1. Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.
2. Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom ikun meqjus bħala kruċjali minn Stat Membru għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mil-liġi li b'xi mod ieħor tkun applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata skont dan ir-Regolament.
Artikolu 31
Ordni pubbliku (ordre publique)
L-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tista' tiġi rifjutata biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (ordre publique) tal-forum.
Artikolu 32
Esklużjoni ta' renvoi
L-applikazzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak l-Istat minbarra r-regoli tad-dritt internazzjonali privata tiegħu.
Artikolu 33
Stati b'aktar minn sistema legali waħda — kunflitti territorjali tal-liġijiet
1. Fejn il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament tkun dik ta' Stat li jinkludi diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha rigward il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, ir-regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet ta' dak l-Istat għandhom jiddeterminaw l-unità territorjali rilevanti li r-regoli tal-liġi proprji tagħha għandhom japplikaw.
2. Fin-nuqqas ta' tali regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet:
(a) kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għar-residenza abitwali tas-sħab, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali fejn is-sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom;
(b) kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għan-nazzjonalità tas-sħab, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li s-sħab ikollhom l-akbar rabta magħha;
(c) kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirreferi għal elementi oħrajn bħala fatturi ta' konnessjoni, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali fejn jinsab l-element rilevanti.
Artikolu 34
Stati b'aktar minn sistema legali waħda — kunflitti interpersonali tal-liġijiet
Fir-rigward ta' Stat li jkollu żewġ sistemi legali jew aktar jew żewġ ġabriet ta' regoli jew aktar applikabbli għal kategoriji differenti ta' persuni fir-rigward tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, kwalunkwe referenza għal-liġi ta' tali Istat għandha titqies bħala li tirreferi għas-sistema legali jew ġabra ta' regoli determinati mir-regoli fis-seħħ f'dak l-Istat. Fin-nuqqas ta' tali regoli, għandhom japplikaw is-sistema ta' liġijiet jew il-ġabra ta' regoli li magħhom s-sħab ikollhom l-akbar rabta.
Artikolu 35
Non-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal kunflitti interni tal-liġijiet
Stat Membru li jkollu diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati ma għandux ikun meħtieġ li japplika dan ir-Regolament għal kunflitti tal-liġijiet li jirriżultaw bejn dawk l-unitajiet territorjali biss.
KAPITOLU IV
RIKONOXXIMENT, EŻEKUTORJETÀ U EŻEKUZZJONI TA' DEĊIŻJONIJIET
Artikolu 36
Rikonoxximent
1. Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali.
2. Kull parti interessata li tinvoka r-rikonoxximent ta' deċiżjoni bħala l-kwistjoni prinċipali f'disputa tista', skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 44 sa 57, tapplika sabiex id-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta.
3. Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta' kwistjoni inċidentali ta' rikonoxximent, dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.
Artikolu 37
Raġunijiet għal non-rikonoxximent
Deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta:
(a) jekk tali rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru li fih intalab ir-rikonoxximent;
(b) fejn tkun ingħatat f'kontumaċja, jekk il-konvenut ma kienx ġie nnotifikat bid-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali mod li b'hekk seta' jħejji d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk;
(c) jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent;
(d) jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li involviet l-istess suġġett tal-kawża u kienet bejn l-istess partijiet, dment li dik id-deċiżjoni aktar kmieni tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.
Artikolu 38
Drittijiet fundamentali
L-Artikolu 37 ta' dan ir-Regolament għandu jkun applikat mill-qrati u minn awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri f'konformità mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, b'mod partikolari fl-Artikolu 21 tagħha dwar il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni.
Artikolu 39
Il-projbizzjoni ta' reviżjoni ta' ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-oriġini
1. Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta.
2. Il-kriterju tal-ordni pubbliku (ordre publique) imsemmi fl-Artikolu 37 ma għandux japplika għar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni disposti fl-Artikoli 4 sa 12.
Artikolu 40
Ebda reviżjoni fir-rigward tal-mertu
Taħt l-ebda ċirkostanza deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ma tista' tiġi riveduta fir-rigward tal-mertu tagħha.
Artikolu 41
Sospensjoni ta' proċedimenti dwar rikonoxximent
Qorti ta' Stat Membru li ssirilha talba għal rikonoxximent ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tissospendi l-proċedimenti jekk ikun ġie ppreżentat fl-Istat Membru ta' oriġini appell ordinarju kontra d-deċiżjoni.
Artikolu 42
Eżekutorjetà
Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u eżekutorji f'dak l-Istat għandhom ikunu eżekutorji fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata, ikunu ġew dikjarati eżekutorji hemmhekk skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.
Artikolu 43
Id-determinazzjoni tad-domiċilju
Sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57, parti hijiex domiċiljata fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, il-qorti inkarigata għandha tapplika l-liġi interna ta' dak l-Istat Membru.
Artikolu 44
Ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali
1. L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi ppreżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni kkomunikata minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.
2. Il-ġuriżdizzjoni lokali għandha tiġi determinata b'referenza għal post tad-domiċilju tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, jew għall-post tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 45
Proċedura
1. Il-proċedura ta' applikazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.
2. L-applikant ma għandux ikun meħtieġ li jkollu indirizz postali jew rappreżentant awtorizzat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.
3. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:
(a) kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;
(b) l-attestazzjoni maħruġa mill-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bl-użu tal-formola stabbilita permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46.
Artikolu 46
Nuqqas ta' preżentazzjoni tal-attestazzjoni
1. Jekk l-attestazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) ma tiġix preżentata, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika żmien għall-preżentazzjoni tagħha jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tikkunsidra li għandha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, tgħaddi mingħajrha.
2. Jekk il-qorti jew awtorità kompetenti titlob dan, għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni jew trażlitterazzjoni tad-dokumenti. It-traduzzjoni għandha ssir minn persuna kkwalifikata biex tittraduċi f'wieħed mill-Istati Membri.
Artikolu 47
Dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
Id-deċiżjoni għandha tiġi ddikjarata eżekutorja immedjatament wara li jitlestew il-formalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 45 mingħajr ebda reviżjoni taħt l-Artikolu 37. Il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma għandhiex f'dan l-istadju tal-proċedimenti tkun intitolata tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.
Artikolu 48
Notifika tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
1. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tinġieb immedjatament għall-attenzjoni tal-applikant skont il-proċedura stabbilita bil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
2. Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi notifikata lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, akkumpanjata mid-deċiżjoni, jekk ma tkunx diġà ġiet notifikata lil dik il-parti.
Artikolu 49
Appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
1. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà tista' tiġi appellata minn kwalunkwe parti.
2. L-appell għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.
3. L-appell għandu jiġi ttrattat skont ir-regoli li jirregolaw il-proċedura f'materji kontradittorji.
4. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tonqos milli tidher quddiem il-qorti tal-appell fi proċedimenti dwar appell imressaq mill-applikant, għandu japplika l-Artikolu 16 anki meta l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma tkunx domiċiljata f'ebda wieħed mill-Istati Membri.
5. Appell kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandu jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tiegħu. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, iż-żmien għal appell għandu jkun ta' 60 jum u għandu jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tan-notifika, kemm jekk liha personalment jew fir-residenza tagħha. Ma tista' tingħata l-ebda estensjoni minħabba d-distanza.
Artikolu 50
Proċedura biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fl-appell
Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista' tiġi kkontestata biss permezz tal-proċedura kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.
Artikolu 51
Rifjut jew revoka ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà
Il-qorti ppreżentata b'appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss għal xi waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 37. Hija għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.
Artikolu 52
Sospensjoni tal-proċedimenti
Il-qorti ppreżentata b'appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha, fuq applikazzjoni mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, tissospendi l-proċedimenti jekk l-eżekutorjetà tad-deċiżjoni tiġi sospiża fl-Istat Membru tal-oriġini minħabba appell.
Artikolu 53
Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi
1. Meta deċiżjoni tkun trid tiġi rikonoxxuta skont dan il-Kapitolu, xejn ma għandu jimpedixxi lill-applikant milli jagħmel użu minn miżuri provviżorji, inklużi miżuri protettivi, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà taħt l-Artikolu 47.
2. Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha simultanjament tikkonferixxi, b'effett tal-liġi, is-setgħa li wieħed jipproċedi għal kwalunkwe miżura protettiva.
3. Matul iż-żmien speċifikat għal appell taħt l-Artikolu 49(5) kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà u sa meta jkun determinat kwalunkwe tali appell, ma tista' tittieħed l-ebda miżura ta' eżekuzzjoni ħlief miżuri protettivi kontra l-proprjetà tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni.
Artikolu 54
Eżekutorjetà parzjali
1. Fejn tkun ingħatat deċiżjoni fir-rigward ta' diversi materji u d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ma tistax tingħata għalihom kollha, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tagħtiha għal waħda minnhom jew aktar.
2. Applikant jista' jitlob dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà limitata għal partijiet minn deċiżjoni.
Artikolu 55
Għajnuna legali
Applikant li, fl-Istat Membru tal-oriġini, jkun ibbenefika bis-sħiħ jew parzjalment mill-għajnuna legali jew minn eżenzjoni mill-ispejjeż jew l-infiq għandu jkun intitolat, fi kwalunkwe proċediment għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, li jibbenefika mill-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew mill-eżenzjoni l-aktar estiża mill-ispejjeż jew l-infiq kif previst mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 56
Ebda garanzija, rahan jew depożitu
L-ebda garanzija, rahan jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni, ma għandhom ikunu meħtieġa minn parti li fi Stat Membru tapplika ghal rikonoxximent, eżekutorjetà jew eżekuzzjoni ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma tkunx domiċiljata jew residenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 57
Ebda imposta, dazju jew onorarju
Fil-proċedimenti għall-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, ma għandhom jiġu imposti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni l-ebda imposta, dazju jew onorarju kkalkulati b'referenza għall-valur tal-materja inkwistjoni.
KAPITOLU V
STRUMENTI AWTENTIĊI U TRANŻAZZJONIJIET BIL-QORTI
Artikolu 58
Aċċettazzjoni ta' strumenti awtentiċi
1. Strument awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor kif ikollu fl-Istat Membru tal-oriġini, jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru kkonċernat.
Persuna li tixtieq tagħmel użu minn strument awtentiku fi Stat Membru ieħor tista' titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-istrument awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.
2. Kwalunkwe kontestazzjoni relattiva għall-awtentiċità ta' strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta' oriġini u għandha tiġi deċiża taħt il-liġi ta' dak l-Istat. L-istrument awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ieħor sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.
3. Kwalunkwe kontestazzjoni relattiva għall-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament u għandha tiġi deċiża taħt il-liġi applikabbli skont il-Kapitolu III. L-istrument awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ħlief l-Istat Membru tal-oriġini fir-rigward tal-materja li tkun ikkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.
4. Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi fuq id-determinazzjoni ta' kwistjoni sekondarja relatata mal-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali reġistrati fi strument awtentiku f'materji ta' konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, dik il-qorti għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.
Artikolu 59
Eżekutorjetà ta' strumenti awtentiċi
1. Strument awtentiku li jkun eżekutorju fl-Istat Membru tal-oriġini għandu jiġi ddikjarat bħala eżekutorju fi Stat Membru ieħor fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.
2. Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3), l-awtorità li stabbilixxiet l-istrument awtentiku għandha, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessati, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).
3. Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tal-istrument awtentiku tkun manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
Artikolu 60
Eżekutorjetà ta' tranżazzjonijiet bil-qorti
1. It-tranżazzjonijiet bil-qorti li huma eżekutorji fl-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu ddikjarati bħala eżekutorji fi Stat Membru ieħor fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.
2. Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3), il-qorti li approvat it-tranżazzjoni jew li quddiemha ġiet konkluża t-tranżazzjoni għandha, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).
3. Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni bil-qorti tkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 61
Legalizzazzjoni u formalitajiet simili oħra
L-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra ma għandha tkun meħtieġa fir-rigward ta' dokumenti maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 62
Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti
1. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali li għalihom Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri jkunu partijiet meta jiġi adottat dan ir-Regolament jew ta' deċiżjoni skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE u li jikkonċernaw materji koperti minn dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 351 tat-TFUE.
2. Minkejja l-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu, bejn l-Istati Membri, jieħu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi bejniethom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.
Artikolu 63
Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku
L-Istati Membri għandhom, bil-ħsieb li l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jipprovdu lill-Kummissjoni b'sommarju qasir tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali tagħhom li jirrigwardaw il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta' awtorità li għandha kompetenza f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u dwar l-effetti fir-rigward tal-partijiet terzi msemmija fl-Artikolu 28.
L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni permanentement aġġornata.
Artikolu 64
Informazzjoni dwar dettalji ta' kuntatt u proċeduri
1. Sad-29 ta' April 2018, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:
(a) il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skont l-Artikolu 44(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 49(2);
(b) il-proċeduri biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 50.
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal din l-informazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-indirizzi u dettalji ta' kuntatt oħrajn tal-qrati u l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.
3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kollha kkomunikata skont il-paragrafu 1 pubblikament disponibbli bi kwalunkwe mezz xieraq, b'mod partikolari bin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Artikolu 65
Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-lista li fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)
1. Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' notifiki mill-Istati Membri, tistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2).
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti għall-informazzjoni li tinsab f'dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista skont kif ikun meħtieġ.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista u kwalunkwe emendi sussegwenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli l-informazzjoni kollha nnotifikata f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 permezz ta' kwalunkwe mezz ieħor li jkun adattat, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Artikolu 66
Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) u fl-Artikoli 58, 59 u 60
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) u fl-Artikoli 58, 59 u 60. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).
Artikolu 67
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 68
Klawżola ta' reviżjoni
1. Sad-29 ta' Jannar 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fejn meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-emendar ta' dan ir-Regolament.
2. Sad-29 ta' Jannar 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 38 ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jevalwa b'mod partikolari l-limitu sa fejn dawn l-Artikoli żguraw aċċess għall-ġustizzja.
3. Għall-finijiet tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.
Artikolu 69
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi mfassla formalment jew reġistrati u għal tranżazzjonijiet bil-qorti approvati jew konklużi fi jew wara d-29 ta' Jannar 2019, soġġett għall-paragrafi 2 u 3.
2. Jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta' oriġini kienu ġew istitwiti qabel id-29 ta' Jannar 2019, id-deċiżjonijiet mogħtija f'dik id-data jew warajha għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti f'konformità mal-Kapitolu IV sakemm ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li jkunu applikati jkunu konformi ma' dawk stabbiliti fil-Kapitolu II.
3. Il-Kapitolu III huwa biss applikabbli biss għas-sħab li jirreġistraw is-sħubija tagħhom jew li jispeċifikaw il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom fid-29 ta' Jannar 2019 jew wara.
Artikolu 70
Dħul fis-seħħ
1. Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, kif awtorizzata mid-Deċiżjoni (UE) 2016/954.
Huwa għandu japplika mid-29 ta' Jannar 2019, ħlief għall-Artikoli 63 u 64 li għandhom japplikaw mid-29 ta' April 2018, u l-Artikoli 65, 66 u 67 li għandhom japplikaw mid-29 ta' Lulju 2016. Għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa permezz ta' deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.
( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).