European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2570

19.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2570

tat-18 ta’ Diċembru 2025

li tistabbilixxi l-karta tal-missjoni għas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 118(10) u 117(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-servizz tal-Awditjar Intern (“IAS”) tal-Kummissjoni ġie stabbilit fil-11 ta’ April 2000 (2). L-IAS jaħdem taħt id-direzzjoni tal-awditur intern, li huwa Direttur Ġenerali.

(2)

Il-mandat tal-awditur intern kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 huwa li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-trattament tar-riskji fir-rigward tal-attivitajiet u d-dipartimenti kollha kkonċernati tal-Kummissjoni.

(3)

L-indipendenza tal-awditur intern hija garantita mir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u msaħħa mill-Istandards Globali tal-Awditjar Intern (3) stabbiliti mill-Istitut tal-Awdituri Interni, li jispeċifikaw li l-funzjoni tal-awditjar intern hija l-aktar effettiva meta tkun ippożizzjonata b’mod indipendenti b’obbligu ta’ rendikont dirett lejn l-ogħla livell ta’ governanza f’organizzazzjoni.

(4)

Sabiex l-IAS iwettaq ir-rwol tiegħu u jiżgura proċess ta’ awditjar effiċjenti, l-aċċess sħiħ u illimitat għall-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 118(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 jenħtieġ li jiġi ffaċilitat mill-Kummissjoni, mill-aġenziji eżekuttivi u mill-uffiċċji Ewropej.

(5)

L-ambitu tal-missjoni tal-awditur intern u l-objettivi u l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-funzjoni tal-awditjar intern jenħtieġ li jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u l-Istandards Globali tal-Awditjar Intern. L-istandards Globali tal-Awditjar Intern għandhom jiġu rrispettati skont l-Artikolu 117(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

(6)

Skont l-Artikolu 118(10) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-awditur intern tagħha r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-funzjoni tal-awditjar intern, filwaqt li tibqa’ r-responsabbiltà tal-awditur intern li jiżgura li dawn ikunu xierqa u skjerati b’mod effettiv. Għal dak l-għan, l-IAS għandu jinkludi fil-programm ta’ ħidma tiegħu pjan ta’ ġestjoni tar-riżorsi.

(7)

Sabiex ma jiġix imminat l-iskop tal-awditi interni, u sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku prevalenti fid-divulgazzjoni, ir-rapporti u s-sejbiet tal-awditur intern jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku biss wara l-validazzjoni mill-awditur intern tal-azzjoni meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom.

(8)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/369 (4), il-Kummissjoni stabbiliet, fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju u tal-konformità tal-Kummissjoni għar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, il-funzjoni indipendenti tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju, biex taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża fil-livell korporattiv, filwaqt li tikkomplementa r-rwol tad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni bħala l-ewwel linja ta’ difiża. It-tielet linja ta’ difiża jenħtieġ li tkun l-IAS li jenħtieġ li jeżerċita r-rwol tiegħu f’konformità mal-Artikolu 118 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

(9)

Skont l-Artikolu 123 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kumitat tal-progress tal-awditjar intern biex tiżgura l-indipendenza tal-IAS, timmonitorja l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar intern u tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet interni u esterni jitqiesu u jiġu segwiti mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi u l-korpi Ewropej. Il-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar ġie stabbilit permezz tal-Komunikazzjoni SEC (2000) 1808/3. Sabiex iwettaq ir-rwol tiegħu, għandha tiġi pprovduta informazzjoni lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar bħal inċidenti fejn l-indipendenza tal-IAS setgħet ġiet indebolita u l-azzjonijiet u s-salvagwardji użati biex jindirizzaw l-indeboliment, l-impatt tal-limitazzjonijiet tar-riżorsi fuq il-pjan tal-awditjar u, jekk l-oġġettività ġiet imfixkla fil-fatt jew fid-dehra, id-dettalji tal-ħsara.

(10)

Meta l-awditur intern tal-Kummissjoni jipprovdi, skont il-bażi legali speċifika, il-funzjoni tal-awditjar intern lil istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, korpi u aġenziji tal-Unjoni, u lil korpi oħra, l-awditur intern jenħtieġ li jkun responsabbli lejn dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi.

(11)

L-IAS u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jikkooperaw sabiex jikkontribwixxu għal protezzjoni aħjar tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi u l-atti illegali. Il-prinċipji bażiċi ta’ din il-kooperazzjoni huma stabbiliti fil-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni C (2018) 7705 (5).

(12)

Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-IAS skont id-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea P (2024) 6 (6) għandu jeżerċita lejn l-IAS il-kompiti previsti fid-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea P (2024) 5 (7). L-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma bejn il-Membru tal-Kummissjoni, il-kabinett tiegħu/tagħha u s-Servizz tal-Awditjar Intern għandhom iqisu r-rwol tal-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar u l-indipendenza tal-Awditur Intern.

(13)

Ir-riżorsi umani u finanzjarji tal-IAS jiġu allokati mill-Kummissjoni kull sena. Ir-reklutaġġ, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-ispejjeż tal-Awditur Intern jiġu deċiżi skont l-atti rilevanti tal-Kummissjoni fis-seħħ għad-Diretturi Ġenerali (8).

(14)

L-istandards Globali tal-Awditjar Intern jiggwidaw il-prattika professjonali dinjija tal-awditjar intern u jservu bħala bażi għall-evalwazzjoni u ż-żieda fil-kwalità tal-funzjoni tal-awditjar intern. L-istandards Globali tal-Awditjar Intern jirrikonoxxu li l-funzjonijiet tal-awditjar intern fis-settur pubbliku jridu jikkunsidraw liġijiet u regolamenti speċifiċi, kif ukoll strutturi ta’ governanza, organizzazzjonali u ta’ finanzjament li huma rilevanti biss fis-settur pubbliku jew fil-kuntest tal-gvern u li n-natura ta’ dawn il-kundizzjonijiet tista’ taffettwa kif il-funzjonijiet tal-awditjar intern tas-settur pubbliku japplikaw l-Istandards biex tinkiseb il-konformità.

(15)

F’konformità mal-Istandards Globali tal-Awditjar Intern, l-għan tal-awditu intern jenħtieġ li jkun li tissaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjoni li toħloq, tipproteġi u ssostni l-valur.

(16)

Barra minn hekk, permezz tal-Istandards Globali tal-Awditjar Intern, il-funzjoni tal-awditjar intern fis-settur pubbliku ssaħħaħ il-kisba b’suċċess tal-objettivi tal-organizzazzjoni; il-governanza, il-ġestjoni tar-riskju, u l-proċessi ta’ kontroll, ir-reputazzjoni u l-kredibbiltà mal-partijiet ikkonċernati tagħha, u l-kapaċità tagħha li taqdi l-interess pubbliku.

(17)

F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u l-Istandards Globali tal-Awditjar Intern, u biex jiġi żgurat li l-awditi jkunu imparzjali, jenħtieġ li l-awdituri interni jkunu ħielsa minn influwenza indebita u impenjati li jagħmlu valutazzjonijiet oġġettivi.

ADOTTA/ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU 1

MISSJONI TAL-IAS

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-ħidma tal-IAS fi ħdan il-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi u l-uffiċċji Ewropej.

2.   Is-servizz tal-Awditjar Intern (“IAS”) għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’aċċertament, pariri, għarfien u prospettiva indipendenti, ibbażati fuq ir-riskju u oġġettivi.

3.   L-IAS għandu:

(a)

jwettaq valutazzjoni indipendenti tal-effettività tal-governanza, tal-ġestjoni tar-riskju, u tal-proċessi ta’ kontroll għall-operazzjonijiet, għall-attivitajiet u għat-tranżazzjonijiet finanzjarji (“servizzi ta’ aċċertament”);

(b)

jagħti pariri, għarfien u previżjoni (“servizzi mhux ta’ aċċertament”).

Artikolu 2

Servizzi ta’ aċċertament

1.   L-għan tas-servizzi ta’ aċċertament imwettqa mill-IAS għandu jkun li jikkonferma jew jivverifika li:

(a)

ir-riskji jiġu identifikati, ivvalutati u ġestiti b’mod xieraq u kontinwu;

(b)

informazzjoni finanzjarja, maniġerjali u operattiva sinifikanti tkun preċiża, affidabbli u f’waqtha;

(c)

ikun hemm konformità mal-politiki, il-proċeduri u l-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Kummissjoni;

(d)

l-objettivi tal-Kummissjoni jintlaħqu b’mod effettiv u effiċjenti;

(e)

l-iżvilupp u ż-żamma ta’ proċessi ta’ kontroll ta’ kwalità għolja huma promossi fil-Kummissjoni kollha.

2.   Is-servizzi ta’ aċċertament mogħtija għandhom jippermettu lill-IAS li:

(a)

jipprovdi konklużjoni/opinjoni indipendenti f’kull rapport tal-awditjar;

(b)

jagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-ġestjoni, il-prestazzjoni u r-responsabbiltà effiċjenti u effettivi fi ħdan il-Kummissjoni u d-dipartimenti tagħha, l-aġenziji eżekuttivi u l-uffiċċji Ewropej.

Artikolu 3

Servizzi mhux ta’ aċċertament

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), l-IAS jista’ jipprovdi pariri, għarfien jew prospettiva fl-oqsma fejn għandu għarfien espert.

2.   Il-parir jista’ jieħu l-forma ta’ inkarigu konsultattiv, jew forma oħra, kif xieraq.

3.   Il-parir, l-għarfien jew il-prospettiva jistgħu jiġu pprovduti fuq talba tad-Diretturi Ġenerali, il-Kapijiet tas-Servizz u d-Diretturi rilevanti tal-aġenziji eżekuttivi (“maniġment superjuri”) jew fuq inizjattiva proprja tal-IAS.

4.   In-natura u l-ambitu ta’ servizz mitlub mill-maniġment superjuri għandhom jiġu miftiehma mal-maniġment superjuri.

5.   Meta l-IAS jipprovdi servizz fuq l-inizjattiva tiegħu stess, in-natura u l-ambitu tas-servizz għandhom jiġu diskussi mal-maniġment superjuri rilevanti.

KAPITOLU 2

OBBLIGU TA’ RENDIKONT U INDIPENDENZA

Artikolu 4

Organizzazzjoni u responsabbiltà

1.   L-IAS għandu jaħdem taħt id-direzzjoni tal-Awditur Intern li għandu jkun responsabbli lejn il-Kummissjoni.

2.   L-IAS għandu jirrapporta lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar li jirrifletti r-rwol, l-iskop u r-responsabbiltajiet tal-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar kif deskritt fil-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni C (2020)1165 (9) u l-Artikolu 123 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

Artikolu 5

Indipendenza u oġġettività

1.   L-ebda awtorità ma tista’ tinterferixxi fit-twettiq tax-xogħol tal-IAS jew titlob lill-IAS biex jagħmel xi tibdil fil-kontenut tar-rapporti tal-awditjar.

2.   L-awditur Intern u l-persunal tal-IAS għandhom:

(a)

jippreservaw l-indipendenza u l-oġġettività fir-rigward tal-attivitajiet u l-operazzjonijiet li jirrevedu;

(b)

jiżguraw l-oġġettività fil-ġudizzju tagħhom;

(c)

jevitaw il-kunflitt ta’ interess u f’każ li jinqalgħu jaġixxu f’konformità mal-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) (10).

3.   Meta l-oġġettività tal-Awditur Intern u tal-persunal tal-IAS tkun indebolita fil-fatt jew fid-dehra tagħha, l-Awditur Intern għandu jiżvela d-dettalji tal-ħsara lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar.

4.   Meta l-Awditur Intern iqis li dan ikun meħtieġ, huwa jista’ jikkuntattja direttament lill-President tal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Arranġamenti interistituzzjonali u kunfidenzjalità

L-IAS għandu jżomm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jittratta, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (11) u tal-Istandards Globali tal-Awditjar Intern.

KAPITOLU 3

KOMPITI U SETGĦAT TAL-AWDITUR INTERN

Artikolu 7

Kompiti

L-awditur Intern għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-ħidma tal-IAS f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni u r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. B’mod partikolari, l-Awditur Intern għandu:

(a)

jiżviluppa u jimplimenta strateġija ta’ awditjar intern li tappoġġa l-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 10);

(b)

jiżviluppa u tistabbilixxi l-metodoloġija u l-proċeduri tal-awditjar tal-IAS;

(c)

jiżgura l-komunikazzjoni mad-Diretturi Ġenerali, il-Kapijiet tas-Servizz u d-Diretturi tal-aġenziji eżekuttivi, is-servizzi awditjati, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

(d)

jigura li r-riżorsi tal-IAS ikunu xierqa u użati b’mod effettiv biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-pjan ta’ ħidma annwali;

(e)

jżgura li l-kunfidenzjalità tiġi rispettata fir-rigward tal-informazzjoni miġbura mill-IAS matul il-ħidma tiegħu.

Artikolu 8

Sorveljanza u rappurtar orizzontali

1.   L-awditur Intern għandu:

(a)

jirrapporta lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar kwistjonijiet sinifikanti relatati mal-attivitajiet awditjati tal-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi u l-Uffiċċji Ewropej, inkluż titjib potenzjali għal dawk l-attivitajiet;

(b)

jirrapporta lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar dwar skoperturi sinifikanti għar-riskju u kwistjonijiet ta’ kontroll, kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva u kwistjonijiet oħra meħtieġa jew mitluba mill-Kummissjoni;

(c)

jikkomunika formalment bil-miktub lid-Direttur Ġenerali jew lill-Kap tas-Servizz u lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar fejn l-Awditur Intern jemmen li d-Direttur Ġenerali jew il-Kap tas-Servizz aċċetta livell għoli b’mod mhux raġonevoli ta’ riskju.

2.   L-awditur Intern għandu jirrapporta, mill-inqas darba fis-sena, lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar:

(a)

dwar il-missjoni, l-awtorità u r-responsabbiltà tal-IAS;

(b)

dwar l-indipendenza organizzattiva tal-IAS, inklużi, jekk xieraq, inċidenti fejn l-indipendenza setgħet ġiet indebolita u l-azzjonijiet u s-salvagwardji użati biex jindirizzaw l-indeboliment;

(c)

dwar l-aġġornament tal-istrateġija tal-awditjar intern;

(d)

il-pjan tal-awditjar annwali tagħha u l-prestazzjoni tagħha fir-rigward ta’ dan il-pjan tal-awditjar;

(e)

l-impatt ta’ kwalunkwe limitazzjoni tar-riżorsi fuq il-pjan tal-awditjar u l-eżekuzzjoni tiegħu inkluża l-kapaċità tal-IAS li jkopri riskji għoljin u jesprimi konklużjoni ġenerali dwar l-istat tal-ġestjoni finanzjarja fil-Kummissjoni;

(f)

kwalunkwe nuqqas jew inabbiltà li tissodisfa u tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni;

(g)

jekk l-oġġettività ġiet imfixkla fil-fatt jew fid-dehra, u d-dettalji tal-ħsara;

(h)

dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità interna jew esterna, kif xieraq.

3.   L-awditur Intern għandu:

(a)

jippreżenta rapport intern annwali lill-Kummissjoni, li jindika l-għadd u t-tip ta’ awditi interni mwettqa, ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali magħmula u l-azzjonijiet meħuda dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 118(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509;

(b)

jipprovdi kull sena, abbażi tal-ħidma tal-IAS, konklużjoni ġenerali dwar l-istat tal-ġestjoni finanzjarja fil-Kummissjoni.

4.   L-awditur Intern għandu, f’konformità mal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, jinforma mingħajr dewmien jew lid-Direttur Ġenerali jew lill-Kap tas-Servizz ikkonċernat, jew lis-Segretarju Ġenerali, jew lill-persuni f’pożizzjonijiet ekwivalenti, jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) direttament f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom (12) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002)845 (13) u l-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar kif xieraq, dwar kwalunkwe attività frodulenti suspettata.

Artikolu 9

Setgħat

1.   L-awditur Intern u l-persunal tal-IAS li jaġixxu f’ismu għandhom ikunu awtorizzati li:

(a)

ikollhom aċċess mhux ristrett u ffaċilitat għall-funzjonijiet, għas-sistemi ta’ informazzjoni, għad-data, għar-rekords, għall-proprjetà u għall-persunal kollha fi ħdan il-Kummissjoni, kif meqjus meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom;

(b)

jiksbu l-assistenza meħtieġa tal-persunal tal-Kummissjoni fid-Direttorati Ġenerali u s-Servizzi kollha;

(c)

jallokaw ir-riżorsi, jagħżlu s-suġġetti, jiddeterminaw l-ambitu tax-xogħol u japplikaw it-tekniki meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-awditjar;

(d)

ikunu infurmati fi stadju bikri dwar l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda u bidliet fis-sistemi eżistenti li jistgħu jaffettwaw b’mod sostanzjali s-sistema ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni.

2.   L-awditur Intern u l-persunal tal-IAS ma jistgħux:

(a)

iwettqu kwalunkwe dmir operazzjonali għall-Kummissjoni jew jieħdu r-responsabbiltà maniġerjali għal kwalunkwe funzjoni oħra għajr il-funzjoni tal-awditjar intern;

(b)

jibdew jew japprovaw tranżazzjonijiet finanzjarji, ħlief fl-allokazzjoni għall-funzjonament tal-IAS;

(c)

jidderieġu l-attivitajiet tal-persunal tal-Kummissjoni mhux impjegat mill-IAS, ħlief sa fejn dawn il-membri tal-persunal ikunu ġew assenjati b’mod xieraq lil timijiet tal-awditjar jew biex b’xi mod ieħor jassistu lill-IAS.

KAPITOLU 4

PRESTAZZJONI TAS-SERVIZZI TAL-AWDITJAR INTERN

Artikolu 10

Strateġija ta’ verifika interna

1.   L-istrateġija tal-awditjar intern għandha tiddeskrivi l-viżjoni u l-objettivi strateġiċi għall-eżerċizzju tal-funzjoni tal-awditjar intern.

2.   L-awditur Intern għandu jiżviluppa u jimplimenta inizjattivi li jappoġġaw l-istrateġija tal-awditjar intern li jkopru l-attivitajiet kollha tal-awditjar tal-IAS, u jimmonitorja kontinwament l-effettività tagħhom.

3.   L-inizjattivi ta’ appoġġ għandhom jinkludu:

(a)

programm ta’ aċċertament u titjib tal-kwalità;

(b)

strateġija għar-riżorsi umani;

(c)

strateġija ta’ awditjar u trasformazzjoni diġitali.

4.   L-awditur Intern għandu jiżviluppa dokument ta’ aspettattivi reċiproċi bħala dokument ta’ gwida li jiddeskrivi r-relazzjoni bejn l-awditur u l-parti awditjata sabiex jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet u jiġu allinjati l-aspettattivi reċiproċi sabiex l-awditi jkunu effiċjenti u effettivi.

Artikolu 11

Programm ta’ Ħidma

1.   L-awditur Intern għandu jadotta kull sena l-programm ta’ ħidma, li jkun fih il-pjan ta’ verifika u l-pjan ta’ ġestjoni tar-riżorsi.

2.   L-awditur Intern għandu:

(a)

jwettaq valutazzjoni tar-riskju mill-inqas fuq bażi annwali, li tikkunsidra kwalunkwe riskju identifikat mill-maniġment u, fejn rilevanti, il-valutazzjoni indipendenti mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

jiżviluppa pjan tal-awditjar, allinjat mal-prijoritajiet tal-istrateġija tal-awditjar intern, li jindika l-impenji ppjanati għas-sentejn li ġejjin u jikkonsulta mad-Direttorati Ġenerali u s-Servizzi bl-għan li jipprovdi kopertura ottimali tal-awditjar u jinkludi kif xieraq kwalunkwe kompitu jew proġett speċjali mitlub mill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar, id-Diretturi Ġenerali, il-Kapijiet tas-Servizz u d-Diretturi tal-aġenziji eżekuttivi;

(c)

jippreżenta l-pjan tal-awditjar lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar għall-kunsiderazzjoni;

(d)

jadotta l-pjan ta’ verifika u jippreżentah lill-Kummissjoni;

(e)

jaġġorna l-pjan tal-awditjar kif meħtieġ biex jitqiesu riskji ġodda u/jew emerġenti li jista’ jkollhom impatt fuq l-organizzazzjoni, jew kwalunkwe talba mill-Kummissjoni biex twettaq awditi wara li tinforma lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar;

(f)

jiżgura koordinazzjoni tal-awditjar mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif xieraq.

3.   L-awditur Intern għandu:

(a)

jiżgura li l-programm ta’ ħidma jiġi implimentat kif xieraq;

(b)

jiżgura li l-awditi jitwettqu f’konformità mad-dokument tal-aspettattivi reċiproċi;

(c)

jiżgura li s-sejbiet jiġu vvalidati fil-pront u r-rakkomandazzjonijiet jiġu diskussi mal-entità awditjata, bil-pożizzjoni tal-parti awditjata riflessa fir-rapport finali, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil;

(d)

jiżgura li jkun hemm djalogu kontinwu mal-entità awditjata, biex jiżgura r-rilevanza tas-sejbiet u l-kwalità u l-fattibbiltà tar-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni li għandha tittieħed;

(e)

jikkomunika b’mod effettiv u f’waqtu r-riżultati tal-inkarigi ta’ aċċertament u mhux ta’ aċċertament lid-Diretturi Ġenerali, lill-Kapijiet tas-Servizz, lid-Diretturi tal-aġenziji eżekuttivi u lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar;

(f)

jistabbilixxi proċess ta’ segwitu għall-monitoraġġ li r-rakkomandazzjonijiet ikunu ġew implimentati u tinforma lill-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar kif xieraq, b’attenzjoni speċjali għar-rakkomandazzjonijiet li suppost saru u r-riskji relatati.

Artikolu 12

Standards internazzjonali tal-awditjar intern

1.   L-awditur intern għandu jiżgura l-konformità mal-Istandards Globali tal-Awditjar Intern u, għas-servizzi tal-aċċertament tiegħu, mar-Rekwiżiti Topiċi maħruġa mill-Istitut tal-Awdituri Interni, soġġett għall-paragrafu 3.

2.   L-awditur intern għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni esterna indipendenti tal-kwalità mill-inqas kull 5 snin.

3.   Ir-rekwiżiti li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni għandhom jieħdu preċedenza fuq l-Istandards Globali tal-Awditjar Intern u r-Rekwiżiti Topiċi.

Artikolu 13

L-aċċess għad-dokumenti

Ma għandu jingħata l-ebda aċċess għad-dokumenti li jkunu parti minn inkarigi ta’ awditjar intern, sakemm l-applikant ma jurix interess pubbliku prevalenti fl-għoti ta’ aċċess prevalenti fuq l-interessi protetti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj.

(2)  SEC(2000) 560 tal-11 ta’ April 2000 “Ir-Riforma tal-Ġestjoni u l-Kontroll Finanzjarju fil-Kummissjoni”.

(3)  Ilestu l-Istandards Globali tal-Awditjar Intern, kif ippubblikati mill-Istitut tal-Awdituri Interni.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2025/369 tal-21 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi r-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju li jissorvelja r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni (ĠU L, 2025/369, 25.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/369/oj).

(5)  Il-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni C(2018) 7705 final dwar ir-reviżjoni tal-arranġamenti amministrattivi dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju f’waqtu tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea P (2024) 6 tal-1 ta’ Diċembru 2024 dwar l-organizzazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-Membri tal-Kummissjoni.

(7)  Anness I “Prinċipji li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-Membri tal-Kummissjoni, il-kabinetti tagħhom u s-servizzi tal-Kummissjoni” tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea P (2024) 5 tal-1 ta’ Diċembru 2024 dwar il-metodi ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea.

(8)  SEC (2004) 1352/2 tas-26 ta’ Ottubru 2004 “Dokument sintetiku dwar il-politika li tikkonċerna l-uffiċjal taċ-ċivilji ta’ inkwadrar superjuri”, ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3080 tal-4 ta’ Diċembru 2024 li tistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni u li temenda d-Deċiżjoni C (2000) 3614, id-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea P (2024) 5 tal-1 ta’ Diċembru 2024 dwar il-metodi ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea.

(9)  Komunikazzjoni lill-Kummissjoni C(2020)1165 Aġġornament tal-Karta tal-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar tal-Kummissjoni Ewropea.

(10)  Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1962/31(1)/2024-01-01).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat- 13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom tat-2 ta’ Ġunju 1999 dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attivita` illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU L 149, 16.6.1999, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/396/oj).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 845 tal-5 ta’ Marzu 2002 dwar it-tqajjim ta’ tħassib dwar għemil ħażin serju.

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2570/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)