18.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1958

tat-13 ta’ Ottubru 2022

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 (1), f’ċirkostanzi li jeħtieġu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta lejn pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għal ftehim dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-“Ftehim”).

(3)

In-negozjati ġew konklużi b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha u lanqas mhi suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat u d-dikjarazzjoni mehmuża fir-rigward tal-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein tiġi approvata f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (3).

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi approvata f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni li ser ikollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

P. BLAŽEK


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(3)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


DIKJARAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IR-RENJU TAN-NORVEĠJA, IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA U L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa, u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq f’termini simili għal dawk tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.