Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
5 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 655/2014 – Proċedura ta’ ordni Ewropea għas-sekwestru kawtelatorju ta’ kontijiet bankarji – Artikolu 2(2)(c) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza f’pajjiż terz – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(3) – Obbligu li tiġi ssostanzjata t-talba intiża li tinkiseb informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji – Elementi rilevanti – Ċirkustanzi li jippermettu li jiġi konkluż b’mod ġenerali li jeżistu rabtiet ekonomiċi b’saħħithom bejn id-debitur u l-Istat Membru kkonċernat”
Fil-Kawża C‑716/24 [Ponner] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ottubru 2024, fil-proċedura
EJ
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen (Relatur), M. Condinanzi, u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u M. Wasmeier, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(c), moqri flimkien mal-premessa 8, kif ukoll tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2014, L 189, p. 59).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EJ, li għandha r-residenza tagħha fil-Ġermanja, u DX NV, kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Curaçao u li l-attività tagħha tikkonsisti fl-operat ta’ logħob tal-ażżard, dwar talbiet imressqa minn EJ intiżi, minn naħa, li tinkiseb informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji li EJ kienet taħseb li din il-kumpannija kellha f’Ċipru, bis-saħħa tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 655/2014, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jinkiseb is-sekwestru kawtelatorju tagħhom, bis-saħħa tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-imsemmija kumpannija kienet ġiet ikkundannata tirrimborsa t-telf imġarrab minn EJ fil-kuntest ta’ logħob tal-ażżard online.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 655/2014
3 Il-premessi 1, 5, 8 u 20 tar-Regolament Nru 655/2014 jiddikjaraw li:
“(1) L-Unjoni [Ewropea] stabbilixxiet għaliha nnifisha l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
[…]
(5) Il-proċeduri nazzjonali biex jinkisbu miżuri protettivi bħalma huma ordnijiet għall-preservazzjoni tal-kontijiet jeżistu fl-Istati Membri kollha, iżda l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali miżuri kif ukoll l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tagħhom ivarjaw b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, l-applikazzjoni għal miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tista’ tkun diffiċli f’każijiet li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari meta l-kreditur jipprova jippreserva diversi kontijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti. Għalhekk jidher li jkun meħtieġ u xieraq li jiġi adottat strument legali tal-Unjoni li jkun vinkolanti u applikabbli direttament li jistabbilixxi proċedura tal-Unjoni ġdida li tippermetti, f’każijiet transkonfinali, il-preservazzjoni b’mod effiċjenti u rapidu ta’ fondi miżmuma f’kontijiet bankarji.
[…]
(8) L-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-materji ċivili u kummerċjali kollha minbarra ċerti materji li huma definiti sew. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal pretensjonijiet kontra debitur fi proċedimenti ta’ insolvenza. Dan għandu jfisser li ma’ tista’ tinħareġ l-ebda Ordni tal-Preservazzjoni [ordni għal sekwestru kawtelatorju] kontra d-debitur ladarba proċedimenti ta’ insolvenza kif definiti fir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191)] jkunu nfetħu b’rabta miegħu. Min-naħa l-oħra, l-esklużjoni għandha tippermetti li l-Ordni tal-Preservazzjoni tintuża biex tiżgura l-irkupru ta’ pagamenti ta’ detriment magħmulin minn tali debitur lil partijiet terzi.
[…]
(20) Sabiex jingħelbu diffikultajiet prattiċi eżistenti biex tinkiseb l-informazzjoni dwar il-post fejn ikun jinsab il-kont bankarju tad-debitur f’kuntest transkonfinali, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti lill-kreditur jitlob li l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat il-kont tad-debitur tinkiseb mill-qorti, qabel ma tinħareġ Ordni ta’ Preservazzjoni, mill-awtorità tal-informazzjoni magħżula tal-Istat Membru li fih il-kreditur jemmen li d-debitur ikollu kont. […]
[…] Il-mekkaniżmu għandu japplika biss jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni u l-kreditur ikun issustanzja debitament fit-talba tiegħu għalfejn wieħed għandu jaħseb li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar fi Stat Membru speċifiku, pereżempju peress li d-debitur jaħdem jew ikollu attività professjonali f’dak l-Istat Membru jew ikollu proprjetà hemmhekk.”
4 L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprovdi li:
“1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura tal-Unjoni li tippermetti lil kreditur jikseb Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet (“Ordni tal-Preservazzjoni” jew “Ordni”) biex jiġi evitat ir-riskju li l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur tiġi pperikolata bit-trasferiment jew il-ġbid ta’ fondi sal-ammont speċifikat fl-Ordni li jinżammu mid-debitur jew f’ismu f’kont bankarju miżmum fi Stat Membru.
2. L-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tkun disponibbli għall-kreditur bħala alternattiva għall-miżuri ta’ preservazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.”
5 L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(c) tiegħu, li:
“Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
[…]
(c) pretensjonijiet kontra debitur li fil-konfront tiegħu jkunu infetħu proċedimenti ta’ falliment, proċedimenti għall-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, kompożizzjonijiet jew proċedimenti analogi;
[…]”
6 L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Il-qorti għandha toħroġ l-Ordni ta’ Preservazzjoni meta l-kreditur ikun ippreżenta evidenza suffiċjenti biex tissodisfaw il-qorti li hemm ħtieġa urġenti għal miżura protettiva fil-forma ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni għax hemm riskju reali li, mingħajr tali miżura, l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur ser tkun ostakolata jew issir sostanzjalment aktar diffiċli.”
7 L-Artikolu 14 tal-istess regolament, intitolat “Talba biex tinkiseb informazzjoni dwar kontijiet”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, li:
“1. Meta l-kreditur ikun kiseb fi Stat Membru sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku eżegwibbli li jeħtieġ li d-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur u l-kreditur ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat, iżda ma jkun jaf la l-isem u/jew lanqas l-indirizz tal-bank u lanqas l-IBAN, il-BIC jew numru bankarju ieħor li jippermetti li l-bank jiġi identifikat, huwa jista’ jitlob lill-qorti li sarilha ir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni biex titlob li l-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tikseb l-informazzjoni neċessarja biex til-bank jew banek u l-kont jew kontijiet tad-debitur ikunu jistgħu jiġu identifikati.
[…]
2. Il-kreditur għandu jagħmel it-talba msemmija fil-paragrafu 1 fir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni. Il-kreditur għandu jissustanzja r-raġunijiet għalfejn jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fl-Istat Membru speċifiku u għandu jagħti l-informazzjoni kollha rilevanti disponibbli għalih dwar id-debitur u l-kont jew il-kontijiet li għandhom ikunu preservati. Jekk il-qorti li quddiemha jkun tressaq ir-rikors għal Ordni ta’ Preservazzjoni tqis li t-talba tal-kreditur ma jkollhiex biżżejjed raġunijiet, hija għandha tiċħadha.
3. Meta l-qorti tkun sodisfatta li t-talba tal-kreditur ikollha biżżejjed raġunijiet u li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha għall-ħruġ tal-Ordni ta’ Preservazzjoni, […] il-qorti għandha tibgħat it-talba għall-informazzjoni lill-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni […]”
8 L-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 655/2014, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:
“1. Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma jiġux indirizzati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn isseħħ il-proċedura.
2. L-effetti tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fuq proċeduri ta’ eżekuzzjoni individwali, bħall-eżekuzzjoni ta’ Ordni tal-Preservazzjoni, għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru li fih ikunu nfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza.”
Ir-Regolament (UE) 2015/848
9 Il-premessa 5 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifiki fil-ĠU 2016, L 349, p. 9 u fil-ĠU L, 2026/90283), hija fformulata kif ġej:
“Biex is-suq intern jiffunzjona sew, hu neċessarju li jiġu evitati inċentivi għall-partijiet biex jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, bil-ħsieb li jiksbu pożizzjoni legali aktar favorevoli għad-detriment tal-korp ġenerali tal-kredituri (forum shopping).”
10 L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedimenti kollettivi pubbliċi, inklużi proċedimenti interim, li huma bbażati fuq liġijiet relatati mal-insolvenza […]
[…]
Il-proċedimenti msemmija f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness A.”
11 L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
(4) ‘proċedimenti ta’ insolvenza’ tfisser il-proċedimenti elenkati fl-Anness A;
[…]”
12 L-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Kwalunkwe sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3 għandu jkun rikonoxxut fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti.”
13 L-Artikolu 20 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Effetti ta’ għarfien”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Is-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha, mingħajr formalitajiet ulterjuri, tipproduċi l-istess effetti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor taħt il-liġi tal-Istat li jiftaħ il-proċedimenti, dment li dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor u sakemm ma jinfetħux proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) f’xi Stat Membru ieħor.”
14 Skont l-Artikolu 91 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Revoka”:
“Ir-[Regolament Nru 1346/2000] hu rrevokat.
Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi [għar‑Regolament 2015/848] […]”
Id‑dritt Ġermaniż
15 L-Artikolu 343 tal-Insolvenzordnung (il-Kodiċi tal-Insolvenza), tal‑5 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2866), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, intitolat “Rikonoxximent”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza barranija huwa rrikonoxxut. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax,
1. jekk il-qrati tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura ma jkollhomx ġurisdizzjoni skont id-dritt Ġermaniż;
2. jekk ir-rikonoxximent iwassal għal riżultat manifestament inkompatibbli mal-prinċipji essenzjali tad-dritt Ġermaniż, b’mod partikolari jekk ikun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali.”
Id-dritt ta’ Curaçao
16 L-Artikolu 29(1) tal-Faillissementsbesluit 1931 (id-Digriet dwar il-Falliment tal‑1931) jipprevedi li l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza għandu l-effett li kull eżekuzzjoni ġudizzjarja tieqaf immedjatament u li, minn dak il-mument, sentenza ma tkunx tista’ tiġi eżegwita permezz ta’ eżekuzzjoni forzata.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 DX hija kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Curaçao li l-attività tagħha tikkonsisti fl-operat tal-logħob tal-flus u tal-ażżard. EJ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandha r-residenza tagħha fil-Ġermanja. Din tal-aħħar kisbet mingħand il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) sentenza fil-kontumaċja definittiva u eżekuttiva li permezz tagħha DX ġiet ikkundannata tħallas ammont ta’ EUR 57 364, flimkien mal-ispejjeż u l-interessi, bħala rimbors tat-telf imġarrab minn EJ fil-kuntest ta’ logħob tal-ażżard online.
18 Permezz ta’ att tad‑29 ta’ Mejju 2024, EJ ressqet quddiem l-istess qorti talba, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 655/2014, intiża li tinkiseb informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji li, fil-fehma tagħha, DX kellha f’Ċipru, kif ukoll talba għal sekwestru kawtelatorju ta’ dawn il-kontijiet bankarji, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Insostenn tat-talbiet tagħha, EJ sostniet, l-ewwel nett, li hija kellha raġunijiet sabiex temmen li DX kellha kont wieħed jew iktar f’Ċipru, peress li l-imħatri kienu jiġu ttrasferiti lil din il-kumpannija permezz ta’ żewġ kumpanniji Ċiprijotti, u, it-tieni nett, li l-imsemmija kumpannija ma kellhiex assi li jistgħu jiġu ssekwestrati f’Curaçao, peress li, fil-fehma tagħha, din kienet kumpannija “kaxxa postali”.
19 Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2024, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) ċaħdet it-talba intiża li tinkiseb, mingħand l-awtoritajiet Ċiprijotti kompetenti, l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu identifikati l-bank jew il-banek u l-kont jew il-kontijiet bankarji li DX kellha magħhom. F’dan il-każ, din il-qorti qieset li l-intervent ta’ kumpanniji Ċiprijotti fit-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ fondi lejn il-kumpannija debitriċi ma kienx jikkostitwixxi indizju tal-fatt li din tal-aħħar kellha hija stess kont f’Ċipru. Fl-istess ħin, permezz ta’ ittra tal-istess jum, din il-qorti informat lil EJ li t-talba għal sekwestru kawtelatorju tal-kontijiet bankarji ta’ din il-kumpannija kellha tiġi miċħuda għar-raġuni, minn naħa, li ma kienet ġiet ippreżentata ebda prova sabiex jintwera li din tal-aħħar ma kellhiex assi li jistgħu jiġu ssekwestrati f’Curaçao u, min-naħa l-oħra, li ma kien ġie indikat ebda kont bankarju li jista’ jiġi ssekwestrat.
20 Fl‑20 ta’ Ġunju 2024, EJ ippreżentat appell immedjat kontra dan id-digriet quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, EJ issostni, qabelxejn, li, skont ir-reġistru tal-kummerċ ta’ Curaçao, fl‑10 ta’ Ġunju 2024 infetħet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ DX, u għalhekk issa jeżisti riskju li l-irkupru tal-kreditu tagħha jiġi ostakolat għal żmien twil jew isir kunsiderevolment iktar diffiċli, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 655/2014. Barra minn hekk, EJ tqis li l-ftuħ ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza għandu jiġi rrikonoxxut mid-dritt Ġermaniż. Sussegwentement, hija ssostni li, skont l-informazzjoni pprovduta minn uffiċjal ġudizzjarju ta’ Curaçao, l-operaturi tal-logħob tal-ażżard stabbiliti f’din il-gżira huma ġeneralment sempliċi kumpanniji “kaxxa postali” mingħajr assi li jistgħu jiġu ssekwestrati f’Curaçao. Fl-aħħar nett, EJ issostni li t-tmexxija ta’ DX hija żgurata minn kumpannija stabbilita f’Curaçao, li d-direttriċi tagħha hija wkoll id-direttriċi ta’ kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Ċipru.
21 Filwaqt li tfakkar li l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-krediti kontra debitur li fil-konfront tiegħu jkunu nbdew proċeduri ta’ stralċ ta’ impriżi jew ta’ persuni ġuridiċi insolventi oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din l-esklużjoni tfisser, fil-fehma tagħha, kif jirriżulta mill-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, li ebda ordni għal sekwestru kawtelatorju ma tista’ tinħareġ fil-konfront ta’ debitur meta jkunu nbdew proċeduri ta’ insolvenza kontrih, kif iddefiniti mir-Regolament Nru 1346/2000. F’dan ir-rigward, hija tqis li r-Regolament 2015/848, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1346/2000, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li jeżiġi li l-proċedura ta’ insolvenza tkun infetħet fi Stat Membru, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, peress li Curaçao jinsab fil-lista tal-pajjiżi u tat-territorji extra-Ewropej (iktar ’il quddiem il-“PTEE”) li tinsab fl-Anness II tat-Trattat FUE, suġġetti għall-arranġamenti għal assoċjazzjoni previsti fl-Artikoli 198 sa 204 TFUE, dan għandu jitqies bħala pajjiż terz, peress li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 355(2) TFUE, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-trattat.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-qorti tar-rinviju, huwa għalhekk id-dritt Ġermaniż dwar il-proċeduri ta’ insolvenza li japplika għall-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa f’Curaçao. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont l-Artikolu 343(1) tal-Kodiċi tal-Insolvenza, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza barranija huwa rrikonoxxut fid-dritt Ġermaniż, bil-kundizzjoni, madankollu, li din il-proċedura tissodisfa, essenzjalment, l-istess għanijiet bħal proċedura ta’ insolvenza fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż. F’dan il-każ, din il-qorti tqis li l-proċedura ta’ insolvenza prevista mid-dritt ta’ Curaçao tissodisfa dan ir-rekwiżit.
23 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-każ fejn id-debitur ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 jew, għall-kuntrarju, li jista’ japplika għal tali każ.
24 Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li r-riferiment għar-Regolament Nru 1346/2000, li ġie ssostitwit bir-Regolament 2015/848, li jinsab fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 655/2014, huwa argument favur l-esklużjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa f’pajjiżi terzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.
25 Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 655/2014 jirreferi għad-dritt tal-Istat Membru li fih tiżvolġi l-proċedura sabiex jirregola kull kwistjoni proċedurali mhux irregolata espressament minn dan ir-regolament jimmilita favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014 fil-każ fejn id-debitur ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa f’pajjiż terz, meta din tkun irrikonoxxuta mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.
26 It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-oneru tal-prova impost fuq il-kreditur sabiex isostni talba, imressqa skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 655/2014, intiża li tinkiseb informazzjoni dwar il-post fejn jinsabu l-kont jew il-kontijiet bankarji miżmuma mid-debitur f’kuntest transkonfinali. Fil-fatt, hija tqis li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, relatati mal-ħruġ ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju, jistgħu jitqiesu li huma ssodisfatti f’dan il-każ, b’tali mod li jibqa’ biss li jiġi vverifikat jekk din it-talba tal-kreditur tistax titqies li “ikollha biżżejjed raġunijiet”, fis-sens ta’ dan il-paragrafu.
27 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-twettiq ta’ pagamenti permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament attiv fi Stat Membru partikolari jew li s-sede tiegħu tkun tinsab fih jikkostitwixxix, fih innifsu, indizju suffiċjenti li d-debitur għandu kont wieħed jew iktar ma’ bank fl-imsemmi Stat Membru, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 655/2014. Jekk dan ma jkunx il-każ, hija tistaqsi liema indizji addizzjonali jistgħu jintużaw sabiex isostnu tali evalwazzjoni. Hija tqis li l-portata tal-oneru tal-prova impost fuq il-kreditur f’dan ir-rigward bis-saħħa tar-Regolament Nru 655/2014 ma hijiex ċara, peress li l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 20 tiegħu, jimponi fuq il-kreditur l-obbligu li jiġġustifika b’mod konklużiv ir-raġunijiet għalfejn huwa jaħseb li d-debitur għandu kont wieħed jew iktar ma’ bank fi Stat Membru partikolari, minkejja li tali talba għandha preċiżament l-għan li tinkiseb, mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru partikolari, informazzjoni dwar il-post fejn jinsabu l-kontijiet bankarji tad-debitur.
28 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li DX għandha rabtiet ekonomiċi mill-qrib ma’ Ċipru li huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw b’mod konklużiv it-talba għal informazzjoni, peress li, skont is-sit internet ta’ din il-kumpannija, hija topera, permezz ta’ fergħa Ċiprijotta, kumpannija stabbilita f’Ċipru, li hija tuża bħala aġenzija lokali. Skont dan is-sit, il-fornitur Ċiprijott ta’ servizzi ta’ pagament li allegatament intervjena fit-trasferiment tal-imħatri ta’ EJ lil DX jagħmel ukoll parti minn DX Group, li DX hija l-kumpannija omm tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li d-direttriċi ġenerali ta’ DX hija wkoll id-direttriċi ġenerali ta’ kumpannija li s-sede tagħha tinsab f’Ċipru għandu jimmilita favur ir-rikonoxximent ta’ rabta ekonomika mill-qrib bejn DX u Ċipru.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 2(c) tar-Regolament [Nru 655/2014], moqri flimkien mal-premessa 8 tar-Regolament Nru 655/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza li ma taqax taħt ir-Regolament [2015/848], iżda tiżvolġi fi Stat terz, jipprekludi l-ħruġ ta’ ordni ta’ preżervazzjoni ta’ kontijiet bankarji skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 655/2014 jew it-trażmissjoni ta’ talba għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji fis-sens tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 655/2014, jekk id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ ta’ ordni ta’ preżervazzjoni jirrikonoxxi l-proċedura ta’ insolvenza fl-Istat terz ikkonċernat?
2) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 655/2014, jiġifieri l-fatt li l-kreditur għandu jindika ‘raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat’ u li t-talba tal-kreditur għandu ‘ikollha biżżejjed raġunijiet’, għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li ma jindikawx konkretament l-eżistenza ta’ kont bankarju fl-Istat Membru kkonċernat, iżda li ġeneralment jimplikaw rabtiet ekonomiċi sodi tad-debitur mal-Istat Membru kkonċernat, bħal pereżempju ħlasijiet mid-debitur permezz ta’ fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li għandu s-sede tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat, liema fornitur ikun kumpannija sussidjarja tad-debitur, jew l-eżistenza ta’ aġenzija jew ta’ fergħa tad-debitur li għandha s-sede f’dan l-Istat Membru?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
30 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 8 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-krediti kontra debitur li fil-konfront tiegħu tkun inbdiet proċedura ta’ insolvenza f’pajjiż terz, b’tali mod li jeskludi l-ħruġ ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju skont l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament u t-trażmissjoni ta’ talba għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 14(3) tal-istess regolament, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti sabiex joħroġ din l-ordni jirrikonoxxi din il-proċedura ta’ insolvenza.
31 Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li DX hija stabbilita f’Curaçao, li jagħmel parti mill-PTEE elenkati fl-Anness II tat-Trattat FUE, suġġetti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 355(2) TFUE, għall-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-raba’ parti ta’ dan it-trattat, jiġifieri fl-Artikoli 198 sa 204 TFUE. L-eżistenza tal-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-PTEE għandha bħala konsegwenza li d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-imsemmi Trattat, jiġifieri dawk li ma jinsabux fir-raba’ parti tiegħu, ma humiex applikabbli għall-PTEE mingħajr riferiment espress (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, TDC, C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Ir-regoli u l-proċeduri relatati ma’ dawn l-arranġamenti speċjali huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 tal‑5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inkluż ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni extra-Ewropea, inkluż Greenland) (ĠU 2021, L 355, p. 6).
33 Issa, la t-Trattati u lanqas id-Deċiżjoni 2021/1764 ma jipprevedu li r-Regolament Nru 655/2014 jew ir-Regolament 2015/848, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1346/2000, imsemmi fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 655/2014, jew l-Artikolu 81 TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ dawn ir-regolamenti, japplikaw għall-PTEE. Minn dan jirriżulta li l-proċeduri ta’ insolvenza mibdija f’Curaçao għandhom jitqiesu bħala proċeduri ta’ insolvenza mibdija f’pajjiż terz għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ regolamenti.
34 Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu biss inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑8 ta’ Mejju 2025, Pielatak, C‑410/23, EU:C:2025:325, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
35 Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jirriżulta li huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-krediti kontra debitur li fil-konfront tiegħu jkunu nbdew proċeduri ta’ falliment, proċeduri ta’ stralċ ta’ impriżi jew ta’ persuni ġuridiċi insolventi oħra, proċeduri ta’ ftehim mal-kredituri jew proċeduri analogi oħra. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, li tirrigwarda tipi differenti ta’ proċeduri ta’ insolvenza li jistgħu jinbdew fil-konfront ta’ debitur inadempjenti jew insolventi, ma tispeċifikax espressament jekk l-esklużjoni hekk prevista tapplikax meta tali proċedura tinbeda f’pajjiż terz.
36 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li minnu jagħmel parti l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li l-premessa 8 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li dan tal-aħħar ma għandux japplika għall-krediti kontra debitur fi proċeduri ta’ insolvenza u li dan għandu jfisser li ebda ordni għal sekwestru kawtelatorju ma tista’ tinħareġ fil-konfront tad-debitur ladarba jkunu nbdew proċeduri ta’ insolvenza kontrih “kif definiti fir-Regolament [Nru 1346/2000]”. Għalhekk, din il-premessa tirreferi espliċitament biss għall-proċeduri ta’ insolvenza li ġew iddefiniti minn dan ir-regolament tal-aħħar, li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament 2015/848.
37 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-lista tal-proċeduri msemmija f’dan il-paragrafu, li għalihom japplika dan ir-regolament, tinsab fl-Anness A tiegħu. Barra minn hekk, il-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l- “proċedimenti ta' insolvenza”, għall-finijiet tiegħu, bħala “il-proċedimenti elenkati fl-Anness A [tiegħu]”. Issa, dan l-anness jelenka, għal kull Stat Membru biss, il-proċeduri ta’ insolvenza msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni.
38 Għaldaqstant, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li proċedura ta’ insolvenza mibdija f’pajjiż terz, anki meta tkun irrikonoxxuta mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848.
39 Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 655/2014 jirriżulta li dan ir-regolament jikkontribwixxi għall-għan tal-Unjoni li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, u li, bil-għan li jiġi stabbilit progressivament dan l-ispazju, l-Unjoni għandha tadotta miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari meta dan ikun neċessarju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
40 Huwa għal dan l-għan li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jistabbilixxi proċedura “fil-livell tal-Unjoni” li tippermetti lil kreditur jikseb ordni Ewropea għas-sekwestru kawtelatorju ta’ kontijiet bankarji, bħala alternattiva għall-miżuri kawtelatorji previsti mid-dritt nazzjonali, li tipprekludi li l-irkupru sussegwenti tal-kreditu tiegħu jitqiegħed f’perikolu minħabba t-trasferiment jew l-irtirar ta’ fondi, sal-ammont speċifikat fl-ordni, miżmuma mid-debitur jew f’isem id-debitur f’kont bankarju miftuħ fi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-kontijiet), C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 31).
41 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 655/2014, dan ir-regolament jiżgura li jipprevedi dispożizzjonijiet vinkolanti u direttament applikabbli li jistabbilixxu “proċedura Ewropea uniformi” għas-sekwestru kawtelatorju ta’ kontijiet bankarji li tippermetti, f’tilwim transkonfinali, li jitwettaq b’mod effikaċi u rapidu s-sekwestru kawtelatorju ta’ fondi miżmuma f’kontijiet bankarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-kontijiet), C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 32, u tal‑21 ta’ Mejju 2026, Mr Green, C‑198/24, EU:C:2026:415, punt 47). Dan ir-rekwiżit ta’ uniformità huwa fil-qalba tal-istruttura tar-Regolament Nru 655/2014.
42 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 655/2014 u r-Regolament 2015/848 huma bbażati, skont l-Artikolu 67(4) TFUE, fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 40), li ma japplikawx, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa, għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.
43 Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat ukoll, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014 ma jeskludix kull ħruġ ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju b’rabta ma’ proċedura ta’ insolvenza.
44 Fil-fatt, għandu jiġi osservat b’mod partikolari li s-sitwazzjonijiet li fihom tkun inħarġet ordni għal sekwestru kawtelatorju qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tad-debitur ma humiex koperti minn din id-dispożizzjoni u huma koperti mir-Regolament Nru 655/2014. Issa, f’dawn is-sitwazzjonijiet, l-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li huwa d-dritt tal-Istat Membru li fih tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza li għandu jiddetermina l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq l-azzjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni, bħall-eżekuzzjoni ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju. Madankollu, mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru u, konsegwentement, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 655/2014 ma jipprevedix regoli speċifiċi fil-każ fejn ordni għal sekwestru kawtelatorju tkun inħarġet qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza f’pajjiż terz, li jikkorrobora l-analiżi li l-Artikolu 2(2)(c) ta’ dan ir-regolament ma jirrigwardax tali proċedura.
45 Barra minn hekk, l-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 655/2014 jipprovdi li kull kwistjoni proċedurali mhux espressament irregolata minn dan ir-regolament hija rregolata mid-dritt tal-Istat Membru li fih tiżvolġi l-proċedura għas-sekwestru kawtelatorju tal-kontijiet bankarji.
46 Madankollu, din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u hija wkoll irrilevanti għall-kwistjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, bħal dak tar-rikonoxximent ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa f’pajjiż terz.
47 Konsegwentement, mill-kuntest tal-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fl-Istati Membri, u mhux għall-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa f’pajjiż terz, anki jekk dawn ikunu rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih titressaq it-talba għal sekwestru kawtelatorju jew it-talba għal informazzjoni, skont, rispettivament, l-Artikoli 7 u 14 ta’ dan ir-regolament.
48 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikonoxximent, minn Stat Membru, ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa f’pajjiż terz ma jistax jikkostitwixxi ostakolu sabiex dan l-Istat ikun jista’ joħroġ ordni għal sekwestru kawtelatorju skont ir-Regolament Nru 655/2014.
49 Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014.
50 Fil-fatt, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 655/2014, moqrija fid-dawl tal-premessa 8 tiegħu, hija intiża li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi evitat li ordni għal sekwestru kawtelatorju tinterferixxi mal-iżvolġiment tajjeb ta’ proċedura ta’ insolvenza, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-ħruġ ta’ tali ordni, fir-rigward ta’ kreditu kontra debitur li fil-konfront tiegħu tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848, jista’ jirriskja li jinterferixxi mal-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura u, għaldaqstant, li jippreġudika l-effett utli ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.
51 Għalhekk, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2015/848, kull sentenza li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha hekk kif tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedura. Din ir-regola timplika li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra għandhom jirrikonoxxu d-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza mingħajr ma jkunu jistgħu jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-proċeduri ta’ insolvenza mibdija f’pajjiż terz, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu trasposti meta d-debitur ikun is-suġġett ta’ tali proċedura. Għalhekk, l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014 ma għandux l-għan li jiżgura l-iżvolġiment tajjeb ta’ proċedura ta’ insolvenza mibdija f’pajjiż terz.
53 Barra minn hekk, ir-riferiment, li jinsab fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 655/2014, għall-proċeduri ta’ insolvenza, kif iddefiniti mir-Regolament 2015/848, jiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 655/2014 fl-Istati Membri kollha, billi tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu skont jekk il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza f’pajjiż terz ikunx irrikonoxxut jew le fid-diversi Stati Membri. Interpretazzjoni differenti minn dik imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza jkollha l-konsegwenza li tippermetti li jinkiseb il-ħruġ ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju bis-saħħa ta’ dan ir-regolament fi Stat Membru li ma jipprevedix ir-rikonoxximent ta’ tali proċedura miftuħa f’pajjiż terz, iżda mhux fi Stat Membru li jipprevedi tali rikonoxximent.
54 Għalhekk, tali applikazzjoni uniformi ma tistax tiġi żgurata jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 655/2014 kellu jiddependi mill-pożizzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent tal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa f’pajjiżi terzi. Fil-fatt, b’differenza mill-proċeduri miftuħa fi Stat Membru, li huma rrikonoxxuti ipso jure fl-Unjoni kollha bis-saħħa tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament 2015/848, ir-rikonoxximent ta’ proċedura miftuħa f’pajjiż terz huwa rregolat esklużivament mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Jekk l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014 tkun tiddependi fuq dan ir-rikonoxximent, ikun hemm ir-riskju li ordni għal sekwestru kawtelatorju tkun tista’ tinħareġ fi Stat Membru u tiġi rrifjutata fi Stat Membru ieħor, għall-istess kreditu u fil-konfront tal-istess debitur, skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini.
55 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 655/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 8 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-krediti kontra debitur li fil-konfront tiegħu tkun inbdiet proċedura ta’ insolvenza f’pajjiż terz, b’tali mod li jeskludi l-ħruġ ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament u t-trażmissjoni ta’ talba għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 14(3) tal-istess regolament, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti sabiex joħroġ din l-ordni jirrikonoxxi din il-proċedura ta’ insolvenza.
Fuq it-tieni domanda
56 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 655/2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kreditur “ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat” u jekk it-talba tal-kreditur “ikollha biżżejjed raġunijiet”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li, mingħajr ma jindikaw konkretament l-eżistenza ta’ kont bankarju fl-Istat Membru kkonċernat, jippermettu madankollu li tintwera l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi stabbiliti bejn id-debitur u dan l-Istat Membru.
57 Għandu jitfakkar li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 655/2014 jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti lill-kreditur jitlob li l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi identifikat il-kont tad-debitur tinkiseb mill-qorti, qabel il-ħruġ tal-ordni għal sekwestru kawtelatorju, mingħand l-awtorità inkarigata mill-kisba ta’ informazzjoni tal-Istat Membru li fih il-kreditur jemmen li d-debitur għandu kont.
58 Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 655/2014, meta l-kreditur ikun kiseb, fi Stat Membru, deċiżjoni, tranżazzjoni ġudizzjarja jew att awtentiku eżekuttiv li jeżiġi li d-debitur iħallas il-kreditu tiegħu u l-kreditur ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew iktar ma’ bank fi Stat Membru ddeterminat, iżda ma jkunx jaf l-isem u/jew l-indirizz tal-bank, u lanqas il-kodiċi IBAN, BIC jew numru bankarju ieħor li jippermetti li jiġi identifikat il-bank, huwa jista’ jitlob lill-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba għal ordni għal sekwestru kawtelatorju sabiex titlob lill-awtorità inkarigata mill-kisba ta’ informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-bank jew il-banek u l-kont jew il-kontijiet tad-debitur.
59 Bis-saħħa tal-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, jekk il-qorti kompetenti tasal għall-konklużjoni li t-talba tal-kreditur “ikollha biżżejjed raġunijiet” u li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti l-oħra previsti għall-ħruġ tal-ordni għal sekwestru kawtelatorju jkunu ssodisfatti, hija tibgħat it-talba għal informazzjoni lill-awtorità kompetenti inkarigata mill-kisba ta’ informazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
60 F’dan il-każ, kif huwa indikat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li, bis-saħħa tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 655/2014, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha huma ssodisfatti għall-adozzjoni ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju ta’ kontijiet bankarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif għandhom jinftiehmu l-espressjonijiet “ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat” u “ikollha biżżejjed raġunijiet”, li jinsabu, rispettivament, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 655/2014.
61 F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza diġà jirriżulta li dawn ma jimponux fuq il-kreditur l-obbligu li jibbaża t-talba tiegħu fuq ċirkustanzi speċifiċi, iżda, min-naħa l-oħra, jimponu fuqu l-obbligu li jissostanzja din it-talba b’mod suffiċjenti billi jindika r-raġunijiet li jippermettu li wieħed jaħseb li d-debitur għandu kont bankarju fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
62 Din l-analiżi hija sostnuta mit-tieni subparagrafu tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 655/2014, li jippreċiża li l-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament għandu japplika biss jekk il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha previsti għall-ħruġ tal-ordni għal sekwestru kawtelatorju jkunu ssodisfatti u jekk il-kreditur ikun “issustanzja debitament” fit-talba tiegħu r-raġunijiet li jwasslu sabiex wieħed jaħseb li d-debitur għandu kont wieħed jew iktar fi Stat Membru ddeterminat. Din il-premessa tipprovdi wkoll eżempji ta’ raġunijiet li jistgħu jitressqu mill-kreditur f’dan ir-rigward, bħall-fatt li d-debitur ikun jaħdem jew jeżerċita attività professjonali f’dan l-Istat Membru jew li jkollu beni hemmhekk. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li din il-lista hija biss indikattiva.
63 F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi b’saħħithom bejn id-debitur u Stat Membru ddeterminat, li tirriżulta mill-preżenza, f’dan l-Istat Membru, tas-sede ta’ fornitur ta’ servizzi li permezz tiegħu l-kreditur ikun għamel pagamenti lid-debitur u li jkun ukoll sussidjarja tad-debitur, jew mill-eżistenza ta’ aġenzija jew ta’ fergħa tad-debitur f’dan l-istess Stat Membru, tista’ tagħti x’tifhem li dan id-debitur għandu kont bankarju wieħed jew iktar fl-imsemmi Stat Membru.
64 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 655/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kreditur “ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat” u jekk it-talba mressqa mill-kreditur, intiża li tinkiseb informazzjoni dwar il-kontijiet inkwistjoni, “ikollha biżżejjed raġunijiet”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li, mingħajr ma jindikaw konkretament l-eżistenza ta’ kont bankarju fl-Istat Membru kkonċernat, jippermettu madankollu li tintwera l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi stabbiliti bejn id-debitur u dan l-Istat Membru.
Fuq l-ispejjeż
65 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali, moqri fid-dawl tal-premessa 8 tiegħu,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-krediti kontra debitur li fil-konfront tiegħu tkun inbdiet proċedura ta’ insolvenza f’pajjiż terz, b’tali mod li jeskludi l-ħruġ ta’ ordni għal sekwestru kawtelatorju skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament u t-trażmissjoni ta’ talba għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 14(3) tal-istess regolament, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti sabiex joħroġ din l-ordni jirrikonoxxi din il-proċedura ta’ insolvenza.
2) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 655/2014
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kreditur “ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat” u jekk it-talba mressqa mill-kreditur, intiża li tinkiseb informazzjoni dwar il-kontijiet inkwistjoni, “ikollha biżżejjed raġunijiet”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li, mingħajr ma jindikaw konkretament l-eżistenza ta’ kont bankarju fl-Istat Membru kkonċernat, jippermettu madankollu li tintwera l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi stabbiliti bejn id-debitur u dan l-Istat Membru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.