Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Id-domandi preliminari li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża kienu tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn, C. Amédée u l-ministre de la Justice et des Libertés (iktar ’il quddiem il-“Ministru tal-Ġustizzja”) kif ukoll il-ministre du Budget, des Comptes publics, de la Fonction publique et de la Réforme de l’État (iktar ’il quddiem il-“Ministru tal-Finanzi”) tar-Repubblika Franċiża, fuq il-legalità tas-sentenza li kienet akkordatlu pensjoni ta’ rtirar bħala ex impjegat fiċ-ċivil.
2. C. Amédée lmenta mal-awtoritajiet Franċiżi talli kienu kkaġunawlu danni meta ċaħħduh, bħala impjegat fiċ-ċivil maskili, minn bonus mogħti lill-ġenituri li jinvestu fl-edukazzjoni ta’ wliedhom li għalih l-impjegati fiċ-ċivil femminili għandhom aċċess iktar faċli, fil-fehma tiegħu, minħabba l-leave tal-maternità ta’ xahrejn li minnu huma biss jibbenefikaw b’mod awtomatiku u li jitħallsu għalih. Huwa jqis bħala inkompatibbli mad-dritt Komunitarju l-kundizzjoni imposta mil-liġi għall-għoti tal-imsemmi bonus li tirrikjedi interruzzjoni tal-attività tax-xogħol ta’ mhux inqas minn xahrejn konsekuttivi, minħabba li dak ir-rekwiżit jista’ fil-fatt iwassal għal diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema maskili.
3. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal administratif de Saint‑Denis de la Réunion (Franza), li kienet is-suġġett ta’ rikors ta’ appell, tirrigwarda l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 157 TFUE (2), kif ukoll tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim dwar il-Politika Soċjali (3), u tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (4) .
4. Madankollu, nirrileva mill-bidu nett li, fid-dawl tal-fatt li C. Amédée kien ħa l-pensjoni fit-22 ta’ Diċembru 2003, id-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom id-domandi magħmula f’din il-kawża għandhom jiġu eżaminati, fir-realtà huma dawk li kienu applikabbli għal dan is-suġġett f’dik id-data, jiġifieri l-Artikolu 141 KE (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali (6), kif emendata bid-Direttiva 96/97/KE (7) .
5. Niċċara li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi, fis-sentenza Griesmar (8), fuq l-iskema Franċiża ta’ rtirar tal-impjegati fiċ-ċivil, u b’mod partikolari fuq dispożizzjoni dwar bonus ekwivalenti għal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, imma dan, f’formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni preċedenti għall-emenda li kienet ġiet introdotta mil-leġiżlatur Franċiż fl-2003, speċifikament bl-iskop li jirrimedja għan-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt Komunitarju li kien ġie rrilevat mill-imsemmija sentenza (9) . Għalhekk il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija differenti minn dik li tat lok għal din is-sentenza preċedenti għaliex f’dak iż-żmien, il-fatt waħdu li tkun omm bijoloġika kien biżżejjed sabiex impjegata fiċ-ċivil tibbenefika minn dan il-benefiċċju, filwaqt li ma kien bl-ebda mod permess li impjegat fiċ-ċivil maskili li jassumi l-edukazzjoni ta’ wliedu jitlob il-bonus kontenzjuż.
6. Barra minn hekk, nosserva li dan ir-rinviju preliminari jidher li għandu importanza partikolari, għaliex mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn C. Amédée jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha madwar ħamsin rikors simili għal din il-kawża u li hija għażlet lil din tal-aħħar sabiex tittratta bħala “grupp” il-kawżi kollha li huma pendenti quddiemha.
II – Il-kuntest ġuridiku
7. Id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li huma rilevanti f’dan il-każ huma dawk tal-Kodiċi Franċiż tal-pensjonijiet ċivili u militari ta’ rtirar (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-pensjonijiet”), kif emendati bil-Liġi Nru 2003‑775, tal-21 ta’ Awwissu 2003, li tirriforma l-pensjonijiet (10) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2003‑775”).
8. L-Artikolu 48(I) ta’ din il-liġi, li jinsab fit-Titolu III, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-iskemi tas-servizz pubbliku”, emenda l-Artikolu L. 12(b) tal-Kodiċi tal-pensjonijiet f’dawn it-termini:
“Mas-servizzi effettivi għandhom jiżdiedu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn digriet tal-Conseil d’État, il-benefiċċji li ġejjin: [...]
b) Għal kull wieħed minn uliedhom leġittimi u kull wieħed minn uliedhom naturali mwielda qabel l-1 ta’ Jannar 2004, għal kull wieħed minn uliedhom li jkun ġie adottat qabel l-1 ta’ Jannar 2004 u, bil-kundizzjoni li jkunu trabbew għal talinqas disa’ snin qabel għeluq il-wieħed u għoxrin sena tagħhom, għal kull wieħed mill-ulied l-oħra elenkati fl-Artikolu L. 18(II) li l-kura tagħhom tkun inbdiet qabel l-1 ta’ Jannar 2004, l-impjegati fis-servizz ċivili u dak militari għandhom jibbenefikaw minn bonus fiss għal sena, li jiżdied mas-servizzi effettivi, bil-kundizzjoni li huma jinterrompu l-attività tagħhom taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn digriet tal-Conseil d’État”.
9. L-Artikolu 48(I) tal-Liġi Nru 2003‑775 żied ukoll fil-Kodiċi tal-pensjonijiet l-Artikolu L. 12(b)(A) li jipprovdi li “[i]l-bonus stabbilit fis-subparagrafu (b) għandu jitħallas lill-impjegati fiċ-ċivil u fil-militar nisa li jkunu welldu tfal matul is-snin ta’ studju tagħhom, qabel ma jkunu ġew reklutati fis-servizz pubbliku, meta dan ir-reklutaġġ ikun seħħ fi żmien sentejn wara li jkunu kisbu d-diploma neċessarja sabiex setgħu jikkonkorru għall-impjieg tagħhom, mingħajr ma tkun tista’tiġi imposta fuqhom kundizzjoni ta’ interruzzjoni tal-attività”.
10. L-Artikolu 48(II) tal-Liġi Nru 2003‑775 jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 12(b) tal-Kodiċi tal-pensjonijiet [...] riżultanti mir-redazzjoni tas-subartikolu I(2) għandhom japplikaw għall-pensjonijiet li jitħallsu b’effett mit-28 ta’ Mejju 2003”.
11. L-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 2003‑1305, tas-26 ta’ Diċembru 2003 (11) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2003‑1305”), introduċa Artikolu R. 13 ġdid fil-Kodiċi tal-pensjonijiet, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom impjegat fis-servizz ċivili jista’ jibbenefika mill-bonus stabbilit fl-Artikolu L. 12(b) ġdid tal-istess Kodiċi, kif ġej:
“Il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 12(b) huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-impjegat jieqaf mix-xogħol għal perijodu ta’ mhux inqas minn xahrejn kontinwi fil-kuntest ta’ leave tal-maternità, leave minħabba adozzjoni, leave tal-ġenituri jew leave minħabba preżenza tal-ġenitur [...], jew ta’ disponibbiltà sabiex jitrabba wild ta’ inqas minn tmien snin [...]”.
III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
12. C. Amédée, ex impjegat fiċ-ċivil, ingħata l-pensjoni antiċipata b’sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri wara t-28 ta’ Mejju 2003, data ta’ skadenza prevista mid-dispożizzjoni tal-liġi tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 48(II) tal-Liġi Nru 2003‑775. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-pensjonijiet kif emendati bl-imsemmija liġi huma għalhekk applikabbli għas-sitwazzjoni tiegħu.
13. Il-persuna kkonċernata talbet li tkun tista’ tibbenefika mill-bonus għall-ulied stabbilit fl-Artikolu L. 12(b) tal-Kodiċi tal-pensjonijiet. Dan il-bonus inċaħadlu għaliex huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati bl-Artikolu R. 13 ta’ dak il-Kodiċi.
14. Fil-kuntest tal-ewwel proċedura, C. Amédée ppreżenta rikors quddiem it-tribunal administratif de Saint‑Denis de la Réunion għall-annullament tad-deċiżjoni li kienet ċaħditlu dak il-benefiċċju. Dan ir-rikors kien inċaħad b’deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2005, li kienet ġiet ikkonfermata mill-Conseil d’État tal-Istat b’sentenza tat-22 ta’ Awwissu 2007.
15. Fit-23 ta’ Mejju 2009, C. Amédée ppreżenta rikors ġdid quddiem it-tribunal administratif de Saint‑Denis de la Réunion, fejn talab li l-Istat Franċiż jiġi kkundannat iħallas id-danni li huwa kien sofra minħabba n-nuqqas ta’ legalità tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 2003‑775 imsemmijin iktar ’il fuq u ta’ dawk tad-digriet ta’ applikazzjoni tagħha msemmijin iktar ’il fuq, kif ukoll minħabba l-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-imsemmi tribunal u tal-Conseil d’État, peress li dawn kienu vvizzjati minn ksur manifest tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għandhom l-iskop li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi.
16. Skont C. Amédée, il-kundizzjoni tal-interruzzjoni tax-xogħol introdotta bil-Liġi Nru 2003‑775 tammonta għal diskriminazzjoni indiretta kontra l-irġiel liema diskriminazzjoni hija pprojbita. Huwa jargumenta li l-impjegati fiċ-ċivil femminili jissodisfaw sistematikament din il-kundizzjoni minħabba n-natura awtomatika, obbligatorja, u mħallsa tal-leave tal-maternità li huma jibbenefikaw minnu, filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-impjegati fiċ-ċivil maskili huma mċaħħda minn dan il-bonus minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali li tippermettilhom li jinterrompu l-attività tagħhom taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-leave tal-maternità.
17. F’dan il-kuntest, b’deċiżjoni mogħtija fil-25 ta’ Novembru 2010, it-tribunal administratif de Saint‑Denis de la Réunion iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Is-sistema implementata permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.12(b) tal-Kodiċi tal-pensjonijiet [...], kif emendati bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48 tal-Liġi tal-21 ta’ Awwissu 2003, u bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu R.13 tal-istess kodiċi, kif emendati bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Digriet tas-26 ta’ Diċembru 2003, tista’ titqies li twettaq diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 157 [TFUE, ex Artikolu 141 KE) (12), għall-ġenituri ta’ wlied bijoloġiċi fir-rigward tal-proporzjoni tal-irġiel eliġibbli sabiex jissodisfaw il-kundizzjoni marbuta mal-interruzzjoni tal-attività tax-xogħol tagħhom għal tul kontinwu ta’ mhux inqas minn xahrejn, u dan b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ qafas legali li jippermettilhom jissottoskrivu ruħhom għal din il-kundizzjoni fil-kuntest ta’ leave remunerat?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-diskriminazzjoni indiretta hekk implementata tista’ tiġi leġittimata permezz tal-provvedimenti tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 6 tal-ftehim anness mal-Protokoll Nru 14 fuq il-politika soċjali?
3) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 79/7 [...] jostakolaw iż-żamma tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 12(b) u R. 13 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet [...]?
4) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u [ta’] risposta fin-negattiv għat-tieni u t-tielet domandi, it-tqegħid inkwistjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija artikoli għandu jkun limitat biss għad-diskriminazzjoni li huma jimplikaw jew ikun ifisser li hemm impossibbiltà għall-uffiċjali taż-żewġ sessi li jitolbu dan il-benefiċċju?”
18. Skont ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2011, il-qorti tar-rinviju informat lil din tal-aħħar li kien ġie ppreżentat rikors fil-15 ta’ Frar 2011, quddiem il-cour administrative d’appel de Bordeaux (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Bordeaux), mill-Ministru tal-Ġustizzja, kontra d-deċiżjoni mogħtija fil-25 ta’ Novembru 2010 mit-tribunal administratif de Saint‑Denis de La Réunion. L-imsemmija Qorti Amministrattiva tal-Appell bagħtet nota lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ġunju 2011 li permezz tagħha l-Ministru tal-Finanzi wkoll talab l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, għal motivi identiċi. Fis-6 ta’ Lulju 2011, hija informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li C. Amédée kien ippreżenta appell inċidentali, bil-għan b’mod partikolari li tiġi annullata d-deċiżjoni li ressqet id-domandi preliminari u biex jiġu emendati d-domandi li saru taħtha. B’ittra tat-8 ta’ Novembru 2011, dik l-istess qorti indikat li kienet ser iżżomm seduta fil-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-kawża prinċipali.
19. Fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, osservazzjonijiet bil-miktub u orali ġew ippreżentati minn C. Amédée, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea.
IV – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Fuq il-provi
20. Jidher li C. Amédée la jsostni li interrompa xogħlu, u lanqas li rriduċa l-ħinijiet ta’ xogħlu sabiex ikun jista’ jassumi l-edukazzjoni ta’ wliedu u, minħabba f’hekk, li kien ġie espost għal żvantaġġi fil-karriera tiegħu. Huwa jallega biss li seħħet diskriminazzjoni kontrih minħabba s-sess tiegħu sa fejn l-impjegati fiċ-ċivil femminili li jkunu interrompew xogħlhom minħabba leave tal-maternità tagħhom għal mhux inqas minn xahrejn kontinwi jibbenefikaw awtomatikament mill-bonus inkwistjoni kuntrarjament għall-impjegati fiċ-ċivil maskili.
21. Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma pproduċa ebda indikazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kien effettivament investa fl-edukazzjoni ta’ wliedu, permezz ta’ interruzzjoni tal-attività professjonali tiegħu, jew ta’ tnaqqis tal-ħinijiet ta’ xogħlu, bħalma jidher li teżiġi s-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq, huwa possibbli li ssir il-mistoqsija dwar in-natura ipotetika tad-domandi li tressqu mill-qorti tar-rinviju (13) . Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni ta’ rinviju preliminari u, konsegwentement, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex il-formulazzjoni ta’ pariri konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (14) .
2. Fuq il-fatti ratione temporis
22. Jidhirli li huwa importanti li tiġi enfasizzata problema ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt Komunitarju f’dan il-każ, u b’mod partikolari tal-Artikolu 141 KE. Fil-fatt, il-Protokoll Nru 17, li jinsab anness mat-Trattat KE (15), jipprovdi li, bħala regola ġenerali, għall-finijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 141 KE, il-benefiċċji mħallsa taħt skema ta’ sigurtà soċjali okkupazzjonali ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni jekk u sa fejn huma attribwibbli għal perijodi ta’ impjieg anteċedenti għas-17 ta’ Mejju 1990, id-data tas-sentenza Barber (16) .
23. Il-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ dan il-Protokoll Nru 17, imsejjaħ “Protokoll Barber”, kienet ġiet diskussa fil-kawża Griesmar (17), imma l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni espressa fuq dan il-punt. Jidhirli madankollu li hija segwiet l-ipoteżi fis-sens li l-imsemmi Protokoll ma kienx applikabbli f’dik il-kawża għaliex id-data determinanti kienet id-data tal-likwidazzjoni tal-pensjoni, li kienet wara s-17 ta’ Mejju 1990.
24. F’dan il-każ, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Franċiża kif riformata bil-Liġi Nru 2003‑775, tqum il-kwistjoni jekk il-bonus inkwistjoni setax jiġi attribwit lill-perijodi ta’ impjieg ta’ C. Amédée anteċedenti għas-17 ta’ Mejju 1990, peress li għandu jitfakkar li l-fatt li jagħti dritt għall-bonus huwa l-interruzzjoni tal-attività professjonali għal perijodu ta’ mhux inqas minn xahrejn f’wieħed mill-każi speċifikati fl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 2003‑1305, li introduċa l-Artikolu R. 13 fil-Kodiċi tal-pensjonijiet.
25. Nosserva li wlied C. Amédée, li fir-rigward tagħhom huwa qiegħed jitlob dritt għal bonus, twieldu, skont il-proċess, fis-7 ta’ Ġunju 1981, fl-14 ta’ Jannar 1984 u fit-13 ta’ Novembru 1985, jiġifieri qabel id-data ta’ skadenza prevista mill-Protokoll Barber. Fid-dawl tad-data tat-twelid tal-aħħar fost uliedu u meħuda inkunsiderazzjoni d-diversi tipi ta’ leave stabbiliti mill-Artikolu R. 13 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet, ma jidhirlix li huwa evidenti li għandu jiġi kkunsidrat il-perijodu li fih inħolqu d-drittijiet tal-persuna kkonċernata li tibbenefika minn skema ta’ pensjoni ta’ rtirar li kienet tintegra l-bonus mitlub minnu. C. Amédée nnifsu jindika li huwa ma setax jieħu leave tal-ġenituri wara t-twelid ta’ wliedu, u dan għaliex dan it-tip ta’ leave ma ngħatax lill-impjegati fiċ-ċivil maskili mil-leġiżlazzjoni Franċiża ħlief mis-sena 1986.
26. Il-kwistjoni għalhekk hija liema data għandha tkun determinanti sabiex eventwalment jiġi attribwit il-bonus inkwistjoni lil C. Amédée. Fil-fehma tiegħi, jeżistu tliet possibbiltajiet f’dan ir-rigward: din tista’ tkun jew id-data tal-leave tal-maternità konsekuttivi għat-twelid ta’ wlied C. Amédée, jew id-dati meta C. Amédée seta’ jibbenefika minn xi wieħed mit-tipi ta’ leave stabbiliti bl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 2003‑1305, jew id-data tal-likwidazzjoni tal-pensjoni ta’ rtirar tiegħu li seħħet f’Diċembru 2003. L-ewwel soluzzjoni tirrendi l-Artikolu 141 KE inapplikabbli ratione temporis f’dan il-każ, fid-dawl tad-dati tat-twelid tat-tliet ulied tal-persuna kkonċernata. Rigward iż-żewġ soluzzjonijiet l-oħra, huma jirreferu għal perijodi ta’ impjieg wara s-17 ta’ Mejju 1990.
27. Fid-dawl tan-natura tal-bonus inkwistjoni, li huwa pjuttost ikkonċepit bħala fattur supplementari li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-pensjoni fil-jum tal-likwidazzjoni milli bħala dritt ta’ pensjoni akkwistat u attribwibbli bħala benefiċċji li jitħallsu matul perijodu ta’ impjieg partikolari (18), jidhirli li l-fatti tal-każ miġjub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 141 KE. Bl-istess mod, l-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn irġiel u nisa għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi effettwata billi jiġi kkunsidrat il-mument li fih irtira l-impjegat fiċ-ċivil ikkonċernat, u mhux iż-żmien li fih huwa seta’ jieħu l-leave stabbilit mil-liġi sabiex jeduka lil uliedu meta mqabbel ma’ dak li dakinhar setgħet tagħmel impjegata fiċ-ċivil femminili.
B – Fuq l-eventwali eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta
28. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kriterju apparentement newtru dwar interruzzjoni ta’ attività kontinwa għal mhux inqas minn xahrejn, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tagħha, b’mod partikolari rigward il-proporzjon tal-irġiel li jistgħu jissodisfaw din il-kundizzjoni, twettaqx diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tagħhom, u dan partikolarment fid-dawl tan-nuqqas ta’ possibbiltà għall-irġiel li jibbenefikaw minn leave tal-ġenituri remunerat, kuntrarjament għal dak li jseħħ fir-rigward tan-nisa fil-kuntest tal-leave tal-maternità.
29. Infakkar li d-diskriminazzjoni indiretta hija diskriminazzjoni kkawżata mill-fatt li dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtra tista’ ġġib magħha żvantaġġ partikolari għal persuna fil-konfront ta’ oħrajn. Din id-differenza hija pprojbita fl-ordni ġuridiku Komunitarju, sakemm hija ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan il-għan huma xierqa u meħtieġa (19) .
30. Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-pensjonijiet imħallsa taħt l-iskema Franċiża ta’ pensjonijiet tal-impjegati fiċ-ċivil jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 141 KE (20) . Jidher li l-bonus stabbilit mill-Artikolu L. 12 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet kif emendat mil-Liġi Nru 2003‑775 huwa proprju remunerazzjoni mħallsa minħabba impjieg, li hija suġġetta għall-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-ħaddiema maskili u dawk femminili stabbilit fl-Artikolu 141 KE.
31. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-trattament ugwali bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, ħlief fil-każ li dan it-trattament differenti jkun iġġustifikat oġġettivament (21) . Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ remunerazzjoni ugwali, li hija espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, tippresupponi li l-ħaddiema maskili u femminili kkonċernati jinstabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli (22) . Il-kriterju li jirrigwarda dan ix-xebh għalhekk jikkostitwixxi element fundamentali sabiex tinstab xi eventwali diskriminazzjoni.
32. Fis-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq , il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskema tal-pensjonijiet ta’ rtirar li kienet applikabbli fi Franza fiż-żmien ta’ dik il-kawża kienet toħloq diskriminazzjoni diretta għaliex kienet irriżervat il-bonus ta’ anzjanità, mogħti fil-mument ta’ rtirar, esklużivament għall-impjegati fiċ-ċivil nisa li jkollhom ulied, fejn dik id-differenza fit-trattament kontra l-irġiel ma kinitx iġġustifikata. Kien wara dik is-sentenza li l-aċċess għal dik l-iskema ta’ bonus kien ġie estiż għall-impjegati fiċ-ċivil maskili bl-Artikolu L. 12(b) tal-Kodiċi tal-pensjonijiet bis-saħħa tal-Liġi Nru 2003‑775. Ġiet imposta kundizzjoni ġdida ta’ aċċess, jiġifieri interruzzjoni mill-attività professjonali ta’ tul ta’ mhux inqas minn xahrejn konsekuttivi fil-kuntest ta’ leave tal-maternità, leave minħabba adozzjoni, leave tal-ġenituri jew ta’ preżenza bħala ġenitur, jew inkella ta’ disponibbiltà, filwaqt li jiġi osservat li, ħlief għall-ewwel fost dawn it-tipi ta’ leave, kif enumerati fl-Artikolu R. 13 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet, introdott bid-Digriet Nru 2003‑1305, ilkoll huma aċċessibbli għall-irġiel l-istess bħan-nisa, b’mod fakultattiv, u ma jagħtux lok għal remunerazzjoni.
33. L-eżistenza ta’ leave tal-maternità kemm obbligatorju kif ukoll remunerat huwa impost minn leġiżlazzjoni adottata fil-livell tal-Unjoni Ewropea (23) . Dan id-dritt, irrikonoxxut ukoll lill-ommijiet bijologiċi mill-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (24), huwa rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala mezz ta’ protezzjoni tad-dritt soċjali li għandu importanza partikolari (25) .
34. L-iskop tan-natura obbligatorja ta’ dan il-leave huwa doppju: minn naħa, hemm l-iskop li tiġi ssalvagwardjata l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul it-tqala u min-naħa l-oħra, dak li jipproteġi r-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu li jsegwi t-twelid u li jevita b’hekk li dawn ir-relazzjonijiet jiġu ddisturbati bil-kumulu tal-piżijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali (26) .
35. Fir-rigward tal-aspetti finanzjarji tal-leave tal-maternità, id-Direttiva 92/85 tipprovdi, u dan sabiex jiġi ppreservat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardawh, li d-drittijiet kollha marbuta mal-kuntratt tax-xogħol huma protetti għall-ħaddiema mara tqila, li għadha kif welldet jew li qed tredda’, u li b’mod partikolari remunerazzjoni u/jew il-benefiċċju ta’ ħlas adegwat jibqgħu jingħataw fl-interess tagħha (27) . Il-ġurisprudenza hija fis-sens li, minkejja li l-ammont ta’ dak il-ħlas ma għandux ikun ugwali għall-ammont sħiħ tar-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata imma jista’ jkun inqas, il-limitu ta’ dan it-tnaqqis jinsab fir-rekwiżit li dan l-ammont ma għandux ikun minimu sal-punt li jiskoraġġixxi lin-nisa milli jkollhom tfal u hekk jippreġudika l-għan ta’ protezzjoni mfittex mid-dritt tal-Unjoni (28) . Iż-żamma ta’ remunerazzjoni għal mara li hija, skont il-liġi, obbligata li tinterrompi l-attività professjonali tagħha sabiex tieħu l-leave tal-maternità tirrapreżenta miżura neċessarja sabiex jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi numerużi li tiffaċċja l-mara fil-karriera professjonali tagħha minħabba l-assenza tagħha mill-post tax-xogħol marbuta mal-maternità (29) .
36. Minbarra l-każ partikolari tal-leave tal-maternità, id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li l-Istati Membri jipprovdu leave ieħor remunerat għal raġunijiet familjari. Għalhekk, konformement mad-Direttiva 96/34/KE, dritt individwali għal leave tal-ġenituri jingħata lill-ħaddiema, irġiel kif ukoll nisa, minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild, sabiex jippermettilhom li jiddedikaw ruħhom għal dak il-wild għal mhux inqas minn tliet xhur (30) . It-test jispeċifika li dan il-leave jista’ jittieħed sa età determinata tal-wild ikkonċernat, li tista’ tkun sa massimu ta’ 8 snin ta’ dan tal-aħħar. Għall-kuntrarju, is-sistema tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol matul il-perijodu tal-leave previst mill-ftehim qafas anness ma’ dik id-Direttiva taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri (31) . Konsegwentement, ma jeżisti ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jagħtu jew li jibqgħu jagħtu remunerazzjoni lill-ġenituri kkonċernati matul il-leave tal-ġenituri tagħhom.
37. Il-leave li jagħtu dritt għall-bonus kontenzjuż li huma previsti fl-Artikolu R. 13 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet, li elenku tagħhom jinsab riprodott hawn fuq, huma aċċessibbli għall-impjegati fiċ-ċivil taż-żewġ sessi, b’eċċezzjoni tal-leave tal-maternità fejn il-benefiċjarju hija dejjem neċessarjament mara. Minkejja din l-aħħar konstatazzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun issostni li n-nisa jissodisfaw b’mod awtomatiku, bis-saħħa tal-leave tal-maternità, il-kundizzjoni marbuta ma’ interruzzjoni tax-xogħol għal mhux inqas minn xahrejn kontinwi. Fil-fatt, huwa possibbli li impjegata fiċ-ċivil femminili twelled qabel ma tiġi rreklutata fis-servizz pubbliku taħt kundizzjonijiet tali li r-regola partikolari stabbilita fl-Artikolu L. 12(b)(A) tal-Kodiċi tal-pensjonijiet ma tkunx appikabbli. F’dan il-każ, id-dritt tagħha għall-bonus ikun jiddependi minn interruzzjoni tax-xogħol minħabba waħda mill-forom ta’ leave oħra barra l-leave tal-maternità li jissemmew f’dak l-artikolu. L-istess osservazzjoni tapplika għan-nisa li jkunu interrompew xogħlhom sabiex jassumu l-edukazzjoni ta’ wild mhux bijoloġiku, jiġifieri kemm jekk ikun wild adottiv, kemm wild tal-konjuġi tagħha, kif ukoll wild li jaqa’ f’waħda mill-kategoriji l-oħra li jissemmew fl-Artikolu L. 8 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet (32) .
38. Fid-dawl tal-modalitajiet partikolari tal-leave tal-maternità, jiena tal-fehma li s-sitwazzjoni tal-ommijiet li kienu obbligati jinterrompu xogħlhom minħabba dan il-leave ma hijiex paragunabbli mas-sitwazzjoni ta’ min għandu l-għażla li jirrikorri għal xi wieħed ieħor fost il-forom ta’ leave stabbiliti fl-Artikolu R. 13 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet.
39. Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ remunerazzjoni ugwali ma jipprekludix li jingħata vantaġġ biss lil ħaddiema femminili meta huwa intiż sabiex jikkumpensa l-iżvantaġġi professjonali li jirriżultaw għal tali ħaddiema minħabba l-allontanament tagħha mix-xogħol li huwa inerenti għal-leave tal-maternità (33) . Il-ksur ta’ dan il-prinċipju huwa eskluż f’dan il-kuntest għaliex is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem maskili hija differ enti minn dik ta’ ħaddiema femminili għaliex, kuntrarjament għall-ommijiet bijoloġiċi li jintrabtu li jieqfu milli jaħdmu, il-missirijiet bijoloġiċi jgawdu minn possibbiltà ta’ għażla jekk huma jridu jew ma jridux jinvolvu ruħhom b’mod partikolari fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Din il-konstatazzjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-leave tal-maternità jistgħu jkunu, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, differenti u iktar favorevoli minn dawk ta’ forom oħra ta’ leave għal raġunijiet familjari (34) .
40. Ċertament, fil-kuntest ta’ din il-kawża, jista’ jiġi kkunsidrat li l-irġiel u n-nisa jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-liġi Franċiża sa fejn il-bonus huwa maħsub sabiex jikkumpensa l-preġudizzji fil-karriera li jistgħu jirriżultaw miż-żmien użat, għal missier bħalma għal omm, sabiex jeduka lil uliedu t-tfal tiegħu (35) . Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tqis lill-impjegati fiċ-ċivil fil-kwalità tagħhom ta’ ġenitur, irrispettivament mis-sess tagħhom. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ impjegata fiċ-ċivil femminili u dik ta’ impjegat fiċ-ċivil maskili jidhru paragunabbli.
41. Fis-sentenza Griesmar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jiġi stabbilit jekk il-bonus imħallas fiċ-ċirkustanzi li kienu fis-seħħ f’dak iż-żmien, jiġifieri mogħti biss lin-nisa u minħabba l-fatt biss li huma kellhom tarbija, kien intiż sabiex jikkumpensa għall-iżvantaġġi professjonali li l-ommijiet isostnu minħabba l-allontament tagħhom mix-xogħol matul il-perijodu ta’ wara l-ħlas, għal liema każ is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem maskili ma kinitx paragunabbli għal dik ta’ ħaddiema femminili, jew jekk dan il-bonus kienx intiż essenzjalment li jikkumpensa l-iżvantaġġi professjonali li l-impjegati fiċ-ċivil femminili jbatu minnhom minħabba li jrabbu wlied, f’liema eventwalità għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni ta’ impjegat fiċ-ċivil maskili u dik ta’ impjegata fiċ-ċivil femminili kinux paragunabbli (36) .
42. Hekk ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tesprimi ruħha fuq il-limiti tal-miżuri differenti ta’ politika soċjali introdotti mill-Istati Membri, b’mod partikolari fis-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda l-leave biex ireddgħu rriżervat, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, għan-nisa u għall-irġiel li n-nisa tagħhom ikunu jaħdmu. Minħabba l-fatt li dan il-leave jista’ jiġi segregat mill-att bijoloġiku ta’ treddigħ u jista’ jittieħed mingħajr distinzjoni mill-missier impjegat jew mill-omm impjegata, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-leave, fir-realtà, kien jimplika biss il-manteniment u l-ħin tal-attenzjoni għall-wild. Imbagħad, ġaladarba dawn il-kuri lit-tfal setgħu jingħataw ugwalment kemm mill-missier kif ukoll mill-omm, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-leave inkwistjoni kien jingħata lill-ħaddiema fil-kwalità tagħhom tal-ġenituri ta’ wild (37) . Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet mhux biss tipparaguna s-sitwazzjonijiet ta’ raġel u ta’ mara meħudin mill-perspettiva tal-funzjoni tagħhom ta’ ġenituri, imma wkoll tiddistingwi tajjeb, fil-qasam tal-protezzjoni soċjali mogħtija lill-ħaddiema femminili, l-aspett tal-protezzjoni bijoloġika tal-mara u dak li jħares lejha fil-kwalità tagħha ta’ omm.
43. Id-differenza li għandha ssir bejn l-obbligi tal-omm u dawk tal-missier wara t-twelid ta’ wild hija pjuttost marbuta mal-kwistjoni tal-prova ta’ investiment speċifiku fl-edukazzjoni tal-imsemmi wild. Fis-sentenza Griesmar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikjeditx li l-bonus jingħata awtomatikament lill-missirijiet kollha bijoloġiċi sabiex dawn jitpoġġew f’sitwazzjoni ugwali għal dik tal-ommijiet bijoloġiċi. Hija indikat b’mod ċar li l-aċċess għall-bonus għandu jingħata lil impjegat fiċ-ċivil maskili biss meta dan ikun jista’ jipprova li huwa assuma b’mod partikolari l-edukazzjoni ta’ wliedu (38) .
44. Għalhekk, ma hemm xejn kontra l-liġi fih innifsu li tintalab, bħalma huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati, il-prova ta’ investiment speċifiku u effettiv tar-raġel għall-kura ta’ wliedu, li jmur lil hinn mis-sempliċi kwalità ta’ missier bijoloġiku li jsostni lill-wild tiegħu finanzjarjament, sabiex huwa jkun jista’ jibbenefika minn bonus ta’ dan it-tip. Għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ mara, la darba l-leave tal-maternità huwa obbligatorju għall-ommijiet bijoloġiċi kollha u li matul dan il-perijodu hija mistennija tassumi l-edukazzjoni ta’ wliedha, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal meta s-saħħa wara l-ħlas tkun dgħajfa żżejjed, il-bonus għandu jingħatalha mingħajr prova partikolari peress illi teżisti xi tip ta’ preżunzjoni ta’ edukazzjoni fir-rigward tagħha.
45. Il-fatt li s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija iktar diffiċli meta mqabbla ma’ dik tal-irġiel, f’dak li jirrigwarda kemm ir-remunerazzjoni kif ukoll l-avvanz fil-karriera, jesprimi ruħu l-iktar fid-distribuzzjoni mhux ugwali bejn iż-żewġ sessi tal-piżijiet inerenti għall-edukazzjoni tal-ulied (39) . Fil-fatt, indipendentement mill-waqfien minn xogħlhom marbut mal-leave tal-maternità, in-nisa huma ħafna iktar suġġetti mill-irġiel li jkollhom jimmodifikaw l-attività professjonali tagħhom għal raġunijiet familjari, fil-kuntest ta’ leave tal-ġenituri jew ta’ ppjanar ta’ xi forma oħra bħal xi tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol, anki jekk dan ma jissarrafx f’kumpens ekonomiku (40) .
46. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jimponu kundizzjoni ta’ interruzzjoni effettiva tal-attività professjonali li għandha natura restrittiva. Madankollu, din il-kundizzjoni ma tirriżultax li tista’ tillimita l-aċċess għall-bonus iktar lill-irġiel milli lin-nisa għaliex kull missier li jagħżel li jinterrompi xogħlu biex jeduka lil uliedu matul perijodu ta’ mhux inqas minn xahrejn kontinwi jista’ jibbenefika mill-bonus, anki jekk huwa veru li l-perijodu magħżul mil-leġiżlatur Franċiż huwa preċiżament daqs it-tul minimu ta’ leave tal-maternità. Iċ-ċirkustanza waħedha li fil-prattika, iktar nisa milli rġiel jibbenefikaw mill-bonus kontenzjuż ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din hija sors ta’ diskriminazzjoni indiretta. Fil-fehma tiegħi, l-irġiel ma jistgħux isostnu li sofrew diskriminazzjoni biss minħabba l-fatt li huma ma jridux jaqsmu d-dmirijiet li jirriżultaw mill-fatt li huma ġenitur daqs in-nisa.
47. Ċertament, l-imsemmija kundizzjoni ma tieħux inkunsiderazzjoni modalitajiet oħra ta’ ġestjoni tal-attività professjonali li għalihom missier bijoloġiku, l-istess bħal missier adottiv jew ġenitur sostituttiv, jista’ jirrikorri għalihom sabiex jiddedika ruħu għall-edukazzjoni ta’ wliedu, jiġifieri leave tal-ġenituri għal tul inqas jew xogħol part-time. Madankollu, il-fatt li l-leġiżlazzjoni Franċiża fis-seħħ fiż-żmien tal-kawża prinċipali (41) ma kinitx tirrikonoxxi li tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol seta’ jipproduċi l-istess effett legali bħal sospensjoni totali tax-xogħol, fih innifsu dan ma jirrendix is-sitwazzjoni ta’ dawk li kienu obbligati jieħdu leave tal-maternità paragunabbli mas-sitwazzjoni ta’ dawk li għandhom l-għażla li jinterrompu l-attività professjonali tagħhom għal raġunijiet familjari.
48. Fil-fehma tiegħi, hemm, fil-fatt, differenza kbira fl-impatt bejn, minn naħa, il-perijodi ta’ assenza totali ta’ ħaddiem, bħal dawk fil-kuntest ta’ leave tal-maternità, ta’ adozzjoni jew tal-ġenituri, li jkollhom jirrallentaw jew anki jissospendu l-karriera tal-ġenitur ikkonċernat, u min-naħa l-oħra, il-modalitajiet l-oħra tal-ġestjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, bħalma huma x-xogħol part-time, li jwasslu biss għal assenza mnaqqsa u għalhekk huma inqas diffiċli li jiġu amministrati minn min iħaddem għall-bżonnijiet ta’ sostituzzjoni u organizzazzjoni mill-ġdid tal-kompiti tal-impjegat ikkonċernat. Huwa għal motivi ġusti li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat il-pożizzjoni li t-tqala u l-maternità jistgħu verament jiżvantaġġjaw lin-nisa fil-karriera professjonali tagħhom (42) .
49. Il-leġiżlatur nazzjonali jgawdi, fil-fehma tiegħi, minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni (43) f’dak li jirrigwarda l-livell minimu ta’ investiment fl-edukazzjoni li l-ġenitur ikkonċernat għandu jipprovdi sabiex huwa jkun jista’ jibbenefika minn bonus ta’ dan it-tip, peress li nafu li dan jikkostitwixxi dritt ta’ pensjoni supplementari li għaliha l-impjegat ikkonċernat ma jkunx ikkontribwixxa konformament mar-regoli normali tal-kontribuzzjonijiet.
50. Pereżempju, ikun suffiċjenti, sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn dan il-bonus, li wieħed jagħżel tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol b’10 % jew jagħżel leave tal-ġenituri ta’ tul limitat għal ġimagħtejn? Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ tipi ta’ każijiet b’ebda mod ma huma ekwivalenti għal waqfien obbligatorju ta’ xahrejn minħabba l-leave tal-maternità, għaliex huma ma jwasslux għal sagrifiċċju tal-karriera paragunabbli, u jkunu f’kull każ sproporzjonati għall-benefiċċju mogħti, li jikkonsisti fl-ekwivalenti ta’ sena addizzjonali ta’ xogħol li għandha tiġi nkluża fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar.
51. Fi kwalunkwe każ, jiena nikkunsidra li d-deċiżjoni dwar jekk, u sa fejn, l-interruzzjonijiet tal-attività jew it-tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol jiġġustifikaw l-għoti ta’ vantaġġ fir-rigward tad-drittijiet tal-pensjoni taqa’ qabel xejn f’evalwazzjoni ta’ ordni politika, anki jekk jeżistu limiti legali. Kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, bħalma hija r-rieda li ma tiskoraġġixxix l-maternità ta’ ħaddiema nisa, jistgħu jkunu determinanti f’dan ir-rigward. Għalhekk mhux possibbli li jiġi adottat approċċ purament mekkaniku tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tan-nisa u tal-irġiel fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.
C – Fuq il-ġustifikazzjoni tal-eventwali diskriminazzjoni indiretta
52. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-diskriminazzjoni indiretta li possibilment inħolqot bil-bonus previst bid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni tistax tkun iġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim fuq il-politika soċjali, li kien jipprovdi li dak l-Artikolu ma jistax iżomm lil Stat Membru “[m]illi jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali min-nisa jew sabiex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
53. Nenfasizza li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, fl-1 ta’ Mejju 1999, dawk id-dispożizzjonijiet kienu ġew inkorporati fl-Artikolu 141(4) KE, li fil-verità huwa d-dispożizzjoni rilevanti ratione temporis sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt Komunitarju, kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet.
54. Fid-dawl tar-risposta negattiva li jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti għall-ewwel domanda preliminari u fid-dawl tan-natura ineffettiva, f’dan il-każ, li ngħatat mid-digriet tar-rinviju lil din id-domanda sussidjarja, jiena naħseb li ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda preliminari sabiex tingħatalha risposta.
55. Madankollu, jiena nixtieq ngħaddi xi kummenti f’dan ir-rigward, sabiex inkopri l-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix is-suġġeriment tiegħi dwar ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel domanda preliminari.
56. Jekk ikun il-każ, għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata risposta għat-tieni domanda billi tiġi segwita l-istess pożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adottat fis-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq, dwar domanda ekwivalenti għal dik li tressqet quddiemha hawnhekk u li kienet tikkonċerna wkoll l-iskema Franċiża ta’ pensjoni tal-impjegati fiċ-ċivil. L-imsemmija sentenza ddeċidiet li l-miżura ta’ bonus li kienet stabbilita fl-Artikolu L. 12(b) tal-Kodiċi tal-pensjonijiet, fil-verżjoni tagħha kif applikabbli f’dak iż-żmien, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala azzjoni pożittiva li tista’ tgħin lin-nisa jmexxu l-ħajja professjonali tagħhom b’mod ugwali daqs l-irġiel, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim fuq il-politika soċjali, peress li hija kienet limitata sabiex tagħti lill-ommijiet bonus ta’ anzjanità fil-mument li huma joħorġu bil-pensjoni, taħt l-istess skema bħall-missirijiet, mingħajr ma tirrimedja għall-problemi li huma jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-karriera professjonali tagħhom (44) .
57. Għal dawn l-istess raġunijiet, f’dan il-każ, il-bonus li huwa previst bid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 2003‑775 u tad-Digriet Nru 2003‑1305 ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-Artikolu 141(4) KE. Din is-soluzzjoni tirriżulta mis-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq, li ngħatat mill-qorti komposta b’mod korrispondenti għall-Awla Manja. Hija biss kompożizzjoni ekwivalenti li tista’ ma ssegwix din il-ġurisprudenza.
58. B’kont meħud ta’ dan, l-approċċ li kien ġie adottat, fil-fehma tiegħi, huwa dubjuż. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tikkonċepixxi b’mod ristrett l-iżvantaġġi li jiġu ffaċċjati “fil-karriera professjonali”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kkonċernati, li jeskludu li dawn jiġu kkumpensati b’mod differenti mal-bidu tal-pensjoni, jiġifieri meta l-impjegati fiċ-ċivil ikkonċernati jieqfu mix-xogħol. Dan joħloq obbligu fuq l-Istati Membri li joperaw l-inugwaljanza ekonomika li teżisti bejn in-nisa u l-irġiel u dan anki meta huma jirtiraw, kif enfasizza l-Gvern Franċiż waqt is-seduta li nżammet f’din il-kawża (45), u dan jidhirli li ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
59. Il-loġika inerenti għal din il-ġurisprudenza ma jidhirlix li hija waħda valida meta l-applikazzjonijiet kollha tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda s-sistemi ta’ sigurtà professjonali huma bbażati fuq l-idea li għal xogħol ugwali għandha tiġi riċevuta remunerazzjoni ugwali. Nosserva li l-pensjoni ta’ rtirar għandha ċertament in-natura ta’ remunerazzjoni, imma hija tikkostitwixxi parti mir-remunerazzjoni li hija posposta għall-mument tat-tmiem tal-attività professjonali. In-nisa huma żvantaġġjati fuq dan il-livell għaliex it-tqala u l-maternità jimpedixxu l-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħhom, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat (46) . Peress li dawn il-miżuri disponibbli għall-Istati Membri sabiex jikkumpensaw l-iżvantaġġi subiti min-nisa minħabba t-twettiq tal-obbligi tagħhom ta’ ġenituri matul il-karriera jidhru li huma esklużi (bħalma huwa l-każ ta’ tipi ta’ bonus ta’ remunerazzjoni marbuta mat-tqala li jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess), jew huma ristretti ħafna (kif stabbilixxiet is-sentenza Kalanki, iċċitata iktar ’il fuq, rigward id-diskriminazzjoni msejħa “pożittiva” li hija intiża sabiex tiffavorixxi l-avvanz professjonali tan-nisa), il-fatt li jingħata dritt ta’ pensjoni supplementari jidhirli li huwa ta’ spiss l-uniku mezz li jista’ jevita li din l-inugwaljanza tkompli anki wara l-irtirar.
D – Fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati mad-Direttiva 79/7
60. Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/7 għandhomx jiġu interpretati b’mod li jostakolaw iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
61. C. Amédée, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni esprimew pożizzjoni komuni fis-sens li huma jikkunsidraw li d-Direttiva 79/7 ma hijiex applikabbli għal dan il-każ. Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena naqbel ukoll ma’ din il-pożizzjoni.
62. Fil-fatt, id-Direttiva 79/7, li tirrigwarda t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali, tkopri l-benefiċċji li jitħallsu fil-kuntest ta’ sistemi legali ta’ protezzjoni (47), kategorija normalment deskritta bħala l-“ewwel pilastru” (48) . Għall-kuntrarju, il-kawża prinċipali tirrigwarda pensjoni riċevuta taħt l-iskema Franċiża ta’ rtirar tal-impjegati fiċ-ċivil, li taqa’ fil-kategorija tal-iskemi professjonali kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċediet (49), u dan jikkorrispondi għat-“tieni pilastru”. Fiż-żmien tal-ħruġ bil-pensjoni tal-persuna kkonċernata, jiġifieri f’Diċembru 2003, il-pensjonijiet ta’ rtirar li kellhom tali natura professjonali kienu rregolati bid-Direttiva 86/378 kif emendata bid-Direttiva 96/97, filwaqt li għandu jiġi ċċarat li sa mill-15 ta’ Awwissu 2009 dawn id-Direttivi stess huma emendati bid-Direttiva 2006/54.
63. Peress li d-Direttiva 79/7 ma hijiex applikabbli, ratione materiae għall-fatti tal-kawża prinċipali, jiena tal-fehma, għalhekk, li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.
E – Fuq il-konsegwenzi ġuridiċi t al-eventwali inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati mad-dritt Komunitarju
64. Il-qorti tar-rinviju tissuġġetta l-mistoqsija li hemm fir-raba’ domanda preliminari, għas-sitwazzjoni tripla li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u li jingħataw risposti fin-negattiv kemm għat-tieni u kif ukoll għat-tielet domandi preliminari. Fil-prattika, dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet li skont id-dritt Komunitarju primarju, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni joħolqu diskriminazzjoni indiretta, minn naħa, mingħajr ma din tkun tista’ tiġi ġġustifikata, min-naħa l-oħra, imma wkoll mingħajr ma d-dritt Komunitarju sekondarju jkun ta’ ostakolu għaż-żamma ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
65. Essenzjalment, hija tistaqsi dwar liema konsegwenzi legali għandhom joħorġu mill-inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-bonus minħabba t-tfal li huwa previst fl-Artikoli L. 12(b), u R. 13 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet. Hija tistaqsi jekk, sakemm il-miżuri li jirrimedjaw għad-diskriminazzjoni indiretta allegata ma jkunux ġew adottati mil-leġiżlatur Franċiż, din l-inkompatibbiltà timplikax biss li d-diskriminazzjoni li tirriżulta minn dawk id-dispożizzjonijiet għandhiex tiġi injorata favur l-impjegati fiċ-ċivil tas-sess maskili li jinsabu ppenalizzati, jew jekk hija xxekkilx il-bonus ikkonċernat milli jitħallas lill-impjegati fiċ-ċivil kemm femminili kif ukoll maskili.
66. Madankollu, fid-dawl tal-pożizzjoni li jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tadotta rigward id-domandi preliminari l-oħra, jiġifieri risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni domanda, u deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ suġġett għat-tielet domanda, naħseb li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda għaliex it-tliet kundizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju tpoġġi espressament bħala ipoteżi preċedenti ma ġewx sodisfatti fil-fehma tiegħi.
67. Minkejja dan, infakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk wieħed jassumi li titwettaq diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma tiġix adottata riforma tal-liġi interna maħsuba sabiex tirrimedja dan it-trattament inugwali, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċjali xierqa sabiex jiżguraw ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni. Kif C. Amédée u il-Kummissjoni indikaw, l-awtoritajiet ikkonċernati li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ persuni li jħaddmu għalhekk huma obbligati li jagħtu awtomatikament lill-persuni fil-kategorija żvantaġġjata, li f’dan il-każ huma l-impjegati fiċ-ċivil tas-sess maskili, l-istess vantaġġi fit-trattament li minnhom jibbenefikaw il-persuni fil-kategorija privileġġjata, jiġifieri f’dan il-każ l-impjegati fiċ-ċivil tas-sess femminili. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll ripetutament li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali hija marbuta li twarrab ir-regoli interni li huma diskriminatorji fl-ordni ġuridiku Komunitarju, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna l-eliminazzjoni tagħha minn qabel mil-leġiżlatur nazzjonali, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġjat l-istess skema li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema l-oħra. Il-qorti nazzjonali għandha dan l-obbligu indipendentement mill-eżistenza, fid-dritt intern, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtuha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dan (50) .
68. Jekk jagħti l-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li teżisti diskriminazzjoni indiretta, hija jkollha tagħti lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet kollha neċessarji sabiex tippermettilha tiddeċiedi fuq il-punti dwar skont liema termini konkreti u għal kemm żmien impjegat fiċ-ċivil maskili għandu jkun biddel l-attività professjonali tiegħu sabiex jinvesti fl-edukazzjoni ta’ wliedu sabiex ikun jista’ jiġġustifika li jingħatalu l-bonus inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tissolleva l-kwistjoni, li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fl-imsemmija eventwalità, jekk il-kundizzjoni dwar waqfien totali mix-xogħol għal perijodu ta’ mhux inqas minn xahrejn kif previst fl-Artikolu R. 13 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet hijiex ristrettiva żżejjed, speċjalment fir-rigward tal-irġiel, u ma għandhiex għalhekk tiġi applikata, sa fejn hija teskludi mill-benefiċju ta’ dan il-bonus il-missirijiet li jinvestu ruħhom fl-edukazzjoni ta’ wliedhom taħt forma oħra minbarra l-interruzzjoni tal-karriera, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ tranżizzjoni għal xogħol part-time.
V – Konklużjoni
69. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-tribunal administratif de Saint‑Denis de la Réunion bil-mod li ġej:
“1) Id-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżiġu, għall-ħlas ta’ bonus ta’ tul ta’ servizz marbut mal-edukazzjoni ta’ wild, interruzzjoni tal-attività professjonali ta’ mhux inqas minn xahrejn konsekuttivi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li joħolqu diskriminazzjoni indiretta, fir-rigward tal-Artikolu 141 KE, minħabba l-fatt biss li numru ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel jibbenefikaw minnu fil-kuntest tal-kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar tagħhom, minħabba l-leave tal-maternità legalment li huwa kemm obbligatorju kif ukoll remunerat li għalih huma suġġetti l-ommijiet bijoloġiċi.
2) Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għar-raba’ domandi preliminari.
3) It-tielet domanda preliminari, li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, hija mingħajr suġġett u, konsegwentement, ma tirrikjedix risposta”.
(1) .
(2) – Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi l-“Artikolu 157 (TUE), ex Artikolu 141 (KE)”. Jirriżulta li dan kien żball tal-pinna, peress li t-Trattat UE ma fihx Artikolu enumerat bħala 157 u li l-Artikolu 141 KE dwar il-prinċipju ta’ remunerazzjoni ugwali bejn ħaddiema maskili u ħaddiema femminili kien ġie ssostitwit bl-Artikolu 157 TFUE.
(3) – Ftehim fuq il-politika soċjali ffirmat bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea minbarra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1992 C 191, p. 91), li huwa anness mal-Protokoll Nru. 14 dwar il-politika soċjali magħqud mat-Trattat UE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-politika soċjali”).
(4) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.
(5) – Il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu biss huwa differenti minn dak tal-Artikolu 157 TFUE għaliex huwa jipprovdi modalitajiet oħra ta’ adozzjoni tal-miżuri maħsuba sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali u ta’ trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.
(6) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1. p. 327.
(7) – Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru li temenda d-Direttiva 86/378/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fi skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3. p. 232.
(8) – Sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001 (C‑366/99, Ġabra p. I‑9383).
(9) – B. Accoyer, Rapport à l’Assemblée nationale n° 898 sur le projet de loi portant réforme des retraites , Volum 1, it-tieni parti, Ġunju 2003, b’mod speċjali p. 77 et seq .
(10) – JORF Nru°193, tat-22 ta’ Awwissu 2003, p. 14310. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, imma l-Artikolu 48(II) tagħha jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.12(b) tal-Kodiċi dwar il-pensjonijiet [...] li jirriżultaw mir-redazzjoni tal-paragrafu I(2)(b) [tal-istess Artikolu 48] għandhom japplikaw għall-pensjonijiet li jitħallsu b’effett mit-28 ta’ Mejju 2003”.
(11) – Digriet li jimplementa l-Liġi Nru 2003‑775 (JORF Nru 301, tat-30 ta’ Diċembru 2003, p. 22473). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet, l-istess bħal dawk ta’ dik il-liġi, daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004. L-applikabbiltà ratione temporis tad-Digriet għall-pensjonijiet li kienu tħallsu qabel dik id-data imma wara l-jum minn meta dik il-liġi kienet applikabbli retroattivament, jiġifieri t-28 ta’ Mejju 2003 konformament mal-Artikolu 48(II) tagħha, jidhirli li ġiet preżunta mill-qorti tar-rinvju u mill-partijiet.
(12) – Ara hawn fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
(13) – Nosserva li l-mistoqsija dwar in-natura ipotetika jew le tad-domandi preliminari li tressqu mill-qorti tar-rinviju tkun tiddependi mir-risposta li eventwalment tingħata fuq il-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-grad ta’ investiment neċessarju minn ġenitur fl-edukazzjoni ta’ wliedu li jagħtih id-dritt għal bonus b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.
(14) – B’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C‑422/93 sa C‑424/93, Ġabra p. I‑1567, punt 29), u tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C‑13/01, Ġabra p. I‑8679, punt 40), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dawk is-sentenzi.
(15) – Protokoll (Nru 17) fuq l-Artikolu 141 KE, tal-1992, li huwa ekwivalenti għall-Protokoll (Nru 33) fuq l-Artikolu 157 TFUE.
(16) – Sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990 (C‑262/88, Ġabra p. I‑1889).
(17) – Ara l-punti 41 u 42 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża li tat lok għas-sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq, li jirreferu għall-avviż tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.
(18) – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66), kif ukoll l-Artikoli 44 u 94 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1).
(19) – Definizzjoni li tinsab, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54/KE, tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204 p. 23).
(20) – Sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).
(21) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1993, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑217/91, Ġabra p. I‑3923, punt 37) u tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C-236/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).
(22) – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Abdoulaye et (C‑218/98, Ġabra p. I‑5723, punt 16).
(23) – Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed jreddgħu (L-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5 Vol. 02, p. 110).
(24) – It-tliet konvenzjonijiet tal-ILO fuq il-protezzjoni tal-maternità (Nru 3/1919, Nru 103/1952 u Nru 183/2000) jipprovdu għal leave obbligatorju ta’ sitt ġimgħat wara t-twelid tat-tarbija, li matulu l-omm ma għandhiex id-dritt tirritorna fuq il-post tax-xogħol. Dan huwa intiż sabiex jevita li hija tiġġiegħel minn min iħaddimha li tidħol lura għax-xogħol, għaliex dan jista’ jkun ta’ ħsara għal saħħitha u għal saħħet it-tarbija. Dan il-prinċipju jifforma parti fundamentali mill-protezzjoni ggarantita mir-regoli tal-ILO. Ara La maternité au travail - Une revue de la législation national e, Bureau international du travail, Genève, It-Tieni Edizzjoni, 2010, p. 13, dokument disponibbli wkoll fil-lingwa Ingliża u Spanjola.
(25) – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 49).
(26) – Sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 41); Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46), u tat-30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez (C‑104/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dawk is-sentenzi.
(27) – Ara s-sbatax-il premessa kif ukoll l-Artikoli 8 u 11 ta’ din id-Direttiva.
(28) – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna (C‑191/03, Ġabra p. I‑7631, punti 42 u 59, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
(29) – Is-sentenza Abdoulaye et , iċċitata iktar ’il fuq (punt 19), tagħti diversi eżempji ta’ dawn l-iżvantaġġi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar regolarment li t-tqala u l-maternità jippenalizzaw, fil-fatt, lin-nisa fil-kors tal-ħajja professjonali tagħhom: ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann, (184/83, Ġabra p. 3047, punt 27), kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke (C‑450/93, Ġabra p. I‑3051, punti 18 et seq ).
(30) – Direttiva tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), speċjalment klawżola nru 2, punt 1, ta’ dak il-ftehim qafas.
(31) – Dan ir-rinviju ta’ kompetenza jitfakkar fis-sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 u 36).
(32) – Jiġifieri, wild li huwa s-suġġett ta’ delega tal-awtorità tal-ġenitur favur il-pensjonant jew is-sieħeb jew il-konjuġi tiegħu, wild li jitpoġġa taħt it-tutela tal-pensjonant jew tal-konjuġi tiegħu flimkien mal-kura effettiva u permanenti ta’ dak il-wild, jew wild li jitrabba mal-pensjonant jew il-konjuġi tiegħu li jkunu assumew il-kura effettiva u permanenti tiegħu.
(33) – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Abdoulaye et (punti 20 u 22) kif ukoll Griesmar (punt 41).
(34) – Infakkar li la l-konvenzjonijiet tal-ILO u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jobbligaw lill-Istati Membri li jipprovdu għal leave tal-ġenitur li jkun remunerat. Fuq id-differenzi li jeżistu bejn il-leave tal-maternità u l-leave tal-ġenituri, fir-rigward b’mod partikolari tan-natura obbligatorja tal-ewwel wieħed, ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-220/02, Ġabra p. I‑5907, punt 60).
(35) – Ara Rapport à l’Assemblée nationale n° 898 sur le projet de loi portant réforme des retraites , op. cit., p. 85 et seq .
(36) – Sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq (punti 46 et seq ).
(37) – Sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28 sa 31).
(38) – Sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67).
(39) – Fuq id-distribuzzjoni tradizzjonali tar-rwoli bejn l-irġiel u n-nisa fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ ġenitur, ara s-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).
(40) – L-istudju tal-Bureau international du travail jindika li fid-dawl tad-database tal-ILO fuq il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-maternità, li tikkonċerna 167 pajjiż, l-irġiel ħafna drabi jieħdu ferm inqas spiss leave tal-ġenituri min-nisa (op. cit., p. 59). Fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol, il-Kummissjoni tfakkar li mill-istatistika stabbilita mill-Eurostat għas-sena 2009 jirriżulta li fi Franza, 30 % min-nisa jaħdmu part-time, meta mqabbla mas-6 % tal-irġiel.
(41) – Kif jirriżulta mill-proċess, wara proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu istitwita kontra r-Repubblika Franċiża fl-2004, il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex wieħed ikun jista’ jikseb il-bonus inkwistjoni twessgħu b’mod li t-tnaqqis tal-attività ġiet ammessa l-istess bħal interruzzjoni tal-attività (ara l-Liġi Nru 2010‑1330 tad-9 ta’ Novembru 2010 li tirriforma l-pensjonijiet, JORF Nru 261 tal-10 ta’ Novembru 2010 p. 20034, u Digriet ta’ implementazzjoni Nru 2010‑1741, tat-30 ta’ Diċembru 2010, JORF Nru 303, tal-31 ta’ Diċembru 2010 test Nru 94).
(42) – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hofmann, Kalanke kif ukoll Abdoulaye et.
(43) – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C-123/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
(44) – Sentenza Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq (punti 60 sa 67).
(45) – Ir-rappreżentant tar-Repubblika Franċiża indika li fit-territorju nazzjonali, in-nisa impjegati fiċ-ċivil li jieqfu mix-xogħol kemm fl-okkażjoni tat-twelid ta’ wildhom, jew sabiex huma jkunu jistgħu jipprovdu għall-edukazzjoni tiegħu, huma statistikament ħafna iktar numerużi mill-irġiel u li minn dan jirriżulta li l-pensjoni tagħhom hija bejn 10 u 20 % inqas minn dik tal-irġiel.
(46) – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hofmann, Kalanke kif ukoll Abdoulaye et.
(47) – Ara l-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-Direttiva.
(48) – Ara, pereżempju, il-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet li jien ippreżentajt fil-kawża li tat lok għas-sentenza Römer, iċċitata iktar ’il fuq.
(49) – Sentenzi Griesmar, iċċitata iktar ’il fuq (punti 25 et seq .), kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2001, Mouflin (C‑206/00, Ġabra p. I‑10201, punt 23).
(50) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, van den Akker (C‑28/93, Ġabra p. I‑4527, punti 16 et seq ); tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06, Ġabra p. I‑5149, punti 39 et seq ), u tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dawn is-sentenzi.