12004V161

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU I - SUQ INTERN - Sezzjoni 5 - Regoli dwar il-kompetizzjoni - Subsezzjoni 1 - Regoli li japplikaw għal impriżi - Artikolu III-161

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0068 - 0069


Artikolu III-161

1. Dan li ġej għandu jiġi pprojbit fuq bażi ta' inkompatibbiltà mas-suq intern: kull akkordju bejn impriżi, kull deċiżjoni minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi u kull prattika miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, r-restrizzjoni jew id-distorsjoni ta' kompetizzjoni fis-suq intern, u b'mod partikolari dawk li:

a) direttament jew indirettament jiffissaw prezzijiet ta' xiri jew ta' bejgħ jew xi kondizzjonijiet oħra ta' kummerċ;

b) jillimitaw jew jikkontrollaw il-produzzjoni, s-swieq, l-iżvilupp teknoloġiku, jew l-investiment;

ċ) iqassmu s-swieq jew l-għejjun ta' provvista;

d) japplikaw kondizzjonijiet differenti għal operazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra fil-kummerċ, u b'hekk iqiegħduhom fi żvantaġġ kompetittiv;

e) jagħmlu l-konklużjoni ta' kuntratti soġgetta għal aċċettazzjoni mill-partijiet l-oħra ta' obbligi supplimentari li, min-natura tagħhom jew skond l-użanza kummerċjali, m'għandhom ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawn il-kuntratti.

2. Akkordji jew deċiżjonijiet pprojbiti skond dan l-Artikolu għandhom ikunu nulli u bla effett.

3. Il-paragrafu 1 jista', madanakollu, jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-każ ta':

- kull akkordju jew kategorija ta' akkordji bejn impriżi,

- kull deċiżjoni jew kategorija ta' deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi, u

- kull prattika miftiehma jew kategorija ta' prattiċi miftiehma

li jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' merkanzija jew għall-promozzjoni ta' progress tekniku jew ekonomiku, waqt li jippermettu li l-konsumatur ikollu sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta, u li:

a) ma jimponux fuq l-impriżi konċernati restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

b) ma jippermettux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

--------------------------------------------------