SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Is-Seba’ Programm Qafas għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007‑2013) – Proġett SANAD – Spejjeż tal-persunal – Spejjeż eliġibbli – Talba għall-irkupru – Nota ta’ debitu – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Sostituzzjoni tal-motivi – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Oneru tal-prova – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑114/24 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑13 ta’ Frar 2024,
Global Nanotechnologies AE schediasmou anaptyxis paraskevis kai emorias ylikon nanotechnologias (Glonatech), stabbilita f’Lamía (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Scandamis, dikigoros,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA), irrappreżentata minn V. Canetti u S. Payan-Lagrou, bħala aġenti, assistiti minn M. Le Berre, avocat,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev, M. Condinanzi (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Global Nanotechnologies AE schediasmou anaptyxis paraskevis kai emporias ylikon nanotechnologias (Glonatech) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Diċembru 2023, Glonatech vs REA (T‑409/22, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:802), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiż, minn naħa, li jiġi ddikjarat li hija ssodisfat korrettament l-obbligi kuntrattwali tagħha u li hija għandha dritt sħiħ għall-ħlas tal-ispejjeż mitluba għall-proġett “Synthesis of Advanced top Nano-coatings with improved Aerodynamic and De-icing behavior” (SANAD) u, min-naħa l-oħra, li n-nota ta’ debitu Nru 3242113938 tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA), tat‑22 ta’ Diċembru 2021, li titlob lill-appellanti l-ħlas tas-somma ta’ EUR 202 883.48, tiġi annullata. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
2 |
L-Artikolu 125 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2018”), intitolat “Forom ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni”, kien jipprevedi: “1. Il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni [Ewropea] taħt ġestjoni diretta, kondiviża u indiretta għandhom jgħinu sabiex jinkisbu objettiv ta’ politika tal-Unjoni u r-riżultati speċifikati u jistgħu jkunu fi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:
Il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom, f’ġestjoni diretta jew indiretta, ikunu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 181 jew regoli speċifiċi għas-settur jew ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u, fil-ġestjoni kondiviża, f’konformità ma’ regoli speċifiċi għas-settur. Il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni taħt il-punti (c), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom, f’ġestjoni diretta jew indiretta, ikunu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 181, jew ma’ regoli speċifiċi għas-settur u, fil-ġestjoni kondiviża, f’konformità ma’ regoli speċifiċi għas-settur. 2. Meta tkun qed tiġi ddeterminata l-forma xierqa ta’ kontribuzzjoni, l-interessi tar-riċevituri potenzjali u l-metodi ta’ kontabilità għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun. 3. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jirrapporta dwar finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet skont il-punt (a) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rapport annwali tal-attività msemmi fl-Artikolu 74(9).” |
|
3 |
Skont l-Artikolu 181 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Somom f’daqqa, kostijiet unitarji u finanzjament b’rata fissa”: “1. Fejn l-għotja tieħu l-forma ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ finanzjament b’rata fissa kif imsemmi fil-punti (c), (d) jew (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 125(1) għandu japplika dan it-Titolu, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet jew partijiet mid-dispożizzjonijiet relatati mal-verifika ta’ kostijiet eliġibbli li fil-fatt iġġarrbu. 2. Fejn possibbli u xieraq, is-somom f’daqqa, il-kostijiet unitarji jew ir-rati fissi għandhom jiġu ddeterminati b’tali mod li jkunu jistgħu jitħallsu malli jinkisbu eżiti u/jew riżultati konkreti. 3. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-att bażiku, l-użu ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ finanzjament b’rata fissa għandu jkun awtorizzat permezz ta’ deċiżjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, li għandu jaġixxi skont ir-regoli interni tal-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 182 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Somom f’daqqa uniċi”, huwa fformulat kif ġej: “1. Somma f’daqqa kif imsemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 125(1) tista’ tkopri l-kostijiet eliġibbli kollha ta’ azzjoni jew programm ta’ ħidma (‘somma f’daqqa unika’). 2. F’konformità mal-Artikolu 181(4), jistgħu jiġu ddeterminati somom f’daqqa uniċi abbażi tal-istima tal-baġit tal-azzjoni jew programm ta’ ħidma. Tali stima tal-baġit għandha tikkonforma mal-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza u tal-effettività. Il-konformità ma’ dawk il-prinċipji għandha tiġi vverifikata ex ante waqt l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja. 3. Meta jawtorizza somma f’daqqa unika, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jikkonforma mal-Artikolu 181.” |
|
5 |
L-Artikolu 183 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Verifiki u kontrolli ta’ benefiċjarji relatati ma’ somom f’daqqa, kostijiet unitarji u rati fissi”, kien jipprevedi: “1. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jivverifika, sa mhux aktar tard minn qabel il-pagament tal-bilanċ, l-adempiment tal-kondizzjonijiet li jiskattaw il-ħlas ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ rati fissi, inkluż, fejn meħtieġa, il-kisba tal-eżiti u/jew ir-riżultati. Barra minn hekk, l-adempiment ta’ dawk il-kondizzjonijiet jista’ jkun soġġett għal kontrolli ex post. L-ammonti ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ finanzjament b’rata fissa ddeterminati ex ante b’applikazzjoni tal-metodu awtorizzat mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 181 ma għandhomx jiġu kkontestati minn kontrolli ex post. Dan huwa bla ħsara għad-dritt tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli li jivverifika li l-kondizzjonijiet li jiskattaw il-ħlas kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu huma ssodisfati, u sabiex inaqqas l-għotja f’konformità mal-Artikolu 131(4) fejn dawk il-kondizzjonijiet ma jkunux issodisfati jew fil-każ ta’ irregolarità, frodi jew ksur ta’ obbligazzjonijiet oħra. Meta somom f’daqqa, kostijiet unitarji jew rati fissi jkunu stabbiliti fuq il-bażi tal-prattiki kontabilistiċi komuni tal-kostijiet tal-benefiċjarju, għandu japplika l-Artikolu 185(2). 2. Il-frekwenza u l-ambitu tal-verifiki u l-kontrolli jistgħu jiddependu, fost l-oħrajn, fuq in-natura tal-azzjoni jew il-benefiċjarju, inklużi irregolaritajiet jew frodi attribwibbli għal dak il-benefiċjarju fil-passat. 3. Il-kondizzjonijiet li jiskattaw il-pagament ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ rati fissi ma għandhomx jeħtieġu r-rapportar dwar il-kostijiet li fil-fatt iġġarrbu mill-benefiċjarju. 4. Il-pagament tal-għotja fuq il-bażi ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ finanzjamenti b’rata fissa ma għandux jaffettwa d-dritt ta’ aċċess għar-rekords statutorji tal-benefiċjarji għall-finijiet imsemmijin fl-Artikoli 129 u 184. 5. Għall-finijiet tal-verifiki u l-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 186(3).” |
Id-dritt Belġjan
|
6 |
Fir-rigward tad-dritt Belġjan, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li kien hemm lok li jsir riferiment għall-code civil belge (il-Kodiċi Ċivili, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Belġjan”), kif kien fis-seħħ meta ġie konkluż u eżegwit il-ftehim ta’ sussidju. |
|
7 |
L-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan kienet tipprevedi: “Il-kuntratti magħmula skont il-liġi għandhom saħħa ta’ liġi għal dawk li jkunu għamluhom. Dawn il-kuntratti ma jistgħux jiġu mħassra ħlief bil-kunsens ta’ xulxin tal-partijiet, jew għal raġunijiet magħrufin mil-liġi. Dawn għandhom jiġu eżegwiti bil-bona fide.” |
|
8 |
L-Artikolu 1161 ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi: “Il-klawsoli kollha ta’ kuntratt jitfissru l-waħda bl-oħra, billi lil kull klawsola jingħata s-sens illi jidher mill-att kollu.” |
|
9 |
L-Artikolu 1162 tal-imsemmi kodiċi kien jaqra kif ġej: “Fid-dubju, il-konvenzjoni tiġi mfissra kontra dak li favur tiegħu saret l-obbligazzjoni u favur dak illi ntrabat bl-obbligazzjoni.” |
|
10 |
L-Artikolu 1163 tal-istess kodiċi kien jipprevedi: “Għalkemm il-kliem li bihom tkun imfissra konvenzjoni jkunu ġenerali, fil-konvenzjoni ma jidħlux ħlief il-ħwejjeġ li fuqhom ikun jidher li l-partijiet kellhom il-ħsieb li jikkuntrattaw”. |
|
11 |
L-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili kien jipprevedi li: “[m]in jitlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu jipproduċi prova tiegħu” u li, “reċiprokament, min jallega li huwa meħlus għandu jiġġustifika l-ħlas jew il-fatt li pproduċa l-estinzjoni tal-obbligu tiegħu.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
12 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 3 sa 24 tas-sentenza appellata kif ġej:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
13 |
Fit‑30 ta’ Ġunju 2022, l-appellanti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, intiż sabiex jiġi kkonstatat, essenzjalment, li hija ssodisfat korrettament l-obbligi kuntrattwali tagħha u li għalhekk hija ma kinitx responsabbli għall-ħlas tas-somma msemmija fin-nota ta’ debitu Nru 3242113938 kif ukoll għall-annullament ta’ din tal-aħħar. |
|
14 |
Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti qajmet erba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel nett, fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ sussidju, it-tieni nett, fuq ksur tal-modalitajiet ta’ verifika tal-ispejjeż, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ bona fide li kkontribwixxa għal inverżjoni tal-oneru tal-provi u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
15 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2023, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata. Permezz ta’ din is-sentenza, hija, minn naħa, ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti u, min-naħa l-oħra, laqgħet il-kontrotalba mressqa mir-REA intiża sabiex il-kreditu tagħha fil-konfront tal-appellanti jiġi ddikjarat stabbilit konformement mal-ftehim ta’ sussidju u reż eżekuttiv, u b’hekk ikkundannat lill-appellanti tħallas lir-REA l-ammont ta’ EUR 202 883.48, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar. |
|
16 |
Bħala kunsiderazzjonijiet preliminari, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 28 sa 32 tas-sentenza appellata, li hija kellha tiddeċiedi t-tilwima abbażi tad-dritt sostantiv applikabbli għall-ftehim ta’ sussidju. Hija enfasizzat li, f’dan il-każ, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-ftehim ta’ sussidju, dan huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tiegħu stess, mill-atti tad-dritt tal-Unjoni relatati mas-Seba’ Programm Qafas għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007–2013), mir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni kif ukoll mir-regoli ta’ implementazzjoni tiegħu, mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u, sussidjarjament, mid-dritt Belġjan. Il-Qorti Ġenerali żiedet li r-regoli sostantivi li jirregolaw il-ftehim ta’ sussidju huma previsti mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) u li r-regoli proċedurali li jirregolaw l-awditu finanzjarju jirriżultaw mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018. |
|
17 |
Fir-rigward tad-dritt Belġjan, il-Qorti Ġenerali indikat li kien hemm lok li jsir, fl-ewwel lok, eżaminat u ċaħdet bħala infondat, fil-punti 35 sa 54 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv tal-appellanti li, essenzjalment, ir-REA wettqet b’mod żbaljat rapport ta’ awditu finali, li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ sussidju, fir-rigward ta’ finanzjament b’rata fissa li, minħabba f’hekk, ma kellux jiġi suġġett għal verifika ex post. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-istipulazzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju, b’mod partikolari tal-Artikolu II.17 u tal-Artikolu II.21 tal-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, it-teħid ta’ responsabbiltà b’rata fissa tal-ispejjeż eliġibbli, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ kollokament, ma kien iwassal għal ebda konsegwenza fuq il-fakultà tar-REA jew tal-Kummissjoni li twettaq awditu finanzjarju u, f’dan il-kuntest, titlob lill-appellanti, bħala benefiċjarja, tippreżenta dokumenti probatorji sabiex turi r-realtà tal-ispejjeż sostnuti sabiex jiġi vverifikat li “[dan il-ftehim] huwa ġestit tajjeb u [li] id-dispożizzjonijiet tiegħu huma osservati mill-perspettiva tal-eżekuzzjoni tiegħu”, kif huwa previst fl-Artikolu II.21(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim. |
|
19 |
Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li b’dan il-mod, it-talba għal tali dokumenti ta’ sostenn, li fir-rigward tagħhom xejn ma kien jippermetti f’dan il-każ li jitqies li din saret tardivament, ma kinitx tammonta, kuntrarjament għal dak li sostniet l-appellanti, sabiex tikkontesta n-natura ta’ rata fissa tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż inkwistjoni, iżda kellha biss l-għan li turi li dawn l-ispejjeż, b’mod partikolari dawk relatati mal-kollokamenti ta’ riċerkaturi, kienu effettivament ġew sostnuti, li kien jagħti d-dritt għat-teħid ta’ responsabbiltà b’rata fissa tagħhom. |
|
20 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 44 sa 53 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti intiżi li jikkontestaw dan l-approċċ u ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-proġett SANAD seta’ jitlesta b’suċċess ma kienx jippermetti li tiġi kkontestata l-implimentazzjoni tal-awditu finanzjarju jew il-kundizzjonijiet ta’ din l-implimentazzjoni mir-REA. |
|
21 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet bħala li kien infondat, fil-punti 55 sa 66 tas-sentenza appellata, it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur mir-REA tal-modalitajiet ta’ verifika tal-infiq li sar mill-appellanti, sa fejn, sabiex tikkompleta l-provi prodotti inizjalment minn din tal-aħħar, din talbet lill-appellanti provi addizzjonali, bħal karti tal-imbarkazzjoni jew irċevuti ta’ spejjeż ta’ akkomodazzjoni tar-riċerkaturi involuti fil-proġett. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li skont l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu II.21.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju, dan il-ftehim, l-istess bħad-dritt ta’ awditu li jirriżulta minnu, jeżiġu li l-benefiċjarju jkun f’pożizzjoni li jipproduċi “l-informazzjoni u d-data ddettaljata kollha” sabiex jipproduċi l-prova tal-ispejjeż u l-attivitajiet kif ukoll il-konformità tagħhom mal-imsemmi ftehim. |
|
23 |
Madankollu, skont il-kunsiderazzjonijiet ifformulati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, peress li l-awditu finanzjarju wera ċerti nuqqasijiet, jew saħansitra inkoerenzi, fit-talba għal teħid ta’ responsabbiltà tal-kollokamenti kontenzjużi, kien id-dmir tar-REA li titlob provi li setgħu jieħdu l-forma, fir-rigward tal-prova tal-vjaġġi lejn l-università ospitanti, b’mod partikolari ta’ biljetti tat-trasport u ta’ karti tal-imbarkazzjoni, u fir-rigward tas-soġġorni fuq il-post, b’mod partikolari ta’ rċevuti ta’ spejjeż ta’ akkomodazzjoni. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li, skont prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tissussidja biss spejjeż effettivament sostnuti. Minn dan il-prinċipju jirriżulta li ma huwiex biżżejjed għall-benefiċjarju tal-għajnuna li juri li proġett ikun twettaq sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ sussidju speċifiku. Din tal-aħħar għandha, barra minn hekk, tressaq il-prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tas-sussidju jew tal-għajnuna finanzjarja kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż debitament iġġustifikati li jistgħu jitqiesu li huma eliġibbli. L-obbligu tiegħu li josserva l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti jikkostitwixxi impenn essenzjali u, minħabba f’hekk, jikkundizzjona l-għoti tas-sussidju tal-Unjoni. |
|
25 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet bħala infondat, fil-punti 67 sa 96 tas-sentenza appellata, it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipju ta’ bona fide min-naħa tar-REA sa fejn l-appellanti kienet, fi kwalunkwe każ, ikkomunikat fil-ħin id-dokumenti mitluba kollha u li ċ-ċaħda tat-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż ta’ kollokament fil-kuntest ta’ verifika ex post twettqet bi ksur ta’ dan il-prinċipju. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata, li, f’kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa, jistgħu jitwettqu verifiki ex post fil-kuntest ta’ awditu finanzjarju, konformement mal-Artikolu 183 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018. |
|
27 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenniet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li ma huwiex biżżejjed li jkunu ntlaħqu eżiti jew riżultati konkreti fil-kuntest tal-proġett SANAD fil-livell xjentifiku jew tekniku u b’mod konformi ma’ dak li kien stipulat fil-ftehim ta’ sussidju sabiex jippermetti l-ħlas awtomatiku tal-għajnuna finanzjarja b’rata fissa tal-Unjoni jew sabiex jirrendi inutli awditu finanzjarju li, bħal f’dan il-każ, kienet intiża sabiex tivverifika mhux l-implimentazzjoni tal-għanijiet konkreti assenjati lill-imsemmi proġett, iżda l-eżattezza tal-informazzjoni li tagħti dritt għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna. |
|
28 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata, li r-relazzjonijiet bejn il-partijiet huma rregolati, prinċipalment, mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju, fosthom l-Artikolu II.21(2) u (3) tal-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu jipprevedi l-possibbiltà għar-REA jew għall-Kummissjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ awditu finanzjarju, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-proġett SANAD, li jitolbu lill-appellanti, bħala benefiċjarja, tippreżenta dokumenti ta’ sostenn sabiex turi r-realtà tal-ispejjeż sostnuti. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, ir-REA qatt ma kellha l-intenzjoni li temenda d-drittijiet li hija tislet mill-ftehim ta’ sussidju, u lanqas li tirrinunzja għal parti minnhom, fir-rigward tal-possibbiltà li hija kellha li teżiġi l-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn min-naħa tal-appellanti. |
|
29 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet bħala infondat, fil-punti 97 sa 104 tas-sentenza appellata, ir-raba’ motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur mir-REA tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-evalwazzjoni tagħha tal-prova tal-ispejjeż iddikjarati mill-appellanti. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, li jieħu l-forma ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, iqis li huwa insuffiċjenti li l-benefiċjarju ta’ tali għajnuna, sabiex ikun jista’ jiġġustifika l-għoti tagħha, juri li proġett twettaq u jeżiġi li l-imsemmi benefiċjarju jipproduċi l-prova li l-ispejjeż iddikjarati ġew sostnuti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata. |
|
31 |
Issa, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 100 tas-sentenza appellata, ir-REA qieset ġustament li l-provi prodotti inizjalment mill-appellanti u li kienu relatati mal-ispejjeż ta’ vvjaġġar u ta’ soġġorn ta’ diversi riċerkaturi kkollokati ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ftehim ta’ sussidju. |
|
32 |
Minn dan isegwi, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata, li fid-dawl tal-obbligi tagħha bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, ir-REA ma kellhiex għażla oħra ħlief li titlob lill-appellanti r-rimbors ta’ parti mill-għajnuna finanzjarja rċevuta indebitament u li r-REA ma tistax tiġi kkritikata bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta hija kkonformat ruħha biss mal-obbligu tagħha li titlob ir-rimbors tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-appellanti, fi proporzjon mal-ksur minn din tal-aħħar tal-obbligi kuntrattwali tagħha. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
|
33 |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
34 |
Ir-REA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
35 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem ħames aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa, it-tielet wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ftehim ta’ sussidju u tad-dritt Belġjan, ir-raba’ wieħed, fuq żnaturament tal-provi u, il-ħames wieħed, fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
Fuq l-ewwel aggravju
|
36 |
L-ewwel aggravju huwa dirett kontra l-punti 34 u 53 tas-sentenza appellata u huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-asimetrija bejn il-partijiet fil-ftehim ta’ sussidju u rrifjutat li tapplika l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. |
|
37 |
Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti
– L-argumenti tal-partijiet
|
38 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta ma jistax, bħala prinċipju, jiġi invokat b’mod validu f’tilwima li hija ta’ natura kuntrattwali u li taqa’ taħt l-implimentazzjoni tal-Artikolu 272 TFUE, minħabba li din tal-aħħar tista’ tinvoka biss ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew tad-dritt applikabbli għall-kuntratt meta, bħal f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma tkunx adita simultanjament, skont l-Artikolu 263 TFUE, b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv li jifformalizza kreditu kuntrattwali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat rreferiet għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 88), li applikat b’analoġija. Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali qieset, ukoll b’mod żbaljat, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li minkejja l-użu ta’ terminoloġija karatteristika tar-rikorsi ppreżentati abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors kellu jitqies li huwa bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u bħala li jaqa’ taħt il-kontenzjuż kuntrattwali. |
|
39 |
L-appellanti tqis li tali evalwazzjoni tikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, u ssostni li, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jagħtu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex teżamina eventwali ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
|
40 |
Ir-REA ssostni, preliminarjament, li l-punti 34 u 53 tas-sentenza appellata ma jiksrux id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn, minn naħa, il-punt 53 ta’ din is-sentenza jesponi r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali tqis li ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta ma jistax, bħala prinċipju, jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u, min-naħa l-oħra, il-punt 34 tal-istess sentenza jagħti kjarifika dwar il-portata tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. B’hekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
41 |
Sussidjarjament, ir-REA ssostni li din il-parti ma hijiex fondata sa fejn, minn naħa, il-punt 34 tas-sentenza appellata jaqa’ taħt l-osservazzjonijiet preliminari tal-Qorti Ġenerali intiżi li jiġi kkonstatat li r-rikors tal-appellanti, ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u mhux fuq l-Artikolu 263 TFUE, huwa ammissibbli u, min-naħa l-oħra, li l-kontestazzjonijiet tal-appellanti msemmija fil-punt 54 tas-sentenza appellata ma huma sostnuti minn ebda argument. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
42 |
Għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplika l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95, u tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Union des industries de la protection des plantes,C‑514/19, EU:C:2020:803, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Meta l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jaġixxu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jkunu stipulaw il-klawżoli tiegħu, din is-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fis-sens tal-Artikolu 51 tagħha. |
|
44 |
B’hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jeżegwixxu kuntratt, huma jibqgħu suġġetti għall-obbligi tagħhom skont il-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-fatt li d-dritt applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat ma jiżgurax l-istess garanziji bħal dawk mogħtija mill-Karta u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi tal-Unjoni milli jiżguraw l-osservanza tagħhom fir-rigward tal-kontraenti tagħha (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 82; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86). |
|
45 |
Barra minn hekk, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jattribwixxu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex tevalwa ksur eventwali tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81). |
|
46 |
Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata iktar reċentement, u qabel l-għoti tas-sentenza appellata, f’kuntest analogu għal dak ta’ din il-kawża, jiġifieri fil-kuntest ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali li ddeċidiet dwar rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, li fih l-appellanti sostniet b’mod partikolari l-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, SGI Studio Galli Ingegneria vs Il‑Kummissjoni, C‑371/21 P, EU:C:2022:566, punt 79, u tad‑29 ta’ Settembru 2022, HIM vs Il‑Kummissjoni, C‑500/21 P, EU:C:2022:741, punt 41). |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà għall-qorti tal-Unjoni li tivverifika l-eventwali ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta f’tilwima li, bħal f’dan il-każ, taqa’ taħt l-implimentazzjoni tal-Artikolu 272 FUE. |
|
48 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher li huwa fondat abbażi ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi u li l-appell jiġi miċħud (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta tidhirx li hija fondata abbażi ta’ motivi tad-dritt differenti minn dawk ivvizzjati bl-iżball identifikat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, konformement mal-Artikolu 183(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jivverifika, sa mhux iktar tard minn qabel il-pagament tal-bilanċ, l-adempiment tal-kundizzjonijiet li jiskattaw il-ħlas ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ rati fissi, inkluż, fejn meħtieġa, il-kisba tal-eżiti u/jew ir-riżultati. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ verifiki ex post u b’hekk tirrikonoxxi espressament id-dritt tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli li jivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet li jagħtu lok għall-ħlas u li jnaqqas is-sussidju, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet jew ta’ irregolarità, ta’ frodi jew ta’ ksur ta’ obbligi oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-istipulazzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju konkluż bejn il-partijiet, u b’mod partikolari mal-Artikolu II.21(1) tiegħu, fi kwalunkwe mument tal-eżekuzzjoni tal-proġett u sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin wara t-tmiem tiegħu, ir-REA jew il-Kummissjoni jistgħu jwettqu awditi finanzjarji relatati mal-eżekuzzjoni tajba tal-ftehim ta’ sussidju. |
|
51 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu II.21(3) ta’ dan il-ftehim jipprevedi l-obbligu għall-benefiċjarju tal-finanzjament li jżomm, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, l-oriġinali jew, f’każijiet eċċezzjonali, il-kopji ċċertifikati konformi tal-oriġinali, inklużi kopji elettroniċi, tad-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-ftehim ta’ sussidju. |
|
52 |
Issa, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punti 7 sa 10 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-proġett SANAD intemm fil‑31 ta’ Diċembru 2016 u li r-REA informat lill-appellanti fil‑21 ta’ Awwissu 2019 dwar il-bidu ta’ proċedura ta’ awditu, wara li bagħtet posta elettronika fit‑8 ta’ Ottubru 2018, li permezz tagħha hija kienet diġà qajmet, fil-kuntest tal-ħlas finali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-proġett SANAD u għalhekk qabel il-ħlas tal-bilanċ, l-eżistenza ta’ ċertu numru ta’ anomaliji u ta’ lakuni fid-dokumenti ta’ sostenn prodotti mill-appellanti. |
|
53 |
Barra minn hekk, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-ftehim ta’ sussidju kien jistipula li l-awditi finanzjarji setgħu jitwettqu mill-persunal tar-REA jew tal-Kummissjoni, u kkonstatat li, għalkemm l-appellanti invokat nuqqas ta’ imparzjalità tal-imsemmi persunal, hija ma pproduċiet l-ebda prova f’dan ir-rigward. |
|
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-awditu inkwistjoni la twettqet tardivament u lanqas skont modalitajiet li jmorru kontra l-prinċipju ta’ imparzjalità. |
|
55 |
B’hekk jidher li, minkejja l-iżball ta’ liġi identifikat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-argument ta’ Glonatech ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, ma kienx fondat u għalhekk seta’ jiġi miċħud mill-Qorti Ġenerali. |
|
56 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti
– L-argumenti tal-partijiet
|
57 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, billi eskludiet l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn injorat l-asimetrija bejn il-partijiet fil-ftehim ta’ sussidju. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tkun kemm imħallef kif ukoll parti, u b’hekk jiġu akkumulati prerogattivi ta’ awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-Artikolu 41 tal-Karta jipprekludi l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika fl-eżerċizzju ta’ drittijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet kuntrattwali li fil-kuntest tagħhom, bħala prinċipju, il-partijiet għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza. |
|
58 |
Billi injorat dan l-aspett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 1161 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, jiġifieri n-neċessità ta’ approċċ globali fl-interpretazzjoni ta’ kuntratt, sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-effett tal-finanzjament b’rata fissa. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1162 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li jipprevedi li, fid-dubju, il-ftehim għandu jiġi interpretat kontra dak li jkun stipula u favur min ikun ikkonkluda l-obbligu. |
|
59 |
Ir-REA tqis li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
60 |
Għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwożiti li jirriżultaw mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-punti kkontestati tas-sentenza li jkun intalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali speċifikament invokati insostenn ta’ din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernata (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Região Autónoma da Madeira vs Il‑Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira), C‑547/23 P, EU:C:2025:22, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Barra minn hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li appell huwa inammissibbli inkwantu sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema eżami ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, kif tirrileva r-REA, l-argument tal-appellanti ma huwiex dirett kontra l-konstatazzjonijiet tas-sentenza appellata, iżda, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-riferiment magħmul mill-appellanti, fl-appell tagħha, għar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, jirrigwarda pjuttost it-tilwima bejn il-partijiet fil-ftehim ta’ sussidju, li diġà kienet is-suġġett tal-proċedura fl-ewwel istanza. |
|
63 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-riferimenti magħmula mill-appellanti għall-Artikoli 1161 u 1162 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan la jirrigwardaw il-punti 34 u 53 tas-sentenza appellata u lanqas xi parti oħra identifikata tas-sentenza appellata. B’hekk l-appellanti sempliċement tirreferi għal nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet għall-ftehim ta’ sussidju u tikkontesta, essenzjalment, li s-sentenza ma laqgħetx il-motivi u l-argumenti li hija ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, mingħajr ma tidentifika żball ta’ liġi jew klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti mill-Qorti Ġenerali li jistgħu konkretament iwasslu għal ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta. |
|
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
65 |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
66 |
It-tieni aggravju huwa dirett kontra l-punti 40 sa 47 tas-sentenza appellata u huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa. |
|
67 |
L-appellanti tqis li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ftehim ta’ sussidju kien qabelxejn irregolat mid-dispożizzjonijiet tiegħu stess u li n-natura fissa tal-finanzjament ta’ ċerti spejjeż taħt dan il-ftehim ma kinitx rilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-verifiki li jistgħu jitwettqu ex post fil-kuntest ta’ awditu finanzjarju. L-appellanti ssostni b’hekk li din is-sentenza tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-finanzjament b’rata fissa. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li “t-teħid ta’ responsabbiltà b’rata fissa tal-ispejjeż eliġibbli, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ kollokament, ma kien iwassal għal ebda konsegwenza fuq il-fakultà tar-REA jew tal-Kummissjoni li twettaq awditu finanzjarju u, f’dan il-kuntest, titlob lir-rikorrenti, bħala benefiċjarja, tippreżenta dokumenti probatorji sabiex turi r-realtà tal-ispejjeż sostnuti” u, fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li “t-talba għal tali dokumenti ġustifikattivi […] ma twassalx […] sabiex tiġi kkontestata n-natura ta’ rata fissa tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż inkwistjoni, iżda kellha biss l-għan li turi li dawn l-ispejjeż, b’mod partikolari dawk relatati mal-kollokamenti ta’ riċerkaturi, kienu effettivament sostnuti, li kien jagħti d-dritt għat-teħid ta’ responsabbiltà b’rata fissa tagħhom”. |
|
69 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-finanzjament b’rata fissa, b’mod partikolari l-Artikoli 181 u 183 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018. Essenzjalment, skont l-appellanti, f’kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, verifiki ex post ma jistgħux jikkontestaw l-ammont tal-finanzjament mogħti. |
|
70 |
Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
71 |
It-tieni aggravju huwa dirett kontra l-punti 40 sa 47 tas-sentenza appellata u huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-finanzjament b’rata fissa, b’mod partikolari l-Artikoli 181 u 183 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018. Essenzjalment, l-appellanti tqis li, fil-kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li jsiru verifiki ex post u b’hekk li jitnaqqas l-ammont tal-finanzjament mogħti. |
|
72 |
Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, kif issostni r-REA, li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-ftehim ta’ sussidju huwa “qabelxejn irregolat mid-dispożizzjonijiet tiegħu stess”, ma tistax tiġi interpretata bħala li twassal għal applikazzjoni esklużiva tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju, iżda pjuttost bħala li tagħti prijorità lid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim fuq dispożizzjonijiet oħra li jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu applikabbli, b’tali mod li dan l-argument tal-appellanti jirriżulta minn qari żbaljat ta’ din is-sentenza. |
|
73 |
B’mod partikolari, wara li fakkret, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli II.17 u II.21 tal-ftehim ta’ sussidju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li “l-qari tal-istipulazzjonijiet ta’ [dan il-ftehim] jippermetti li jiġi kkonstatat li t-teħid ta’ responsabbiltà b’rata fissa tal-ispejjeż eliġibbli, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ kollokament, ma kien iwassal għal ebda konsegwenza fuq il-fakultà tar-REA jew tal-Kummissjoni li twettaq awditu finanzjarju u, f’dan il-kuntest, titlob lir-rikorrenti, bħala benefiċjarja, tippreżenta dokumenti probatorji sabiex turi r-realtà tal-ispejjeż sostnuti sabiex jiġi vverifikat li ‘[l-imsemmi ftehim] huwa ġestit tajjeb u [li] id-dispożizzjonijiet tiegħu huma osservati mill-perspettiva tal-eżekuzzjoni tiegħu’, kif huwa previst fl-Artikolu II.21 (2) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal- [istess] ftehim.” |
|
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett, fis-sentenza appellata, l-Artikoli 181 u 183 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 77 sa 80 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li anki f’kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa, jistgħu jitwettqu verifiki ex post fil-kuntest ta’ awditu finanzjarju. |
|
75 |
Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 183(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jivverifika, mhux iktar tard minn qabel il-pagament tal-bilanċ, l-adempiment tal-kundizzjonijiet li jiskattaw il-ħlas ta’ somom f’daqqa, ta’ kostijiet unitarji jew ta’ rati fissi, inkluż, fejn meħtieġa, il-kisba tal-eżiti u/jew ir-riżultati.. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ verifiki ex post u b’hekk tirrikonoxxi espressament id-dritt tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli li jivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet li jagħtu lok għall-ħlas u li jnaqqas is-sussidju, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet jew ta’ irregolarità, ta’ frodi jew ta’ ksur ta’ obbligi oħra. |
|
76 |
Barra minn hekk, il-ftehim ta’ sussidju jipprevedi espressament, fl-Artikolu II.21(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, taħt it-titolu “Awditjar u kontrolli finanzjarji”, li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar b’mod partikolari fil-punt 41 tas-sentenza appellata, l-obbligu għall-benefiċjarju tal-finanzjament li jżomm, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, l-oriġinali jew, f’każijiet eċċezzjonali, il-kopji ċċertifikati konformi tal-oriġinali, inklużi kopji elettroniċi, tad-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-ftehim ta’ sussidju u jipprevedu wkoll l-obbligu ta’ dan il-benefiċjarju li jqiegħed dawn id-dokumenti għad-dispożizzjoni tar-REA jew tal-Kummissjoni matul awditu fil-kuntest ta’ dan il-ftehim. |
|
77 |
Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti ssostni li ma huwiex possibbli, fil-kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa bħal dak f’dan il-każ, li jsiru verifiki ex post. |
|
78 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
79 |
It-tielet aggravju huwa dirett kontra l-punti 40 sa 49, 57 u 91 tas-sentenza appellata u huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju, b’mod partikolari tal-Artikoli II.17 u II.21 u tal-Anness III tiegħu, kif ukoll tal-Artikoli 1161 sa 1163 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. |
|
80 |
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta invokat, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata, l-Artikoli II.17 u II.21 tal-ftehim ta’ sussidju sabiex tiddeskrivi l-kundizzjonijiet li jagħtu lok għall-pagamenti fil-kuntest tal-finanzjamenti b’rata fissa filwaqt li dawn huma stabbiliti b’mod preċiż fl-Anness III ta’ dan il-ftehim. Minħabba f’hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ tali interpretazzjoni u kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 li jipprevalu fuq dawk tal-ftehim ta’ sussidju. |
|
81 |
Barra minn hekk, skont l-appellanti, billi bbażat ruħha fuq il-klawżola ġenerali tal-Artikolu I.21.3 tal-ftehim ta’ sussidju, li tirreferi mingħajr distinzjoni għall-forom kollha ta’ finanzjament mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-finanzjamenti b’rata fissa kif stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, u fl-Anness III ta’ dan il-ftehim, sabiex tiġġustifika l-fatt li r-REA talbet il-produzzjoni ta’ elementi addizzjonali, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 1161 sa 1163 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. |
|
82 |
Ir-REA ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
83 |
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju u tal-Artikoli 1161 sa 1163 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. |
|
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali ta’ dispożizzjoni kuntrattwali, bħad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju, ma jistax jitqies li huwa interpretazzjoni tad-dritt u għalhekk ma jistax jiġi vverifikat fil-kuntest ta’ appell mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-fatti (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, ERCEA vs Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis,C‑280/19 P, EU:C:2021:23, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
Tali konklużjoni hija rilevanti wkoll fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali naqset milli tinterpreta n-nuqqas ta’ ċarezza tal-ftehim ta’ sussidju favur tagħha, konformement mal-Artikolu 1162 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. Fil-fatt, b’dan il-mod, l-appellanti tikkontesta fir-realtà l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-formulazzjoni tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali kienet ċara u inekwivoka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2017, Ludwig-Bölkow-Systemtechnik vs Il‑Kummissjoni, C‑250/16 P, EU:C:2017:871, punti 48 u 49). |
|
86 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward ta’ interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratti stipulati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-appell, biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, li għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Jenkinson vs Il‑Kunsill et, C‑46/22 P, EU:C:2024:50, punt 107). |
|
87 |
F’dan il-każ, l-appellanti ma tallegax li l-Qorti Ġenerali wettqet żball li jirriżulta minn żnaturament tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. |
|
88 |
L-appellanti lanqas ma tista’ validament issostni li, billi rreferiet għall-klawżola tal-Artikolu II.21(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim ta’ sussidju, il-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li jipprevalu fuq dawk ta’ dan il-ftehim. Fil-fatt, mill-punti 74 sa 77 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-istipulazzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju li jipprevedu obbligu li jinżammu d-dokumenti relatati miegħu u li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-REA jew tal-Kummissjoni fil-każ ta’ awditu huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li jawtorizza verifiki ex post fil-kuntest ta’ awditu finanzjarju, inkluż fil-każ ta’ finanzjament b’rata fissa. |
|
89 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi l-interpretazzjoni tagħha tal-ftehim ta’ sussidju, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li n-natura b’rata fissa tat-teħid ta’ responsabbiltà ma kinitx inkompatibbli mat-talbiet għal dokumenti ta’ sostenn ifformulati ex post, tirriżulta mill-analiżi fil-fond tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim imwettqa fil-punti 41, 42 u 46 tas-sentenza appellata. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali mmotivat suffiċjentement skont il-liġi l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward. |
|
90 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
|
91 |
Ir-raba’ aggravju huwa dirett kontra l-punti 48, 55, 61, 62, 82 sa 86 u 103 tas-sentenza appellata u huwa bbażat, minn naħa, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-provi prodotti mill-appellanti f’kuntest ta’ finanzjament b’rata fissa u, min-naħa l-oħra, fuq żnaturament ta’ dawn il-provi. |
|
92 |
Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet intiżi sabiex jiġu kkonstatati żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda, rispettivament, l-evalwazzjoni tal-grad ta’ prova meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà tal-pagamenti abbażi ta’ finanzjament b’rata fissa; iċ-ċaħda tal-provi prodotti mill-appellanti u l-iżnaturament ta’ dawn il-provi kif ukoll il-klassifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kapaċità tar-REA li tevalwa provi matul awditu. |
Fuq l-ewwel parti
– L-argumenti tal-partijiet
|
93 |
L-ewwel parti tar-raba’ aggravju tindirizza l-punti 48 u 62 tas-sentenza appellata. |
|
94 |
L-appellanti ssostni li, billi affermat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li “skont prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, din tal-aħħar tista ’ tissussidja biss spejjeż effettivament minfuqa”, il-Qorti Ġenerali injorat id-distinzjonijiet previsti fl-Artikolu 125(1) kif ukoll fl-Artikoli 181 u 182 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, dwar il-kundizzjonijiet ta’ skattar tal-ħlasijiet skont il-forom ta’ finanzjament ikkonċernati, li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tinjora l-karatteristiċi partikolari relatati mal-finanzjamenti b’rata fissa. |
|
95 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, meta ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li “l-ispejjeż kollha koperti b’rata fissa huma ġġustifikati sa fejn hija wettqet il-proġett SANAD”, jew saħansitra fuq il-fatt li t-tlestija tal-imsemmi proġett kienet tkun impossibbli li kieku l-kollokamenti qatt ma seħħew jew seħħew biss parzjalment ħafna. Skont l-appellanti, fil-kuntest ta’ dan il-proġett, u fid-dawl tal-fatt li s-sempliċi okkorrenza ta’ kollokamenti tar-riċerkaturi tikkostitwixxi kundizzjoni għall-bidu tal-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-finanzjament b’rata fissa, il-kisba tar-riżultati mistennija hija diġà prova li tippermetti li jiġi stabbilit, waħedha, li tali kollokamenti effettivament seħħew. Fil-fatt, f’dan il-każ, dan huwa proġett li għandu jitwettaq biss permezz ta’ “attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien u ta’ mobbiltà intersettorjali”. Fi kliem ieħor, li kieku ma seħħewx il-kollokamenti, ma kien jinkiseb l-ebda riżultat. |
|
96 |
Ir-REA ssostni li din il-parti hija inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, infondata. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
97 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddikjarat, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-proġett SANAD seta’ jitlesta b’suċċess ma jippermettix li tiġi kkontestata l-implimentazzjoni tal-awditu finanzjarju jew il-kundizzjonijiet ta’ din l-implimentazzjoni mir-REA. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, ma huwiex biżżejjed li l-proġett ikkonċernat ikun ġie korrettament eżegwit fuq il-livell tekniku u b’mod konformi ma’ dak li kien stipulat fil-ftehim ta’ sussidju sabiex l-appellanti jkollha dritt għall-għajnuna finanzjarja prevista. Huwa meħtieġ ukoll li l-appellanti tkun wettqet b’mod korrett l-obbligi tagħha taħt l-imsemmi ftehim, b’mod li r-REA tkun tista’, konformement mal-Artikolu II.21 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-istess ftehim, tivverifika, b’mod partikolari waqt awditu finanzjarju, li l-ispejjeż iddikjarati kienu eliġibbli u ġġustifikati. Għal dan l-għan, huwa importanti, b’mod partikolari, li l-benefiċjarju jkun f’pożizzjoni li jipproduċi l-prova li l-ispejjeż iddikjarati ġew effettivament sostnuti għall-eżekuzzjoni tal-proġett inkwistjoni. |
|
98 |
Konsegwentement, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tal-imsemmija sentenza, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi finanzjarji stipulati fil-ftehim ta’ sussidju, il-benefiċjarju tal-għajnuna finanzjarja jitlef id-dritt għall-ħlas tas-sussidji u, għaldaqstant, skont l-Artikolu II.21(6) tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim, il-kontraenti tal-appellanti hija obbligata tieħu l-miżuri kollha xierqa f’dan ir-rigward, inkluż l-irkupru sħiħ jew parzjali tas-sussidju, indipendentement mill-fatt li l-proġett SANAD ikun ġie korrettament eżegwit fuq il-livell tekniku. |
|
99 |
Minn dan isegwi li l-benefiċjarju tas-sussidju jikseb dritt definittiv għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni biss jekk il-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-għoti tas-sussidju jkunu ssodisfatti. Ma huwiex biżżejjed, għall-benefiċjarju tas-sussidju, li juri li proġett twettaq sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ sussidju partikolari, peress li huwa għandu jipproduċi l-prova li l-ispejjeż iddikjarati ġew sostnuti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fil-ftehim ta’ sussidju għall-għoti tas-sussidji kkonċernati. |
|
100 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
– L-argumenti tal-partijiet
|
101 |
Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, li hija diretta kontra l-punti 55 u 61 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet, fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li s-sistema ta’ kontroll magħrufa bħala “Reporting and Participants Portal” (portal tar-rapporti u tal-parteċipanti), imfassla mir-REA u ġestita taħt ir-responsabbiltà tagħha stess sabiex tissodisfa l-bżonnijiet funzjonali essenzjali, kienet nieqsa minn affidabbiltà u minn saħħa probatorja suffiċjenti. F’dan il-kuntest, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-eżistenza ta’ obbligu għar-REA li taċċetta din is-sistema ta’ kontroll bħala prova parallela suffiċjenti tal-kollokamenti hija abbużiva u tikser l-Artikolu 1162 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. |
|
102 |
Min-naħa l-oħra, la l-Qorti Ġenerali u lanqas ir-REA ma pprovdew raġunijiet li jiġġustifikaw li allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tal-benefiċjarju li jirreġistra, fl-imsemmija sistema ta’ verifika, il-prestazzjoni ta’ membru tal-persunal ikkollokat tal-organizzazzjoni ta’ oriġini fil-bini tiegħu jista’ jqiegħed f’dubju r-realtà tal-preżenza ta’ dan il-kollokat. Il-Qorti Ġenerali sempliċement affermat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li r-reġistrazzjonijiet fis-sistema ta’ kontroll prevista f’dan il-każ huma “stabbiliti abbażi ta’ sempliċi affidavits tal-parteċipanti fil-proġett SANAD”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra. Skont l-appellanti, il-provi b’hekk ġew żnaturati b’tali mod li nqalgħu suspetti fuq il-benefiċjarji kollha li aġixxew b’kollużjoni, li qatt ma kien il-każ u, fi kwalunkwe każ, imur kontra l-konklużjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). |
|
103 |
Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, li hija diretta kontra l-punti 82 sa 86 u 103 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li, permezz tal-posta elettronika tagħha tat‑8 ta’ Ottubru 2018, ir-REA emendat it-termini tal-ftehim ta’ sussidju u li hija ħolqot fi ħdan l-appellanti aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tar-riċerkaturi, li jikkostitwixxu kontribuzzjoni ta’ natura fissa, ma humiex suġġetti għall-verifika tar-realtà tagħhom. Minn dan isegwi li l-appellanti ma setgħetx tistenna li, permezz tal-ittra tal‑21 ta’ Awwissu 2019, ir-REA tibda awditu finanzjarju tal-ftehim ta’ sussidju. B’hekk, il-benefiċjarji tal-proġett, fosthom l-appellanti, ibbażaw ruħhom b’mod deċiżiv fuq il-posta elettronika tar-REA tat‑8 ta’ Ottubru 2018 qabel ma sabu ruħhom, wara l-ittra tal‑21 ta’ Awwissu 2019, f’daqqa waħda kkonfrontati b’lista twila ta’ informazzjoni li kellha tiġi pprovduta u dan, meta l-awditu kien diġà beda. |
|
104 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li “ma huwiex possibbli li jitqies li l-formulazzjoni tal-[posta elettronika] tar-REA tat‑8 ta’ Ottubru 2018 għandhom kontradizzjonijiet ma’ dawk li jinsabu, b’mod partikolari, fl-ittra sussegwenti tar-REA tal‑21 ta’ Awwissu 2019” u li “bl-ebda mod ma huwa eskluż li d-dokumenti meħtieġa jippermettu li jiġu vverifikati d-dati effettivi tal-kollokamenti”. |
|
105 |
Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-posta elettronika tat‑8 ta’ Ottubru 2018 kellha l-effett li ssaħħaħ lill-appellanti fil-prassi eventwali tagħha li tikkonsisti f’li ma tikkonservax id-dokumenti tal-ivvjaġġar relatati mal-kollokamenti. |
|
106 |
Ir-REA ssostni li t-tieni u t-tielet parti tar-raba’ aggravju huma inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondati. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
107 |
Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, kif ukoll sabiex tevalwa l-provi prodotti. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi ma jikkostitwixxux, għalhekk, kwistjoni ta’ liġi li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 22 u tal‑14 ta’ Jannar 2021, ERCEA vs Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis,C‑280/19 P, EU:C:2021:23, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
108 |
Barra minn hekk, meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2024, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑441/21 P, EU:C:2024:477, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
109 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tas-saħħa probatorja tad-dokumenti tal-proċess ma tistax, ħlief fil-każijiet ta’ ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova u ta’ żnaturament ta’ dawn id-dokumenti, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, SGI Studio Galli Ingegneria vs Il‑Kummissjoni, C‑371/21 P, EU:C:2022:566, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
110 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, kif issostni r-REA, minn naħa, li, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement tiġbor fil-qosor it-tieni motiv tal-appellanti fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza u ma tifformula ebda evalwazzjoni f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 61 ta’ din is-sentenza tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Issa, l-appellanti ma tispjegax kif din l-evalwazzjoni tirriżulta minn żnaturament mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn il-provi. |
|
111 |
Bl-istess mod, fir-rigward tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, anki jekk jitqies li l-appellanti għandha l-intenzjoni, permezz tal-argumenti tagħha, li tistabbilixxi żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-posta elettronika tat‑8 ta’ Ottubru 2018, għandu jiġi enfasizzat li, kif tfakkar fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina aggravju bbażat fuq żnaturament ta’ punt ta’ fatt huwa limitat għall-verifika li l-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq dan l-element, ma marritx manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tagħha, b’tali mod li ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, SGI Studio Galli Ingegneria vs Il‑Kummissjoni, C‑371/21 P, EU:C:2022:566, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
112 |
Issa, billi kkonstatat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li “ma huwiex possibbli li jitqies li l-formulazzjoni tal-posta elettronika tar-REA tat‑8 ta’ Ottubru 2018 għandhom kontradizzjonijiet ma’ dawk li jinsabu, b’mod partikolari, fl-ittra sussegwenti tar-REA tal‑21 ta’ Awwissu 2019” u li “bl-ebda mod ma huwa eskluż li d-dokumenti meħtieġa jippermettu li jiġu vverifikati d-dati effettivi tal-kollokamenti”, il-Qorti Ġenerali manifestament ma marritx lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tad-dokumenti inkwistjoni u, konsegwentement, ma żnaturathomx. |
|
113 |
Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 86 tas-sentenza appellata, għalkemm il-posta elettronika tat‑8 ta’ Ottubru 2018 issemmi li verifika ma hijiex intiża li tivverifika l-ispejjeż reali sostnuti fil-kuntest tal-vjaġġi, peress li l-ispejjeż korrispondenti huma s-suġġett ta’ teħid ta’ responsabbiltà b’rata fissa, min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma huwa eskluż li d-dokumenti mitluba jippermettu li jiġu vverifikati d-dati effettivi tal-kollokamenti. F’dan ir-rigward, il-verifika tad-dati tat-titjiriet li ttieħdu mir-riċerkaturi kkollokati, permezz, b’mod partikolari, tal-karti tal-imbarkazzjoni, tippermetti li jiġi vverifikat li dawn tal-aħħar effettivament marru fl-università ospitanti u li l-kollokamenti effettivament seħħew skont l-istipulazzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju. |
|
114 |
F’dan il-każ, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, għalkemm l-appellanti pproduċiet kuntratti ta’ xogħol li kienu ġew konklużi mar-riċerkaturi kkonċernati, dawn il-kuntratti ma jippermettux li jiġi kkonstatat li dawn ir-riċerkaturi ġew realment ikkollokati, b’mod partikolari bis-saħħa tal-assenza ta’ korrispondenza bejn id-dati tal-kollokamenti u dawk li għalihom jirreferu l-imsemmija kuntratti, b’tali mod li l-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali, bħal karti tal-imbarkazzjoni, kienet tidher kompletament neċessarja sabiex tintwera l-eżistenza stess ta’ dawn il-kollokamenti. |
|
115 |
F’dan ir-rigward, billi ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-formulazzjoni tal-ittra tar-REA tat‑8 ta’ Ottubru 2018 għandha kontradizzjonijiet ma’ dik li tinsab, b’mod partikolari, fl-ittra sussegwenti tar-REA tal‑21 ta’ Awwissu 2019, li permezz tagħha din tal-aħħar nediet awditu finanzjarju tal-ftehim ta’ sussidju, l-appellanti tikkontesta fir-realtà l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tas-saħħa probatorja tal-provi prodotti minn din tal-aħħar. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, tali argumenti huma inammissibbli fl-istadju tal-appell, peress li l-appellanti la wriet żnaturament tal-provi inkwistjoni u lanqas ma ppreżentat argumenti li jippermettu li jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova. |
|
116 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni u t-tielet parti tar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati. |
Fuq il-ħames aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
117 |
Il-ħames aggravju huwa dirett kontra l-punti 64 u 69 tas-sentenza appellata u huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn invertiet l-oneru tal-prova u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
118 |
Fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ ftehim li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, hija l-parti li, bl-għan li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, iddikjarat l-ispejjeż lill-entità li tagħti l-finanzjament li għandha tipproduċi l-prova li dawn l-ispejjeż jissodisfaw il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-ftehim ta’ sussidju fis-seħħ. |
|
119 |
Barra minn hekk, fil-punt 69 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, li jieħu l-forma ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, iqis li huwa insuffiċjenti li l-benefiċjarju ta’ tali għajnuna, sabiex ikun jista’ jiġġustifika l-għoti tagħha, juri li proġett twettaq u jeżiġi li l-imsemmi benefiċjarju jipproduċi l-prova li l-ispejjeż iddikjarati ġew sostnuti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata. |
|
120 |
Issa, skont l-appellanti, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar liema kundizzjonijiet finanzjarji kienu applikabbli għall-ftehim ta’ sussidju, fid-dawl tal-kontenut inizjali tagħhom u tal-mod kif żviluppaw matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim. F’dan il-każ, iqumu dubji wara t-tlestija tal-proġett u wara awditu finanzjarju li matulu l-appellanti ffaċċjat verifika ex post mhux mistennija. Dawn id-dubji rriżultaw li ma kinux iġġustifikati fir-rigward tan-natura sistematika tagħhom, kif jirriżulta b’mod partikolari minn investigazzjoni mmexxija mill-OLAF. |
|
121 |
Ir-RAE jqis li l-ħames aggravju ma huwiex fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
122 |
Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, fir-rigward tal-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-appellanti tikkontesta l-prinċipju stabbilit fih, li jgħid li l-benefiċjarju ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandu jipproduċi l-prova li l-ispejjeż iddikjarati lill-entità li tagħti l-finanzjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-ftehim ta’ sussidju fis-seħħ. |
|
123 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-punt 99 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jinkisirx meta l-benefiċjarju ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni huwa obbligat jipproduċi l-prova mhux biss li l-attività li hija s-suġġett tal-finanzjament twettqet, iżda wkoll li l-ispejjeż iddikjarati ġew sostnuti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata. |
|
124 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, mhux talli ma jissostanzjax l-inverżjoni tal-oneru tal-prova allegata mill-appellanti, iżda kemm il-punt 64 kif ukoll il-punt 99 tas-sentenza appellata huma pjuttost intiżi li jfakkru ġurisprudenza stabbilita, li l-Qorti Ġenerali applikat ġustament fis-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-attribuzzjoni u l-portata tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-benefiċjarju tal-finanzjament tal-Unjoni taħt il-ftehim ta’ sussidju. |
|
125 |
Minħabba f’hekk, billi rreferiet għall-obbligu tal-benefiċjarju ta’ sussidju li jipproduċi l-prova li l-ispejjeż ġew effettivament sostnuti, skont il-kundizzjonijiet applikabbli tal-ftehim ta’ sussidju, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
126 |
Fir-rigward tar-riferiment għall-awditu u għall-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti fir-realtà qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti tal-każ li tissostitwixxi dik li diġà saret mill-Qorti Ġenerali. Minħabba f’hekk, tali talba għandha titqies bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 108 ta’ din is-sentenza. |
|
127 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, infondat. |
|
128 |
Billi ebda wieħed mill-aggravji mqajma mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
129 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
130 |
Konformement mal-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
131 |
F’dan il-każ. peress li Glonatech tilfet l-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-REA. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.