19.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/52


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/857

tas-17 ta’ Ġunju 2020

li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell.eu skont ir-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta’ dominju tal-ogħla livell.eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru għall-organizzazzjoni, għall-amministrazzjoni u għall-immaniġġjar tad-dominju tal-ogħla livell.eu (“TLD”).

(2)

Jenħtieġ li r-Reġistru jimmaniġġja t-TLD.eu b’mod li jtejjeb l-identità tal-Unjoni, jippromwovi l-valuri tal-Unjoni online u jippromwovi l-użu tal-isem tad-dominju.eu.

(3)

Sabiex iżid l-aċċessibbiltà u l-użu tat-TLD.eu minn dawk kollha li huma eliġibbli biex jirreġistraw TLD.eu skont ir-Regolament (UE) 2019/517, jenħtieġ li r-Reġistru, fuq talba tal-Kummissjoni, joffri servizzi ta’ reġistratur lil żoni ġeografiċi speċifiċi li mhumiex moqdijin biżżejjed fl-Unjoni jew lil kategoriji speċifiċi ta’ utenti identifikati mill-Kummissjoni.

(4)

Sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi stabbiliti mir-Regolament (UE) 2019/517, huwa essenzjali li r-Reġistru jiżgura governanza tajba tat-TLD.eu f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u meta jintalab minn din tal-aħħar, b’kont meħud tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/517.

(5)

Sabiex jiżgura l-kompetittività u l-użu mifrux tat-TLD.eu, jenħtieġ li r-Reġistru jsegwi eċċellenza operattiva u jiżgura kwalità għolja tas-servizz bi prezzijiet kompetittivi. Jenħtieġ li jiżgura l-fiduċja, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumatur billi juża metodoloġiji u teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti.

(6)

Jenħtieġ li r-Reġistru jimmaniġġja l-baġit tiegħu skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skont il-prinċipji ta’ ekonomija, effiċjenza u effikaċja. Jenħtieġ li kwalunkwe surplus annwali li jmur lil hinn mill-kostijiet u mill-investimenti jiġi ttrasferit fil-baġit tal-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li r-Reġistru jiżgura l-kontinwità tas-servizzi tiegħu u l-funzjonament tat-TLD.eu. Għal dan l-għan, jenħtieġ li r-Reġistru jkollu fis-seħħ pjan ta’ rkupru ta’ negozju u jaġġornah regolarment.

(8)

Jenħtieġ li r-Reġistru jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni fil-governanza tal-Internet kif żviluppati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2014 intitolati “Governanza tal-Internet” u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika u l-Governanza tal-Internet; Ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal-Governanza tal-Internet (2). Fuq talba mill-Kummissjoni, dan jista’ jwarrab parti mis-surplus annwali biex jiffinanzja l-objettivi ta’ governanza tal-Internet.

(9)

Sabiex iżid il-fiduċja pubblika fl-ispazju online u jipproteġi d-drittijiet leġittimi kif iddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li r-Reġistru jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjeni u jindirizza reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi. Meta jagħmel dan, jenħtieġ li r-Reġistru jikkoopera mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni.

(10)

Bil-ħsieb li jżid il-fiduċja tal-utenti finali fit-TLD.eu u li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, fil-provvista tas-servizzi tiegħu, jenħtieġ li r-Reġistru jieħu miżuri biex jiżguraw iċ-ċibersigurtà tas-sistemi.

(11)

Jenħtieġ li r-Reġistru jipprovdi proċeduri sempliċi u effiċjenti biex isolvi tilwim kuntrattwali li jikkonċerna ismijiet tad-dominju.eu.

(12)

Huwa essenzjali li jinżammu bażijiet tad-data akkurati tal-ismijiet tad-dominju u tad-data ta’ reġistrazzjoni u li jingħata aċċess legali għal din id-data, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex jiġu żgurati s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema ta’ ismijiet tad-dominju. Għal dan l-għan, jenħtieġ li r-Reġistru jiġbor u jiggarantixxi l-integrità u d-disponibbiltà tad-data tad-WHOIS għat-TLD.eu u li permezz ta’ mezzi xierqa, jippermetti l-aċċess legali għal dik id-data, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li r-Reġistru jistabbilixxi miżuri adegwati sabiex jevita u jikkoreġi data ta’ reġistrazzjoni mhux akkurata.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet (COCOM) imwaqqaf permezz tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru għall-organizzazzjoni, għall-amministrazzjoni u għall-immaniġġjar tat-TLD.eu, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/517.

Artikolu 2

Il-promozzjoni online tal-valuri tal-Unjoni

1.   Ir-Reġistru għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-identità tal-Unjoni u għall-promozzjoni online tal-valuri tal-Unjoni. B’mod partikolari, ir-Reġistru, permezz tal-politiki tiegħu u l-interazzjonijiet tiegħu mar-reġistraturi, mar-reġistranti u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, għandu jippromwovi l-aċċess miftuħ, l-innovazzjoni, il-multilingwiżmu u l-aċċessibbiltà, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u għandu jieħu miżuri li jippromwovu s-sigurtà tal-utenti online u li jirrispettaw il-privatezza tal-utenti.

2.   Ir-Reġistru għandu jippromwovi b’mod attiv l-użu tal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 3

Il-promozzjoni tat-TLD.eu

1.   Ir-Reġistru għandu jżid l-għarfien dwar it-TLD.eu u jippromwovi l-użu tiegħu madwar l-Unjoni, bil-ħsieb li jappoġġja s-suq uniku diġitali, jibni identità Ewropea online u jħeġġeġ attivitajiet transfruntiera online.

2.   Sabiex jiġi promoss l-użu tat-TLD.eu f’żoni ġeografiċi speċifiċi li mhumiex moqdijin biżżejjed fl-Unjoni jew fost kategoriji speċifiċi ta’ reġistranti, ir-Reġistru, fuq talba mill-Kummissjoni, għandu jaġixxi bħala reġistratur billi jipprovdi servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju direttament lir-reġistranti. Din l-attività għandha tkun limitata għal dawk iż-żoni ġeografiċi u l-kategoriji ta’ reġistranti identifikati mill-Kummissjoni.

3.   Ir-Reġistru għandu jippromwovi l-użu tat-TLD.eu fil-varjanti kollha disponibbli tiegħu u fil-lingwi Ewropej kollha.

Artikolu 4

Governanza tajba

1.   Ir-Reġistru għandu jiżgura governanza tajba tat-TLD.eu. L-istruttura ta’ governanza interna tar-Reġistru għandha tiżgura rappreżentanza wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati, effiċjenza, effettività, responsabbiltà, trasparenza u rispons.

2.   Sabiex jikkoreġi jew itejjeb l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD.eu, ir-Reġistru għandu jfittex pariri, jikkoopera u jimplimenta struzzjonijiet speċifiċi mill-Kummissjoni dwar it-TLD.eu u meta jintalab minn din tal-aħħar, iqis l-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv.

Artikolu 5

Immaniġġjar tajjeb

1.   Ir-Reġistru għandu jimmaniġġja t-TLD.eu fl-interess pubbliku, bl-għan li jsaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-ambjent online.

2.   Ir-Reġistru għandu jsegwi l-eċċellenza operazzjonali u jiżgura kwalità għolja tas-servizz bi prezzijiet kompetittivi.

3.   Ir-Reġistru għandu jimplimenta proċeduri biex jiżguraw li l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni tat-TLD.eu jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza, sigurtà, stabbiltà, prevedibbiltà, affidabbiltà, aċċessibbiltà, effiċjenza u nondiskriminazzjoni u biex jiżgura l-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni u tal-protezzjoni tal-konsumatur, skont id-dritt tal-Unjoni.

4.   Ir-Reġistru għandu jadotta proċeduri biex jiżgura li jipprovdi lir-reġistraturi b’servizzi u b’informazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet u bl-istess kwalità li huwa juża għas-servizzi ekwivalenti tiegħu stess, b’mod partikolari meta jaġixxi bħala reġistratur skont l-Artikolu 3(2).

5.   Ir-Reġistru għandu jimmaniġġja t-TLD.eu f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Ir-Reġistru għandu jipprovdi evidenza ta’ konformità ma’ dawk il-prinċipji fuq talba tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għall-allokazzjoni tiegħu tar-riżorsi finanzjarji u umani fl-implimentazzjoni tal-kuntratt. Ir-Reġistru għandu jissottometti ruħu għal awditu estern tal-anqas kull sentejn.

6.   Ir-Reġistru għandu joffri s-servizzi tiegħu fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 6

Sigurtà u protezzjoni tal-konsumatur

1.   Ir-Reġistru għandu jiżgura livell għoli ta’ sigurtà għan-netwerk u għas-sistemi ta’ informazzjoni li huwa jopera meta jimmaniġġja t-TLD.eu. Meta jagħmel dan, għandu jimplimenta politiki speċifiċi u jikkonforma mal-prattiki tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għall-immaniġġjar tar-riskju ċibernetiku.

2.   Ir-Reġistru għandu jadotta pjan ta’ kontinwità tan-negozju u ta’ rkupru bil-qbil bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni. Ir-Reġistru għandu jirrevedi perjodikament il-pjan, bil-qbil bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni.

3.   Ir-Reġistr għandu:

(a)

jipprovdi lir-reġistraturi u lir-reġistranti b’għodod u b’teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex jipproteġu lilhom infushom mit-theddid relatat maċ-ċibersigurtà;

(b)

juża metodoloġiji avvanzati għall-prevenzjoni ta’ reġistrazzjonijiet abbużivi.

Artikolu 7

Tariffi u surplus

1.   Ir-Reġistru għandu jikkomunika bil-quddiem lill-Kummissjoni t-tariffi li biħsiebu jimponi għar-reġistrazzjoni ta’ isem tad-dominju.eu u informazzjoni dwar kif dawn jirrelataw mal-kostijiet imġarrba. It-tariffi għandhom jiġu ppubblikati mir-Reġistru.

2.   Fl-aħħar ta’ kull sena kontabilistika, ir-Reġistru għandu jittrasferixxi kwalunkwe surplus irreġistrat li ma jkunx investit fit-titjib tal-kwalità tas-servizzi tiegħu, jew sabiex jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni fil-governanza tal-Internet, fil-baġit tal-Unjoni.

3.   Ir-Reġistru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-ammonti ppjanati għall-investimenti li jkunu mistennija jitnaqqsu mill-ammont potenzjali tas-surplus li għandu jiġi ttrasferit lill-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 8

Governanza tal-Internet

1.   Ir-Reġistru għandu jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni fil-governanza tal-Internet. Meta jagħmel dan, għandu jikkoopera mal-Kummissjoni u, meta jintalab minn din tal-aħħar, iqis l-opinjonijiet maħruġa mill-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta’.eu.

2.   Fuq talba tal-Kummissjoni, ir-Reġistru għandu jwarrab parti mis-surplus iġġenerat mit-TLD.eu sabiex jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni fil-governanza tal-Internet.

3.   Ir-Reġistru għandu jkollu fis-seħħ pjan dettaljat sabiex jiffinanzja l-objettivi ta’ governanza tal-Internet. Huwa għandu jadotta l-pjan bil-qbil bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 9

Reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi

1.   Ir-Reġistru għandu jkollu fis-seħħ politiki u proċeduri sabiex jimmitigaw b’mod attiv ir-reġistrazzjonijiet tal-ismijiet tad-dominju spekulattivi u abbużivi fit-TLD.eu f’konformità mal-paragrafi (b), (c) u (e) tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/517. Meta jagħmel dan, għandu jikkoopera mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni.

2.   Ir-Reġistru għandu jqis mill-inqas id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti mill-Istqarrija tal-Kummissjoni 2005/295/KE (4), inklużi d-drittijiet tal-awtur, it-trademarks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi pprovduti fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt nazzjonali, u, sa fejn ikunu protetti bid-dritt nazzjonali fl-Istati Membri fejn ikunu miżmuma: trademarks mhux irreġistrati, ismijiet kummerċjali, identifikaturi tan-negozji, ismijiet ta’ kumpaniji, ismijiet ta’ familji, u titli distinti ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti.

3.   Sabiex jiġu mmitigati r-reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet tad-dominju spekulattivi u abbużivi, ir-Reġistru għandu jkollu fis-seħħ politiki u proċeduri li jiżguraw l-akkuratezza tad-data tar-reġistrazzjoni, b’mod partikolari tad-data li tidentifika r-reġistranti. Ir-Reġistru għandu jiżgura li r-reġistraturi jimmaniġġjaw ir-reġistrazzjonijiet skont il-prinċipji tas-sigurtà u tal-akkuratezza tad-data u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

4.   Ir-Reġistru għandu jkollu fis-seħħ politiki u proċeduri għal talbiet ta’ reġistrazzjoni u għall-verifika tal-kriterji ta’ reġistrazzjoni u tad-data tar-reġistranti, li għandhom jiżguraw li kwalunkwe verifika tal-informazzjoni sseħħ qabel ir-reġistrazzjoni jew warajha, fuq l-inizjattiva tar-Reġistru jew bħala riżultat ta’ tilwima marbuta mar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju inkwistjoni.

Artikolu 10

Revoka tal-ismijiet tad-dominju

1.   Ir-Reġistru għandu jimplimenta politiki u proċeduri għar-revoka tal-ismijiet tad-dominju fuq inizjattiva tiegħu stess kif deskritti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/517 jew bl-użu ta’ proċedura extraġudizzjarja jew ġudizzjarja xierqa. B’mod partikolari, ir-Reġistru għandu jirrevoka ismijiet tad-dominju li jkunu ġew irreġistrati mingħajr drittijiet jew interessi leġittimi fl-isem, jew li jintużaw in mala fide.

2.   Il-proċedura għar-revoka tal-ismijiet tad-dominju għandha tinkludi avviż lid-detentur tal-isem tad-dominju u għandha tagħti lid-detentur opportunità li jieħu l-miżuri xierqa.

Artikolu 11

Proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR)

1.   Ir-Reġistru għandu jipprovdi proċeduri sempliċi, aċċessibbli, effiċjenti u uniformi biex jiġu solvuti tilwimiet li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet tad-dominju.eu.

2.   Ir-regoli dwar il-proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim adottati mir-Reġistru għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għandhom iqisu l-aħjar prattika internazzjonali f’dan il-qasam, inklużi r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, u għandhom jikkonformaw mar-regoli proċedurali uniformi li huma konformi ma’ dawk stabbiliti fil-politika uniformi ta’ soluzzjoni għat-tilwim dwar l-ismijiet tad-dominju tal-ICANN.

3.   Ir-Reġistru jista’ jagħżel fornituri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li jkollhom reputazzjoni tajba u għarfien espert xieraq. Il-proċess tal-għażla għandu jkun oġġettiv, trasparenti u nondiskriminatorju. Il-lista ta’ dawn il-fornituri għandha tiġi ppubblikata mir-Reġistru.

Artikolu 12

Bażijiet tad-data tal-ismijiet tad-dominju u tad-data tar-reġistrazzjoni

1.   Ir-Reġistru għandu jkollu fis-seħħ politiki u proċeduri sabiex jiżgura li l-bażi tad-data tad-WHOIS tinkludi informazzjoni akkurata u aġġornata u biex jiżgura li l-pubblikazzjoni u l-aċċess ta’ din id-data jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   Is-sottomissjoni apposta ta’ informazzjoni mhux akkurata għandha tikkostitwixxi raġuni sabiex ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju titqies li tkun qed tikser it-termini tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 13

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti

1.   Ir-Reġistru għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti involuti fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Għandu jikkoopera wkoll mal-awtoritajiet kompetenti u mal-korpi pubbliċi u privati involuti fil-ġlieda kontra r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi, fiċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni, fil-protezzjoni tal-konsumatur, u fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Huwa għandu jipprovdi aċċess għad-data lill-awtoritajiet kompetenti u lill-korpi pubbliċi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt nazzjonali li jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ordnijiet tal-qrati jew tal-awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħat rilevanti.

2.   Ir-Reġistru għandu jistabbilixxi proċeduri sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u mal-korpi pubbliċi u privati.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 91, 29.3.2019, p. 25.

(2)  COM/2014/072.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(4)  L-Istqarrija mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 94, 13.4.2005, p. 37).

(5)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).