30.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/47


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2239

tal-1 ta’ Ottubru 2019

li jispeċifika d-dettalji tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2020-2021

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu l-għan li jelimina b’mod progressiv l-iskartar fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet ta’ speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta’ qbid.

(2)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-adozzjoni ta’ pjanijiet pluriennali li jinkludu miżuri ta’ konservazzjoni għal sajd li jisfrutta ċerti stokkijiet f’żona ġeografika rilevanti.

(3)

Pjanijiet pluriennali bħal dawn jispeċifikaw id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u jistgħu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tispeċifika aktar dawk id-dettalji fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2034 (4), stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021, wara rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Belġju, Spanja, Franza l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit.

(5)

Fid-19 ta’ Marzu 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2019/472 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. L-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji tal-obbligu ta’ ħatt l-art għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fl-Ilmijiet tal-Punent li għalihom japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kif previst fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri. Il-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit għandhom interess ta’ ġestjoni dirett tas-sajd fl-ilmijiet tal-Majjistral. Wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Majjistral u l-Kunsill Konsultattiv Pelaġiku, fis-6 ta’ Ġunju 2019 dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta ġdida lill-Kummissjoni dwar pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-Ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2020-2021. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet emendata fit-22 ta’ Awwissu 2019.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida ppreżentata mill-Istati Membri pproponiet il-kontinwazzjoni ta’ għadd ta’ miżuri tekniċi addizzjonali li għandhom l-għan li jżidu s-selettività u jnaqqsu qabdiet mhux intenzjonati għas-sajd jew għal speċijiet koperti mill-obbligu ta’ ħatt l-art li ġew introdotti skont l-Artikolu 15(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għas-snin 2019-2021 bir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034.

(7)

Fl-14 ta’ Awwissu 2019 daħal fis-seħħ Regolament ġdid (UE) 2019/1241 dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi. Fl-Anness VI dan jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri tekniċi fl-ilmijiet tal-Majjistral, li jinkludu wkoll regoli dwar id-daqsijiet tal-malji, il-kundizzjonijiet assoċjati u l-qabdiet inċidentali. Barra minn hekk, il-punt 3 tal-Anness VI ta’ dan ir-Regolament jirreferi għar-Regolament Delegat (UE) 2018/2034. L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex temenda, tissupplimenta, tħassar jew tidderoga mill-miżuri tekniċi stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament (UE) 2019/1241, inkluż meta jiġi implimentat l-obbligu ta’ ħatt l-art.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 ma jipprevedix miżuri tranżitorji. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà bejn dan ir-Regolament Delegat u r-Regolament (UE) 2019/1241, jeħtieġ li jiġu applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1241, filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali involuti. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta r-rakkomandazzjoni konġunta u kkonkluda (5) li l-bidliet proposti biex tiżdied is-selettività fl-ilmijiet tal-Majjistral huma raġonevoli u jirrappreżentaw żieda fis-selettività meta mqabbla mal-irkaptu definit qabel. Din ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet żviluppata u ppreżentata mill-Istati Membri u vvalutata mill-STECF qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1241 u għalhekk ma rreferietx għal dak ir-Regolament. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tqis li abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju fir-rakkomandazzjoni konġunta u fil-valutazzjoni tal-STECF ma jidhirx li hemm xi element li jindika li l-miżuri tekniċi addizzjonali proposti jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti għall-miżuri tekniċi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(9)

Sabiex tiżdied is-selettività tal-irkaptu u jitnaqqsu l-qabdiet mhux intenzjonati fil-Baħar Ċeltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja, huwa xieraq għalhekk li jiġi inkluż għadd ta’ miżuri selettivi għas-sajd demersali. Għaldaqstant, dawn il-miżuri tekniċi jenħtieġ li japplikaw għall-perjodu 2020-2021.

(10)

Inkisbu kontribuzzjonijiet xjentifiċi mingħand il-korpi xjentifiċi rilevanti li ġew rieżaminati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (6). Il-Kummissjoni ppreżentat il-miżuri kkonċernati għal konsultazzjoni bil-miktub tal-grupp ta’ esperti, li jikkonsisti minn 28 Stat Membru u l-Parlament Ewropew bħala osservatur.

(11)

Fil-każijiet fejn l-ammont relattiv tal-qbid skartat mejjet huwa komparattivament baxx, il-Kummissjoni tqis bħala approċċ pragmatiku u prudenti lejn il-ġestjoni tas-sajd, li jingħataw eżenzjonijiet fuq bażi temporanja, bil-fehma li jekk dan ma jsirx, ma jsirx il-ġbir tad-data li hija essenzjali għall-ġestjoni xierqa u informata tal-qbid skartat bil-għan li jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu ta’ ħatt l-art.

(12)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 inkluda eżenzjoni għas-sopravivabbiltà mill-obbligu ta’ ħatt l-art, kif imsemmi fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-iskampu maqbud fin-nases, fix-xbieki jew fin-nases tal-gambli fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES (7), abbażi tal-evidenza xjentifika li kienet turi rati għolja ta’ sopravivenza. Dik l-evidenza ġiet evalwata fis-snin preċedenti u l-STECF ikkonkluda (8) li l-eżenzjoni hija ġġustifikata. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi l-kontinwazzjoni ta’ dik l-eżenzjoni. Billi ċ-ċirkostanzi ma nbidlux, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tkompli tapplika għall-perjodu 2020-2021.

(13)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 inkluda eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għal-lingwata komuni taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni (MCRS) maqbuda bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti ta’ bejn 80 u 99 mm fid-diviżjoni 7d tal-ICES sa sitt mili nawtiċi mill-kosta u barra ż-żoni tat-tkabbir identifikati, ibbażata fuq evidenza xjentifika li kienet turi rati għoljin ta’ sopravivenza tal-ħut skartat. Dik l-evidenza ġiet evalwata fis-snin preċedenti u l-STECF ikkonkluda (9) li l-evidenza kienet biżżejjed. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi li l-eżenzjoni tkompli tapplika. Billi ċ-ċirkostanzi ma nbidlux, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tkompli tapplika għall-perjodu 2020-2021.

(14)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 kien jinkludi eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għall-iskampu maqbud bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ugwali għal 100 mm jew akbar u għall-iskampu maqbud bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 70-99 mm flimkien ma’ għażliet ta’ rkaptu selettiv (sajd TRI u TR2) fis-subżona 7 tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru r-rati għoljin tas-sopravivenza tal-ħut skartat għall-iskampu f’dik iż-żona tas-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF, li kkonkluda (10) li l-istudju ta’ sopravivenza li sar bix-xibka tat-tkarkir Seltra pprovda data suffiċjenti, iżda li l-effett globali fuq is-sajd estensiv tal-iskampu b’irkapti oħrajn tas-sajd diffiċilment jista’ jiġi vvalutat. L-STECF innota li jekk wieħed jassumi li rata ta’ sopravivenza relattivament għolja tapplika għall-irkapti kollha, dak is-sajd ikun jinvolvi rata ta’ skartar relattivament baxxa. Għaldaqstant, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika għall-perjodu 2020-2021.

(15)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 kien jinkludi eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għall-iskampu maqbud fid-diviżjoni 6a tal-ICES, sa tnax-il mil nawtiku mill-kosta, bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti b’daqs tal-malja ta’ 80-110 mm. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika sabiex juru rati għolja ta’ sopravivenza tal-ħut skartat għall-iskampu f’dak is-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda li l-istudju dwar is-sopravivenza huwa robust u jindika rata ta’ sopravivenza relattivament għolja. Għaldaqstant, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika għall-perjodu 2020-2021.

(16)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 kien jinkludi eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għar-rebekkini u r-raj maqbuda bi kwalunkwe rkaptu fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES sakemm titressaq evidenza xjentifika dettaljata dwar ir-rati tas-sopravivenza għas-segmenti kollha tal-flotta u għall-kombinazzjonijiet ta’ tagħmir, żoni u speċijiet. Madankollu, bi ftit eċċezzjonijiet, l-STECF iqis li r-rati ta’ sopravivenza huma ġeneralment robusti (11), iżda jinnota li jeħtieġu aktar dettalji. Sabiex tinġabar id-data rilevanti, is-sajd jeħtieġ li jitkompla. L-eżenzjoni tista’ għalhekk tingħata, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jippreżentaw data rilevanti li tippermetti lill-STECF li jivvaluta b’mod sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq rieżami. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett jenħtieġ li jissottomettu sal-1 ta’ Mejju ta’ kull sena: (a) pjan direzzjonali żviluppat biex iżid is-sopravivenza u biex jimla l-lakuni fid-data identifikati mill-STECF, li jiġi vvalutat kull sena mill-STECF, (b) rapporti annwali dwar il-progress u kwalunkwe modifika jew aġġustament li jsiru fil-programmi ta’ sopravivenza.

(17)

Meta jitqiesu r-rati ta’ sopravivenza tar-rebekkini u r-raj, ir-raja kukù (Leucoraja naevus) instabu li għandhom rata ta’ sopravivenza konsiderevolment aktar baxxa minn speċijiet oħra. Barra minn hekk, il-fehim xjentifiku tal-mod ta’ sopravivenza ta’ dik l-ispeċi jidher li huwa inqas robust. Madankollu, jekk din l-ispeċi tiġi eskluża mill-eżenzjoni dan jipprevjeni s-sajd u l-ġbir kontinwu u preċiż tad-data. Ġiet ippreżentata evidenza rilevanti lill-STECF li kkonkluda (12) li nbdew żewġ studji ġodda fuq esperimenti ta’ sopravivenza fir-rigward tar-raja kukù, iżda jeħtieġ li jsiru aktar osservazzjonijiet biex isir ġudizzju definittiv dwar ir-rati ta’ sopravivenza fi żmien sena jew sentejn. Għalhekk, din l-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata għal sentejn u jenħtieġ li jiġu żviluppati studji ġodda u miżuri mtejba għas-sopravivenza b’urġenza u li dawn jiġu pprovduti lill-STECF għal valutazzjoni kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju.

(18)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 kien jinkludi eżenzjoni għas-sopravivabbiltà tal-barbun tat-tbajja’ maqbud b’pariti jew xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika biex juru r-rati għolja ta’ sopravivenza tal-qbid skartat għall-barbun tat-tbajja’ f’dak is-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda li l-istudju dwar is-sopravivenza huwa robust u jindika rata ta’ sopravivenza relattivament għolja. Għaldaqstant, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika għall-perjodu 2020-2021.

(19)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 kien jinkludi eżenzjoni għas-sopravivabbiltà għall-ispeċijiet maqbuda fin-nases, fix-xbieki jew fin-nases tal-gambli fl-ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 5, 6 u 7 tal-ICES). L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika biex juru r-rati għolja ta’ sopravivenza tal-qbid skartat għall-ispeċijiet maqbuda f’dak is-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda li s-sopravivenza tal-ispeċijiet skartati mis-sajd bin-nases u bix-xbieki nassa x’aktarx tkun sostanzjali. Dik l-eżenzjoni tista’ għalhekk tapplika għall-perjodu 2020-2021.

(20)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi estensjoni tal-eżenzjonijiet tas-sopravivenza tal-barbun tat-tbajja’ maqbud fid-diviżjonijiet 7a sa 7k tal-ICES minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu, b’potenza massima tal-magna ta’ 221 kW, tul massimu ta’ 24 metru, li jistadu sa 12-il mil nawtiku mill-kosta u b’ħinijiet ta’ rmunkar ta’ mhux aktar minn siegħa u nofs, u minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b’potenza tal-magna ta’ aktar minn 221 kW, bl-użu ta’ ħabel flip-up jew pannell tar-rilaxx bentiku. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika biex juru r-rati għolja ta’ sopravivenza tal-qbid skartat għall-barbun tat-tbajja’ f’dak is-sajd. L-evidenza kienet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda (13) li l-informazzjoni xjentifika hija ta’ kwalità tajba. Madankollu, l-STECF indika li d-data ma tkoprix l-Istati Membri kollha kkonċernati u li f’dawk iż-żoni tas-sajd is-sopravivenza hija affettwata minn bosta fatturi u tvarja ħafna. L-STECF innota li ngħatat evidenza ġdida dwar il-vitalità tal-barbun tat-tbajja’ fil-punt tal-iskartar fis-sajd bix-xibka tat-tkarkir bi travu fix-Xlokk Ingliż. L-Istati Membri żviluppaw proġett ta’ tliet snin biex jiġġeneraw stimi ta’ sopravivenza għall-barbun tat-tbajja’ osservati direttament fid-diviżjonijiet 7d, 7f u 7 g tal-ICES, madankollu, id-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES mhumiex koperti. Dak il-proġett se jikkontribwixxi għat-twettiq tal-pjan direzzjonali u għall-evidenza meħtieġa biex tiġi evalwata l-eżenzjoni suġġerita. L-STECF innota li l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeskrivu kif l-eżenzjoni ssuġġerita hija marbuta mal-Pjan ta’ Tnaqqis tal-Qbid Inċidentali għall-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja’ fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, l-eżenzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal sena waħda fir-rigward tal-barbun tat-tbajja’ fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES, biex xorta tippermetti l-ġbir tad-data u l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jippreżentaw data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta kompletament il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq rieżami. Għaldaqstant, dik l-eżenzjoni tista’ tiġi applikata għall-barbun tat-tbajja’ fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES sal-31 ta’ Diċembru 2020 u l-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020 għal valutazzjoni mill-STECF.

(21)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi eżenzjoni tas-sopravivenza tal-barbun tat-tbajja’ maqbud bit-tartarun Daniż fid-diviżjoni 7d tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza xjentifika biex juru r-rati għolja ta’ sopravivenza tal-qbid skartat għall-barbun tat-tbajja’ f’dak is-sajd. L-evidenza ġiet ippreżentata lill-STECF li kkonkluda (14) li d-data tal-istudju dwar ir-rati ta’ sopravivenza hija affidabbli u tagħti stimi ta’ sopravivenza robusti għal dak is-sajd. Għalhekk, din l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar il-ġdid għas-snin 2020-2021.

(22)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 kien jinkludi eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd. L-evidenza mogħtija mill-Istati Membri ġiet rieżaminata mill-STECF, li kkonkluda (15) li d-dokumenti ppreżentati mill-Istati Membri kienu jinkludu argumenti motivati li juru d-diffikultajiet biex jinkiseb aktar titjib fis-selettività kif ukoll spejjeż sproporzjonati fl-immaniġġar ta’ qabdiet mhux intenzjonati, appoġġjati f’xi każijiet minn valutazzjonijiet kwalitattivi tal-ispejjeż. Meta wieħed iqis li ċ-ċirkostanzi ma nbidlux, huwa xieraq li jitkomplew l-eżenzjonijiet de minimis, f’konformità mal-perċentwali proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida għal:

—

il-merlangu maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni bid-daqs tal-malja ugwali għal 80 mm jew akbar (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bi travu (BTT) bid-daqs tal-malja ta’ 80-119 mm (BT2) fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES,

—

il-lingwata komuni maqbuda minn bastimenti li jużaw irkaptu TBB bid-daqs tal-malja ta’ 80-119 mm u b’iktar selettività (pannell Fjamming) fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f, 7 g u 7h tal-ICES,

—

il-lingwata komuni maqbuda minn bastimenti li jużaw pariti u għeżula biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g tal-ICES.

(23)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida ssuġġeriet eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu ta’ ħatt l-art għal:

—

is-sawrell maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu fis-subżona 6 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES,

—

il-kavall maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu fis-subżona 6 tal-ICES u d-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES,

—

il-lingwata komuni maqbuda minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu bid-daqs tal-malja ta’ 80-119 mm (BT2) u b’iktar selettività (pannell Fjamming) fid-diviżjonijiet 7a, 7j u 7k tal-ICES,

—

is-sajd imħallat demersali maqbud minn bastimenti li jistadu għall-gambli kannella u li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b’daqs tal-malja ta’ 31 mm jew aktar fid-diviżjoni 7a tal-ICES,

—

il-megrims taħt l-MCRS maqbuda minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 70-99 mm u bi xbieki tat-tkarkir bi travu b’daqs tal-malja ta’ 80-119 mm fis-subżona 7 tal-ICES,

—

il-pixxi trumbetta maqbuda mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-diviżjonijiet 7b-7c u 7f sa 7k tal-ICES,

—

l-arġentina silus maqbuda minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 100 mm jew aktar fid-diviżjoni 5b tal-ICES (l-ilmijiet tal-UE) u fis-subżona 6 tal-ICES;

—

il-merluzz tal-linja sewda maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 80 mm jew aktar fid-diviżjonijiet 7b-7c u 7e sa 7k tal-ICES;

—

il-merluzz tal-linja sewda taħt l-MCRS maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja sa 119 mm fid-diviżjoni 6a tal-ICES.

(24)

L-evidenza mill-Istati Membri dwar l-eżenzjonijiet de minimis il-ġodda fir-rigward tas-sawrell u l-kavalli maqbuda minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu fis-subżona 6 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES ġiet rieżaminata mill-STECF, li kkonkluda (16) li l-evidenza li l-ħatt l-art ta’ qabdiet mhux intenzjonati għandu spejjeż assoċjati mhijiex biżżejjed biex turi li dawk l-ispejjeż huma sproporzjonati. It-titjib tas-selettività fis-sajd rilevanti jenħtieġ li jkun il-prijorità peress li dan se jnaqqas l-ispejjeż għall-immaniġġjar tal-qabdiet mhux intenzjonati. L-STECF innota wkoll li l-introduzzjoni tal-miżuri tekniċi speċifiċi għall-bastimenti li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fiż-żona ta’ protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku tista’ tnaqqas il-qbid mhux intenzjonat ta’ sawrell, kavalli u speċijiet oħra. L-effettività ta’ dawk il-miżuri jenħtieġ li tiġi mmonitorjata. Minħabba l-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd sabiex jiġi żgurat il-ġbir tad-data meħtieġa, dawk l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw għal sena, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jippreżentaw id-data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq rieżami. L-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020 għal valutazzjoni mill-STECF. Għalhekk, dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jiġu applikati provviżorjament sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(25)

L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri dwar l-eżenzjoni de minimis ġdida għal-lingwata komuni maqbuda mill-bastimenti li jużaw it-tkarkir bi travu bil-pannell Fjamming fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f, 7 g u 7h tal-ICES ġiet rieżaminata mill-STECF, li kkonkluda (17) li hija meħtieġa d-data għal Stati Membri oħra minbarra l-Belġju u l-Irlanda. Barra minn hekk, l-effettività tal-pannell Fjamming użat fil-provi mwettqa mill-Istati Membri tista’ tkun limitata u ma tiżgurax it-tnaqqis ta’ qabdiet mhux intenzjonati osservat f’dawk il-provi. L-STECF jinnota li tkun utli informazzjoni addizzjonali li tkun prova ta’ dan, filwaqt li jaċċetta li l-pannell Fjamming kif użat attwalment tabilħaqq itejjeb is-selettività għal-lingwata komuni. Minħabba l-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd sabiex jiġi żgurat il-ġbir tad-data meħtieġa għaż-żoni 7h, 7j u 7k, dik l-eżenzjoni ġdida tista’ tingħata għal sena, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jippreżentaw id-data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq rieżami. L-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020 għal valutazzjoni mill-STECF. Għalhekk, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi applikata provviżorjament sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(26)

L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri dwar l-eżenzjoni de minimis ġdida fir-rigward tas-sajd imħallat demersali minn bastimenti li jistadu għall-gambli kannella u li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu fid-diviżjoni 7a tal-ICES, ġiet rieżaminata mill-STECF li kkonkluda (18) li l-ġustifikazzjoni għall-eżenzjoni hija li żidiet sinifikanti fis-selettività huma diffiċli ħafna biex jinkisbu u li l-ispiża tal-ġestjoni tal-qabda mhux intenzjonata hija sproporzjonata. Madankollu, l-STECF jinnota li hija pprovduta informazzjoni kwalitattiva limitata biex issostni l-eżenzjoni hija limitata u li l-informazzjoni pprovduta tista’ ma tkunx rappreżentattiva. Meta titqies l-informazzjoni pprovduta, il-qbid skartat jista’ jkun baxx ħafna u ma jirrikjedix tnaqqis de minimis. Għaldaqstant, dik l-eżenzjoni tista’ tapplika għall-perjodu 2020-2021.

(27)

L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri dwar l-eżenzjoni de minimis ġdida għall-megrim taħt l-MCRS maqbuda minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u xbieki tat-tkarkir bi travu, għall-pixxi trumbetta u l-arġentina silus maqbudin mill-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ ġiet rieżaminata mill-STECF li kkonkluda (19) li d-data pprovduta mill-Istati Membri hija limitata u li l-evidenza li l-ħatt l-art ta’ qabdiet mhux intenzjonati għandu spiża assoċjata, mhijiex biżżejjed biex jintwera li dawk l-ispejjeż huma sproporzjonati. L-STECF jinnota li t-titjib tas-selettività fis-sajd rilevanti jenħtieġ li jkun il-prijorità peress li dan se jnaqqas l-ispejjeż għall-immaniġġjar tal-qabdiet mhux intenzjonati. Minħabba l-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd sabiex jiġi żgurat il-ġbir tad-data meħtieġa, dawk l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw għal sena, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jippreżentaw id-data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq rieżami. L-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020 għal valutazzjoni mill-STECF. Għalhekk, dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jiġu applikati provviżorjament sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(28)

L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri dwar l-eżenzjoni de minimis ġdida għall-merluzz tal-linja sewda li jinqabad minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 80 mm jew akbar fis-subżoni 7b-7c u 7e sa 7k tal-ICES ġiet rieżaminata mill-STECF li kkonkluda (20) li l-informazzjoni pprovduta turi li huwa diffiċli li jinkiseb titjib fis-selettività tal-merluzz tal-linja sewda mingħajr telf sostanzjali għal żmien qasir fil-qabdiet kummerċjabbli. L-STECF jinnota li miżuri tekniċi speċifiċi fiż-żona ta’ protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku huma mistennija li jnaqqsu l-qabdiet mhux intenzjonati tal-merluzz tal-linja sewda sa ċertu punt inqas, iżda għadu kmieni wisq biex jiġu evalwati l-kisbiet possibbli. Minħabba l-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd sabiex jiġi żgurat il-ġbir tad-data meħtieġa, dik l-eżenzjoni tista’ tingħata għal sena, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jippreżentaw id-data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq rieżami. L-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu informazzjoni kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020 għal valutazzjoni mill-STECF. Għalhekk, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi applikata provviżorjament sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(29)

L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri dwar l-eżenzjoni de minimis ġdida għall-merluzz tal-linja sewda taħt l-MCRS maqbud minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’malji sa 119-il mm fis-sajd għall-awwista fil-Punent tal-Iskozja fid-diviżjoni 6a tal-ICES ġiet rieżaminata mill-STECF li kkonkluda (21) li l-ġustifikazzjoni għall-analiżi hija bbażata fuq analiżi tal-ispiża sproporzjonata tal-ġestjoni tal-qabdiet mhux intenzjonati L-STECF jinnota li l-ispejjeż jidhru raġonevoli, madankollu ma hemm l-ebda mezz oġġettiv biex jiġi vvalutat jekk humiex realistiċi jew jekk jistgħux jitqiesu sproporzjonati. Minħabba l-ħtieġa li titkompla l-attività tas-sajd sabiex jiġi żgurat il-ġbir tad-data meħtieġa, dik l-eżenzjoni tista’ tingħata għal sena, iżda l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jippreżentaw id-data rilevanti li tippermetti lill-STECF jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni u li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq rieżami. L-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020 għal valutazzjoni mill-STECF. Għalhekk, dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi applikata provviżorjament sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(30)

Sabiex jiġu żgurati stimi affidabbli tal-livelli ta’ skartar bl-iskop li jiġu stabbiliti l-qabdiet totali permissibbli (TACs), fil-każijiet fejn l-eżenzjoni de minimis hija bbażata fuq l-estrapolazzjoni ta’ sitwazzjonijiet b’data limitata u informazzjoni parzjali dwar il-flotot, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu data preċiża u verifikabbli għall-flotta sħiħa koperta minn dik l-eżenzjoni.

(31)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni qieset kemm il-valutazzjoni tal-STECF kif ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art. F’diversi każijiet, huwa meħtieġ li l-attività tas-sajd u l-ġbir ta’ data jkomplu jsiru sabiex jiġu indirizzati l-kummenti magħmula mill-STECF. F’dawk il-każijiet, huwa xieraq li jiġi segwit approċċ pragmatiku u prudenti għall-ġestjoni tas-sajd billi jingħataw eżenzjonijiet fuq bażi temporanja. Jekk ma jingħatawx dawn l-eżenzjonijiet, ma tkunx tista’ tinġabar data li hija essenzjali għall-ġestjoni korretta u infurmata tal-qbid skartat bil-għan li jiġi implimentat b’mod sħiħ l-obbligu tal-ħatt l-art.

(32)

Wara r-rakkomandazzjoni konġunta ġdida, jixraq li r-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 jitħassar u jiġi sostitwit b’att ġdid.

(33)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. Jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art

Fis-subżoni 5 (eskluża 5a u inklużi l-ilmijiet tal-Unjoni biss ta’ 5b), 6 u 7 tal-ICES, l-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għaż-żoni tas-sajd demersali f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2020-2021.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.    “Pannell Fjamming” tfissere l-aħħar sezzjoni tal-malja tax-xibka tat-tkarkir bi travu, li tidjieq għax-xejn u li:

—

il-parti ta’ wara tagħha tkun imqabbda direttament mal-manka;

—

is-sezzjonijiet ta’ fuq u ta’ taħt tal-malja jkunu magħmulin b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 120 mm bejn għoqda u oħra;

—

meta tkun minxura t-tul tagħha jkun ta’ mill-inqas 3 m.

2.    “Pannell Seltra” tfisser apparat ta’ selettività li:

(a)

huwa magħmul minn pannell ta’ fuq bid-daqs tal-malja ta’ mill-inqas 270 mm (b’malji forma ta’ djamant) jew minn pannell ta’ fuq bid-daqs tal-malja ta’ mill-inqas 300 mm (b’malja kwadra), imqiegħed f’sezzjoni b’erba’ pannelli, fil-parti dritta tal-manka;

(b)

ikun mill-inqas twil tliet metri;

(c)

jitqiegħed mhux aktar minn erba’ metri ’l bogħod mis-siegla tal-għeluq; u

(d)

jkun daqs il-wisgħa kollha tas-saff ta’ fuq tal-kaxxa tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).

3.   “Apparat ta’ selettività Netgrid” tfisser apparat ta’ selettività magħmul minn sezzjoni b’erba’ pannelli imdaħħla f’xibka tat-tkarkir b’żewġ pannelli b’xibka inklinata ta’ malja forma ta’ djamant bid-daqs tal-malja ta’ mill-inqas 200 mm, li twassal għal fetħa għall-ħrib tal-ħut fil-parti ta’ fuq tax-xibka;

4.   “CEFAS Netgrid” tfisser apparat ta’ selettività Netgrid żviluppat minn The Centre for Environment, Fisheries and Aquaculture Science għall-qabdiet ta’ awwisti fil-Baħar Irlandiż;

5.   “Xibka tat-tkarkir flip-flap” tfisser irkaptu tat-tkarkir mgħammar bi grilja ta’ xbieki żviluppata biex tnaqqas il-qabdiet ta’ bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda u merlangu f’żoni tas-sajd għall-iskampu;

6.   “Ħabel flip-up” tfisser irkaptu tat-tkarkir bi travu demersali modifikat biex jgħin jipprevjeni ġebel u blat kbir lixx milli jidħlu fix-xbieki tat-tkarkir u jikkawżaw ħsara kemm lill-irkaptu kif ukoll lill-qabdiet;

7.   “Pannell tar-rilaxx bentiku” tfisser pannell ta’ xbieki b’malja ikbar jew b’malja kwadra mwaħħla fil-pannell ta’ isfel ta’ xibka tat-tkarkir, ġeneralment xibka tat-tkarkir bi travu biex jinħareġ kwalunkwe materjal bentiku u fdal ta’ qiegħ il-baħar qabel ma dan jgħaddi fil-manka;

8.   “Żona għall-Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku” tfisser l-ilmijiet fid-diviżjonijiet 7f u 7 g tal-ICES u fil-parti minn 7j li tinsab fit-Tramuntana tal-latitudni 50° N u fil-Lvant ta’ 11° W.

Artikolu 3

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-iskampu

1.   L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:

(a)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud fil-pots, fin-nases jew fil-kavetti (il-kodiċijiet tal-irkaptu (22): FPO u FIX u FYK) fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES;

(b)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 100 mm jew akbar fis-subżona 7 tal-ICES;

(c)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 70-99 mm flimkien ma’ għażliet ta’ rkaptu selettiv ħafna, kif stipulat fl-Artikoli 9(2) u 10(2) ta’ dan ir-Regolament, fis-subżona 7 tal-ICES;

(d)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 80-110 mm fid-diviżjoni 6a tal-ICES sa tnax-il mil nawtiku mill-kosta.

2.   Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-iskampu għandu jinħeles sħiħ, minnufih, u fiż-żona fejn ikun inqabad.

Artikolu 4

Eżenzjoni tas-sopravivenza għal-lingwata komuni

1.   Fid-diviżjoni 7d tal-ICES, sa sitt mili nawtiċi mill-kosta iżda barra ż-żoni tat-tkabbir identifikati, l-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-lingwata komuni (Solea solea) taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni magħmula bl-użu ta’ rkaptu tax-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (il-kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’manka li jkollha daqs tal-malja ta’ 80-99 mm, minn bastimenti:

(a)

li għandhom tul massimu ta’ 10 metri u potenza massima tal-magna ta’ 221 kW; u

(b)

li jistadu f’ilmijiet b’fond ta’ 30 metru jew inqas u b’ħinijiet ta’ rmunkar ta’ mhux aktar minn siegħa u nofs.

2.   Meta tiġi skartata l-lingwata komuni li tinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-lingwata komuni għandha tinħeles minnufih.

Artikolu 5

Eżenzjoni tas-sopravivenza għar-rebekkini u r-raj

1.   L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għar-rebekkini u r-raj (Rajiformes) maqbuda bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd fl-ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 6 u 7 tal-ICES).

2.   L-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw kull sena, kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.

3.   Meta jiġu skartati r-rebekkini u r-raj li jinqabdu fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ir-rebekkini u r-raj għandhom jinħelsu minnufih.

Artikolu 6

Eżenzjoni tas-sopravivenza tal-barbun tat-tbajja’

1.   L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:

(a)

barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g tal-ICES b’pariti (il-kodiċijiet tal-irkaptu: GTR, GTN, GEN, GN);

(b)

barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g tal-ICES bi xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (il-kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX);

(c)

barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet 7a sa 7k tal-ICES minn bastimenti li jkollhom potenza massima tal-magna akbar minn 221 kW, u li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) mgħammra b’ħabel flip-up jew b’pannell tar-rilaxx bentiku;

(d)

barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjonijiet 7a sa 7k tal-ICES minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB), b’potenza massima tal-magna ta’ 221 kW jew tul massimu ta’ 24 metru, li huma mibnija biex jistadu sa 12-il mil nawtiku mill-kosta u b’medja ta’ ħin ta’ rmunkar ta’ mhux aktar minn siegħa u nofs;

(e)

barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) maqbud fid-diviżjoni 7d tal-ICES bit-tartaruni Daniżi (il-kodiċi tal-irkaptu: SDN).

2.   L-eżenzjonijiet imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2020 għall-barbun tat-tbajja’ maqbud fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES. L-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw, kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjonijiet fir-rigward tal-barbun tat-tbajja’ maqbud fid-diviżjonijiet 7h, 7j, u 7k tal-ICES. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd għandu jivvaluta dik l-informazzjoni sal-31 ta’ Lulju 2020.

3.   Meta jiġi skartat il-barbun tat-tbajja’ fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-barbun tat-tbajja’ għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 7

Eżenzjoni tas-sopravivenza għal speċijiet maqbuda fil-pots, fin-nases u fil-kavetti

1.   Fis-subżoni 5 tal-ICES (eskluża 5a u inklużi l-ilmijiet tal-Unjoni biss ta’ 5b), 6 u 7 l-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal speċijiet li jinqabdu bil-pots, bin-nases u bil-kavetti (il-kodiċijiet tal-irkaptu: FPO, FIX, FYK).

2.   Meta jiġi skartat il-ħut li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-ħut għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 8

Eżenzjonijiet de minimis

1.   B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(5)(c) ta’ dak ir-Regolament:

(a)

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta’ 5 % tat-total tal-qabdiet annwali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni b’daqs tal-malja ta’ 80 mm jew aktar (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX), xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u xbieki tat-tkarkir bi travu (BT2) b’daqs tal-malja ta’ 80-119 mm fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES;

(b)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw pariti u għeżula (GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF) biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f u 7 g tal-ICES;

(c)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw irkaptu TBB b’daqs tal-malja ta’ 80-119 mm mgħammra b’pannell Fjamming, biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d, 7e, 7f, 7 g u 7h tal-ICES;

(d)

għall-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), sa massimu ta’ 5 % fl-2020 tat-total tal-qabdiet annwali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN SPR, SX, SV, TBB, TBN, TBS, TB, TX) b’daqs tal-malja ta’ 80 mm jew aktar fid-diviżjonijiet 7b, 7c u 7e sa 7k tal-ICES;

(e)

għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 7 % fl-2020 tat-total tal-qabdiet inċidentali annwali ta’ dawk l-ispeċijiet maqbuda f’sajd imħallat demersali, minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBB, TBN, TBS, TB, TX) fis-subżona 6 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES;

(f)

għall-kavall (Scomber scombrus), sa massimu ta’ 7 % fl-2020 tat-total tal-qabdiet annwali inċidentali ta’ dik l-ispeċi, maqbuda f’sajd imħallat demersali, minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni u xbieki tat-tkarkir bi travu fis-subżona 6 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES;

(g)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 3 % fl-2020 tat-total tal-qabdiet annwali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b’daqs tal-malja ta’ 80-119 mm (BT2) b’iktar selettività (pannell Fjamming) fid-diviżjonijiet 7a, 7j, u 7k tal-ICES;

(h)

għall-megrim (Lepidorhombus spp.) taħt l-MCRS, sa massimu ta’ 5 % fl-2020 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 70-99 mm (TR2) u bi xbieki tat-tkarkir bi travu (BT2) b’malji ta’ 80-199 mm fis subżona 7 tal-ICES,

(i)

għall-pixxi trumbetta (Caproidae), sa massimu ta’ 0,5 % fl-2020 tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) fid-diviżjonijiet 7b, 7c u 7f sa 7k tal-ICES,

(j)

għall-arġentina silus (Argentina silus), sa 0,6 % fl-2020 tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 100 mm jew akbar (TR1) fid-diviżjoni 5b tal-ICES (l-ilmijiet tal-UE) u fis-subżona 6 tal-ICES;

(k)

għall-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) taħt id-daqs ta’ referenza minimu għall-konservazzjoni, sa massimu ta’ 3 % fl-2020, tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bid-daqs tal-malja sa 119 mm (OTB, OTT, OT, TBN, TB) fis-sajd għall-iskampu (Nephrops norvegicus) fil-Punent tal-Iskozja fid-diviżjoni 6a tal-ICES;

(l)

fis-sajd imħallat demersali li jsir minn bastimenti li jistadu għall-gambli kannella u li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b’malji ta’ 31 mm jew aktar fid-diviżjoni 7a tal-ICES:

kwantità kkombinata ta’ speċijiet ta’ ħut taħt l-MCRS, li ma għandhiex taqbeż 0,85 % tal-qabdiet annwali totali ta’ barbun tat-tbajja’ u 0,15 % tal-qabdiet annwali totali ta’ merlangu fis-sajd imħallat demersali.

2.   L-eżenzjonijiet de minimis stabbiliti fil-punti (d) sa (k) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020, informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd għandu jivvaluta dik l-informazzjoni xjentifika qabel il-31 ta’ Lulju 2020.

Artikolu 9

Miżuri tekniċi speċifiċi fiż-Żona ta’ Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku

1.   Il-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fiż-Żona ta’ Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku għandhom jużaw waħda mill għażliet ta’ rkaptu li ġejjin:

(a)

manka ta’ 110 mm b’pannell b’malji kwadri ta’ 120 mm (23);

(b)

manka T90 ta’ 100 mm;

(c)

manka ta’ 100 mm b’pannell b’malji kwadri ta’ 160 mm;

(d)

manka ta’ 120 mm.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-bastimenti li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 5 % ta’ skampu għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta’ rkaptu li ġejjin:

(a)

pannell b’malja kwadra ta’ 300 mm b’manku b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 80 mm; bastimenti ta’ tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;

(b)

pannell Seltra;

(c)

għarbiel bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ 35 mm kif imsemmi fl-Anness VI, il-Parti B tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(d)

manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;

(e)

Manka doppja bil-manka ta’ fuq nett mibnija b’malja T90 ta’ mill-inqas 90 mm u mgħammra b’pannell ta’ separazzjoni b’daqs massimu tal-malja ta’ 300 mm.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-bastimenti li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 55 % ta’ merlangu jew 55 % ta’ petriċa, merluzz jew megrim imħallta għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta’ rkaptu li ġejjin:

(a)

manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;

(b)

manka T90 ta’ 90 mm u estensjoni;

(c)

manka ta’ 80 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 160 mm;

(d)

manka ta’ 80 mm b’ċilindru b’malja kwadra ta’ 2 m b’100 mm.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, bastimenti li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b’qabdiet li jkollhom inqas minn 10 % gadojdi (Gadidae) fid-diviżjoni 7f tal-ICES fil-Lvant ta’ 5° Punent, għandhom jużaw manka ta’ 80 mm mgħammra b’pannell b’malja kwadra ta’ 120 mm.

5.   Irkaptu jew apparat selettiv ivvalutat mill-STECF bħala li għandu l-istess karatteristiċi ta’ selettività tal-għażliet ta’ rkaptu stipulati fil-paragrafi 1 sa 4 jew karatteristiċi ta’ livell ogħla għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu jista’ jintuża minflok dawk l-għażliet ta’ rkaptu.

Artikolu 10

Miżuri tekniċi speċifiċi fil-Baħar Irlandiż

1.   Il-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fid-diviżjoni 7a tal-ICES (il-Baħar Irlandiż) għandhom josservaw il-miżuri tekniċi stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Il-bastimenti li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b’manka b’malja ta’ 70 mm jew akbar u iżgħar minn 100 mm u b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 5 % ta’ skampu, għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta’ rkaptu li ġejjin:

(a)

pannell b’malja kwadra ta’ 300 mm; bastimenti ta’ tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;

(b)

pannell Seltra;

(c)

għarbiel bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ 35 mm kif imsemmi fl-Anness VI, il-Parti B tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(d)

Netgrid CEFAS;

(e)

xibka tat-tkarkir flip-flap.

3.   Il-bastimenti ta’ tul totali ta’ 12-il metru jew aktar li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 10 % ta’ bakkaljaw, merluzz u rebekkini u raj imħallta, għandhom jużaw waħda mill-għażliet ta’ rkaptu li ġejjin:

(a)

manka ta’ 120 mm;

(b)

xibka tat-tkarkir eliminatriċi b’pannelli b’malja kbira ta’ 600 mm u manka ta’ 100 mm.

4.   Il-bastimenti ta’ tul totali ta’ 12-il metru jew aktar li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu anqas minn 10 % ta’ bakkaljaw, merluzz u rebekkini u raj imħallta, għandhom jużaw daqs ta’ malja ta’ 100 mm għall-manka b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal bastimenti b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu jew aktar minn 85 % ta’ mrewħa.

5.   Irkaptu jew apparat selettiv ivvalutat mill-STECF bħala li għandu l-istess karatteristiċi ta’ selettività tal-għażliet ta’ rkaptu stipulati fil-paragrafi 1 sa 4 jew karatteristiċi ta’ livell ogħla għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu jista’ jintuża minflok dawk l-għażliet ta’ rkaptu.

Artikolu 11

Miżuri tekniċi speċifiċi fil-Punent tal-Iskozja

1.   Mill-1 ta’ Lulju 2020, il-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni fid-diviżjonijiet 6a u 5b tal-ICES, fl-ilmijiet tal-Unjoni, fil-Lvant ta’ 12°W (il-Punent tal-Iskozja) għandhom jikkonformaw mal-miżuri tekniċi li ġejjin:

(a)

l-użu obbligatorju ta’ pannell b’malja kwadra (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 300 mm għall-bastimenti li jkunu qed jużaw daqs ta’malja iżgħar minn 100 mm għall-manka; għall-bastimenti ta’ tul totali ta’ inqas minn 12 m u/jew bil-potenza tal-magna ta’ 200 kW jew inqas, it-tul totali tal-pannell jista’ jkun ta’ 2 m u l-pannell 200 mm fis-sajd tal-iskampu (Nephrops norvegicus);

(b)

l-użu obbligatorju ta’ pannell b’malja kwadra (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 160 mm għal bastimenti li jużaw daqs ta’ malja ta’ 100-119 mm għall-manka u jekk il-qabdiet jinkludu aktar minn 30 % skampu (Nephrops norvegicus).

2.   Irkaptu jew apparat selettiv ivvalutat mill-STECF bħala li għandu l-istess karatteristiċi ta’ selettività mill-miżuri stipulati fil-paragrafu 1 jew karatteristiċi ta’ livell ogħla għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu jista’ jintuża minflok dawk il-miżuri.

Artikolu 12

Tħassir

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/2034 huwa mħassar.

Ir-referenza għar-Regolament (UE) 2018/2034 fl-Anness VI, il-Parti B, il-punt 3 tar-Regolament (UE) 2019/1241 (24) għandha tinftiehem bħala referenza għall-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1.

(2)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2034 tat-18 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2019-2021 (ĠU L 327, 21.12.2018, p. 8).

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(7)  Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar.

(8)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(9)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(10)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(11)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(12)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(13)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(14)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(15)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/1099561/STECF+PLEN+15-02.pdf

(16)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(17)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(18)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(19)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(20)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(21)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(22)  Il-kodiċijiet tal-irkaptu li ntużaw f’dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f’din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.

(23)  Kif imsemmi fl-Anness VI, il-Parti B tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(24)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.