European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/764

11.2.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Analiżi fattwali u leġiżlattiva għal integrazzjoni effettiva ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol tal-UE

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/764)

Relatur:

Panagiotis GKOFAS

Korelatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Konsulenti

Ioannis PAPADIMOS (għar-relatur tal-Grupp III)

Gemma PINYOL (għall-korelatur tal-Grupp II)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

3.10.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

4.12.2024

Sessjoni plenarja Nru

592

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

137/2/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-iżvilupp ta’ politika komprensiva tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-immigrazzjoni għax-xogħol kien kajman u diffiċli mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam li ta kompetenza lill-UE fil-qasam tal-immigrazzjoni. Il-politika tal-UE hija rregolata minn direttivi u l-eżitu ġenerali kien li d-direttivi tal-UE kisbu livell minimu ta’ armonizzazzjoni, u dan iħalli grad sinifikanti ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

1.2.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mobbiltà organizzata tal-forza tax-xogħol fl-UE hija rregolata minn qafas frammentat ħafna u kumpless iżżejjed li jikkonsisti f’diversi Direttivi tal-UE u leġiżlazzjoni nazzjonali koeżistenti. Kategoriji differenti ta’ ħaddiema migranti huma rregolati minn direttivi u regolamenti differenti, u kull waħda tkopri aspetti u stadji differenti tal-proċess ta’ migrazzjoni.

1.3.

Il-KESE jemmen li minflok ma tkun komplementari għall-politiki nazzjonali, il-politika tal-UE jkollha fil-mira ħaddiema simili. Dan huwa problematiku b’mod partikolari għall-ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet, li jirrappreżentaw, kemm b’mod kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv, il-kategorija ewlenija ta’ ħaddiema li l-UE trid tattira u żżomm. L-UE ma għandhiex, u ma għandhiex għalfejn, tfittex li tissostitwixxi l-politiki nazzjonali dwar l-immigrazzjoni tal-ħaddiema bil-politiki tal-UE. Minflok, dawn tal-aħħar għandhom ikunu komplementari għal tal-ewwel u kwalunkwe intervent tal-UE għandu jiġi ġġustifikat b’attenzjoni rigward il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.4.

Minħabba li n-nuqqas ta’ ħaddiema jimmanifesta ruħu bħala sfida Ewropea komuni, li jvarja minn Stat Membru għal ieħor u bejn is-setturi differenti tas-suq tax-xogħol innifsu, u jista’ jkollu rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-settur jew tal-professjoni, dan jirrikjedi wkoll rispons komuni. L-isfruttar tal-potenzjal ta’ suq tax-xogħol uniku tal-UE, minflok ma jopera bħala 27 suq tax-xogħol separat, ipoġġi lill-UE f’pożizzjoni aħjar biex tikkompeti għall-ħaddiema migranti fit-“tellieqa globali għat-talent”.

1.5.

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar opzjoni għal żmien qasir għall-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti fl-UE, li tista’ tinvolvi li wieħed jibni fuq l-approċċ settorjali attwali b’leġiżlazzjoni li timmira speċifikament lejn setturi rilevanti għall-politika industrijali tal-UE. L-approċċ fit-tul tal-UE għandu jkun li ssegwi u timplimenta politika komuni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema li tevita l-kompetizzjoni interna, tistabbilixxi objettivi komuni ċari u tallinja sett ta’ strumenti ma’ dawn l-objettivi, u b’hekk tpoġġi lill-UE f’pożizzjoni aħjar biex tikkompeti fil-livell internazzjonali.

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa tal-preskrizzjoni ta’ regolamenti ċari dwar l-aċċess tal-migranti għall-viżi tax-xogħol u l-permessi tax-xogħol, kif ukoll tal-iżgurar tar-rikonoxximent tad-diplomi u l-kwalifiki professjonali tagħhom. Rigward il-problema tar-rikonoxximent tad-diplomi tal-migranti (1), ikun importanti li jiġu żviluppati standards Ewropej tal-kwalifiki u l-kompetenzi, li jistgħu jsolvu din il-kwistjoni.

1.7.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-migranti għas-suq tax-xogħol bl-iżvilupp ta’ politiki u pjani ta’ azzjoni li għandhom l-għan li jippromovu l-inklużjoni tal-migranti (b’dispożizzjonijiet partikolari għan-nisa) fis-suq tax-xogħol permezz tal-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni effettiva bejn il-gvernijiet, it-trade unions, l-entitajiet soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi dwar it-tfassil u l-finanzjament tat-taħriġ vokazzjonali għall-migranti, u billi jiġi żgurat li jkunu disponibbli lezzjonijiet tal-lingwa u taċ-ċittadinanza għall-applikanti għall-ażil u r-refuġjati.

1.8.

Il-KESE jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li r-rappreżentanti rikonoxxuti uffiċjalment tal-komunitajiet tal-migranti jikkomunikaw mar-rappreżentanti tas-settur privat u pubbliku u t-trade unions. Huwa jisħaq ukoll fuq l-importanza li l-komunitajiet tal-migranti jipparteċipaw fil-ħajja ċivika. Inizjattiva pan-Ewropea tajba tkun li jiġi stabbilit “Kunsill Ewropew għall-Integrazzjoni tal-Migranti u r-Refuġjati”, li jlaqqa’ flimkien l-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet tal-migranti rikonoxxuti flimkien mad-diversi fora Ewropej.

1.9.

Il-migranti irregolari li qed jaħdmu fis-suq tax-xogħol informali ta’ spiss jiġu impjegati f’impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet. Huwa fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar sanzjonijiet u miżuri kontra l-impjegaturi ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali (id-Direttiva 2009/52). Sabiex jiġi evitat li nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jużaw perkorsi irregolari biex jidħlu fl-Ewropa, il-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi li minnhom ġejjin l-immigranti jistgħu jinkludu r-regolarizzazzjoni tal-migranti irregolari, bi ftehimiet paralleli għall-aċċess għal xogħol b’livell baxx ta’ ħiliet jew staġonali, u mbagħad il-pajjiż li minnu ġejjin l-immigranti jkun meħtieġ jaċċetta lura lil kull min jipprova jidħol fl-UE b’mod irregolari.

1.10.

Il-KESE jixtieq jagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-applikanti għall-ażil u r-refuġjati. Dawn spiss jiffaċċjaw restrizzjonijiet amministrattivi biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol, u biex jibdew jaħdmu għal rashom, peress li għadd żgħir biss ta’ pajjiżi Ewropej jagħtu aċċess immedjat għas-suq tax-xogħol lil applikanti għall-ażil.

1.11.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu infurzati projbizzjonijiet fuq l-aġenziji ta’ reklutaġġ li nstabu li kienu involuti fi prattiki mhux etiċi jew abbużivi, u li jinżammu listi suwed ta’ aġenziji bi storja ta’ sfruttament. Huwa jixtieq li l-impjegaturi ma jitħallewx jidħlu f’kuntratti ma’ aġenziji mniżżla fuq lista sewda u li jiġu imposti penali għal nonkonformità.

1.12.

Il-KESE jipproponi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu (osservatorju) fil-livell Ewropew biex iservi bħala ċentru għall-għoti ta’ pariri dwar kif għandhom jiġu żviluppati oqfsa leġiżlattivi għar-regolamentazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni; għal appoġġ għall-proġetti li jippromovu l-iżvilupp interkulturali; għall-indirizzar tal-isfruttament; u għall-promozzjoni tad-djalogu bejn ir-riċerkaturi, dawk li jfasslu l-politika, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq problemi marbuta mal-migrazzjoni.

1.13.

Il-KESE jixtieq jara l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi fl-iskejjel biex jinbena għarfien ta’ kulturi, lingwi u reliġjonijiet differenti, u se jappoġġja l-involviment attiv tal-migranti fl-attivitajiet tal-partiti politiċi, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tal-migranti u tad-dijaspora. Il-promozzjoni ta’ għarfien komuni u reċiproku tad-differenzi soċjali u kulturali għall-faċilitazzjoni ta’ fehim aħjar bejn il-komunitajiet ospitanti u migranti hija daqstant importanti. F’dan ir-rigward, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkun kruċjali, peress li dawn jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ soċjetajiet infurmati aħjar u b’hekk iservu bħala punt ta’ kuntatt fis-soċjetajiet ospitanti.

1.14.

Il-KESE huwa favur il-promozzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-UE 1231/2010 (2) biex ir-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE jiġu estiżi għan-nazzjonali ta’ pajjiżi mhux tal-UE li huma residenti legalment fl-UE u f’sitwazzjoni transfruntiera, bħala waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-migranti u l-prosperità tal-pajjiżi ospitanti.

1.15.

Il-KESE jixtieq jara aċċess aħjar, bla xkiel u aktar faċilment disponibbli għall-finanzjament tal-UE billi tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn iż-żewġ fondi ewlenin għall-integrazzjoni, l-AMIF u l-FSE+, pereżempju bl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali u billi jiġi żgurat li l-komponent tal-inklużjoni soċjali tal-programmi tal-FSE+ ikun aċċessibbli għall-migranti u r-refuġjati, peress li l-Istati Membri mhuma obbligati jallokaw l-ebda parti mill-25 % allokati għall-inklużjoni soċjali lill-migranti.

1.16.

Il-KESE jilqa’ t-tisħiħ tad-dimensjoni esterna billi jappoġġja l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, id-diplomazija dwar il-migrazzjoni u l-oqfsa ta’ kooperazzjoni reġjonali dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-viċinat immedjat tal-UE u barra minnu. L-inizjattivi reġjonali jistgħu jiffaċilitaw id-djalogu, l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-koordinazzjoni tal-politika fost il-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu, u ta’ destinazzjoni, waqt li jippromovu approċċi armonizzati għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u jindirizzaw sfidi komuni, inklużi l-migrazzjoni irregolari, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar.

1.17.

Il-KESE jħeġġeġ li jiġu esplorati mekkaniżmi għall-promozzjoni tal-migrazzjoni ċirkolari, bil-għan li l-migranti jiċċaqilqu bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni tagħhom fuq bażi temporanja, biex jiġu massimizzati l-benefiċċji kemm għall-pajjiżi li minnhom ġejjin l-immigranti kif ukoll dawk li jaslu fihom l-immigranti waqt li jiġu minimizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi potenzjali.

1.18.

Il-KESE jemmen li t-tkabbir ekonomiku futur tal-Ewropa se jiddependi mill-kapaċità tagħha li tisfrutta l-ħiliet u t-talenti tan-nies aħjar u tippromovi teknoloġiji u negozji innovattivi. Għalhekk, prijorità ewlenija għandha tkun l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-aċċess tal-migranti għas-suq tax-xogħol u l-forniment ta’ opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-talenti tagħhom. Għal dan l-għan, peress li l-miżuri attwali huma frammentati u mhux kompluti, hija meħtieġa aġenda għar-riforma usa’ li għandha l-għan li tiżgura l-kompetittività ekonomika u tippermetti lill-UE tassew tikkompeti fit-tellieqa globali għat-talent. Fil-qosor, huwa ċar l-argument għal politika Ewropea dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema mtejba. Bl-adozzjoni ta’ approċċ komprensiv u kkoordinat, l-UE tista’ tisfrutta l-potenzjal tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol biex tixpruna t-tkabbir ekonomiku, tindirizza l-isfidi demografiċi, tippromovi l-inklużjoni soċjali, u tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema kollha.

2.   Ħarsa ġenerali lejn ix-xejriet attwali tal-migrazzjoni tal-ħaddiema fl-UE

2.1.

Il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil iservi bħala l-qafas regolatorju ġenerali tal-UE fir-rigward tal-applikanti għall-ażil. Il-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iwitti t-triq għal ġestjoni tal-migrazzjoni maħsuba li tkun ġusta, effiċjenti u sostenibbli fit-tul.

2.2.

Barra minn hekk, fil-livell tal-UE hemm ukoll il-perkorsi legali. Il-perkorsi legali jinkludu diversi Direttivi, bħad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE, id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali, id-Direttiva dwar it-Trasferimenti Intraazjendali, id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul, id-Direttiva dwar il-Permess Uniku u d-Direttivi dwar ir-Riċerka u l-Finijiet Edukattivi. Għandu jiġi nnotat li l-Kunsill tal-UE, fil-vot finali tiegħu fit-12 ta’ April 2024, approva d-Direttiva riveduta dwar il-Permess Uniku. L-istrument ta’ riformulazzjoni huwa mfassal biex itejjeb il-proċessi ta’ applikazzjoni, iżid il-mobbiltà tas-suq tax-xogħol u jagħmilha aktar faċli biex wieħed jaħrab mill-isfruttament (3).

2.3.

L-UE tibqa’ timpenja ruħha li tipprovdi rotot sikuri u legali għal dawk li għandhom bżonn protezzjoni permezz tal-programmi ta’ risistemazzjoni tal-UE li jippermettu lill-iżjed refuġjati vulnerabbli jaslu l-Ewropa mingħajr ma jkollhom jirrikorru għall-użu ta’ networks kriminali ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti jew jipperikolaw ħajjithom billi jużaw rotot perikolużi.

2.4.

Min-naħa l-oħra, hemm ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE, li għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli biex jitqabblu l-provvista u d-domanda. Waqt li tirrikonoxxi li l-iffaċilitar għat-tqabbil tal-impjiegi u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali u ġusti għan-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jistgħu jgħinu biex jiġi attirat talent minn pajjiżi mhux tal-UE, bħala parti mill-pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Ħiliet u tat-Talenti (4), ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE (5) għandha l-għan li tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi mhux tal-UE f’okkupazzjonijiet li qed jesperjenzaw nuqqasijiet fil-livelli kollha tal-ħiliet fl-UE kollha (6).

2.5.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni dwar Nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-UE. Il-pjan jistabbilixxi azzjonijiet f’ħames oqsma (7) li għandhom jiġu implimentati malajr fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u tal-imsieħba soċjali; dawn jinkludu: appoġġ tal-attivazzjoni ta’ persuni sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol; l-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet, it-taħriġ u l-edukazzjoni; u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol f’ċerti setturi.

2.6.

Minbarra d-Direttivi u r-Regolamenti fil-livell tal-UE, kull Stat Membru għandu l-politiki nazzjonali dwar l-immigrazzjoni tiegħu li jirregolaw il-migrazzjoni tal-ħaddiema. Dawn il-politiki jistgħu jinkludu diversi tipi ta’ permessi tax-xogħol, permessi ta’ residenza, u skemi għal ħaddiema tas-sengħa, studenti, riċerkaturi u kategoriji oħra ta’ migranti.

2.7.

Xi Stati Membri għandhom ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni tal-ħaddiema. Dawn il-ftehimiet jistgħu jkopru setturi jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema u jipprevedu proċeduri simplifikati għar-reklutaġġ, għall-permessi tax-xogħol u għar-residenza.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-ħolqien ta’ perkorsi tax-xogħol għal nazzjonali ta’ pajjiżi terzi lejn l-UE għandu bla dubju jkun komponent ċentrali ta’ politika dwar il-migrazzjoni komprensiva u bbilanċjata. Kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, l-iżvilupp ta’ perkorsi legali lejn l-Ewropa għal skopijiet ta’ xogħol mhux biss jgħin biex itaffi l-pressjoni fuq rotot irregolari, iżda jippermetti wkoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jattiraw talent u ħiliet li jikkontribwixxu għall-prosperità ekonomika tal-Unjoni kollha.

3.2.

Barra minn hekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pressjonijiet demografiċi joħolqu wkoll il-ħtieġa għax-xogħol, u għalhekk id-demografija hija fattur ewlieni għall-migrazzjoni fl-Ewropa. Hija l-fattur li jista’ jbiddel in-narrattiva dwar perċezzjonijiet. L-Istati Membri jeħtieġ li jkopru l-ħtiġijiet tax-xogħol tagħhom b’mod urġenti iżda wkoll li jsaħħu s-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet tagħhom. Il-politiki proattivi dwar il-migrazzjoni jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni demografika fl-Ewropa b’mod sinifikanti.

3.3.

Forza tax-xogħol iżgħar fl-Ewropa, li tvarja minn Stat Membru għal ieħor u bejn setturi differenti tas-suq tax-xogħol innifsu, u li jista’ jkollha rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-settur jew tal-professjoni, se jkollha konsegwenzi ekonomiċi kbar, peress li inqas nies ikunu qed jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-pensjonijiet, il-konsum jonqos, u l-protezzjoni soċjali tkun limitata. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tonqos, li qed iwassal għal nuqqasijiet fil-forza tax-xogħol f’għadd ta’ setturi, inklużi l-kura tas-saħħa, il-kura soċjali, il-biedja, il-kostruzzjoni, l-ospitalità, il-catering, it-teknoloġija tal-informazzjoni u s-servizzi finanzjarji. Għalhekk, il-migrazzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għall-Ewropa, jekk jiġu implimentati l-miżuri ta’ politika neċessarji.

3.4.

Il-KESE jtenni li f’kontradizzjoni mal-biċċa l-kbira tar-retorika populista kontra l-migranti li tiddikjara li l-migranti huma piż kbir għas-sistema tal-protezzjoni soċjali, studju reċenti tal-OECD dwar l-impatt fiskali tal-migrazzjoni għall-pajjiżi Ewropej kollha tal-OECD wera li l-migranti jikkontribwixxu aktar bħala taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali milli jirċievu f’benefiċċji individwali (8).

3.5.

Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li minkejja r-rikonoxximent tal-ħtiġijiet, ir-rispons li jippermetti l-aċċess għall-migrazzjoni għas-suq tax-xogħol tal-UE qed jiffaċċja ħafna sfidi, jiġifieri ostakli legali, lingwistiċi u kulturali, diskriminazzjoni u preġudizzju, rikonoxximent tal-ħiliet u evalwazzjoni u rikonoxximent tal-kredenzjali, restrizzjonijiet tal-mobbiltà, esklużjoni soċjali u sfidi tal-integrazzjoni kif ukoll, f’xi każijiet, aċċess limitat għall-protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi (9).

3.6.

Il-KESE jemmen li l-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika hija importanti ħafna għall-ħolqien ta’ “sens ta’ appartenenza” fost in-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fis-soċjetà ospitanti kif ukoll għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ konoxxenza reċiproka, sħubija u aċċettazzjoni.

3.7.

Wara l-prattika tajba ta’ diversi Stati Membri li waqqfu Kunsilli għall-Integrazzjoni tal-Migranti u r-Refuġjati f’ċerti muniċipalitajiet, l-idea tista’ tiġi estiża bħala politika pan-Ewropea. Il-“Kunsill Ewropew għall-Integrazzjoni tal-Migranti u r-Refuġjati” ikun ta’ natura konsultattiva u jkollu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni u jiffamiljarizza lin-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi mal-istrutturi u l-proċeduri tal-UE.

3.8.

Il-KESE jixtieq jisħaq fuq il-punt li l-migrazzjoni għandha titqies bħala opportunità, mhux riskju. In-nuqqas ta’ politika koordinata dwar il-migrazzjoni fil-livell Ewropew witta t-triq għal żieda ta’ biżgħat bla bażi fost il-popolazzjoni Ewropea, biżgħat li sussegwentement ġew sfruttati minn xi forzi politiċi u strumenti tal-media biex jippreżentaw stampa qarrieqa tal-migrazzjoni bħala theddida.

3.9.

Il-KESE jikkontesta l-idea żbaljata komuni li l-migranti huma ta’ theddida għall-popolazzjoni lokali billi jieħdu l-impjieg tagħhom u jisfruttaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali. Huwa jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u s-soċjetajiet tagħhom għall-impatt pożittiv tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp ekonomiku Ewropew u jitlob li l-politiki Ewropej jikkontribwixxu biex jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mill-migrazzjoni.

3.10.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-reviżjonijiet konklużi dan l-aħħar tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE, kif ukoll ir-riformi li għaddejjin bħalissa tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku, jistgħu jgħinu biex jittejjeb il-funzjonament tagħhom. Limiti ta’ eliġibbiltà aktar baxxi u aktar flessibbli għall-Karta Blu, pereżempju, jistgħu jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Ir-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku, li għandha l-għan li tissemplifika u tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tista’ tagħmilha aktar effettiva, għalkemm mingħajr ma tindirizza l-kundizzjonijiet tad-dħul għal migranti b’livell aktar baxx u medju ta’ ħiliet.

3.11.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-Riżerva ta’ Talent tal-UE (10) tista’ tgħin fil-koordinazzjoni tal-politiki tal-Istati Membri. Huwa jilqa’ wkoll il-fatt li din tinkludi salvagwardji inkorporati biex tevita prattiki ta’ sfruttament u inġusti, u jirrimarka li n-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi reklutati permezz tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE se jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-ħaddiema tal-UE ladarba jkunu impjegati, inkluż fir-rigward tar-rispett tal-liġijiet u l-prinċipji tal-UE biex tiġi żgurata integrazzjoni bla xkiel fil-komunitajiet lokali.

3.12.

Il-KESE jinnota li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu kif jilħqu l-għanijiet ta’ direttiva partikolari u, għalhekk, għandhom diskrezzjoni wiesgħa meta jimplimentawha fil-liġi nazzjonali. Huwa jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-qafas leġiżlattiv huwa fil-biċċa l-kbira separat mill-oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE. L-eżitazzjoni min-naħa tal-Istati Membri li jagħmlu użu mil-leġiżlazzjoni tal-UE hija ċertament riżultat tal-fatt li r-regoli tal-UE jippermettu li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet aktar favorevoli fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, l-acquis leġiżlattiv tal-UE dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema jsaħħaħ aktar milli jisfida jew jikkomplementa l-preferenzi nazzjonali. Id-dipendenza minn soluzzjonijiet nazzjonali mhux se tindirizza l-isfida, peress li l-kompetizzjoni intra-UE x’aktarx tirriżulta f’diverġenzi bejn il-kapaċità tal-Istati Membri li jissodisfaw l-objettivi tal-istrateġija industrijali tal-UE.

Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   ĠU C, C/2024/4067, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj, https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/talent-mobility-package.

(2)  Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1).

(3)  Ara https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2024/04/12/legal-migration-council-gives-green-light-to-single-work-and-stay-permit-for-non-eu-nationals/.

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2023 dwar il-Mobilità tal-Ħiliet u t-Talenti (COM(2023) 715 final).

(5)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE (COM/2023/716 final).

(6)   ĠU C, C/2024/4067, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj.

(7)  Appoġġ tal-attivazzjoni ta’ persuni sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol.

—

L-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet, it-taħriġ u l-edukazzjoni

—

It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol f’ċerti setturi

—

It-titjib tal-mobbiltà intra-UE ġusta għall-ħaddiema u l-istudenti

—

L-attirar tat-talent minn barra l-UE

https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&furtherNews=yes&newsId=10790.

(8)  Perspettiva tal-Migrazzjoni Internazzjonali 2021 © OECD 2021, p 121.

(9)  Ara aktar fl-istudju tal-KESE dwar il-ħaddiema staġjonali, Rossella Soldi u Simona Cavallini, 22 ta’ April 2023 — Rivedut fit-12 ta’ Mejju 2023, https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/qe-05-23-186-en-n.pdf.

(10)   ĠU C, C/2024/4067, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/764/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)