SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku – Eżenzjoni tal-prodotti tal-enerġija użati bħala fjuwil – Artikolu 14(1)(ċ) – Navigazzjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 15(1)(f) – Navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni – Direttiva 95/60/KE – Immarkar fiskali taż-żejt tal-gass u tal-pitrolju – Żejt tal-gass maħsub sabiex jintuża għall-propulsjoni ta’ bastiment u li ma jkollux immarkar fiskali konformi mad-dritt tal-Unjoni – Rifjut li tiġi applikata l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑137/23 [Alsen] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
X
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, il-President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala l-President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal X, minn M. van Dam, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia, M. Björkland u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405, rettifika fil-ĠU L, 2024/90328), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE tad‑29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 21) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/96”), u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar aġġustament fiskali li jirrigwarda l-impożizzjoni tad-dazji tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass użat bħala fjuwil għan-navigazzjoni fix-xmajjar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 92/81/KEE
|
3 |
It-Titolu III tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU 1992, L 316, p. 12), intitolat “Kontrolli”, kien jinkludi biss l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li kien ifformulat kif ġej: “Mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1992, il-Kunsill [tal-Komunitajiet Ewropej], li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej], għandu jadotta regoli Komunitarji dwar il-kulur u l-immarkar taż-żjut minerali eżenti mid-dazju tas-sisa jew suġġetti għal rata mnaqqsa bħala fjuwil.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-Direttiva 95/60/KE
|
4 |
L-ewwel sal-ħames premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas‑27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali tan-nafta [żejt tal-gass] u tal-pitrolju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 289) jiddikjaraw: “Billi l-miżuri tal-Komunità kkuntemplati minn din id-Direttiva mhumiex biss neċessarji imma wkoll indispensabbli biex jinkisbu l-oġġettivi tas-suq intern; billi dawn l-oġġettivi ma jistgħux jiġu miksuba mill-Istati Membri individwalment; billi aktar dawn l-oġġetivi fil-livell tal-Komunità huma provduti diġà mid-Direttiva 92/81/KEE, u partikolarment l-Artikolu 9 tagħħa; billi din id-Direttiva hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; Billi d-[Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU 1992, L 306, p. 19)] tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa applikabbli ghal ċerti żjut minerali partikolarment għal kategoriji differenti tan-nafta u pitrolju; Billi il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern issa jirrikjedu li regoli komuni jiġu stabbiliti għall-immarkar fiskali taż-żjut bil-gas u pitrolju li ma jkunx tħallas dazju għar-rata sħiħa applikabbli għal dawn iż-żjut minerali użati biex imexxu l-magni; Billi ċerti Istati Membri għandhom jitħallew biex jidderrogaw mill-miżuri stabbiliti f’din id-Direttiva minħabba ċirkustanzi nazzjonali speċjali”. |
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/60 jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq l-immarkar fiskali, l-Istati Membri għandhom japplikaw immarkar fiskali skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva biex:
2. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoniet [derogi] għall-applikazzjoni tal-markatur fiskali stabbilit fil-paragrafu 1 fuq raġunijiet tas-saħħa pubblika jew sigurtà għar-raġunijiet tekniċi oħra, jekk jieħdu l-miżuri ta’ sorveljanza fiskali xierqa. [...]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/60: “1. L-immarkar għandu jikkonsiti f’taħlita tajba magħmula minn żidiet kimiċi li għandhom jiżdiedu taħt sorveljanza fiskali qabel ma ż-żjut minerali konċernati jiġu rilaxxjati għall-konsum. Madanakollu: [...] 2. L-immarkar li għandu jintuża għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/12/KEE.” |
|
7 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-użu mhux xieraq tal-prodotti mmarkati jiġi evitat u, li ż-żjut minerali n-kwisjoni ma jistgħux jintużaw għax-xgħil fil-magna ta’ karozza li tintuża fit-triq jew miżmuma fit-tank karburanti kemm‑il darba dan l-użu huwa permess f’każi speċifiċi stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-użu taż-żjut minerali n-kwistjoni fil-każi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi konsidrat bħala offiża taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat. Kull Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandu, partikolarment, jiffissa l-penali li għandhom jiġu mposti fil-kaz tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-miżuri; dawn il-penali għandhom jiġu proporzjonati ma’ l-iskop tagħhom u għandu jkollhom effett adegwat u deterrenti.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri jistgħu jżidu mmarkar nazzjonali jew kulurit flimkien ma’ l-immarkar li hemm stipulat fl-Artikolu 1(1). [...]” |
Id-Direttiva 2003/96
|
9 |
Il-premessi 2 sa 5 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jiddikjaraw:
[...]
|
|
10 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.” |
|
11 |
L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f’Direttiva 92/12/KEE fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż: [...]
|
|
12 |
L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għall-provissjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri jistgħu japlikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew tnaqqis kollu jew parti minnu fil-livell ta’ tassazzjoni għal: [...]
[...]” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/96: “Minkejja l-Artikolu 28(2), Direttivi 92/81/KEE u 92/82/KEE għandhom jiġu mneħħija mill‑31 ta’ Diċembru 2003. Referenzi għal direttivi mħassra għandhom jinftiehmu referenzi għal din id-Direttiva.” |
Id-Direttiva 2008/118
|
14 |
Il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118 kienet tiddikjara: “Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-[Unjoni Ewropea] meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.” |
|
15 |
L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “1. Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum. 2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
|
|
16 |
Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva: “Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut għandha tkun:
[...]” |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/544/UE
|
17 |
Il-premessi 1 u 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/544/UE tas‑16 ta’ Settembru 2011 li tistabbilixxi indikatur [markatur] fiskali komuni għall-gażolji [żejt tal-gass] u l-kerosin [pitrolju] (ĠU 2011, L 241, p. 31), kienu jiddikjaraw:
[...]
|
|
18 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kien ifformulat kif ġej: “L-indikatur [markatur] fiskali komuni stipulat bid-Direttiva 95/60/KE, għall-immarkar tal-gażolji kollha li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 27101941, 27101945, u 27101949, kif ukoll tal-kerosin li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 27101925, għandu jkun Solvent Yellow 124, kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom jiffissaw livell ta’ immarkar ta’ mill-anqas 6 mg u mhux aktar minn 9 mg ta’ indikatur għal kull litru ta’ żejt minerali.” |
Id‑dritt Olandiż
Il-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa
|
19 |
L-Artikolu 2(1) tal-Wet houdende vereenvoudiging en uniformering van de accijnswetgeving (il-Liġi li tissimplifika u tarmonizza l-Leġiżlazzjoni dwar id-Dazji tas-Sisa) tal‑31 ta’ Ottubru 1991 (Stb 1991, p. 561), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”), huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi u tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tagħha, rilaxx għall-konsum ifisser: [...]
[...]” |
|
20 |
L-Artikolu 66(1) ta’ din il-liġi jipprovdi: “Skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali, huwa eżentat mid-dazju tas-sisa r-rilaxx għall-konsum ta’ żjut minerali użati:
[...]” |
Id-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa
|
21 |
Skont l-Artikolu 19 tal-Uitvoeringsbesluit accijns (id-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali: “Ir-rilaxx għall-konsum ta’ żjut minerali użati għall-propulsjoni ta’ dgħajjes jew għall-bżonnijiet abbord dawn tal-aħħar huwa eżenti kemm‑il darba: [...]” |
|
22 |
L-Artikolu 20(2) ta’ dan id-digriet jipprevedi: “L-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa msemmija fl-Artikolu 19 għandha tingħata għaż-żjut medji u għaż-żejt tal-gass biss kemm‑il darba dawn iż-żjut ikollhom il-markaturi msemmija fl-Artikolu 1a(3) tal-[Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa]”. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa
|
23 |
L-Artikolu 13(2) tal-Uitvoeringsregeling accijns (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa) kien jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali: “Għandhom jiżdiedu maż-żejt tal-gass, bħala markatur imsemmi fl-Artikolu 1a(3) tal-[Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa]: mill-inqas 6 grammi u mhux iktar minn 9 grammi ta’ Solvent Yellow 124 kull 1000 litru u wkoll maż-żejt ħafif kwantità suffiċjenti ta’ sustanza kuluranti sabiex jinħoloq kulur aħmar viżibbli sew u permanenti”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
24 |
X, li jirrisjedi fil-Ġermanja, huwa sid tanker immotorizzat li huwa juża sabiex jittrasporta, permezz ta’ mogħdijiet tal-ilma navigabbli ġewwa l-Unjoni, żjut minerali f’isem terzi bi ħlas (iktar ’il quddiem it-“tanker”). Dan it-tanker għandu żewġ bankers fejn jinħażen il-fjuwil intiż għall-propulsjoni tiegħu. |
|
25 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2016, waqt kontroll li sar filwaqt li t-tanker kien jinsab f’Amsterdam‑Rijnkanaal, fil-Pajjiżi l-Baxxi, kontrolluri tal-Belastingdienst (id-Dipartiment tat-Taxxa/Dwana, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġabru kampjuni taż-żejt tal-gass maħżun fil-bankers. Analiżi ta’ dawn il-kampjuni mil-laboratorju ta’ dan id-dipartiment żvelat, b’mod partikolari, li l-kwantità ta’ markatur “Solvent Yellow 124” preżenti f’dawn il-kampjuni kienet tammonta, rispettivament, għal kull wieħed miż-żewġ bankers, għal 5 grammi kull 1000 litru u għal 4.4 grammi kull 1000 litru, jiġifieri kwantità iżgħar mill-kontenut minimu ta’ 6 grammi kull 1000 litru meħtieġ għar-rilaxx għall-konsum ta’ żejt tal-gass eżenti mid-dazji tas-sisa. |
|
26 |
Billi qies li ż-żejt tal-gass ikkonċernat ma kienx għalhekk jissodisfa il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, l-inspecteur van de Belastingdienst/Douane (l-Ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxa/Dwana) (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”), fit‑30 ta’ Jannar 2017, innotifika lil X bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ fir-rigward ta’ dan tal-aħħar avviż ta’ aġġustament tad-dazji tas-sisa, minħabba, minn naħa, li l-kontenut ta’ dan iż-żejt tal-gass b’markatur “Solvent Yellow 124” kien inqas mill-kontenut minimu meħtieġ u, min-naħa l-oħra, li huwa kellu l-imsemmi żejt tal-gass bħala s-sid u l-kaptan tat-tanker, f’sitwazzjoni fejn id-dazji tas-sisa dovuti għall-istess żejt tal-gass ma kinux inġabru skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
|
27 |
Wara li X ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu, l-Ispettur ħareġ avviż ta’ aġġustament dwar, b’mod partikolari, id-dazji tas-sisa dovuti fir-rigward taż-żejt tal-gass li l-preżenza tiegħu kienet ġiet ikkonstatata fil-bankers. |
|
28 |
Adita bl-appell ippreżentat mill-Ispettur minn sentenza tar-rechtbank Gelderland (il-Qorti ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), f’sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, qieset li kien korrett li kien inħareġ tali aġġustament fiskali fir-rigward ta’ X. |
|
29 |
Dik il-qorti kkonstatat li ż-żejt tal-gass fil-bankers tat-tanker, li kien ġie kkontrollat, kien prodott suġġett għad-dazju tas-sisa; li dan iż-żejt tal-gass ma kienx tqiegħed taħt sistema ta’ sospensjoni tad-dazju fid-data li fih twettaq il-kontroll mid-Dipartiment tat-Taxxa/Dwana; u li X kellu s-setgħa ta’ dispożizzjoni de facto fuq l-imsemmi żejt tal-gass. L-imsemmija qorti qieset ukoll li ż-żejt tal-gass ikkonċernat ma setax jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni, liema kundizzjoni tikkonċerna l-preżenza tal-markatur “Solvent Yellow 124” fil-proporzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
30 |
Il-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden) qieset, barra minn hekk, li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli, ma kienx meħtieġ, għall-finijiet tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa, li X kien jaf jew kellu jkun jaf li d-dazji tas-sisa applikabbli għaż-żejt tal-gass ma kinux inġabru skont id-dispożizzjonijiet rilevanti. |
|
31 |
Dik il-qorti qieset ukoll li, għall-finijiet ta’ aġġustament tad-dazji tas-sisa minħabba l-fatt taxxabbli ddefinit fl-Artikolu 2(1)(b) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, id-Dipartiment tat-Taxxa/Dwana ma kienx obbligat jipprova li ma kien inġabar ebda dazju tas-sisa fir-rigward taż-żejt tal-gass preżenti fil-bankers, iżda kienet il-persuna li tkun qiegħda tinvoka l-benefiċċju ta’ eżenzjoni li kellha ġġib il-prova li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn din tal-aħħar. |
|
32 |
Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti qieset li kien proporzjonat li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni tkun suġġetta għall-preżenza fi kwantità suffiċjenti tal-markatur fiskali fiż-żejt tal-gass li jkun ġie kkontrollat peress li dan il-markatur jagħmilha possibbli li jiġi vverifikat l-użu tal-prodotti kkonċernati minn din l-eżenzjoni u li din hija kundizzjoni essenzjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 66(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, kif ukoll sabiex jiġu evitati l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi. |
|
33 |
X ippreżenta appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden) quddiem l-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
34 |
Din tal-aħħar tfakkar li l-Artikolu 66(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, li huwa intiż li jimplimenta l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, jissuġġetta l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għal ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 19 tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni fil-Qasam tad-Dazji tas-Sisa jirriżulta li ż-żjut ħfief u ż-żejt tal-gass għandhom jinkludu mezzi ta’ identifikazzjoni bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(3) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar, moqrija flimkien mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni fil-Qasam tad-Dazji tas-Sisa, tipprevedi għalhekk li ż-żejt tal-gass għandu, sabiex jibbenefika minn din l-eżenzjoni, jinkludi markatur ta’ identifikazzjoni, li jikkonsisti f’6 sa 9 grammi ta’ markatur “Solvent Yellow 124” kull 1000 litru, u li maż-żejt tal-gass għandha tiżdied kwantità suffiċjenti ta’ sustanza kuluranti sabiex jingħatalu kulur aħmar viżibbli u permanenti. |
|
35 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li dan ir-rekwiżit jirrifletti l-obbligu tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/544, filwaqt li l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżidu kulur jew markatur nazzjonali. |
|
36 |
Dik il-qorti tqis li l-kwistjoni f’dan il-każ hija dik dwar jekk ir-rekwiżit ta’ mmarkar fiskali previst f’dawn id-dispożizzjonijiet jistax ikollu effett fuq l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96. |
|
37 |
Fil-fehma tal-imsemmija qorti, l-applikazzjoni ta’ markatur fiskali tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw b’mod sempliċi u effikaċi jekk iż-żjut minerali jkunux użati għall-finijiet imsemmija mid-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-eżenzjoni jew l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ dazji tas-sisa. |
|
38 |
Madankollu, f’sitwazzjoni fejn ikun stabbilit li ż-żjut minerali kkonċernati jkunu użati għall-finijiet li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkostitwixxu kundizzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, u fejn ma jkun ġie kkonstatat ebda telf ta’ dħul fiskali, ir-rifjut li tiġi applikata din l-eżenzjoni jista’ jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi evitat użu mhux konformi ta’ dawn iż-żjut. |
|
39 |
L-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tqis li, sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha, hija għandha tiddetermina jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti hijiex obbligata twarrab l-obbligu li tingħata l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 meta l-markatur fiskali preskritt mid-dritt tal-Unjoni ma jkunx jinsab fi proporzjon suffiċjenti fiż-żejt tal-gass maħżun fil-banker ta’ tanker, meta, minn naħa, ikun stabbilit li dan iż-żejt tal-gass ikun użat għan-navigazzjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda indizju li jqajjem suspett ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali. |
|
40 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, waqt il-kontroll mid-Dipartiment tat-Taxxa/Dwana, l-ewwel nett, iż-żejt tal-gass maħżun fil-bankers kien ikkulurit bl-aħmar u li ma kienx fih markatur “Solvent Yellow 124” fi proporzjon suffiċjenti, it-tieni nett, X ġab provi ta’ xiri li juru li huwa kien ġie kkunsinnat, darbtejn, ftit żmien qabel il-kontroll, żejt tal-gass abbord it-tanker minn fornituri tal-fjuwil, awtorizzati, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja rispettivament, jikkunsinnaw żejt tal-gass eżenti mid-dazji tas-sisa, u, it-tielet nett, ma ġie kkonstatat, lanqas ulterjorment, ebda fatt jew ċirkustanza li jippermettu li jiġi kkonstatat b’mod suffiċjenti li X kien involut fi frodi, abbuż jew evażjoni fil-qasam tad-dazji tas-sisa. |
|
41 |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fit-tali ċirkustanzi, iż-żejt tal-gass ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, tqum il-kwistjoni dwar min, bejn il-fornitur tal-fjuwil jew il-kaptan, għandu jitqies li hija l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dazji tas-sisa huma dovuti abbażi taż-żamma ta’ prodotti suġġetti għal tali dazji, imsemmija fl-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 2008/118, id-detentur ta’ dawn il-prodotti jkun jista’ jiġi identifikat, bis-saħħa tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ din id-direttiva, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li jkunu saru dovuti. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta mis-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Aġent innoċenti) (C‑279/19, EU:C:2021:473, punti 28 sa 30), jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa tkun konxja jew kellha raġonevolment tkun konxja mill-eżiġibbiltà, skont l-Artikolu 7(2)(b) tal-imsemmija direttiva, tad-dazju tas-sisa dovut fuq il-prodotti kkonċernati. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
44 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali tirriżulta mill-impożizzjoni tad-dazji tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass maħżun fil-bankers tat-tanker ta’ X, minħabba li dan iż-żejt tal-gass ma kellux immarkar fiskali konformi mad-dritt tal-Unjoni, peress li kien fih kwantità tal-markatur “Solvent Yellow 124” fi proporzjon inqas mir-rata minima ta’ 6 grammi kull 1000 litru, prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/544. |
|
45 |
Il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk dan is-sempliċi fatt jiġġustifikax li jiġi rrifjutat il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, meta, minn naħa, ikun stabbilit li l-imsemmi żejt tal-gass kien jintuża bħala fjuwil għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda indizju li jqajjem suspett ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħin lil din tal-aħħar taqta’ u tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun hemm bżonn, mhux biss għandha tifformula mill-ġdid id-domanda li tkun tressqet quddiemha, iżda għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx irreferiet għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et, C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw, b’mod partikolari u skont il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u sabiex jipprekludu l-frodi, l-evażjoni jew l-abbużi, il-prodotti tal-enerġija pprovduti sabiex jintużaw bħala fjuwil għan-navigazzjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea, minbarra abbord dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “ilmijiet tal-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem li jinkludi l-ilmijiet li fihom normalment tiġi pprattikata n-navigazzjoni marittima għal finijiet kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 26). |
|
49 |
Issa, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-użu ta’ prodott tal-enerġija bħala fjuwil għan-navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni. Tali użu jaqa’ taħt l-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva 2003/96, liema dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, fost oħrajn, japplikaw, taħt kontroll fiskali, eżenzjonijiet totali jew parzjali jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal, b’mod partikolari, il-prodotti tal-enerġija pprovduti sabiex jintużaw bħala fjuwil għan-navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni, minbarra n-navigazzjoni għall-użu privat jew għad-divertiment. |
|
50 |
Il-Gvern Olandiż, mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ikkonferma li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien għamel użu minn din il-possibbiltà billi eżenta mit-taxxa, fid-dritt nazzjonali tiegħu, il-prodotti pprovduti sabiex jintużaw bħala fjuwil kemm għan-navigazzjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni kif ukoll għan-navigazzjoni fil-mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni. |
|
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa favur iż-żejt tal-gass ipprovdut sabiex jintuża bħala fjuwil għan-navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni għandu jiġi rrifjutat minħabba li dan iż-żejt tal-gass ma jkollux immarkar fiskali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, meta, minn naħa, ikun stabbilit li l-imsemmi żejt tal-gass ikun użat għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda indizju li jqajjem suspett ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali. |
|
52 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy (Spiża reali tal-enerġija), C‑266/23, EU:C:2024:506, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva 2003/96, kif imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni jew it-tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni applikabbli għall-prodotti tal-enerġija kkonċernati għandhom jingħataw skont l-użu li għalih dawn tal-aħħar ikunu intiżi. |
|
54 |
B’mod partikolari, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, il-possibbiltà hekk mogħtija lill-Istati Membri, sa fejn teskludi d-dgħajjes għall-użu privat u għad-divertiment, hija limitata għall-prodotti tal-enerġija li jintużaw bħala fjuwil għan-navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni għal finijiet kummerċjali, jiġifieri użu fejn dgħajsa tintuża direttament għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Dazji tas-sisa – Karburant għad-dgħajjes għad-divertiment), C-341/20, EU:C:2021:744, punti 33 u 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt li jeżentaw prodott tal-enerġija, bħalma huwa ż-żejt tal-gass, mit-tassazzjoni prevista f’din id-direttiva, bil-kundizzjoni li dan il-prodott tal-enerġija jkun jintuża bħala fjuwil għal operazzjonijiet ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni tal-Unjoni għal finijiet kummerċjali. |
|
56 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva 2003/96, għandu jiġi enfasizzat li l-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju li l-prodotti tal-enerġija għandhom ikunu ntaxxati skont l-użu reali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Bitulpetrolium Serv, C‑657/22, EU:C:2024:353, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Konsegwentement, il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-użu tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 15(1)(f) ta’ din id-direttiva ma tistax twassal sabiex dan il-prinċipju jitqiegħed f’dubju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Bitulpetrolium Serv, C‑657/22, EU:C:2024:353, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, minkejja li ż-żejt tal-gass inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux immarkar fiskali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa stabbilit li dan iż-żejt tal-gass intuża bħala fjuwil għan-navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni. |
|
59 |
Huwa minnu li, kif ġie espost fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri huma obbligati, taħt l-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/60, moqri fid-dawl tat-tielet premessa tagħha, japplikaw sistema ta’ mmarkar fiskali, b’mod partikolari, għaż-żejt tal-gass li ma jkunx intaxxat bir-rata sħiħa (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑503/17, EU:C:2018:831, punt 44). |
|
60 |
Din id-direttiva, li ġiet adottata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/81, liema direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/96, għandha għalhekk l-għan, kif jirriżulta mill-ewwel sat-tielet premessa tagħha, moqrija flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/96, li tikkompleta din tal-aħħar u li tippromwovi t-twettiq u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tagħmilha possibbli li, madwar l-Unjoni, jiġi identifikat b’mod faċli u malajr iż-żejt tal-gass mhux suġġett għal-livell ta’ tassazzjoni normali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑503/17, EU:C:2018:831, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60 jobbliga lill-Istati Membri, minn naħa, jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-użu abbużiv tal-prodotti mmarkati jiġi evitat u, min-naħa l-oħra, jipprevedu li tali użu abbużiv jitqies bħala ksur tad-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
62 |
B’hekk, l-immarkar fiskali taż-żjut minerali, previst f’din id-direttiva, huwa intiż, fuq kollox, sabiex jippermetti li jiġi vverifikat u, jekk ikun il-każ, li jiġi ssanzjonat, l-użu tal-prodotti tal-enerġija eżentati minn, jew suġġetti għal rata mnaqqsa ta’, dazji tas-sisa għal finijiet li, fir-rigward tagħhom, id-dritt tal-Unjoni la jimponi u lanqas jippermetti l-possibbiltà ta’ deroga mill-impożizzjoni tad-dazji tas-sisa. |
|
63 |
Mill-banda l-oħra, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, immarkar żbaljat ma jistax, fin-nuqqas ta’ indizju ta’ frodi, jostakola l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet minn, jew tat-tnaqqis fil-livell ta’, id-dazju tas-sisa previsti fid-Direttiva 2003/96 f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta din l-applikazzjoni, bħalma huwa, bħal proprju f’dan il-każ, użu bħala fjuwil għan-navigazzjoni għal finijiet kummerċjali f’mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni, ikunu ssodisfatti. |
|
64 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan li d-Direttiva 2003/96 tfittex li tilħaq, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li din id-direttiva, billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, hija intiża, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Issa, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-livell korrett ta’ tassazzjoni għall-prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt din id-direttiva u, għalhekk, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw b’mod effikaċi jekk tali prodott ikunx qiegħed jintuża għall-finijiet previsti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni jew tar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-immarkar fiskali taż-żejt tal-gass u tal-pitrolju jikkostitwixxi miżura intiża li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija stabbilita mid-Direttiva 2003/96 billi tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri jiżguraw li dawn iż-żjut minerali jkunu ntaxxati skont l-użu reali tagħhom. |
|
67 |
Madankollu, ir-rekwiżit ta’ mmarkar fiskali previst fid-Direttiva 95/60 ma jistax ikollu l-effett li jippermetti lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni li huma għandhom skont l-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva 2003/96, jissuġġettaw għall-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit l-eżenzjoni minn, jew l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’, id-dazju tas-sisa li din id-dispożizzjoni tawtorizzahom jistabbilixxu, b’mod partikolari, għall-prodotti tal-enerġija użati bħala fjuwil għan-navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni għal finijiet kummerċjali. |
|
68 |
Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk l-operatur ikkonċernat ikun bi ħsieb ipparteċipa fi frodi fiskali li tqiegħed f’perikolu l-funzjonament tas-sistema ta’ tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku jew jekk in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit dwar l-immarkar fiskali jkollu l-effett li jipprekludi l-produzzjoni tal-prova ċerta li ż-żejt tal-gass ikun intuża għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ livell imnaqqas ta’ tassazzjoni jew ta’ eżenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, Enteco Baltic, C‑108/17, EU:C:2018:473, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ indizju li jqajjem suspett ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali. |
|
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/60, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa favur iż-żejt tal-gass ipprovdut sabiex jintuża bħala fjuwil għan-navigazzjoni għal finijiet kummerċjali f’mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni għandu jiġi rrifjutat minħabba li dan iż-żejt tal-gass ma jkollux immarkar fiskali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, meta, minn naħa, ikun stabbilit li l-imsemmi żejt tal-gass ikun użat għal dan l-għan u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda indizju li jqajjem suspett ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali. |
Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda
|
71 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE tad‑29 ta’ April 2004, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas‑27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa favur iż-żejt tal-gass fornut sabiex jintuża bħala fjuwil għan-navigazzjoni f’mogħdijiet tal-ilma interni tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi rrifjutat minħabba li dan iż-żejt tal-gass ma jkollux immarkar fiskali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, meta, minn naħa, ikun stabbilit li l-imsemmi żejt tal-gass jintuża għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda indizju li jqajjem suspett ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.