|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/778 |
31.3.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/778
tat-30 ta’ Marzu 2026
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-8 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 (1) li stabbiliet l-operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES). |
|
(2) |
Fid-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/632 (2), li nediet l-EUNAVFOR ASPIDES b’mandat sat-18 ta’ Frar 2025. |
|
(3) |
Fl-14 ta’ Frar 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/334 (3), li estendiet l-EUNAVFOR ASPIDES sat-28 ta’ Frar 2026. |
|
(4) |
Fis-26 ta’ Novembru 2025, fil-kuntest tar-rieżami strateġiku tal-EUNAVFOR ASPIDES u tal-valutazzjoni strateġika tal-EUNAVFOR ATALANTA, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li l-EUNAVFOR ASPIDES tiġi estiża sat-28 ta’ Frar 2027. |
|
(5) |
Barra minn hekk, il-KPS irrakkomanda li minbarra l-kompiti mhux eżekuttivi attwali tagħha biex tiżgura l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima, jenħtieġ ukoll li l-EUNAVFOR ASPIDES, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, tiġbor u tikkondividi informazzjoni dwar attivitajiet suspettużi relatati mal-infrastrutturi kritiċi sottomarini, tħarreġ lill-forzi marittimi tal-Djibouti u tikkoopera mal-Gwardja tal-Kosta tal-Jemen, filwaqt li torbot dawk il-kompiti ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari CRIMARIO, assistenza tal-UE għall-Gwardja tal-Kosta tal-Jemen u l-miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tal-Djibouti. |
|
(6) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/583, is-sentenza li ġejja tiżdied mal-paragrafu 6:
“L-EUNAVFOR ASPIDES għandha wkoll, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, tiġbor u tikkondividi informazzjoni dwar attivitajiet suspettużi relatati mal-infrastrutturi kritiċi sottomarini, tħarreġ lill-forzi marittimi tal-Djibouti u tikkoopera mal-Gwardja tal-Kosta tal-Jemen, filwaqt li torbot dawk il-kompiti ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari CRIMARIO, assistenza tal-UE għall-Gwardja tal-Kosta tal-Jemen u l-miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tal-Djibouti.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. PANAYIOTOU
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/583 tat-8 ta’ Frar 2024 dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (ĠU L, 2024/583, 12.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/583/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/632 tad-19 ta’ Frar 2024 li tniedi l-operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (ĠU L, 2024/632, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/632/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/334 tal-14 ta’ Frar 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (ĠU L, 2025/334, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/334/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/778/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)