European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1757

22.8.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1757

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE (EED)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 jeħtieġu adattamenti sostantivi li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-Ftehim ŻEE u tal-Istati tal-EFTA.

(5)

Peress li l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-effiċjenza enerġetika għall-2020 u l-2030 ma japplikawx għall-Istati tal-EFTA, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendat bid-Direttiva (UE) 2018/2002 u l-Artikoli 3(1)(a) u 3(5) tad-Direttiva 2012/27/UE jenħtieġ li ma japplikawx għall-Istati tal-EFTA. Madankollu, l-Istati tal-EFTA jistabbilixxu b’mod volontarju l-miri indikattivi nazzjonali tagħhom għall-effiċjenza enerġetika, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tal-Istati tal-EFTA mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

(6)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/27/UE jirreferi għar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jridu jiġu rrispettati abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Huwa xieraq li l-Iżlanda titħalla tissodisfa l-obbligi tagħha dwar ir-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija fil-bini tal-gvern ċentrali abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, peress li l-Iżlanda għandha deroga milli tinkorpora d-Direttiva 2010/31/UE fid-dritt nazzjonali tagħha.

(7)

Huwa wkoll xieraq li l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2012/27/UE jiġi adattat, b’mod partikolari billi r-referenza għall-Artikolu 5(1) tiġi sostitwita b’referenza aktar ġenerali għall-Artikolu 5 sabiex jiġu riflessi l-adattamenti li saru skont id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

(8)

L-iffrankar ġdid tal-enerġija li jrid jinkiseb mill-Iżlanda skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/27/UE jenħtieġ li jiġi stabbilit f’livell li jirrifletti l-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-enerġija u t-taħlita tal-enerġija tal-Iżlanda.

(9)

Minħabba li s-sistema tal-enerġija Iżlandiża hija iżolata, kważi ħielsa għal kollox mill-fjuwils fossili, b’livelli għoljin ta’ sigurtà tal-provvista u indipendenza enerġetika, u tiddependi b’mod estensiv fuq l-enerġija ġeotermali rinnovabbli b’karatteristiċi speċjali, huwa xieraq li tiġi permessa deroga għall-Iżlanda minn ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-metraġġ stabbiliti fl-Artikoli 9a, 9b u 9c tad-Direttiva 2012/27/UE.

(10)

Minħabba li l-Iżlanda ma għandhiex infrastruttura tal-gass naturali u hija eżentata mid-Direttiva 2009/73/KE dwar is-suq intern tal-gass naturali, l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2012/27/UE fir-rigward tal-metraġġ għall-gass naturali u l-informazzjoni dwar il-kontijiet jenħtieġ li ma japplikawx għall-Iżlanda.

(11)

Minħabba li d-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ma tapplikax għall-koġenerazzjoni ġeotermali fl-Iżlanda, l-Artikolu 14 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 li jikkorrelataw mad-Direttiva 2004/8/KE jenħtieġ li ma japplikawx għall-Iżlanda.

(12)

L-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati skont dan.

(13)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ għalhekk li tkun ibbażata fuq l-abbozz mehmuż ta’ deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz mehmuż ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2894/oj.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(3)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/27/oj).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2002/oj).

(5)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 |dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153 18.6.2010, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/31/oj).

(6)  Id-Direttiva 2004/8/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/8/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …

ta’ …

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) u l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (1) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (2) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(3)

L-Istati tal-EFTA mhumiex inklużi fil-mira ewlenija tal-effiċjenza enerġetika tal-UE ta’ ffrankar tal-enerġija ta’ 20 %sal-2020. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/27/UE jenħtieġ li japplika għall-Istati tal-EFTA ħlief għad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 3(1)(a) u 3(5).

(4)

L-Istati tal-EFTA mhumiex inklużi fil-miri ewlenin tal-effiċjenza enerġetika tal-UE għall-2030 ta’ mill-inqas 32,5 % L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/27/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002, għalhekk jenħtieġ li ma japplikax għall-Istati tal-EFTA. Minflok, l-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jistabbilixxu miri indikattivi nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-2030.

(5)

Id-derogi għall-Iżlanda għandhom l-għan li jiżguraw li l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika jiġu implimentati b’mod kosteffettiv u xieraq għas-sitwazzjoni tagħha b’sistema tal-enerġija iżolata u kważi ħielsa mill-fjuwils fossili, b’livelli għoljin ta’ sigurtà tal-provvista u indipendenza enerġetika. L-Iżlanda tuża b’mod estensiv enerġija ġeotermali rinnovabbli b’karatteristiċi speċjali, li fost l-oħrajn jagħmilha neċessarja għall-Iżlanda li tidderoga minn ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-metraġġ fl-Artikoli 9a, 9b u 9c.

(6)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/27/UE jirreferi għall-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jinsabu fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. L-Iżlanda hija eżenti milli tapplika d-Direttiva 2010/31/UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 135/2022. Għalhekk, l-obbligi dwar ir-rendiment minimu tal-enerġija fil-bini għandhom jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Iżlanda.

(7)

L-Iżlanda għandha sehem sproporzjonalment għoli ta’ industrija intensiva fl-enerġija li tirriżulta f’obbligu ta’ ffrankar li huwa diversi drabi ogħla mill-medja tal-UE. 88 % tal-enerġija primarja fl-Iżlanda hija rinnovabbli u l-kost tal-elettriku u tas-sħana huwa baxx, li jimplika inqas iffrankar kostottimali. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(1), l-Iżlanda jenħtieġ li tikseb iffrankar ġdid tal-enerġija kull sena mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 ekwivalenti għal 0,24 % tal-konsum finali tal-enerġija fuq medja tal-aktar perjodu ta’ tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.

(8)

L-Iżlanda ma għandhiex infrastruttura tal-gass naturali u hija eżenti mid-Direttiva 2009/73/KE dwar is-suq intern tal-gass naturali f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2017. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2012/27/UE fir-rigward tal-metraġġ għall-gass naturali u l-informazzjoni dwar il-kontijiet għall-gass naturali ma japplikawx għall-Iżlanda.

(9)

Id-Direttiva 2004/8/KE fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija ma tapplikax għall-koġenerazzjoni ġeotermali fir-rigward tal-Iżlanda f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 151/2006. L-Artikoli 14 u 15 dwar il-koġenerazzjoni fid-Direttiva 2012/27/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002, jikkorrelataw mal-Artikoli dwar il-koġenerazzjoni fid-Direttiva 2004/8/KE. L-Iżlanda diġà tkopri 90 % tad-domanda totali għas-sħana bl-enerġija ġeotermali u qiegħda tkompli tippromwovi l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni ġeotermali fi ħdan il-qafas legali nazzjonali tagħha kull fejn ikun teknikament fattibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikoli 14 u 15 ma japplikawx għall-koġenerazzjoni ġeotermali fir-rigward tal-Iżlanda.

(10)

Intlaħaq qbil dwar flessibbiltà addizzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 20 tad-Direttiva 2012/27/UE. Fl-Artikolu 20(5), ir-referenza għall-Artikolu 5(1) jenħtieġ li tiġi ssostitwita b’referenza għall-Artikolu 5 biex tippermetti li l-obbligi tal-Artikolu 5 kollu jiġu ssodisfati b’kontribuzzjonijiet għal fond.

(11)

Id-Direttiva 2012/27/UE tħassar id-Direttiva 2004/8/KE (3), li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement trid titħassar mill-Ftehim ŻEE.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi II u IV tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiżdied mal-punt 6 (id-Direttiva 2009/125/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Kapitolu IV tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE:

“, kif emendat bi:

—

32012 L 0027: Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).”

Artikolu 2

L-Anness IV tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

It-test tal-punt 24 (id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ 32012 L 0027: Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1), kif emendata bi:

—

32018 L 2002: Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

L-Artikoli 1(1) u 3(1)(a) u t-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 7(1) ma għandhomx japplikaw għall-Istati tal-EFTA.

(b)

Fl-Artikolu 3(5), għandu jiżdied is-sottoparagrafu li ġej:

‘Kull Stat tal-EFTA għandu jistabbilixxi mira indikattiva nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-2030, ibbażata fuq il-konsum tal-enerġija primarja jew finali, jew fuq l-intensità tal-enerġija, bħala parti mill-pjan nazzjonali integrat rispettiv tiegħu dwar l-enerġija u l-klima f’konformità mal-Artikoli 3 u 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999.’

(c)

Fl-Artikolu 5(1), il-kliem ‘, jew, fir-rigward tal-Iżlanda, l-obbligi f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Iżlanda’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/31/UE’.

(d)

Fl-Artikolu 7(1), il-punt (b), għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘B’deroga mir-rekwiżit fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt, l-Iżlanda għandha tikseb iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 ekwivalenti għal 0,24 % tal-konsum finali annwali tal-enerġija, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.’

(e)

L-Artikolu 9 ma għandux japplika għall-Iżlanda fir-rigward tal-metraġġ tal-gass.

(f)

Fl-Artikolu 9a(1), il-kliem ‘, jew il-konsum ekwivalenti tal-enerġija fir-rigward tal-Iżlanda’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-konsum reali tal-enerġija’.

(g)

L-Artikoli 9a u 9c ma għandhomx japplikaw għal sistemi ta’ tisħin distrettwali fl-Iżlanda b’inqas minn 1 500 utent finali.

(h)

L-Artikolu 9b ma għandux japplika għall-Iżlanda.

(i)

L-Artikolu 10 ma għandux japplika għall-Iżlanda fir-rigward tal-informazzjoni tal-kontijiet tal-gass.

(j)

Fl-Artikolu 20(5), ir-referenza għall-Artikolu 5(1) għandha tiġi sostitwita b’referenza għall-Artikolu 5.

(k)

L-Artikoli 14 u 15 ma għandhomx japplikaw għall-Iżlanda fir-rigward tal-koġenerazzjoni ġeotermali.”

2.

Dan li ġej jiżdied fil-punt 26 (id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“, kif emendat bi:

—

32012 L 0027: Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).”

Artikolu 3

It-testi tad-Direttivi 2012/27/UE u (UE) 2018/2002 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi …, ….

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210.

(3)   ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.

(*1)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA għad-Deċiżjoni Nru … li tinkorpora d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim ŻEE

[għall-adozzjoni mad-Deċiżjoni u għall-pubblikazzjoni fil-ĠU]

L-inkorporazzjoni tad-Direttiva 2012/27/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim ŻEE testendi l-qafas regolatorju komuni ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija għall-Istati tal-EFTA. L-Istati tal-EFTA mhumiex inklużi fil-mira ewlenija tal-UE għall-effiċjenza enerġetika. Madankollu, l-Istati tal-EFTA stabbilew il-miri nazzjonali indikattivi rispettivi li ġejjin għall-effiċjenza enerġetika:

—

Il-Gvern Iżlandiż stabbilixxa mira nazzjonali ta’ 25 % aktar użu ta’ enerġija effiċjenti sal-2030 milli fl-2015. Il-mira hija espressa bħala objettiv transsettorjali li titnaqqas l-intensità tal-enerġija, jiġifieri l-proporzjon tal-konsum tal-enerġija (finali) mal-PDG reali f’termini aġġustati għall-PPS. L-indikatur huwa parti mit-tbassir tal-enerġija li jiġi ppubblikat kull sena mill-Aġenzija għall-Ambjent u l-Enerġija tal-Iżlanda.

—

Fis-6 ta’ Novembru 2020, il-Parlament tal-Liechtenstein (Landtag) adotta l-Istrateġija tal-Enerġija tiegħu għall-2030 u biha stabbilixxa mira nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika ta’ 20 % meta mqabbel mal-2008. L-elementi ċentrali taż-żieda fl-effiċjenza fil-perjodu sal-2030 huma r-rinnovazzjonijiet tal-bini, bini ġdid effiċjenti ħafna u titjib fl-effiċjenza tat-tidwil, tal-muturi u tal-apparat domestiku. Kemm il-pompi tas-sħana elettriċi għall-provvista tas-sħana kif ukoll l-elettrifikazzjoni tat-trasport se jwasslu għal sostituzzjoni sinifikanti tal-fjuwils fossili fil-futur. Ir-rappurtar dwar il-kisba tal-objettivi jsir kull sena (bħala parti minn rapport ta’ monitoraġġ għall-attenzjoni tal-Parlament).

—

Il-Parlament Norveġiż (Storting) stabbilixxa mira nazzjonali ta’ 30 % aktar użu ta’ enerġija effiċjenti sal-2030 milli fl-2015 (Liġi tal-Gvern St. 25 (2015–2016)). Il-mira hija espressa bħala objettiv transsettorjali tat-tnaqqis tal-intensità tal-enerġija, jiġifieri l-proporzjon tal-input tal-enerġija (primarja) mal-PDG reali. Il-Ministeru għall-Enerġija jipprovdi rappurtar annwali dwar il-mira fir-Rapport lill-iStorting (White Paper) dwar il-Baġit Nazzjonali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1757/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)