Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2026 (1)

Kawża C‑829/24

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

L‑Ungerija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku – Artikolu 3 – Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern – Artikoli 14, 16 u 19 – Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni ġenerali tad-data – Artikoli 5, 6, 9 u 10 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11 – Dritt għal-libertà ta’ espressjoni – Artikolu 12 – Dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni – Artikolu 7 – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Artikolu 8 – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 48 – Dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukat – Dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu – Liġi Ungeriża dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali – Stabbiliment ta’ Uffiċċju għall-Protezzjoni tas-Sovranità – Setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni, ta’ evalwazzjoni u ta’ proposta – Pubblikazzjoni ta’ rapporti annwali – Attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi – Attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni – Attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali statali u soċjali – Theddida jew ksur tas-sovranità nazzjonali – Attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw l-eżitu tal-elezzjonijiet u r-rieda tal-eletturi bl-għajnuna ta’ appoġġ minn barra l-pajjiż – Artikolu 4(2) TUE – Rispett għall-identità u għas-sigurtà nazzjonali – Interess pubbliku prevalenti”






Werrej


I. Daħla

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-dritt primarju

2. Id-dritt sekondarju

a) Id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku

b) Id-Direttiva dwar is-servizzi

c) Il-GDPR

B. Id-dritt nazzjonali

1. Il-liġi dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali

2. Liġijiet rilevanti oħra

III. Il-proċedura prekontenzjuża

IV. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V. Evalwazzjoni

A. Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi supplimentari

B. Fuq l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

1. Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni relatata mar-regoli li jipproteġu s-sovranità nazzjonali

2. Fuq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetenza bbażata fuq l-assenza ta’ effett fuq l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

3. Fuq l-allegata natura prematura tar-rikors fin-nuqqas ta’ effett legali suffiċjenti

C. Fuq il‑mertu

1. Ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi

a) Kamp ta’ applikazzjoni

b) Rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata

c) Ir-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata ma humiex restrizzjonijiet amministrattivi ġenerali

d) Nondiskriminazzjoni, neċessità u proporzjonalità

1) Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta (il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi)

2) Fuq in-neċessità u fuq l-eżistenza ta’ bażi legali suffiċjentement preċiża (il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi)

3) Fuq il-proporzjonalità (il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi)

i) Kapaċità li jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex

ii) Neċessità

iii) Proporzjonalità

iv) Konklużjoni intermedjarja

2. Ksur tal-libertà li wieħed jirċievi servizzi ggarantit mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi

3. Ksur tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-servizzi

4. Ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku

5. Ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE

6. Ksur tal-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE

a) Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

b) Fuq il-ġustifikazzjoni

7. Ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Karta

a) Ilmenti u applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Karta

b) Indħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta

c) Indħil fil-libertà ta’ assoċjazzjoni ggarantita mill-Artikolu 12 tal-Karta

d) Indħil fid-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta

e) Ġustifikazzjoni u proporzjonalità tal-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà ta’ assoċjazzjoni

f) Ksur tal-obbligu tas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta

g) Ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta

8. Ksur tal-GDPR u tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

a) Ipproċessar ta’ data personali skont it-tifsira tal-GDPR

b) Legalità tal-ipproċessar ta’ data personali abbażi ta’ bażi legali xierqa

1) Bażi legali xierqa għall-ipproċessar

2) In-natura impreċiża tal-Liġi kkontestata

3) Proporzjonalità

9. Konklużjoni intermedjarja

VI. Fuq l‑ispejjeż

VII. Konklużjoni


I.      Daħla

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni minn diversi aspetti billi adottat, fit‑12 ta’ Diċembru 2023, l-2023. évi LXXXVIII. törvény a nemzeti szuverenitás védelméről (2) (il-Liġi Nru LXXXVIII tal-2023 dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali) (iktar ’il quddiem il-“Liġi kkontestata”).

2.        Din it-tilwima tikkonċerna l-kwistjoni fundamentali u attwali ta’ kif u sa liema punt soċjetà demokratika tista’ tipproteġi ruħha b’mod leġittimu mill-azzjonijiet ta’ atturi barranin li jeżerċitaw influwenza inadattata jew manipulattiva, bħad-diżinformazzjoni, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju, fuq proċessi deċiżjonali demokratiċi interni, inklużi elezzjonijiet nazzjonali (3). Hija preċiżament din il-ġustifikazzjoni li l-Ungerija tinvoka għall-adozzjoni tal-Liġi kkontestata li tistabbilixxi rabta bejn tali interferenzi barranin illeġittimi u t-theddid għas-sovranità nazzjonali. Hija tinvoka b’mod partikolari l-kompetenza esklużiva tagħha, abbażi tas-sovranità tagħha, tal-identità tagħha u tas-sigurtà nazzjonali tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, sabiex tistabbilixxi u timplimenta din il-leġiżlazzjoni. Fl-istess ħin, hija tiċħad il-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-qasam, kif ukoll l-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq l-implimentazzjoni u fuq l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

3.        Il-Liġi kkontestata tistabbilixxi Uffiċċju għall-Protezzjoni tas-Sovranità (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) indipendenti u responsabbli sabiex jidentifika attivitajiet li jistgħu jikkompromettu jew jheddu din is-sovranità. B’mod partikolari, huwa intiż li jidentifika organizzazzjonijiet jew persuni li l-attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari bl-għajnuna ta’ appoġġ barrani, jistgħu jinfluwenzaw il-proċessi demokratiċi u r-rieda tal-eletturi. Dawn l-attivitajiet għalhekk jinkludu skambji ta’ komunikazzjonijiet u ta’ informazzjoni, kif ukoll l-espressjoni libera ta’ opinjonijiet fil-kuntest tal-proċess demokratiku f’livelli differenti. Sabiex jikkontrolla u jevalwa dawn l-attivitajiet, l-Uffiċċju għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa u setgħat ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-organizzazzjonijiet u l-persuni kkonċernati, li l-eżerċizzju tagħhom ma huwa suġġett għal ebda stħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, l-Uffiċċju huwa awtorizzat jittrażmetti l-informazzjoni u d-data li jkunu nġabru permezz ta’ dawn is-setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jieħdu miżuri oħra, fejn meħtieġ ta’ infurzar. Fl-aħħar nett, l-Uffiċċju huwa awtorizzat li jippubblika r-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu u r-rapporti annwali li jesponu l-evalwazzjoni tiegħu tal-attivitajiet li huwa jikklassifika bħala theddida jew ksur għas-sovranità nazzjonali.

4.        Ħafna mill-bażijiet legali tal-Liġi kkontestata mfassla għal dan l-għan, pereżempju l-kunċett ta’ “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà” (4), huma vagi u għandhom kamp ta’ applikazzjoni wiesa’. Huwa b’mod partikolari dan il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ li wassal lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga l-kompatibbiltà ta’ din il-liġi mad-dritt tal-Unjoni u sabiex tippreżenta dan ir-rikors. Dan huwa prinċipalment immirat kontra s-setgħat tal-Uffiċċju.

5.        Ir-rikors huwa essenzjalment ibbażat fuq tliet settijiet ta’ motivi jew ilmenti. Għalhekk, il-Kummissjoni tinvoka, l-ewwel nett, ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju u primarju li jirregola l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital; it-tieni nett, ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u t-tielet, ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (5), moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tal-Karta.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-dritt primarju

6.        Fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni, il-kawża tirrigwarda l-ksur possibbli mill-Ungerija tal-libertajiet fundamentali previsti fl-Artikoli 49, 52, 56, 62, 63 u 65 TFUE, kif ukoll tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikolu 7 (Rispett għall-ħajja privata u tal-familja), mill-Artikolu 8 (Protezzjoni tad-data personali), mill-Artikolu 11 (Libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni), mill-Artikolu 12 (Libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni), mill-Artikolu 47 (Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali) u mill-Artikolu 48 tal-Karta (Preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża). Bħala l-motiv ta’ difiża prinċipali, l-Ungerija tinvoka, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-identità u tas-sigurtà nazzjonali tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.

2.      Id-dritt sekondarju

a)      Id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku

7.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku (6), intitolat “Suq intern”, jipprovdi, b’mod partikolari:

“2. L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

[…]

b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

[…]”

b)      Id-Direttiva dwar is-servizzi

8.        It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”) (7), intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jipprovdi, b’mod partikolari:

“L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

(b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ) proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi, intitolat “Restrizzjonijiet projbiti”:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu rekwiżiti fuq riċevitur li jillimitaw l-użu ta’ servizz provdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      obbligu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn jew li ssir dikkjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom;

(b)      limiti diskriminatorji fuq l-għotja ta’ assistenza finanzjarja minħabba l-fatt li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor jew li s-servizz jiġi provdut fi Stat Membru ieħor.”

c)      Il-GDPR

10.      L-Artikolu 5 tal-GDPR jipprevedi l-“[p]rinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”.

11.      L-Artikolu 6 tal-GDPR jirregola l-“[l]egalità tal-ipproċessar”.

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Il-liġi dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali

12.      Mill-preambolu tal-Liġi kkontestata jirriżulta li “[s]-sovranità tal-Ungerija qiegħda tkun dejjem iktar suġġetta għal attakki illegali”, b’mod partikolari “tentattivi manifesti ta’ ndħil” minn organizzazzjonijiet u persuni barranin li jippruvaw jinvokaw l-interessi proprji tagħhom għad-detriment, b’mod partikolari, tal-interessi Ungeriżi. Pereżempju, isir riferiment għal tentattiv sabiex tiġi influwenzata l-kampanja elettorali tal‑2022 permezz ta’ finanzjament barrani dirett, fejn il-kandidat tal-oppożizzjoni magħquda għall-prim ministru ddikjara huwa stess li l-oppożizzjoni kienet “irċeviet miljuni ta’ dollari Amerikani mill-Istati Uniti tal-Amerika”. Għalhekk, fir-rebbiegħa tal-2022, l-oppożizzjoni magħquda allegatament evitat il-projbizzjoni imposta fuq il-partiti politiċi li jaċċettaw appoġġ barrani “billi użat fondi li ġejjin minn barra l-pajjiż permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tagħha involuti f’attività politika u ta’ kumpanniji kummerċjali”. Barra minn hekk, is-sovranità tal-Ungerija kif ukoll is-sigurtà nazzjonali jiġu mminati jekk il-poter politiku jaqa’ f’idejn persuni jew organizzazzjonijiet dipendenti fuq setgħa, organizzazzjoni jew persuna barranija. L-għan tal-Liġi kkontestata għalhekk huwa “li tiggarantixxi d-dibattitu demokratiku u t-trasparenza tal-proċess deċiżjonali statali u soċjali, li trendi pubbliċi t-tentattivi ta’ interferenza barranija u li tevita tentattivi ta’ interferenza barranija” simili. Għal din ir-raġuni, ikun “neċessarju li jinħoloq korp indipendenti inkarigat li jinvestiga dawn it-tentattivi u li jissanzjona kriminalment l-użu ta’ appoġġ barrani fil-kuntest tal-elezzjonijiet”.

13.      L-Artikolu 1 tal-Liġi kkontestata jipprovdi:

“1. L-[Uffiċċju] huwa korp awtonomu tal-amministrazzjoni tal-Istat maħluq skont l-Artikolu R(4) tal-Magyarország Alaptörvénye [il-Kostituzzjoni tal-Ungerija] bl-għan li jipproteġi l-identità kostituzzjonali, li jopera skont il-modalitajiet previsti minn din il-liġi u li jwettaq attivitajiet ta’ analiżi, ta’ evalwazzjoni, ta’ proposta u ta’ investigazzjoni.

2. L-Uffiċċju huwa indipendenti u suġġett biss għar-regoli tal-liġi, ma jieħu struzzjonijiet mingħand ebda persuna jew korp ieħor u jwettaq il-kompiti tiegħu indipendentement minn kwalunkwe korp ieħor u huwa ħieles minn kull influwenza ta’ kwalunkwe istituzzjoni, korp, partit politiku, kumpannija, assoċjazzjoni, persuna ġuridika jew persuna fiżika oħra. Il-kompiti tal-Uffiċċju jistgħu biss jiġu assenjati lilu bil-liġi.

[…]”

14.      L-Artikolu 2 tal-Liġi kkontestata jipprevedi, b’mod partikolari:

“Fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu ta’ analiżi, ta’ evalwazzjoni u ta’ proposta, l-Uffiċċju:

(a)      għandu jiżviluppa u japplika metodoloġija tal-evalwazzjoni tar-riskju għas-sovranità;

(b)      janalizza l-osservanza għas-sovranità nazzjonali billi jevalwa l-informazzjoni u d-data miksuba mingħand korpi investigati, korpi tal-Istat u awtoritajiet lokali u korpi jew persuni oħra kkonċernati f’każ partikolari;

[…]

(ċ)      iħejji rapport annwali dwar is-sovranità nazzjonali;

[…]”

15.      L-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jipprovdi, b’mod partikolari:

“Fil-qafas tal-funzjoni investigattiva tiegħu, l-Uffiċċju:

(a)      għandu jidentifika u jinvestiga

(aa)      l-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi, bl-eċċezzjoni ta’ rappreżentanzi diplomatiċi u esterni u organizzazzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-interessi professjonali,

(ab)      l-attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni;

(ac)      l-attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà, inklużi attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali ta’ persuni li jeżerċitaw prerogattivi ta’ setgħa pubblika,

imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom,

jekk jistgħu jaffettwaw jew jipperikolaw is-sovranità tal-Ungerija;

(b)      jidentifika u jistħarreġ organizzazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom, imwettqa b’appoġġ minn barra l-pajjiż, jista’ jkollhom influwenza fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet;

(ċ)      jidentifika u jistħarreġ organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw ir-rieda tal-eletturi b’appoġġ minn barra l-pajjiż jew li jappoġġaw tali attivitajiet.”

16.      Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi kkontestata:

“1.      L-Uffiċċju għandu jinvestiga każijiet individwali relatati mal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 3 u għandu jippubblika fuq is-sit internet tiegħu r-riżultat tal-investigazzjonijiet li jkun wettaq, inkluż il-fatti kkonstatati matul l-investigazzjonijiet, il-konstatazzjonijiet magħmula fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet u l-konklużjonijiet li huwa jislet.

2.      L-Uffiċċju għandu jħejji rapport annwali dwar is-sovranità nazzjonali, b’rabta mal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 3, li għandu jinkludi s-segwenti:

(a)      analiżi tal-leġiżlazzjoni dwar is-sovranità nazzjonali, tal-applikazzjoni effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni, tal-problemi li jinqalgħu fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll tal-prassi leġiżlattiva u amministrattiva;

(b)      evalwazzjoni tar-riskju għas-sovranità, ibbażata fuq il-metodoloġija tal-evalwazzjoni tar-riskju għas-sovranità, li tidentifika r-riskji u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fir-rigward tas-sovranità nazzjonali, il-mezzi disponibbli sabiex jiġu indirizzati, in-nuqqasijiet fl-indirizzar ta’ dawn ir-riskji u l-problemi u s-soluzzjonijiet sabiex dawn jiġu indirizzati;

(ċ)      rakkomandazzjonijiet lill-korpi inkarigati b’funzjonijiet u b’setgħat;

(d)      evalwazzjoni ta’ kif ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-korpi b’funzjonijiet u b’setgħat;

(e)      sommarju tal-attivitajiet u l-funzjonament tal-Uffiċċju matul is-sena preċedenti.

3.      Ir-rapport annwali dwar is-sovranità nazzjonali għas-sena kalendarja preċedenti għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit internet tal-Uffiċċju sat‑30 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

4.      L-Uffiċċju, flimkien mal-pubblikazzjoni tiegħu, għandu jibgħat ir-rapport annwali dwar is-sovranità lill-Kumitat Permanenti dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u lill-Gvern għal skopijiet ta’ informazzjoni.

5.      Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tar-rapport annwali dwar is-sovranità nazzjonali, il-Gvern għandu jikkomunika, fit-tweġiba tiegħu lill-Uffiċċju, l-azzjoni li jkun beħsiebu jieħu dwar il-konklużjonijiet tar-rapport annwali dwar is-sovranità nazzjonali.

6.      Ir-rapport tal-Uffiċċju ppubblikat konformement mal-paragrafi 1 u 3 ma għandux jinkludi data personali, informazzjoni klassifikata, sigrieti protetti bil-liġi jew sigrieti relatati mal-eżerċizzju ta’ kariga, bl-eċċezzjoni ta’ data personali li tkun fl-interess pubbliku.

7.      Ir-rapport tal-Uffiċċju ppubblikat konformement mal-paragrafi 1 u 3 ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors.

8.      Qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafi 1 u 3, l-Uffiċċju għandu jittrażmetti l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tiegħu lill-organizzazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom, abbażi tal-investigazzjoni mwettqa, jiġġustifikaw li dawn l-organizzazzjonijiet jissemmew fir-rapport pubbliku tal-Uffiċċju. L-organizzazzjoni suġġetta għall-investigazzjoni tista’ tikkummenta dwar il-konklużjonijiet tal-Uffiċċju fi żmien ħmistax-il jum min-notifika tagħhom. L-Uffiċċju għandu jwieġeb bil-miktub għall-kummenti fi żmien tletin jum minn meta jirċevihom. L-Uffiċċju għandu jindika r-raġunijiet li għalihom huwa rrifjuta li jieħu l-kummenti inkunsiderazzjoni.”

17.      Skont il-Kapitolu 3, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju […]”, l-Artikolu 7 tal-Liġi kkontestata jipprevedi, b’mod partikolari:

“1.      Fil-kuntest tal-investigazzjoni prevista fl-Artikolu 3, l-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni u data mingħand l-organizzazzjoni li tkun is-suġġett tal-investigazzjoni tiegħu, konformement mal-Artikolu 8.

2.      Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li huwa jwettaq, l-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni u data mingħand kull korp tal-Istat jew tal-awtoritajiet lokali kkonċernati mill-każ inkwistjoni, kif ukoll mingħand kull organizzazzjoni jew persuna oħra kkonċernata minn dan il-każ, konformement mal-Artikolu 8.

3.      L-organizzazzjoni suġġetta għall-investigazzjoni kif ukoll il-korp tal-Istat jew tal-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjoni jew il-persuna li tkun indirizzata talba mill-Uffiċċju lilhom (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni li huma obbligati jikkoperaw”) huma obbligati jwieġbu fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Uffiċċju. Il-perijodu ta’ żmien ma jistax ikun inqas minn ħmistax-il jum mid-data meta ssir it-talba.

4.      Jekk il-persuna li hija obbligata tikkoopera ma tosservax jew tosserva tard, mingħajr raġuni valida, l-obbligu tagħha li tikkoopera, l-Uffiċċju għandu jieħu nota ta’ dan fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu u għandu jagħmel riferiment speċjali għal dan fir-rapport annwali tiegħu.

[…]”

18.      L-Artikolu 8 tal-Liġi kkontestata jipprovdi li:

“1.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni li jwettaq skont dan il-kapitolu, l-Uffiċċju, bħala att ta’ natura probatorja, konformement mal-liġi,

(a)      jista’ jaċċedi għad-data kollha li tista’ tkun relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni li hija ġestita mill-organizzazzjoni investigata u mill-korp tal-Istat jew mill-awtoritajiet lokali kkonċernati mill-każ, u jagħmel kopji tagħha, u jeżamina d-dokumenti kollha ta’ din in-natura, inkluż id-dokumenti maħżuna fuq mezzi elettroniċi, u jitlob kopji tagħhom;

(b)      jista’ jitlob kjarifiki bil-miktub jew bil-fomm mill-organizzazzjoni investigata, minn kwalunkwe membru tal-persunal tal-organizzazzjoni investigata jew mill-korp tal-Istat jew tal-awtoritajiet lokali kkonċernat minn każ partikolari;

(ċ)      jista’ jitlob kjarifiki bil-miktub jew bil-fomm minn kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna li tita’ tkun relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni, u jista’ jitlob ukoll kopji ta’ kwalunkwe data jew dokument, inklużi dokumenti maħżuna fuq mezzi elettroniċi, li jistgħu jkunu relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni.

2.      Il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju skont dan il-Kapitolu ma għandhiex tikkostitwixxi proċedura tal-awtorità amministrattiva u ma tista’ tinbeda ebda proċedura amministrattiva b’rabta mal-attivitajiet imwettqa mill-Uffiċċju skont dan il-Kapitolu.”

19.      Skont l-Artikolu 9(1) tal-Liġi kkontestata:

“L-Uffiċċju, għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 8, għandu japplika kif xieraq l-Artikolu 27(1) u (3) tal-az alapvető jogok biztosáról szóló 2011. évi CXI. törvény (il-Liġi CXI tal‑2011 dwar il-Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali, iktar ’il quddiem il-‘Liġi dwar il-Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali’).”

20.      L-Artikolu 11 tal-Liġi kkontestata jipprevedi:

“Jekk l-Uffiċċju jikkonstata fatti jew ċirkustanzi li jistgħu jagħtu lok għall-bidu jew għall-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ ksur, ta’ proċedura kriminali, ta’ proċedura amministrattiva jew ta’ proċedura oħra, huwa għandu jinforma lill-korp li għandu s-setgħa li jmexxi din il-proċedura bil-fatti u bl-informazzjoni li jkollu għarfien tagħhom.”

21.      L-Artikolu 12 tal-Liġi kkontestata jipprovdi:

“Il-President tal-Uffiċċju jista’ jistieden lill-Kumitat Permanenti tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Assemblea Nazzjonali sabiex jeżamina r-rapport imsemmi fl-Artikolu 6(1) u sabiex jisma’ lill-persuna responsabbli tal-organizzazzjoni investigata fil-każijiet li ġejjin:

(a)      l-organizzazzjoni investigata ma tipprovdix informazzjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 7(3), jew

(b)      in-natura u l-gravità tal-każ jiġġustifikaw dan.”

22.      L-Artikolu 32 tal-Liġi kkontestata daħħal l-Artikolu 350/A, intitolat “Influwenza illegali fuq ir-rieda tal-eletturi”, fil-Büntető Törvénykönyvről szóló 2012 C. törvény (8) (il-Liġi Nru C tal‑2012 dwar il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”) u emenda l-Artikolu 459(1) tal-Kodiċi Kriminali billi introduċa definizzjoni tal-kunċett ta’ “appoġġ barrani pprojbit”.

23.      L-Artikolu 33 tal-Liġi kkontestata daħħal jew emenda diversi dispożizzjonijiet tal-a választási eljárásról szóló 2013. évi XXXVI. törvény (9) (il-Liġi Nru XXXVI tal-2013 dwar il-proċedura elettorali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-proċedura elettorali”), fosthom definizzjoni tal-kunċett ta’ “appoġġ barrani”.

2.      Liġijiet rilevanti oħra

24.      Il-kawża tirrigwarda wkoll l-implimentazzjoni tal-Artikolu 167 tal-a büntetőeljárásról szóló 2017. évi XC. törvény (10) (il-Liġi Nru XC tal‑2017 dwar il-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”) dwar l-użu liberu tal-provi, tal-Artikolu 27(3) tal-az alapvető jogok biztosáról szóló 2011. évi CXI. törvény (11) (il-Liġi Nru CXI tal‑2011 dwar il-Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali”), tal-Artikolu 2(1) tal-az információs önrendelkezési jogról és az információszabadságról szóló 2011. évi CXII. törvény (12) (il-Liġi Nru CXII tal‑2011 dwar l-awtodeterminazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni u l-libertà tal-informazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-informazzjoni”), kif ukoll tal-Artikoli 9 u 13 tal‑az ügyvédi tevékenységről szóló 2017. évi LXXVIII. törvény az ügyvédi (13) (il-Liġi Nru LXXVIII tal‑2017 dwar il-professjoni ta’ avukat, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat”).

III. Il-proċedura prekontenzjuża

25.      Fis‑7 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija ittra ta’ intimazzjoni li fiha qieset li l-Liġi kkontestata kienet tikser, fost l-oħrajn, il-valuri tal-Unjoni (Artikolu 2 TUE), il-prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva (Artikolu 10 TUE), id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (Artikolu 14(3) TUE), id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet muniċipali (Artikolu 22 TFUE), il-libertajiet fundamentali (Artikoli 49, 56 u 63 TFUE), ir-rispett għall-ħajja privata u familjali (Artikolu 7 tal-Karta), il-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (Artikolu 11 tal-Karta), il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni (Artikolu 12 tal-Karta), id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (Artikolu 39 tal-Karta), id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali (Artikolu 40 tal-Karta), id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għas-sigriet professjonali tal-avukat (Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta), id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu (Artikolu 48 tal-Karta), il-libertà tas-servizzi tal-media awdjoviżiva (Artikolu 3 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva 2010/13/UE (14)), il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment iggarantiti mill-Artikoli 14, 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-s-servizzi, kif ukoll diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR.

26.      Fil‑11 ta’ April 2024, l-Ungerija wieġbet l-ittra ta’ intimazzjoni billi kkontestat il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet inklużi fiha.

27.      Fit‑23 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata, skont l-Artikolu 258 TFUE, lill-Ungerija, li fiha hija qieset, essenzjalment, li diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi kkontestata, essenzjalment dwar is-setgħat tal-Uffiċċju stabbilit minn din il-liġi, kienu jiksru l-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 47 u 48 tal-Karta, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, l-Artikoli 14, 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern, kif ukoll l-Artikoli 5, 6, 9 u 10 tal-GDPR. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrinunzjat b’mod definittiv l-akkuża tagħha li l-Ungerija kienet kisret il-valuri tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-demokrazija, u tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura (l-Artikolu 2, l-Artikolu 10 l-Artikolu 14(3) TUE, l-Artikolu 22 TFUE u l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta).

28.      Fil‑31 ta’ Lulju 2024, l-Ungerija wieġbet l-opinjoni motivata billi kkontestat il-fondatezza tal-ilmenti inklużi fiha.

IV.    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

30.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Frar 2025, il-kawża ġiet suġġetta għal din il-proċedura mħaffa.

32.      Il-Parlament, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tan-Norveġja ġew awtorizzati jintervjenu fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

33.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi adottat il-Liġi kkontestata, l-Ungerija kisret l-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, l-Artikoli 14, 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi, l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 47 u 48 tal-Karta, kif ukoll l-Artikoli 5, 6, 9 u 10 tal-GDPR;

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

34.      L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35.      Fis‑16 ta’ Settembru 2025, saret seduta li matulha nstemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u tal-intervenjenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Evalwazzjoni

36.      Peress li ċerti intervenjenti qajmu motivi supplimentari meta mqabbla ma’ dawk imqajma mill-Kummissjoni fir-rikors, għandha tiġi evalwata, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tagħhom (ara taħt A).

37.      Fit-tieni lok, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali, inkluża dik tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tisma’ dan ir-rikors (ara taħt B). Minn naħa, ser neżamina l-fondatezza tal-argument prinċipali u orizzontali tal-Ungerija li n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni jirriżulta mill-obbligu ta’ din tal-aħħar li tissipetta, skont l-Artikolu 4(2) TUE, b’mod partikolari, l-identità u s-sigurtà nazzjonali (ara t-taqsima 1). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat it-tieni argument orizzontali mqajjem mill-Ungerija li l-Liġi kkontestata ma tirregolax l-attivitajiet ekonomiċi, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, u għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara t-taqsima 2).

38.      Fit-tielet lok (ara taħt C), ser nevalwa l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju u sekondarju li jirregolaw il-libertajiet fundamentali (ara t-taqsimiet 1 sa 6), tal-Karta (ara t-taqsima 7) u tal-GDPR moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tal-Karta (ara t-taqsima 8).

A.      Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi supplimentari

39.      Filwaqt li jsostni t-talbiet u l-motivi mqajma mill-Kummissjoni, il-Parlament, sostnut mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Portugiża u, parzjalment, mir-Repubblika Ċeka, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra wkoll li, billi adottat il-Liġi kkontestata, l-Ungerija kisret, b’mod partikolari, il-valuri tal-Unjoni (l-Artikolu 2 TUE) u d-dritt għal rimedju effettiv (l-Artikolu 47 tal-Karta).

40.      Għandu jiġi kkonstatat li t-talba li jitqajjem u jiġi evalwat ksur possibbli mill-Ungerija tal-valuri tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2 TUE (15) hija inammissibbli. Fin-nuqqas ta’ lment ifformulat f’dan is-sens fir-rikors promotur, tali motiv ma jagħmilx parti mis-suġġett tal-kawża, u lanqas ma jista’ jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio. Kif jirriżulta mill-punti 25 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ma żammitx il-pożizzjoni inizjali tagħha, esposta fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, li l-Ungerija kisret l-Artikolu 2 TUE, iżda abbandunatha fl-opinjoni motivata tagħha. Il-portata ta’ din tal-aħħar tillimita essenzjalment is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (16).

41.      Fil-fatt, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 129(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tar-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 129(3) tal-imsemmija regoli, l-intervenjent għandu jaċċetta l-kawża in statu et terminis. Għaldaqstant, huwa ma jistax jinvoka motivi ġodda, distinti minn dawk invokati mir-rikorrent (17).

42.      F’dan ir-rigward, il-Parlament ma jistax jinvoka s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (18) sabiex jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ksur possibbli tal-Artikolu 2 TUE. Din is-sentenza ma tagħtix deċiżjoni fuq tali motiv separat, iżda biss – inċidentalment – fuq ir-rabta li l-Artikolu 2 TUE għandu mal-Artikolu 19 TUE sa fejn dan jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt (19). Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tinvokax ksur ta’ dispożizzjoni oħra tat-Trattat UE li għandu rabta li tista’ titqabbel mal-Artikolu 2 TUE.

43.      Bl-istess mod, l-allegat ksur tal-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva (l-Artikolu 10 TUE) u tan-nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE), imqajjem, b’mod partikolari, mill-Gvern Litwan, kif ukoll ta’ dak taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura (l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 22 TFUE), invokat mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, ma jagħmilx parti mill-kuntest tal-kawża. Għaldaqstant, dawn il-motivi wkoll għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

44.      Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Parlament, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Litwanja jsostnu ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, dan l-ilment huwa ammissibbli, sa fejn huwa intiż li jsostni t-talbiet u l-ilmenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, tali ksur jissemma b’mod espliċitu fl-ewwel talba tar-rikors (ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u huwa s-suġġett tal-ilment ibbażat fuq ksur tas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu (Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta).

B.      Fuq l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

45.      L-Ungerija tikkontesta l-motivi u l-ilmenti kollha invokati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-identità tagħha u tas-sigurtà nazzjonali tagħha, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, kif ukoll tal-kompetenza esklużiva tagħha li tadotta leġiżlazzjoni intiża li tipproteġi s-sovranità tagħha. Minn dan isegwi li l-Liġi kkontestata la taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u lanqas taħt il-kompetenza ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, skont l-Ungerija, il-miżuri protettivi meħuda skont din il-liġi jirrigwardaw biss l-attivitajiet ta’ natura li jheddu jew jippreġudikaw is-sovranità tagħha mwettqa mill-persuni jew mill-organizzazzjonijiet ikkonċernati, u mhux l-attivitajiet ekonomiċi li dawn jistgħu leġittimament jeżerċitaw skont il-libertajiet fundamentali jew id-dritt sekondarju rilevanti tal-Unjoni.

46.      Fl-ewwel lok, ser nevalwa l-argument prinċipali tal-Ungerija li s-sovranità tagħha tibbenefika minn protezzjoni wiesgħa kontra l-indħil min-naħa tal-Unjoni bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(2) TUE. Din id-dispożizzjoni teskludi r-regoli nazzjonali intiżi sabiex jipproteġu s-sovranità tal-Istati Membri kemm mill-iskrutinju tal-korpi kif ukoll mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni (ara t-taqsima 1). Fit-tieni lok, ser neżamina jekk, konformement mal-motivi u l-ilmenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, l-Artikoli 3, 6, 7 u 12 tal-Liġi kkontestata (iktar ’il quddiem ukoll id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”), li jirrigwardaw l-attivitajiet li jistgħu jkunu suġġetti għas-setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ evalwazzjoni u ta’ żvelar tal-Uffiċċju, humiex ta’ natura li jaffettwaw l-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara t-taqsima 2). Fit-tielet lok, ser nevalwa l-eventwali natura prematura ta’ dan ir-rikors (ara t-taqsima 3).

1.      Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni relatata mar-regoli li jipproteġu s-sovranità nazzjonali

47.      L-Artikolu 4(2) TUE jeżiġi r-rispett mill-Unjoni, b’mod partikolari, tal-identità u tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.

48.      Peress li dawn l-elementi jagħmlu parti integrali mis-sovranità nazzjonali, l-Ungerija tiddeduċi, essenzjalment, minn naħa, li din id-dispożizzjoni tipproteġi lill-Istati Membri kontra ndħil fis-sovranità tagħhom min-naħa tal-Unjoni billi timponi fuqha limiti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tqis li, skont l-Artikoli 4 u 5 TUE (li jipprevedu, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ attribuzzjoni u ta’ sussidjarjetà), l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva sabiex jilleġiżlaw għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali tagħhom.

49.      Madankollu, jidher ċar li Stat Membru ma jistax jevita l-applikazzjoni u r-rispett tad-dritt tal-Unjoni billi sempliċement jinvoka l-Artikolu 4(2) TUE għall-finijiet tal-protezzjoni tal-identità, tas-sigurtà jew tas-sovranità nazzjonali tiegħu (20). Dan huwa inqas u inqas possibbli meta l-miżuri protettivi li jieħu jkunu ta’ natura li jinterferixxu mal-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ġew adottati abbażi ta’ kompetenza, anki jekk kondiviża biss, attribwita lil din tal-aħħar.

50.      F’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati u l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tagħhom jistgħu jippreġudikaw diversi regoli tad-dritt tal-Unjoni, li għall-promulgazzjoni tagħhom il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 53 u 62 TFUE (direttivi intiżi li jikkoordinaw il-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi), mill-Artikolu 115 TFUE (approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet li għandhom effett dirett fuq l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern) u mill-Artikolu 16 TFUE (protezzjoni tad-data personali).

51.      F’dan ir-rigward, l-Ungerija ma tistax targumenta b’mod validu li l-attivitajiet koperti mil-Liġi kkontestata huma biss dawk li huma intiżi li jipperikolaw is-sovranità nazzjonali u li, għaldaqstant, l-attivitajiet protetti mid-dritt tal-Unjoni huma a priori esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi. Fil-fatt, l-Uffiċċju jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ tali għan allegatament illegali tal-attività inkwistjoni biss fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu. Għalhekk, ma huwiex f’pożizzjoni li jipprevjeni li tinbeda wkoll investigazzjoni kontra attivitajiet ekonomiċi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li jidher li huwa impossibbli li qabelxejn issir distinzjoni ċara u netta bejn attivitajiet legali jew illegali f’dan is-sens, b’mod partikolari meta dawn jagħmlu parti minn aġir globali indiviżibbli.

52.      Id-distinzjoni magħmula mill-Ungerija bejn attivitajiet li jsegwu għanijiet illegali fis-sens tal-Liġi kkontestata u attivitajiet protetti mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni għalhekk ma tistax topera fil-prattika.

53.      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 4(2) TUE għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.      Fuq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetenza bbażata fuq l-assenza ta’ effett fuq l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

54.      L-Ungerija tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati u l-miżuri meħuda abbażi tagħhom ma jistgħux jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali jew jaffettwaw l-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet u miżuri ma kinux maħsuba sabiex jirregolaw l-attivitajiet ekonomiċi tal-operaturi tas-suq, iżda biss sabiex jipproteġu s-sovranità nazzjonali mill-indħil barrani illeġittimu (21). Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe natura legalment vinkolanti jew sanzjoni, il-miżuri inkwistjoni ma humiex ta’ natura li jippreġudikaw lill-individwi jew jiksru d-drittijiet tagħhom iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

55.      Fil-fehma tiegħi, din l-eċċezzjoni ma tistax tirnexxi.

56.      Huwa minnu, b’mod partikolari, li l-kunċetti ta’ attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi, ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni u ta’ attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata, kif ukoll is-setgħat tal-Uffiċċju skont l-Artikoli 6, 7, 8 u 12 ta’ din il-liġi, jirrigwardaw prima facie attivitajiet politiċi pjuttost milli ekonomiċi.

57.      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jaffettwaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi transkonfinali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali.

58.      Dan huwa dovut b’mod partikolari għan-natura indeterminata tal-kunċetti ta’ “attivitajiet” imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju. Dan tal-aħħar għandu diskrezzjoni wiesgħa relatata mal-ftuħ ta’ investigazzjoni f’dan ir-rigward, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkun suġġett għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju (22). Skont l-Artikoli 7 u 8 ta’ din il-liġi, l-Uffiċċju huwa awtorizzat jadotta miżuri ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ diversi organizzazzjonijiet u persuni li l-attivitajiet differenti tagħhom, inklużi dawk ekonomiċi, jistgħu jaffettwaw jew jipperikolaw is-sovranità tal-Ungerija. Fil-fatt, dawn l-organizzazzjonijiet jew persuni jistgħu jkunu attivi f’setturi differenti, b’mod partikolari dawk tal-media, tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li huma, tal-inqas parzjalment, irregolati mid-dritt tal-Unjoni.

59.      Għalhekk, allegati “attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(a)(ab) tal-Liġi kkontestata, jistgħu jinkludu l-attivitajiet ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni jew ta’ komunikazzjoni bi ħlas, bħal servizzi edukattivi, kulturali, awdjoviżivi jew tal-media pprovduti bi ħlas u li għalhekk huma ta’ natura ekonomika (23). Bl-istess mod, kull teħid ta’ pożizzjoni, komunikazzjoni jew provvista ta’ informazzjoni mwettqa bi ħlas intiża sabiex tikkontribwixxi għad-dibattitu pubbliku dwar problemi ta’ interess ġenerali jew fil-kuntest ta’ forum pubbliku, meta dawn ikunu marbuta mad-dibattitu demokratiku, mal-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà jew mal-elezzjonijiet tista’ tiġi kklassifikata bħala attività msemmija fl-Artikolu 3(a), (ac), (b) jew (c) ta’ din il-liġi (“attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà” u “attivitajiet […] b’appoġġ minn barra l-pajjiż” li jista’ “jkollhom influwenza fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet” jew “huma intiżi li jinfluwenzaw ir-rieda tal-eletturi”) (24).

60.      Minħabba l-portata wiesgħa tagħhom, l-“attivitajiet” imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, li hemm riferiment għalihom fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata għalhekk jistgħu neċessarjament jinkludu tranżazzjonijiet ekonomiċi transkonfinali.

61.      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jaffettwaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali.

62.      Konsegwentement, l-argument tal-Ungerija li l-Liġi kkontestata ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali minħabba li hija intiża biss sabiex tipproteġi s-sovranità nazzjonali kontra attivitajiet mhux ekonomiċi għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq l-allegata natura prematura tar-rikors fin-nuqqas ta’ effett legali suffiċjenti

63.      Barra minn hekk, l-Ungerija ma tistax issostni li l-Liġi kkontestata u, b’mod partikolari, il-proċeduri u l-atti tal-Uffiċċju ma jistgħux jipproduċu effetti legalment vinkolanti li jistgħu jippreġudikaw il-libertajiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni jew li dawn l-effetti huma biss negliġibbli u inċerti (25). Fil-fatt, is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u l-obbligi ta’ kooperazzjoni korrispondenti għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati huma intiżi preċiżament sabiex jissorveljaw u jirregolaw l-aġir tagħhom.

64.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri ta’ investigazzjoni previsti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Liġi kkontestata huma legalment vinkolanti fir-rigward tal-organizzazzjonijiet u tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari dawk li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni. Dan huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li dawn il-miżuri jistgħu jippreġudikaw il-libertajiet fundamentali (26), mingħajr ma l-leġiżlazzjoni inkwistjoni jkollha tipprevedi sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ rispett tal-obbligi li jirriżultaw minnha. Għal dawn ir-raġunijiet, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Ungerija, il-kompetenzi u l-proċeduri tal-Uffiċċju ma humiex paragunabbli ma’ dawk tal-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 228 TFUE, iżda pjuttost ma’ dawk tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (27). Fil-fatt, l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew jikkonċernaw biss każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (28) u ma jipprevedux l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ investigazzjoni legalment vinkolanti kontra individwi.

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Ungerija lanqas ma tista’ tikkritika n-natura allegatament prematura ta’ dan ir-rikors.

66.      Meta l-eventwali eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru toriġina mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħha ma humiex ikkontestati, il-Kummissjoni tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu permezz ta’ analiżi ġuridika tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kkonċernati (29). Din l-analiżi tal-Kummissjoni hija s-suġġett tal-eżami tal-mertu tar-rikors li ġej.

67.      Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza għandhom jiġu miċħuda.

C.      Fuq il‑mertu

68.      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni, bl-appoġġ tal-intervenjenti, li r-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (Artikoli 14, 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi), kif ukoll il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini (Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku).

1.      Ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi

a)      Kamp ta’ applikazzjoni

69.      Skont il-punt (1) tal-Artikolu 4, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1), id-Direttiva dwar is-servizzi tapplika għal kull attività ekonomika mhux imħallsa, normalment eżerċitata għal remunerazzjoni minn fornitur stabbilit fi Stat Membru.

70.      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ċara u preċiża fil-Liġi kkontestata tan-natura jew tal-portata tal-attivitajiet li jistgħu jiġu investigati (ara l-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Uffiċċju jista’ jinvestiga attivitajiet ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza, ta’ rappreżentanza tal-interessi, ta’ lobbying, ta’ relazzjonijiet pubbliċi, tal-media (inklużi investigattivi), ta’ reklamar, edukattivi jew kulturali, li normalment joffru s-servizzi tagħhom għal remunerazzjoni.

71.      Is-sempliċi fatt li l-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jkopri ċerti attivitajiet mhux imħallsa, fosthom dawk ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, li ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ forniment ta’ servizzi, ma jimplikax li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kollha huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi (30).

72.      Għalhekk, l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) u mal-punt (1) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

b)      Rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata

73.      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti diskriminatorji u sproporzjonati fuq il-fornituri ta’ servizzi li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

74.      Konformement mal-punt (7) tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, tali rekwiżiti huma ddefiniti bħala “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri”.

75.      Id-dmir ta’ kooperazzjoni, impost fuq il-persuni jew fuq l-organizzazzjonijiet investigati, skont l-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikoli 8, 11 u 12 tal-Liġi kkontestata, għandu jiġi kklassifikat bħala rekwiżit f’dan is-sens.

76.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(3) tal-Liġi kkontestata, l-“organizzazzjoni” jew il-“persuna” li l-Uffiċċju jibgħat talba għal informazzjoni lilha hija obbligata li tweġibha fit-terminu stabbilit, u għalhekk isir riferiment espliċitu għall-“persuni li huma obbligati jikkooperaw”. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, tali obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni lill-Uffiċċju jikkostitwixxi rekwiżit (31), anki jekk in-nuqqas ta’ osservanza tiegħu ma jwassal għal ebda konsegwenza legali avversa immedjata jew sanzjoni (32).

77.      Skont id-dmir tagħhom li jikkooperaw, il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi privati kkonċernati huma obbligati, konformement mal-Artikolu 8(1)(a) tal-Liġi kkontestata, li jissottomettu għall-eżami tal-Uffiċċju mhux biss id-data kollha li tista’ tkun relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni, iżda wkoll id-dokumenti kollha kkonċernati, inklużi dawk maħżuna fuq mezzi elettroniċi, u jipprovdulu kopji tagħhom. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 8(1)(b) ta’ din il-liġi, l-Uffiċċju huwa awtorizzat “jitlob kjarifiki bil-miktub jew bil-fomm minn kwalunkwe membru tal-persunal tal-organizzazzjoni” investigata. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(1)(c) tal-imsemmija liġi, l-Uffiċċju jista’ jitlob tali kjarifiki “minn kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna li tista’ tkun relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni”, jiġifieri mingħand organizzazzjonijiet jew persuni terzi, u “jista’ jitlob ukoll kopji ta’ kwalunkwe data jew dokument, inklużi dokumenti maħżuna fuq mezzi elettroniċi, li jistgħu jkunu relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni”.

78.      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ organizzazzjoni destinatarja ta’ talba għal informazzjoni mill-Uffiċċju, skont l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(1) tal-Liġi kkontestata, jista’ jwassal lill-President tiegħu sabiex iressaq il-każ quddiem il-kumitat parlamentari tas-sigurtà nazzjonali, skont l-Artikolu 12(a) ta’ din il-liġi, sabiex dan jisma’ “lill-persuna responsabbli mill-organizzazzjoni taħt investigazzjoni”. L-obbligu li jirriżulta li wieħed jidher quddiem dan il-kumitat ukoll għandu jiġi kklassifikat bħala rekwiżit (“kondizzjoni jew limitu”) fis-sens tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi, fid-dawl tas-setgħat li għandu l-imsemmi kumitat (33).

79.      Barra minn hekk, is-sempliċi possibbiltà li l-kwistjoni titressaq quddiem il-kumitat parlamentari dwar is-sigurtà nazzjonali tista’ tħeġġeġ lill-organizzazzjoni kkonċernata tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni mal-Uffiċċju. L-istess japplika għall-eżerċizzju possibbli tas-setgħa tal-Uffiċċju li jieħu nota ta’ rifjut jew dewmien mhux iġġustifikat ta’ kooperazzjoni u li jsemmih b’mod speċjali fir-rapport annwali tiegħu, konformement mal-Artikolu 7(4) ta’ din il-liġi, peress li organizzazzjoni tista’ tippreferi tikkoopera sabiex ma tkunx esposta pubblikament għall-akkuża ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni.

80.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 tal-Liġi kkontestata jawtorizza lill-Uffiċċju jittrażmetti l-fatti u l-informazzjoni miġbura permezz tas-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti, meta jqis li dawn il-fatti jew informazzjoni jistgħu jagħtu lok għall-ftuħ, b’mod partikolari, ta’ proċedura ta’ ksur jew kriminali. Il-possibbiltà li tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju minħabba attivitajiet ta’ servizzi li jistgħu jitqiesu li jipperikolaw is-sovranità Ungeriża u li l-provi miġbura jiġu trażmessi lil awtorità kompetenti li hija awtorizzata tiftaħ proċedura repressiva wkoll tikkostitwixxi rekwiżit (“kondizzjoni jew limitu”) fis-sens tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi. Fil-fatt, tali rekwiżit jista’ jiddisswadi fornitur milli jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Ungerija. L-istess japplika għall-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ tal-Uffiċċju, inkluż fir-rapport annwali, skont l-Artikolu 6(1) u (3) tal-Liġi kkontestata, li jistabbilixxi akkużi f’dan is-sens fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi.

81.      Konsegwentement, is-setgħat tal-Uffiċċju, skont l-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikoli 8, 11 u 12 tal-Liġi kkontestata, u l-obbligi ta’ kooperazzjoni korrispondenti imposti fuq il-persuni jew l-organizzazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala rekwiżiti fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-attivitajiet ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa legalment jipprovdi servizzi simili.

c)      Ir-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata ma humiex restrizzjonijiet amministrattivi ġenerali

82.      F’dan ir-rigward, l-Ungerija targumenta li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi ma jirregolawx speċifikament l-attività tas-servizzi jew l-eżerċizzju tagħhom, u lanqas ma jimponu rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għal tali attività, iżda jirrigwardaw biss l-aġir li jista’ jippreġudika s-sovranità nazzjonali.

83.      Skont il-premessa 9 tad-Direttiva dwar is-servizzi, b’mod partikolari, din “tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz”. Għalhekk, “ma japplikax għal ħtiġijiet […] li ma jirregolawx b’mod speċifiku jew ma jaffettwawx b’mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom”. Din il-premessa tikkonferma li d-Direttiva dwar is-servizzi ma għandhiex l-għan li telimina r-restrizzjonijiet amministrattivi ġenerali li japplikaw għal kull individwu, inkluż dak li ma jeżerċitax attività ekonomika. Fi kliem ieħor, tali restrizzjoni ġeneralment applikabbli ma tistax tiġi kklassifikata bħala rekwiżit ipprojbit fis-sens tal-Artikolu 4(7) tagħha (34).

84.      Madankollu, inqis li r-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati ma għandhomx in-natura ta’ tali restrizzjonijiet amministrattivi ġenerali li jaffettwaw lill-fornituri ta’ servizzi bl-istess mod bħal kull persuna oħra li taġixxi f’kapaċità privata. Huwa minnu li l-Liġi kkontestata tonqos milli tippreċiża l-maġġoranza tal-attivitajiet ikkonċernati sabiex dawn jinftiehmu b’mod ġenerali, b’mod partikolari skont il-konsegwenzi preżunti tagħhom li huma ta’ dannu għas-sovranità nazzjonali. Madankollu, l-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3 tagħha huma iktar probabbli li jwasslu għal konsegwenzi bħal dawn meta dawn l-attivitajiet joriġinaw minn persuni jew organizzazzjonijiet permanentament attivi fis-settur tas-servizzi, fosthom dawk tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Fil-fatt, il-pożizzjonijiet meħuda, anki jekk repetuti jew regolari, minn individwu, pereżempju, fuq il-media soċjali huma inqas probabbli li jwasslu għal tali konsegwenzi.

85.      Dan japplika wkoll għall-“attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni” u għall-“attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà”, imsemmija fl-Artikolu 3(a), (ab)  (ac) tal-Liġi kkontestata. F’dan ir-rigward, fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni għandu, bħala regola ġenerali, kapaċitajiet ta’ xandir u ta’ pubbliku jew ta’ udjenza iktar wiesgħa minn individwu. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ riċerki u ta’ pubblikazzjonijiet ta’ fornituri ta’ servizzi tal-media investigattiva intiżi li jiżvelaw u jikkritikaw każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina, ta’ nuqqas ta’ trasparenza jew ta’ korruzzjoni fiċ-ċrieki politiċi jew statali. Fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-Uffiċċju, tali riċerki u pubblikazzjonijiet għandhom riskju ogħla li jiġu kklassifikati bħala atti li jheddu jew li jippreġudikaw is-sovranità (35).

86.      Barra minn hekk, l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(b) u (c) tal-Liġi kkontestata (“attivitajiet […] b’appoġġ minn barra l-pajjiż” li jista’ “[i]kollhom influwenza fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet” jew li “huma intiżi li jinfluwenzaw ir-rieda tal-eletturi”) huma biss dawk ta’ “organizzazzjonijiet”, bl-esklużjoni ta’ individwi. Bl-istess mod, l-“attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi” koperti mill-Artikolu 3(a), (aa) ta’ din il-liġi huma, fil-prattika, prinċipalment dawk ta’ assoċjazzjonijiet, jew saħansitra ta’ “organizzazzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-interessi professjonali”, u mhux dawk ta’ individwu li jaġixxi f’kapaċità privata.

87.      Għaldaqstant, anki jekk ma huwiex eskluż li l-Liġi kkontestata taffettwa wkoll lil individwi li jaġixxu f’kapaċità privata, ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, jiġifieri s-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ żvelar tal-Uffiċċju, huma intiżi sabiex jindirizzaw prinċipalment lill-organizzazzjonijiet, inklużi entitajiet ekonomiċi attivi fis-settur tas-servizzi (36).

88.      Għalhekk, dawn ir-rekwiżiti ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet amministrattivi ġenerali permessi mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1), moqri fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

89.      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk dawn ir-rekwiżiti humiex nondiskriminatorji u proporzjonati fis-sens tal-punti (a) sa (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

d)      Nondiskriminazzjoni, neċessità u proporzjonalità

1)      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta (il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi)

90.      Skont il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għal rekwiżiti li huma direttament jew indirettament diskriminatorji minħabba n-nazzjonalità.

91.      Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma jew apertament jew indirettament diskriminatorji abbażi taċ-ċittadinanza. L-Ungerija tirribatti li l-Uffiċċju jista’ jwettaq investigazzjoni biss jekk l-attivitajiet inkwistjoni jheddu jew jippreġudikaw is-sovranità tiegħu, kundizzjoni li tapplika indipendentement mill-post ta’ stabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi kkonċernat.

92.      Fil-fehma tiegħi, ma tistax tiġi kkonstatata diskriminazzjoni diretta.

93.      Fil-fatt, l-Artikolu 3(a) sa (c) tal-Liġi kkontestata jirrigwarda l-attivitajiet “imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra”, bħal attivitajiet “b’appoġġ minn barra l-pajjiż”, inkluż minn Stati Membri oħra. B’dan il-mod, din il-liġi ma tagħmilx distinzjoni diretta bejn dawn l-attivitajiet skont il-kriterju tan-nazzjonalità tal-persuna jew tal-post ta’ stabbiliment tal-organizzazzjoni li teżerċitahom. Huma koperti wkoll l-attivitajiet ta’ persuni ta’ nazzjonalità Ungeriża jew ta’ organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Ungerija, bil-kundizzjoni li dawn joperaw “fl-interess ta’ Stati oħra” jew bl-għajnuna ta’ appoġġ finanzjarju barrani, inkluż minn Stat terz.

94.      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta.

95.      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta din tkun tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (jew, skont il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, lill-persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra) milli liċ-ċittadini nazzjonali (jew lill-persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti) u li konsegwentement tirriskja li tiżvantaġġja b’mod iktar partikolari lil dawk tal-ewwel (37).

96.      Għalkemm l-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata huwa indirizzat, permezz tal-formulazzjoni miftuħa tiegħu, ukoll lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Ungerija jew ta’ nazzjonalità Ungeriża li jeżerċitaw, b’mod partikolari, attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi, ta’ informazzjoni jew ta’ komunikazzjoni, din il-liġi hija intiża, konformement mal-għan prinċipali stabbilit fil-preambolu tagħha, li tagħmel pubbliċi u tipprevjeni tentattivi ta’ interferenza barranija (38). Għalhekk, l-Artikolu 3(b) u (c) ta’ din il-liġi jsemmi espressament l-organizzazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom imwettqa bl-għajnuna ta’ “appoġġ minn barra l-pajjiż” jistgħu jinfluwenzaw l-elezzjonijiet. Barra minn hekk, l-attivitajiet kollha mwettqa fl-interess “ta’ korpi, [ta’] organizzazzjonijiet u [ta’] persuni fiżiċi barranin”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-istess liġi jistgħu, b’mod partikolari, ikunu dawk ta’ fornituri ta’ servizzi barranin, inklużi dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra. Bl-istess mod, evidentement, attività ta’ servizzi mwettqa minn Stat Membru ieħor hija iktar probabbli li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “appoġġ minn barra mill-pajjiż” fis-sens tal-Artikolu 3(b) u (c) tal-istess liġi milli l-provvista ta’ servizzi minn fornitur stabbilit fl-Ungerija. Il-fornitur ta’ servizzi barrani kkonċernat għalhekk jinsab f’riskju ogħla minn fornitur Ungeriż li jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju.

97.      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma indirettament diskriminatorji fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

2)      Fuq in-neċessità u fuq l-eżistenza ta’ bażi legali suffiċjentement preċiża (il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi)

98.      Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali li jipprevedu r-rekwiżiti fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi għandhom ikunu neċessarji u ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika invokati mill-Istat Membru. Dan jippreżupponi li dawn ir-regoli jkunu fformulati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. Fil-fatt, huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li huwa possibbli, minn naħa, li tiġi ggarantita l-implimentazzjoni koerenti u sistematika tal-imsemmija regoli (39), jew saħansitra li tiġi evitata l-applikazzjoni sproporzjonata jew arbitrarja tagħhom (40), u, min-naħa l-oħra, li tiġi vverifikata n-natura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom.

99.      F’dan il-każ, l-Ungerija ssostni, bħala raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, il-ħtieġa li l-proċessi demokratiċi interni jiġu mħarsa minn indħil barrani illegali fir-rigward tal-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata. Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li r-rekwiżiti stabbiliti minn din il-liġi huma bbażati fuq preżunzjoni inammissibbli u indiskriminata li skontha dawn l-attivitajiet kollha huma ta’ natura li jheddu dawn il-proċessi (41).

100. Stat Membru għandu d-dritt sovran li jieħu miżuri xierqa sabiex jipproteġi l-integrità u l-iżvolġiment xieraq tal-elezzjonijiet u tal-proċessi deċiżjonali interni li, fil-fatt, jagħmlu parti integrali mill-identità nazzjonali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. L-istess japplika għal miżuri intiżi sabiex jagħmlu trasparenti u jrażżnu ċerti forom ta’ appoġġ, b’mod partikolari finanzjarju, minn barra l-pajjiż intiżi sabiex jinfluwenzaw dawn l-elezzjonijiet u proċessi. Dan huwa għan leġittimu ta’ interess pubbliku, saħansitra prevalenti ta’ natura li jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (42).

101. Kif issostni l-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-għan li jikkonsisti fiż-żieda tat-trasparenza tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali, sa fejn huwa ta’ natura li jtejjeb l-informazzjoni taċ-ċittadini dwar dan is-suġġett kif ukoll li jippermettilhom jipparteċipaw aħjar fid-dibattitu pubbliku. Dan huwa dovut b’mod partikolari għall-fatt li ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi jista’ jkollhom, fid-dawl tal-għanijiet li jsegwu u tal-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, influwenza importanti fuq il-ħajja pubblika u fuq id-dibattitu pubbliku (43).

102. Madankollu, huwa essenzjalment f’termini estiżi li l-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jinkludi l-“attivitajiet” imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, meta huma jistgħu jaffettwaw jew jipperikolaw is-sovranità kif ukoll l-awturi tagħhom, jiġifieri l-“organizzazzjonijiet” u l-“persuni”, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju. Huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi”, “attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni”, “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà”, “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali ta’ persuni li jeżerċitaw setgħat pubbliċi”, “attivitajiet […] imwettqa b’appoġġ minn barra l-pajjiż [li] jista’ jkollhom influwenza fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet”, kif ukoll “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw ir-rieda tal-eletturi b’appoġġ minn barra l-pajjiż” kollha “imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin”.

103. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jittratta l-organizzazzjonijiet u l-persuni tal-Unjoni li jibbenefikaw mil-libertà tas-servizzi, kif ukoll dawk li ġejjin minn Stati terzi fuq livell ugwali. B’hekk, kemm il-preambolu ta’ din il-liġi (44) kif ukoll diversi rapporti u komunikazzjonijiet tal-Uffiċċju, parzjalment inklużi fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jew imsemmija fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet jew fis-seduta, isemmu l-eżistenza ta’ interferenza u ta’ appoġġ finanzjarju allegatament illegali min-naħa ta’ atturi barranin, indipendentement mill-oriġini tagħhom jew mill-post ta’ stabbiliment tagħhom. Dan jinkludi l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal Transparency International (45) u dawk tal-Istati Uniti permezz ta’ fondazzjoni tal-media u portal investigattiv stabbiliti fl-Unjoni (46). L-istess japplika għall-aġir tal-Istati Membri tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bħan-Norveġja, jew saħansitra tal-Unjoni nnifisha, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ appoġġ kofinanzjat mill-fondi strutturali tal-Unjoni għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Ungerija (47). Għalhekk, l-imsemmija liġi, kif applikata sal-lum, ma tiħux inkunsiderazzjoni il-ħtieġa li tiġi osservata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew saħansitra li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali.

104. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ assenjazzjoni jew ta’ perikolu għas-sovranità tal-Ungerija, previst fl-Artikolu 3(a), in fine, tal-Liġi kkontestata, huwa partikolarment vag u jagħti lill-Uffiċċju setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa. Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni tissaħħaħ permezz tad-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija) invokata mill-Ungerija, li kkonfermat il-kostituzzjonalità ta’ din il-liġi. F’din id-deċiżjoni, l-Alkotmánybíróság mhux biss irrinunzjat milli tiddeċiedi fuq il-portata jew fuq l-għanijiet tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 tagħha, iżda wkoll attribwixxiet lill-kunċett tas-sovranità nazzjonali natura kumplessa kemm politika kif ukoll ġuridika (48). Fl-aħħar nett, minkejja din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-istess liġi ma hijiex suġġetta għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju (49).

105. Minn dan isegwi li l-Liġi kkontestata għandha kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione personae wiesa’ wisq filwaqt li tagħti lill-Uffiċċju setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li tinvolvi riskju sinjifikattiv ta’ arbitrarjetà fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali.

106. Konsegwentement, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna tagħhom, ma huwiex żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi kkontestata jistgħu jiġu implimentati b’mod koerenti u sistematiku li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. L-implimentazzjoni diskrezzjonali tagħhom pjuttost tinvolvi riskju ikbar li jiġu introdotti restrizzjonijiet mhux xierqa jew sproporzjonati għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

3)      Fuq il-proporzjonalità (il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi)

107. Għandu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata jissodisfawx il-kriterju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-għan ta’ interess pubbliku mfittex (il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi).

108. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-miżuri adottati minnu jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-piżijiet imposti ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (50).

109. Għandu jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti previsti mil-Liġi kkontestata, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk li jirregolaw is-setgħat investigattivi tal-Uffiċċju, humiex mezzi adatti (punt i), neċessarji (punt ii) u xierqa (punt iii) sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex li l-proċessi demokratiċi interni jiġu mħarsa minn interferenza barranija illeġittima.

i)      Kapaċità li jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex

110. Leġiżlazzjoni tista’ titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex biss jekk tissodisfa l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Dan ikun biss il-każ meta jkun hemm riskju ġenwin li l-aġir suġġett għal din il-leġiżlazzjoni jippreġudika dan l-għan (51).

111. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat għal kull waħda mill-attivitajiet fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju, jekk u sa fejn dawn jistgħu jippreġudikaw l-għan li jiġu protetti l-proċessi demokratiċi interni. Għal dan l-għan, għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet differenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet jew ta’ miżuri ta’ limitazzjoni tal-Uffiċċju. Madankollu, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet “b’appoġġ minn barra l-pajjiż”, fis-sens tal-Artikolu 3(b) u (ċ) tal-Liġi kkontestata, sa fejn dawn huma intiżi sabiex jiffinanzjaw direttament jew indirettament lil partiti politiċi Ungeriżi jew il-kandidati tagħhom għall-elezzjoni (ara l-punti 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet) (52). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-legalità skont id-dritt tal-Unjoni ta’ rekwiżiti mmirati lejn il-prevenzjoni, id-detezzjoni, it-trasparenza, il-projbizzjoni jew is-sanzjonar kriminali ta’ tali finanzjament, inkluż permezz ta’ organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet privati, kif imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Liġi kkontestata (53). Dan iqis il-fatt li l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, liberi li jipproteġu l-elezzjonijiet tagħhom u r-rieda tal-eletturi minn interferenza barranija mhux xierqa u li jillimitaw jew saħansitra jipprojbixxu l-finanzjament ta’ partiti politiċi domestiċi minn barra l-pajjiż (54). Sa fejn dawn ir-rekwiżiti huma maħsuba sabiex isegwu dawn l-objettivi ta’ interess ġenerali, għalhekk ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża.

112. Min-naħa l-oħra, għandha tiġi evalwata n-natura adatta tar-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati li jirregolaw is-setgħat tal-Uffiċċju meta mqabbla mal-attivitajiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata u barra mill-kuntest imsemmi iktar ’il fuq.

113. L-ewwel nett, l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Uffiċċju jidher, fil-prinċipju, li huwa adattat sabiex jipproteġi l-integrità u l-iżvolġiment tajjeb tad-dibattiti demokratiċi u tal-proċessi deċiżjonali interni sa fejn dawn is-setgħat jirrigwardaw, b’mod ġenerali, l-“attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi” u l-“attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw” dawn id-dibattiti u l-proċess, li huma mwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, fis-sens tal-Artikolu 3(a)(aa) u (ac) tal-Liġi kkontestata. Fil-fatt, għad-differenza ta’ dawn l-Istati oħra kif ukoll ta’ dawn il-korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, huma essenzjalment l-atturi interni tal-Istat ikkonċernat li għandhom jiddeterminaw il-proċessi demokratiċi u deċiżjonali interni fi ħdanu.

114. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju fir-rigward tal-“attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali ta’ persuni li jeżerċitaw setgħat pubbliċi” fis-sens tal-istess dispożizzjoni, li huma ekwivalenti għal tentattivi ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi. Peress li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija għan ta’ interess pubbliku prevalenti, l-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju sabiex jinvestiga tentattivi sabiex jiġi influwenzat it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ persuni li jeżerċitaw setgħat pubbliċi tikkostitwixxi mezz adattat għal dan l-għan.

115. It-tieni nett, sa fejn l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet “b’appoġġ minn barra l-pajjiż” fis-sens tal-Artikolu 3(b) u (ċ) tal-Liġi kkontestata ma jaqgħux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kawża (ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il-finanzjament ta’ partiti politiċi), ikopru wkoll l-attivitajiet transkonfinali bi ħlas ta’ operaturi attivi fis-setturi tas-servizzi tal-komunikazzjoni u tal-media. Madankollu, tali attivitajiet ta’ servizz jista’ jkollhom l-għan li jxerrdu informazzjoni ta’ interess ġenerali u li jieħdu pożizzjonijiet ta’ natura politika, inkluż barra mill-proċess elettorali fis-sens strett. Fil-fatt, tali appoġġ, anki dak mhux finanzjarju (55), jew finanzjament favur dawn l-attivitajiet ta’ servizz jista’ jkun saħansitra importanti sabiex jikkontribwixxi għad-dibattitu pubbliku, jippromwovi jew jiddefendi l-interessi leġittimi ta’ gruppi minoritarji (56), kif ukoll il-persegwiment minn organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ objettivi ta’ interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-ambjent (57) jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni (58). Meta tali attivitajiet ikunu limitati għall-provvista bi ħlas ta’ informazzjoni jew komunikazzjonijiet ta’ interess ġenerali jew għall-espressjoni pubblika ta’ opinjoni politika, ma jistgħux joħolqu theddida għad-demokrazija fl-Ungerija. Għall-kuntrarju, peress li tali attivitajiet jipparteċipaw b’mod leġittimu f’dawn il-proċessi, jistħoqqilhom l-istess protezzjoni fir-rigward tal-għan imfittex. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li tali kontribuzzjonijiet leġittimi għad-dibattiti u proċessi demokratiċi jiġu skreditati għas-sempliċi raġuni li jkunu twettqu “fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin” (59). Għaldaqstant, l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju fuqhom ma jidhirx li jista’ jipproteġi d-dibattitu demokratiku u l-proċessi demokratiċi interni, u jista’ anki jkollu effett kontroproduttiv f’dan ir-rigward.

116. It-tielet nett, l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju fir-rigward tal-“attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni”, imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, kif hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 3(a), (ab) tal-Liġi kkontestata ġeneralment jidhru xierqa sabiex jipproteġu l-proċessi demokratiċi interni kontra interferenzi barranin illeġittimi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kemm il-manipulazzjoni ta’ informazzjoni fattwali kif ukoll it-tixrid jew l-amplifikazzjoni tad-diżinformazzjoni jippreżentaw attivitajiet ġeneralment kundannabbli fir-rigward tal-għan li jiġi ssalvagwardjat l-ordni pubbliku f’soċjetajiet pluralistiċi u demokratiċi. Fil-fatt, tali attivitajiet iservu sabiex joħolqu distorsjoni fid-dibattiti pubbliċi u l-opinjoni pubblika u għalhekk ma jistgħux jiġu protetti, anki jekk jieħdu l-forma ta’ attività ta’ servizz (60). Għalhekk, fil-prinċipju, huwa leġittimu li l-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa sabiex jipproteġu s-soċjetajiet tagħhom minn interferenza manipulattiva ta’ din in-natura (61). Bl-istess mod, l-Unjoni stess adottat miżuri sabiex tissorvelja u trażżan tali attivitajiet (62), u dan b’mod ġenerali mingħajr ma torbothom mal-interess ta’ Stati oħra jew atturi barranin.

117. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju, minn naħa, ta’ “attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi”, u ta’ “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà”, fis-sens tal-Artikolu 3(a)(aa) u (ac) tal-Liġi kkontestata, u, min-naħa l-oħra, ta’ “attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(a)(ab) ta’ din il-liġi, imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex.

ii)    Neċessità

118. Miżura hija meħtieġa meta l-għan leġittimu segwit ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura daqstant xierqa iżda inqas restrittiva. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux mezzi inqas restrittivi għall-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi interni kontra interferenza barranija illeġittima milli l-attivitajiet imsemmija fil-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet jiġu suġġetti għas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju.

119. Huwa minnu li dawn il-kunċetti kollha huma ta’ natura indeterminata, b’tali mod li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa potenzjalment wiesa’. Madankollu, fir-rigward ta’ “attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi”, u ta’ “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà” fl-interess ta’ Stati oħra jew ta’ persuni (ġuridiċi jew fiżiċi) barranin, ma jidhirx li huwa possibbli li jiġu kkjarifikati iktar sabiex jippermettu kontroll effikaċi sabiex jiġu protetti l-proċessi demokratiċi interni kontra interferenzi illeġittimi, b’mod partikolari, min-naħa ta’ Stati oħra. Dan huwa iktar u iktar minnu fir-rigward ta’kunċetti ta’ manipulazzjoni ta’ informazzjoni u diżinformazzjoni” li jikkorrispondu għal dawk il-miżuri adottati fuq livell tal-Unjoni sabiex jipproteġu soċjetajiet demokratiċi u pluralistiċi minn tali attivitajiet (63). Fid-dawl tad-diffikultà li tiġi kkonċepita definizzjoni iktar preċiża u inqas restrittiva u tal-ħtieġa li effettivament ikunu jistgħu jitwaqqfu l-attivitajiet kollha dannużi ta’ manipulazzjoni ta’ dan it-tip, ma jidhirx għalhekk li ma huwiex xieraq li awtorità indipendenti, bħall-Uffiċċju, tingħata setgħat ta’ investigazzjoni sabiex dawn jiġu investigati. Min-naħa l-oħra, minħabba l-kundizzjoni addizzjonali li dawn l-attivitajiet għandhom isiru “fl-interessi ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi barranin, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi”, il-kunċetti ta’ “manipulazzjoni tal-informazzjoni u attivitajiet ta’ diżinformazzjoni” jidhru saħansitra iktar preċiżi minn dawk previsti fid-dritt tal-Unjoni.

120. Għaldaqstant, għandha tiġi vverifikata n-natura proporzjonata fis-sens strett tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju f’dan ir-rigward.

iii) Proporzjonalità

121. Skont il-kriterju ta’ proporzjonalità fis-sens strett, miżuri xierqa u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija ma għandhomx jikkawżaw inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi żgurat li l-eżerċizzju tas-setgħat investigattivi tal-Uffiċċju fir-rigward, minn naħa, ta’ “attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi”, u ta’ “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà” fis-sens tal-Artikolu 3(a)(aa) u (ac) tal-Liġi kkontestata, u, min-naħa l-oħra, ta’ “attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(a), (ab) ta’ din il-liġi, ma jippreġudikax, b’mod sproporzjonat jew eċċessiv, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi protetta mill-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

122. In-natura indeterminata ta’ dawn il-kunċetti ta’ “attivitajiet”, li huma “imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barrani”, flimkien mad-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-Uffiċċju f’dan ir-rigward (ara l-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet), madankollu, timplika riskju kbir ta’ interpretazzjoni inkonsistenti u sproporzjonata tal-Artikolu 3(a) tal-Liġi kkontestata fir-rigward tal-objettiv tal-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi interni.

123. Madankollu, fir-rigward tal-protezzjoni tal-integrità u tal-iżvolġiment tajjeb tad-dibattiti demokratiċi u tal-proċessi deċiżjonali interni, inklużi dawk ta’ “persuni li jeżerċitaw prerogattivi ta’ setgħa pubblika”, dan ir-riskju huwa inqas. L-attivitajiet ta’ interferenza relatati huma eżattament dawk li jippromwovu r-rappreżentazzjoni ta’ interessi, li fil-prinċipju huma illegittimi f’dan il-kuntest, ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni barranin li kontra tagħhom Stat għandu leġittimament ikun jista’ jipproteġi l-proċessi demokratiċi (deċiżjonali) interni tiegħu. L-istess japplika għal “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali” fl-interessi ta’ dawn l-atturi barranin. Għalhekk, il-kontroll minn korp indipendenti intiż li jidentifika b’mod ċar dawn l-interessi li jistgħu jkunu ta’ dannu għal dawn il-proċessi ma jistax jiġi deskritt bħala sproporzjonat jew eċċessiv.

124. Kuntrastament, fir-rigward tal-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(a)(ab) tal-Liġi kkontestata, dan ir-riskju kbir ta’ interpretazzjoni inkoerenti u sproporzjonat, saħansitra żbaljat, jidher li huwa reali u konformi mal-prattika tal-Uffiċċju invokata mill-Kummissjoni. Huwa jakkuża lil Transparency International li wettqet attivitajiet ta’ “diżinformazzjoni” billi kkritikat in-nuqqas ta’ trasparenza u l-korruzzjoni fiċ-ċrieki tal-Istat ta’ pajjiżi differenti, inkluża l-Ungerija (64). Fil-fatt, l-attivitajiet intiżi sabiex iżidu t-trasparenza u jrażżnu l-korruzzjoni aktarx li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi interni u mhux bil-maqlub. Għalhekk jidher kontradittorju li tali attivitajiet huma kklassifikati bħala “diżinformazzjoni” li tipperikola s-sovranità.

125. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata ma hijiex suġġetta għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju (65). Għaldaqstant, ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju u ebda istanza ta’ kontroll indipendenti li jista’ jipprevjeni jew jikkoreġi tali interpretazzjonijiet eċċessivi tal-kunċett ta’ “diżinformazzjoni” jew implimentazzjoni sproporzjonata tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju għal dan l-għan. Minn dan isegwi li kull att adottat mill-Uffiċċju f’dan il-kuntest ma jaqax taħt l-istħarriġ ta’ proporzjonalità sabiex jiġi ggarantit li jillimita ruħu għal li jadotta l-miżuri xierqa u l-inqas intrużivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-libertà li jiġu pprovduti servizzi protetta mill-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

126. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata fir-rigward tal-“attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni” imsemmija fl-Artikolu 3(a)(ab) tal-Liġi kkontestata ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-proċessi demokratiċi interni.

iv)    Konklużjoni intermedjarja

127. Konsegwentement, fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(a)(ab) u (b) u (c) tal-Liġi kkontestata, sa fejn dawn ma jaqgħux taħt is-suġġett ta’ din il-kawża minħabba li huma jirreferu għall-elezzjonijiet (ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il-finanzjament barrani dirett jew indirett ta’ partiti politiċi jew kandidati għall-elezzjoni), ir-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata ma humiex meħtieġa jew proporzjonati sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-punti (b) u (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi. Madankollu, dan ma huwiex il-każ għal attivitajiet li għandhom bħala suġġett “ir-rappreżentazzjoni tal-interessi” u “li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà”, inklużi dawk “ta’ persuni li jeżerċitaw prerogattivi ta’ setgħa pubblika” (ara l-punti 113 u 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

128. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi għandu jintlaqa’.

2.      Ksur tal-libertà li wieħed jirċievi servizzi ggarantit mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi

129. Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma inkompatibbli wkoll mal-libertà li wieħed jirċievi servizzi skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu rekwiżiti fuq riċevitur li jillimitaw l-użu ta’ servizz provdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

130. Infakkar li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jimponu “rekwiżiti” fis-sens tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi (ara l-punti 73 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Tali rekwiżiti huma, bħala prinċipju, ipprojbiti mill-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, peress li l-lista ta’ rekwiżiti prevista fih ma hijiex eżawrjenti (“b’mod partikolari”).

131. Fil-fatt, l-Uffiċċju jista’ jiftaħ u jmexxi investigazzjonijiet kontra d-destinatarji ta’ servizzi fornuti fil-kuntest tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata. Dan jista’ jikkonċerna wkoll il-benefiċjarji ta’ “appoġġ minn barra l-pajjiż”, sa fejn tali għajnuna tingħata bi ħlas, pereżempju bl-għoti ta’ self b’termini preferenzjali. Dawn ir-riċevituri jew benefiċjarji huma obbligati jikkooperaw mal-Uffiċċju skont l-Artikolu 7(1) sa (3), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi. Għalhekk jistgħu jiġu skoraġġuti milli jużaw tali servizzi sabiex jimminimizzaw ir-riskju li jkunu suġġetti għal tali investigazzjoni jew pubblikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(4), moqri flimkien mal-Artikolu 6(3) u (8) tal-Liġi msemmija.

132. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 98 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn ir-rekwiżiti huma ġġustifikati biss parzjalment minn interess pubbliku prevalenti.

133. Konsegwentement, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru wkoll il-libertà li wieħed jirċievi servizzi fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

134. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-servizzi huma fondati u għandhom jintlaqgħu.

3.      Ksur tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-servizzi

135. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, li jikkonkretizza l-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE (66), jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għall-konformità ma’ rekwiżit diskriminatorju bbażat direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità jew, fir-rigward tal-kumpanniji, fuq il-post tas-sede tagħhom. L-Artikolu 14(1)(a) u (b) jirreferi biss għal eżempji f’dan ir-rigward (“b’mod partikolari”) (67).

136. Fl-ewwel lok, kif ġie spjegat fil-punti 58 u 59 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jkopri għadd kbir ta’ attivitajiet, inklużi attivitajiet ekonomiċi. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ sussidjarja fl-Ungerija minn fornitur li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi kklassifikat bħala attività mwettqa fl-interess ta’ korp, ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna fiżika barranin jew bl-għajnuna ta’ appoġġ barrani.

137. Sa fejn dawn jipprevedu, b’mod partikolari, setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u obbligi ta’ kooperazzjoni korrispondenti tal-organizzazzjonijiet u tal-persuni kkonċernati, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu kklassifikati bħala “rekwiżiti” fis-sens tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi (68).

138. Dawn ir-rekwiżiti huma indirettament diskriminatorji abbażi tan-nazzjonalità jew tas-sede tal-fornitur (ara l-punti 95 sa 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għalhekk, issir diskriminazzjoni indiretta kontra fornituri barranin li jfittxu li jistabbilixxu ruħhom fl-Ungerija, peress li tali stabbiliment u l-attivitajiet marbuta miegħu jistgħu regolarment jissodisfaw il-kunċett ta’ “appoġġ minn barra l-pajjiż” jew dak ta’ attività mwettqa fl-interess ta’ korp, ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna fiżika barranin. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti previsti fid-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jaffettwaw iktar lill-fornituri barranin milli lill-fornituri Ungeriżi.

139. Konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 107 sa 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’dan il-każ, tali diskriminazzjoni indiretta ma tistax tiġi ġġustifikata, sa fejn la hija neċessarja u lanqas xierqa sabiex tipproteġi d-demokrazija (69).

140. Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-servizzi huwa fondat u għandu jintlaqa’.

4.      Ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku

141. Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

142. L-Ungerija tikkontesta l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku minħabba li l-Liġi kkontestata ma timponi ebda “rekwiżit” fir-rigward tas-servizzi pprovduti b’mod elettroniku. Fi kwalunkwe każ, restrizzjoni possibbli ma tkunx ibbażata fuq ir-raġunijiet li jidħlu fil-“qasam ikkordinat” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, peress li l-għan ta’ din il-liġi huwa limitat għall-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali mill-attivitajiet li jhedduha.

143. Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 (70), is-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” huma ddefiniti bħala “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

144. Kif ġie rrilevat fil-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata huwa mfassal b’mod wiesa’ u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione personae ta’ din il-liġi għal numru kbir ta’ “attivitajiet”, inklużi ta’ servizz, li l-awturi tagħhom jistgħu jkunu organizzazzjonijiet jew persuni varji. Għalhekk, dan neċessarjament jista’ jinkludi fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni pprovduti bi ħlas, bħal servizzi tal-media, ta’ komunikazzjoni jew ta’ reklamar, inklużi dawk ta’ natura politika (71), li spiss jiġu fornuti mill-bogħod jew b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali tar-riċevitur tagħhom (72).

145. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 3(a), (ab) tal-Liġi kkontestata, peress li l-“attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni” msemmija fih jistgħu jkunu dawk ta’ tali fornitur ta’ servizz (73). Minkejja n-nuqqas ta’ regoli speċifiċi f’din il-liġi dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, tali attivitajiet jistgħu għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

146. Konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, li huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, l-Istat Membru ospitanti sempliċement għandu jissorvelja li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornitur fit-territorju tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini li jidħlu fil-qasam ikkoordinat.

147. Skont l-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, il-qasam ikkoordinat jindika “ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom” (74). Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma għandux ikollha l-iskop speċifiku li tirregola s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda r-rekwiżiti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ natura ġenerali (75).

148. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet u l-obbligi ta’ kooperazzjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 sa 8, 11 u 12 tal-Liġi kkontestata għandhom jiġu kklassifikati bħala “ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz […]”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (ara wkoll il-punti 73 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet). B’mod partikolari, l-obbligu legali li fornitur ta’ servizzi online jipprovdi lil awtorità nazzjonali b’informazzjoni dwar l-attività tiegħu jirrikjedi li dak il-fornitur jissodisfa kundizzjonijiet li mhumiex meħtieġa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu (76). L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-fornituri ta’ servizzi mal-Uffiċċju fil-kuntest ta’ investigazzjoni. Dan jinkludi l-pubblikazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rapport annwali konformement mal-Artikolu 6(3) moqri flimkien mal-Artikolu 7(4) ta’ din il-liġi, kif ukoll ir-riferiment possibbli mill-President tal-Uffiċċju lill-Kumitat Permanenti tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Assemblea Nazzjonali skont l-Artikolu 12(a) ta’ din il-liġi (77).

149. Għalhekk huwa ċar li l-fornituri ta’ tali servizzi, li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor u jixtiequ jipprovdu tali servizzi fl-Ungerija, huma meħtieġa jirrispettaw l-obbligi tal-Liġi kkontestata bħala rekwiżiti fi ħdan il-qasam ikkoordinat (78). Madankollu, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jipprekludi, fl-Istat Membru ospitanti, li l-fornitur ta’ tali servizz ikun suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt materjali fis-seħħ fl-Istat Membru tal-oriġini jew tal-istabbiliment tal-imsemmi fornitur (79). Kif ġie espost fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Ungerija ma tistax toġġezzjona f’dan ir-rigward li l-influwenza ta’ din il-liġi fuq l-aġir tal-operaturi ekonomiċi hija negliġibbli u aleatorja wisq.

150. Fl-aħħar nett, kif issostni l-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata n-natura eventwalment iġġustifikata tar-restrizzjonijiet ikkonstatati. Huwa minnu li l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, f’dan ir-rigward, l-Ungerija kellha ssegwi minn qabel il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija direttiva, l-ewwel nett, billi titlob u tinnotifika lill-Istat Membru ta’ oriġini jieħu miżuri, u t-tieni nett, fil-każ ta’ nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri jew adozzjoni insuffiċjenti ta’ miżuri, billi tinnotifika lill-Kummissjoni u lil dan Stat Membru bl-intenzjoni tagħha li tadotta tali miżuri (80), ħaġa li hija manifestament naqset milli tagħmel.

151. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu ddikjarati li jmorru kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, mingħajr ma jkun hemm bżonn, bħala prinċipju, li tiġi eżaminata l-ġustifikazzjoni possibbli tagħhom. Barra minn hekk, din tkun parzjalment ineffettiva, kif wera l-eżami tal-ġustifikazzjoni tal-miżuri kkontestati skont id-Direttiva dwar is-servizzi fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

152. Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għandu jintlaqa’.

5.      Ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE

153. Il-Kummissjoni tinvoka wkoll ksur tad-dispożizzjonijiet iktar ġenerali tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

154. L-Ungerija tirribatti, essenzjalment, li l-Liġi kkontestata ma tistax tiġi eżaminata b’mod simultanju fid-dawl ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju li jirrigwardaw il-libertajiet fundamentali.

155. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fl-intier tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt sekondarju li jinkludi armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, l-istħarriġ ta’ din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tad-dritt primarju ma jibqax possibbli (81).

156. Filwaqt li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Artikolu 3 tal-liġi kkontestata minħabba n-natura indeterminata tal-kunċetti ta’ “attivitajiet” previsti fiha (ara l-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet), dawn jistgħu, ċertament, jinkludu attivitajiet ta’ servizzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar il-kummerċ elettroniku dwar is-servizzi. Għalhekk, f’dan ir-rigward, id-dritt primarju korrispondenti jibqa’, bħala prinċipju, applikabbli.

157. Madankollu, il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom, minbarra l-allegat ksur tad-Direttivi dwar il-kummerċ elettroniku (l-Artikolu 3) u dwar is-servizzi (l-Artikoli 14, 16 u 19), għandha tiġi evalwata b’mod simultanju l-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fid-dawl tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, sa fejn dawn id-direttivi jipprevedu armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni tal-attivitajiet ta’ servizz li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

158. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni rrinunzjat l-akkuża tagħha lill-Ungerija ta’ ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (82), ksur li hija kienet invokatu wkoll insostenn tal-opinjoni motivata (ara l-punti 27 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tistax tilmenta iktar li l-Ungerija tirrestrinġi l-libertà tas-servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tal-Artikoli 49 jew 56 TFUE biss.

159. Għaldaqstant, il-Liġi kkontestata ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikoli 49 jew 56 TFUE.

160. Għalhekk, il-motivi bbażati fuq ksur simultanju ta’ dawn l-artikoli għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

161. Dan ma jaffettwax il-moviment liberu tal-kapital garantit mill-Artikolu 63 TFUE, li ma huwiex kopert mid-Direttivi dwar il-kummerċ elettroniku u dwar is-servizzi (83). Din il-libertà għalhekk ma hijiex sekondarja, fis-sens tal-ġurisprudenza invokata mill-Ungerija (84), għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment speċifikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi.

6.      Ksur tal-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE

162. Skont il-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

163. L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

164. Il-kunċett ta’ “restrizzjoni” għall-moviment liberu tal-kapital fl-Artikolu 63 TFUE jkopri, b’mod ġenerali, kull ostakolu għall-moviment tal-kapital li jseħħ kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. B’mod partikolari, dan il-kunċett jinkludi l-miżuri tal-Istat li huma ta’ natura diskriminatorja sa fejn jistabbilixxu, direttament jew indirettament, differenza fit-trattament bejn il-moviment nazzjonali tal-kapital u l-moviment transkonfinali tal-kapital, li ma tikkorrispondix għal differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet, u li, għaldaqstant, tista’ tiddisswadi lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi milli jwettqu moviment transkonfinali tal-kapital (85).

165. Skont l-Artikolu 3(b) u (ċ) tal-Liġi kkontestata, l-Uffiċċju għandu s-setgħa li jinvestiga l-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet “b’appoġġ minn barra l-pajjiż”, li “jista’ jkollhom influwenza fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet”, jew “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw ir-rieda tal-eletturi b’appoġġ minn barra l-pajjiż jew li jappoġġaw tali attivitajiet”. Għall-kuntrarju tal-kunċett ta’ “appoġġ barrani” użat fil-Kodiċi Kriminali (86), il-Liġi kkontestata ma tispeċifikax il-kunċett ta’ “appoġġ”. Għalhekk, dan jista’ jinkludi appoġġ finanzjarju jew investiment minn Stat Membru ieħor jew minn Stat terz favur għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet jew persuni (87).

166. Madankollu, is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u l-obbligi ta’ kooperazzjoni korrispondenti imposti fuq il-persuni jew l-organizzazzjonijiet ikkonċernati ġeneralment jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-appoġġ finanzjarju jew l-investimenti transkonfinali. L-istess japplika għas-setgħa tal-Uffiċċju li jippubblika informazzjoni dwar dawn l-organizzazzjonijiet jew persuni u dwar din l-għajnuna finanzjarja, li hija ta’ natura li tiddiswadi lill-imsemmija organizzazzjonijiet jew persuni milli jipprovdu tali appoġġ (88).

167. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati, ikkunsidrati flimkien, jirriżervaw trattament differenti għall-organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Ungerija li jirċievu għajnuna finanzjarja minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi meta mqabbla ma’ dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja minn sors Ungeriż. Dan huwa dovut għall-fatt li, konformement mal-Artikolu 3(b) u (ċ) tal-Liġi kkontestata, is-sempliċiment suspett tal-eżistenza ta’ investimenti ta’ oriġini barranija (“appoġġ minn barra l-pajjiż”) jista’ jwassal sabiex tinfetaħ investigazzjoni u sabiex jiġu adottati miżuri mill-Uffiċċju (89). Għalhekk, il-persuni li jipprovdu tali appoġġ lil dawn l-organizzazzjonijiet minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz huma esposti għal riskju ogħla ta’ prosekuzzjoni u huma ttrattati b’mod differenti minn dawk li jagħmlu dan minn post ta’ residenza jew sede fl-Ungerija. Issa, dawn id-differenzi fit-trattament skont l-oriġini nazzjonali jew “barranija” tal-għajnuna finanzjarja, u għalhekk skont il-post fejn hija stabbilita r-residenza jew is-sede tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħtuha, jikkostitwixxu diskriminazzjonijiet indiretti abbażi tan-nazzjonalità.

b)      Fuq il-ġustifikazzjoni

168. L-Artikolu 65(1)(b) TFUE jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika. Tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata meta tkun neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħaq, b’mod koerenti u sistematiku, għan imperattiv ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 65 TFUE (90).

169. Skont l-Ungerija, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma konformi mal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tar-regoli intiżi sabiex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u jfixklu l-finanzjament tat-terroriżmu, li huwa, fil-prinċipju, objettiv leġittimu tal-ordni pubbliku (91). Madankollu, l-Ungerija ma wrietx ir-rabta bejn l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(b) u (ċ) tal-Liġi kkontestata (“attivitajiet imwettqa b’appoġġ minn barra l-pajjiż” li “jista’ jkollhom influwenza fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet”, kif ukoll “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw ir-rieda tal-eletturi b’appoġġ minn barra l-pajjiż […]”) u l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Fil-fatt, l-Ungerija llimitat ruħha għal riferiment vag għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

170. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Ungerija ma tinvokax, f’dan il-kuntest, bħala għan ta’ ordni pubbliku, il-protezzjoni tal-proċess elettorali bħala tali billi tipprojbixxi għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta ta’ kandidati għall-elezzjonijiet jew ta’ partiti politiċi. Fil-fatt, din il-protezzjoni hija ggarantita b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet kriminali msemmija fil-punti 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet (92).

171. Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta r-rekwiżiti ta’ trasparenza finanzjarja u d-dispożizzjonijiet kriminali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi kkontestata, li jirreferu, b’mod speċifiku, għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi jew tal-kandidati tagħhom għall-elezzjoni. Għaldaqstant, il-miżuri li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital meħuda mill-Uffiċċju jew minn awtoritajiet kompetenti oħra abbażi ta’ dawn ir-rekwiżiti u dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 3(b) u (ċ) ta’ din il-liġi ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, tali miżuri x’aktarx li jkunu ġġustifikati mill-għan ta’ interess pubbliku prevalenti tal-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi interni (93). L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar il-Funzjonament u l-Immaniġġjar tal-Partiti Politiċi, mhux ikkontestati mill-Kummissjoni, li jipprojbixxu kriminalment appoġġ finanzjarju barrani intiż li jinfluwenza r-rieda tal-elettur minn “korp ta’ ħatra” (94).

172. Fl-aħħar nett, sa fejn l-Ungerija tinvoka ż-żieda fit-trasparenza tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (95), għar-raġunijiet esposti fil-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rekwiżiti stabbiliti mil-Liġi kkontestata ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan.

173. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn jinkludu restrizzjonijiet għall-attivitajiet imwettqa “b’appoġġ minn barra l-pajjiż” imsemmija fl-Artikolu 3(b) u (ċ) tal-Liġi kkontestata, jiksru l-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE.

174. Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63 TFUE għalhekk huwa fondat u għandu jintlaqa’.

7.      Ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Karta

a)      Ilmenti u applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Karta

175. Il-Kummissjoni ssostni li l-Liġi kkontestata tikser il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni (l-Artikolu 11 tal-Karta), il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 12 tal-Karta), id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), l-obbligu tas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu (l-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta), kif ukoll id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu (l-Artikolu 48 tal-Karta).

176. Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, dawn id-dispożizzjonijiet u drittijiet fundamentali huma intiżi għall-Istati Membri meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

177. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 68 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet ikkontestati u l-implimentazzjoni tagħhom jimplikaw restrizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ diversi libertajiet fundamentali, kif iggarantiti mid-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni.

178. Għalhekk, fir-rigward tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Liġi kkontestata, l-Ungerija hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Karta.

179. Ser neżamina separatament l-ilmenti ta’ ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 (Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja), mill-Artikolu 11 (Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni) u mill-Artikolu 12 (Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni) tal-Karta sabiex tiġi vverifikata, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ ndħil f’dawn id-drittijiet (ara taħt b sa d). Fit-tieni lok, ser nevalwa kollha flimkien jekk tali ndħil huwiex iġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti u huwiex proporzjonat għal dan l-għan (ara taħt e). Fit-tielet lok, ser nanalizza l-eżistenza ta’ ndħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 (id-dritt għas-sigriet professjonali bejn avukat u l-klijent tiegħu), kif ukoll mill-Artikolu 48 (Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża li jinkludi d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu) tal-Karta u l-ġustifikazzjonijiet possibbli relatati ma’ dawn (ara taħt g u h).

b)      Indħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta

180. Għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinvolvux indħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantit mill-Artikolu 11(1) tal-Karta, b’mod partikolari, sa fejn jagħtu lill-Uffiċċju setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ pubblikazzjoni u jimponu fuq l-organizzazzjonijiet jew persuni kkonċernati dmirijiet ta’ kooperazzjoni korrispondenti.

181. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tqis li dan huwa l-każ. L-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jirrigwarda qabel kollox attivitajiet li, min-natura tagħhom stess, huma marbuta mill-qrib mal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u mal-espressjoni ta’ opinjonijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iskambju ta’ ideat dwar suġġetti ta’ interess pubbliku, tad-dibattitu demokratiku, tal-ħajja politika u tal-proċessi elettorali. Billi jawtorizzaw lill-Uffiċċju sabiex jissuġġetta tali attivitajiet għal sorveljanza estiża u jiddivulga r-riżultati possibbilment akkużatorji, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jippreġudikaw serjament il-libertà tal-espressjoni, b’mod partikolari, tal-korpi tal-istampa jew tal-media, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

182. L-Ungerija tirribatti li l-miżuri meħuda mill-Uffiċċju abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati huma newtrali, sa fejn dawn ma jirrigwardawx il-kontenut ta’ komunikazzjoni jew ta’ opinjoni, iżda biss in-natura dannuża tagħhom għas-sovranità.

183. Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11(1) tal-Karta, tinkludi l-libertà li wieħed jirċievi u jikkomunika informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika. Barra minn hekk, meta jkunu kkonċernati ġurnalisti u/jew pubblikaturi u korpi tal-istampa minħabba l-pubblikazzjoni ta’ artiklu fl-istampa, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni hija speċifikament protetta mill-Artikolu 11(2) tal-Karta, li skontu l-libertà tal-media u l-pluraliżmu tagħha għandhom jiġu rrispettati (96).

184. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet għandu jiġi interpretat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB) dwar l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li tiddetermina l-limitu minimu ta’ protezzjoni f’dan ir-rigward (97), mingħajr madankollu ma tipprekludi lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva (98).

185. Anki jekk in-natura u l-portata ta’ ċerti “attivitajiet” ta’ interferenza fl-interess ta’ Stati oħra jew ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi barranin ma humiex suffiċjentement speċifikati fl-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata (99), l-għan prinċipali ta’ din il-liġi huwa li tidentifika u trażżan it-theddid għas-sovranità nazzjonali li jirriżultaw minnhom, jew il-ksur tagħha. Il-preżervazzjoni ta’ dan l-għan tippreżupponi neċessarjament li l-Uffiċċju jinvestiga s-suġġett, il-portata u l-kontenut tal-opinjonijiet jew tal-komunikazzjonijiet, inkluża l-informazzjoni, li huma s-suġġett ta’ dawn l-attivitajiet, fosthom l-“attivitajiet intiżi sabiex jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà”, fis-sens tal-Artikolu 3(a)(ac) ta’ din il-liġi. Saħansitra hija meħtieġa analiżi provviżorja f’dan ir-rigward qabel ma tinfetaħ tali investigazzjoni.

186. Id-distinzjoni li tagħmel l-Ungerija bejn il-kontenut tal-espressjoni ta’ opinjoni jew ta’ komunikazzjoni li tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata, minn naħa, u t-theddida għas-sovranità nazzjonali li jirriżulta minnha jew il-ksur tagħha, min-naħa l-oħra, għalhekk ma tistax tiġi applikata fil-prattika, ħlief jekk jitqies li kull espressjoni ta’ opinjonijiet jew komunikazzjoni fl-interess ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna barranija tikkostitwixxi fiha nnifisha theddida potenzjali għal din is-sovranità li tiġġustifika intervent tal-Uffiċċju. Tali evalwazzjoni tikkonferma a fortiori n-natura diskriminatorja tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Ungerija li l-media u l-ġurnalisti, li jibbenefikaw minn protezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni (100), bħala prinċipju ma humiex ikkonċernati mil-Liġi kkontestata minħabba li din tal-aħħar tikkonċerna biss influwenza barranija illegali fuq l-elezzjonijiet u fuq ir-rieda tal-elettorat.

187. Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(a) tal-Liġi kkontestata tippermetti lill-Uffiċċju jinvestiga kull allegata attività ta’ intereferenza fl-interess ta’ Stati oħra jew ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi barranin li tista’ tippreġudika jew tipperikola s-sovranità fir-rigward tad-dibattitu pubbliku, irrispettivament mis-suġġett, mill-portata, mill-kontenut jew mill-oriġini tagħha (101). Din in-natura vaga tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tindika fiha nnifisha li dawn jistgħu jinvolvu jew jagħtu lok għal indħil fil-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

188. Tali ndħil ma jippreżupponix li Stat jissanzjona espressjoni ta’ opinjoni konkreta minħabba l-kontenut tagħha. Din il-libertà tipproteġi wkoll kontra miżuri tal-Istat li għandhom effett dissważiv fuq l-espressjoni ta’ opinjonijiet b’mod ġenerali u li għandhom riskju ta’ awtocensura (102). Għalhekk, sabiex jinstab tali effett dissważiv, huwa biżżejjed li l-espressjoni ta’ opinjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali (103).

189. Madankollu, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ tali prosekuzzjoni kriminali, kemm jekk iġġustifikata kif ukoll jekk le, jiżdied wara investigazzjoni mill-Uffiċċju, minħabba l-awtorizzazzjoni, jew pjuttost l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jittrażmetti r-riżultati tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet kriminali, skont l-Artikolu 11 tal-Liġi kkontestata (104). Bl-istess mod, tali effett dissważiv jew riskju ta’ awtocensura jirriżulta mit-theddida tal-ftuħ possibbli ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju u l-awtorizzazzjoni tiegħu li jiddivulga, fi tmiem din l-investigazzjoni, ir-riżultati ta’ din tal-aħħar u jirrapporta – potenzjalment b’mod akkużatorju jew stigmatizzanti – fuq l-Internet, konformement mal-Artikolu 6, il-paragrafi 1 u 3, ta’ din il-liġi. Għalhekk, dan l-effett dissważiv u dan ir-riskju ta’ awtoċensura jirriżultaw mis-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u mill-obbligi ta’ kooperazzjoni imposti fuq l-organizzazzjonijiet jew il-persuni li joperaw fis-setturi tal-media, tal-istampa u tal-komunikazzjoni. Fil-fatt, dawn l-organizzazzjonijiet jew persuni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni minħabba li jeżerċitaw waħda mill-“attivitajiet” imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata (105).

190. Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi hija waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin għal-libertà tal-istampa. Mingħajr din il-protezzjoni, dawn is-sorsi jistgħu jiġu skoraġġuti milli jgħinu lill-istampa tinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali (106). Issa, billi jirrisspettaw id-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni u billi jipprovdu kull informazzjoni mitluba mill-Uffiċċju, organizzazzjoni jew rappreżentant tal-istampa jew tal-media jirriskjaw li jiżvelaw l-identità tas-sorsi ta’ informazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-involviment apparenti tal-ġurnalisti fl-identifikazzjoni ta’ sorsi anonimi dejjem għandu effett ta’ inibizzjoni (107). Fil-fatt, jekk tali sorsi ta’ informazzjoni potenzjali jitilfu l-fiduċja li l-identità tagħhom tiġi protetta, huma joqogħdu lura milli jikkuntattjaw lil dawn il-ġurnalisti sabiex jipprovdulhom informazzjoni sensittiva. Minn dan jista’ jirriżulta wkoll li ġurnalist jillimita jew iwaqqaf l-attivitajiet tiegħu ta’ investigazzjoni jew ta’ riċeviment ta’ appoġġ barrani għal dan l-għan jew li jipprattika awtoċensura sabiex jevita l-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju.

191. Skont l-Artikolu 6(3), (4) u (6) tal-Liġi kkontestata, l-Uffiċċju jista’ jiddivulga l-evalwazzjoni tiegħu fi tmiem investigazzjoni u fil-kuntest tar-rapport annwali tiegħu, anki jekk ma tkunx favorevoli għall-organizzazzjoni jew għall-persuna kkonċernata, ħaġa li diġà għamlitha, kif jidher mir-rapporti u l-istqarrijiet għall-istampa ppubblikati (108). Dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ din in-natura, bħal twissijiet pubbliċi minn awtorità statali, jista’ jkollhom effett dissważiv mill-agħar fuq l-espressjoni libera ta’ opinjonijiet (109). Dan huwa iktar u iktar il-każ meta din id-dikjarazzjoni pubblika tkun akkużatorja jew stigmatizzanti (110).

192. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinvolvu ndħil fil-libertà tal-espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11(1) tal-Karta.

c)      Indħil fil-libertà ta’ assoċjazzjoni ggarantita mill-Artikolu 12 tal-Karta

193. Skont l-Artikolu 12(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions u ċiviku. Dan id-dritt jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-KEDB u għalhekk għandu jingħata l-istess sens u l-istess portata bħal dan tal-aħħar, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta (ara l-punt 183 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

194. Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jagħmluha ferm iktar diffiċli għall-assoċjazzjonijiet jew għall-organizzazzjonijiet li joperaw fl-Ungerija. L-eżistenza tagħhom stess tista’ tiddependi mill-possibbiltà li jinkiseb appoġġ transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, li jista’ jagħti lok għal intervent mill-Uffiċċju. Dan jista’ jinvestiga l-attivitajiet attwali jew ippjanati tal-organizzazzjonijiet kollha mhux governattivi bbażati fl-Ungerija, inklużi attivitajiet ta’ informazzjoni pubblika, komunikazzjoni ta’ opinjonijiet, promozzjoni tal-interessi u parteċipazzjoni fid-dibattitu pubbliku u demokratiku.

195. L-Ungerija tirribatti, essenzjalment, li, fin-nuqqas ta’ sanzjonijiet, l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju ma jistax ikollhom effett fuq il-libertà tal-assoċjazzjonijiet.

196. Id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni huwa wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista. Dan id-dritt jagħmilha possibbli li tittieħed azzjoni kollettiva f’oqsma ta’ interess komuni u li tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tal-ħajja pubblika (111). L-imsemmi dritt jippermetti, b’mod partikolari, li assoċjazzjoni tkompli l-attivitajiet tagħha u topera mingħajr indħil mhux iġġustifikat mill-Istat (112). Għalhekk, leġiżlazzjoni li tagħmilha iktar diffiċli b’mod sinjifikattiv għall-assoċjazzjonijiet sabiex jaġixxu jew joperaw, b’mod partikolari billi tillimita l-kapaċità tagħhom li jirċievu riżorsi finanzjarji, inklużi dawk minn barra l-pajjiż, billi tittrażmetti immaġni negattiva tal-attivitajiet tagħhom jew billi tesponihom għar-riskju ta’ sanzjoni, tinvolvi interferenza mad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni (113).

197. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni li toħloq rekwiżiti li jista’ jkollhom effett dissważiv fuq il-parteċipazzjoni ta’ donaturi residenti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u, b’dan il-mod, tagħmel iktar diffiċli l-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kif ukoll il-kisba tal-għanijiet tagħhom, tippreġudika din il-libertà. L-istess japplika meta tali rekwiżiti jkunu ta’ natura li joħolqu klima ta’ sfiduċja ġġeneralizzata fil-konfront ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u li jistigmatizzawhom (114).

198. Kif muri minn diversi rapporti u komunikazzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċċju (115), l-attivitajiet u l-finanzjament minn barra l-pajjiż ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(b) u (ċ) tal-Liġi kkontestata (“attivitajiet imwettqa b’appoġġ minn barra l-pajjiż” li “jista’ jkollhom influwenza fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet” u “attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw ir-rieda tal-eletturi b’appoġġ minn barra l-pajjiż […]”) u jistgħu jkunu kkaratterizzati bħala li jiksru s-sovranità nazzjonali. Ir-riskju hekk miżjud ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju fil-konfront tagħhom huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi lil dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet milli jkomplu bl-attivitajiet tagħhom fl-Ungerija jew milli jfittxu li jiksbu appoġġ, inkluż appoġġ finanzjarju, minn barra l-pajjiż. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali investigazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati jiġu suġġetti għal dmirijiet ta’ kooperazzjoni u ta’ informazzjoni estiżi, inklużi dawk relatati mar-riżorsi finanzjarji tagħhom. Dan jagħmel l-attivitajiet, il-finanzjament u l-ilħuq tal-objettivi tagħhom iktar diffiċli. Bl-istess mod, ir-rapporti u l-komunikazzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċċju wara tali investigazzjoni jistgħu jinkludu evalwazzjonijiet akkużatorji jew stigmatizzanti dwar l-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet, kif juru l-eżempji mdaħħla fil-fajl u invokati mill-Kummissjoni u minn diversi intervenjenti (116).

199. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinkludu jew jistgħu jagħtu lok għal indħil fil-libertà ta’ assoċjazzjoni ggarantita mill-Artikolu 12(1) tal-Karta.

d)      Indħil fid-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta

200. L-Artikolu 7 tal-Karta jagħti lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.

201. Il-Kummissjoni ssostni li l-Liġi kkontestata tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata billi tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ kull persuna li tkun qiegħda tiġi investigata mill-Uffiċċju. Dan l-effett jiġi aggravat bil-pubblikazzjoni obbligatorja tal-identità tal-persuni kkonċernati u tal-konklużjonijiet tal-Uffiċċju fuq is-sit tal-Internet tiegħu. L-Ungerija tirribatti li d-data ppubblikata fir-rapporti tal-Uffiċċju tikkostitwixxi biss konstatazzjonijiet u indikazzjonijiet fattwali oġġettivi li l-iżvelar tagħhom ma jistax, mid-definizzjoni stess, jaffettwa d-dritt għall-ħajja privata jew ir-reputazzjoni ta’ persuna jew organizzazzjoni.

202. L-Artikolu 7 tal-Karta jipproteġi primarjament lill-persuni fiżiċi, għalkemm il-persuni ġuridiċi jistgħu jibbenefikaw minnu wkoll.

203. Id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi kkontestata u dawk li jistabbilixxu s-setgħat tal-Uffiċċju jistgħu jikkonċernaw persuni fiżiċi. Tali persuni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju, b’mod partikolari, meta jwettqu attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi (l-Artikolu 3(a), (aa)), attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni (l-Artikolu 3(a), (ab)), jew attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà (l-Artikolu 3(a), (ac)). Bl-istess mod, dawn il-persuni jistgħu jkunu d-destinatarji ta’ talba għal informazzjoni legalment vinkolanti mill-Uffiċċju, fis-sens tal-Artikolu 7(2) u (3), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 6(1) u (6) tal-imsemmija liġi, data dwar persuni fiżiċi tista’ tkun is-suġġett ta’ żvelar fuq is-sit tal-Internet tal-Uffiċċju jew fil-qafas tar-rapport annwali tiegħu. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 11 tal-istess liġi, l-Uffiċċju huwa awtorizzat jittrażmetti tali data lil awtoritajiet kompetenti oħra.

204. Għandu jiġi eżaminat jekk u sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jippreġudikaw id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata tal-persuni fiżiċi kkonċernati.

205. Id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (117) jinkludi, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali li individwu jista’ leġittimament jistenna li din ma tiġix ippubblikata mingħajr il-kunsens tiegħu, b’mod partikolari tar-reputazzjoni kontra attakki ta’ ċerta gravità u li titwettaq b’mod li tikkawża preġudizzju għat-tgawdija personali ta’ dan id-dritt (118).

206. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli nazzjonali li jimponu jew jawtorizzaw il-komunikazzjoni ta’ data personali bħall-isem, il-post ta’ residenza jew ir-riżorsi finanzjarji ta’ persuni fiżiċi lil awtorità pubblika jew it-tixrid ta’ tali data lill-pubbliku jinkludu, fl-assenza tal-kunsens ta’ dawn il-persuni fiżiċi u irrispettivament mill-użu ulterjuri tad-data inkwistjoni, indħil fil-ħajja privata tagħhom (119).

207. Kif ġie rrilevat fil-punt 203 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-riżultati ta’ investigazzjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ trażmissjoni lil awtoritajiet oħra, skont l-Artikolu 11 tal-Liġi kkontestata, jistgħu jinkludu data personali, bħall-isem ta’ persuna fiżika, l-indirizz tagħha, il-mod kif hija kkooperat jew le mal-Uffiċċju jew informazzjoni finanzjarja li tikkonċernaha. Dan fih innifsu jinvolvi ndħil fil-ħajja privata.

208. Huwa minnu li kemm l-iżvlear fuq is-sit tal-internet tal-Uffiċċju tar-riżultati tal-investigazzjonijiet konformement mal-Artikolu 6(1) tal-Liġi kkontestata, kif ukoll ir-rapport annwali tiegħu ppubblikat skont l-Artikolu 6(3) u (6) ta’ dik il-liġi, ma għandhomx jinkludu tali data, bl-eċċezzjoni ta’ “data personali li tkun fl-interess pubbliku” (120). Kif indikat l-Ungerija fis-seduta, dan il-kunċett tal-aħħar ikopri, fost l-oħrajn, data li tinsab fir-reġistru tal-kumpanniji, bħall-isem tas-sid benefiċjarju, il-maniġer jew is-sid ta’ kumpannija, l-ismijiet tad-diretturi tal-kumpanniji pubbliċi, il-korpi jew l-ismijiet ta’ individwi li jaqdu funzjoni pubblika, data relatata mal-użu ta’ fondi pubbliċi minn entitajiet li joperaw b’fondi pubbliċi, informazzjoni speċifika relatata mal-akkwist pubbliku. Dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jipproteġu, bħala prinċipju, minn indħil fil-ħajja privata li jista’ jkun marbut ma’ tali żvelar jew pubblikazzjoni. Barra minn hekk, sa fejn tapplika l-eċċezzjoni dwar id-“data personali li tkun fl-interess pubbliku”, il-portata tagħha tidher li hija limitata għal data li tista’ leġittimament tiġi ppubblikata fl-interess pubbliku prevalenti li tiġi żgurata, b’mod partikolari, it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet kummerċjali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-pubblikazzjoni mill-Uffiċċju ta’ data ta’ dan it-tip tista’ tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-persuna fiżika kkonċernata, meta din tkun assoċjata ma’ evalwazzjonijiet negattivi jew ma’ akkużi ta’ natura li jiskreditaw lill-awturi tagħhom. Din il-persuna tista’, b’mod partikolari, tiġi akkużata, skont l-Artikolu 7(4) tal-imsemmija liġi, li ma kkooperatx kif xieraq mal-Uffiċċju (121). Għalhekk, sa dan il-punt, anki l-pubblikazzjoni mill-Uffiċċju ta’ data personali li tkun fl-interess pubbliku tista’ tinvolvi ndħil fil-ħajja privata tal-persuna fiżika kkonċernata.

209. F’dan il-każ, għalhekk, ma huwiex meħtieġ li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ tali pubblikazzjoni, persuna ġuridika bħala tali tistax ukoll tibbenefika mill-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta, kif ġie rikonoxxut fil-qasam tal-kompetizzjoni (122), b’mod partikolari sabiex tipproteġi l-immaġni jew ir-reputazzjoni tagħha (123). Fi kwalunkwe każ, l-akkużi stigmatizzanti pubbliċi kontra persuna ġuridika, bħal organizzazzjoni mhux governattiva, li għandhom l-għan li jqajmu dubji dwar in-natura oġġettiva u affidabbli tal-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ informazzjoni u ta’ pubblikazzjoni tagħha, x’aktarx li jippreġudikaw ukoll ir-reputazzjoni ta’ dawk li jmexxuha (124).

210. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati li jirregolaw is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ żvelar tal-Uffiċċju jinvolvu jew jagħtu lok għal indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta.

e)      Ġustifikazzjoni u proporzjonalità tal-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà ta’ assoċjazzjoni

211. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-indħil ikkonstatat fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7, 11 u 12 tal-Karta huwiex iġġustifikat mit-tfittxija ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali imperattiv, jiġifieri dak tal-protezzjoni tad-dibattitu politiku u tal-elezzjonijiet interni invokati mill-Ungerija.

212. Konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta għandha, b’mod partikolari, tkun “prevista mil-liġi”, tkun neċessarja sabiex jintlaħqu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u tkun proporzjonata għal dan l-għan.

213. Ir-rekwiżit li kull indħil fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandu jkun “previst mil-liġi” jimplika li l-miżura li tipprevedi l-indħil għandha tkun ibbażata fuq bażi legali fid-dritt intern li tiddefinixxi hija stess, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, b’mod partikolari sabiex tagħmel prevedibbli l-applikazzjoni ta’ din il-bażi legali u tevita r-riskju ta’ arbitrarjetà. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għal bidliet ta’ sitwazzjonijiet (125).

214. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata jintroduċi kunċetti indeterminati ta’ “attivitajiet” ta’ interferenza fl-interess ta’ Stati oħra jew ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi barranin li jistgħu jippreġudikaw jew jipperikolaw is-sovranità tal-Ungerija, li minnha tirriżulta setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-Uffiċċju (ara l-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Dan tal-aħħar jista’ jibda investigazzjoni fi kwalunkwe mument u jagħmel użu minn miżuri ta’ investigazzjoni legalment vinkolanti, kif ukoll jittrażmetti u jiddivulga l-informazzjoni miġbura, mingħajr ma jkun suġġett għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju (126). Dan jirriżulta f’riskju sinjifikattiv ta’ interpretazzjoni diverġenti, fuq bażi ta’ każ b’każ, tal-attivitajiet involuti (127) u l-ħtieġa li titwettaq investigazzjoni, skont il-preferenzi tal-Uffiċċju. Fil-fatt, il-Uffiċċju jista’ jkollu inċentiv li jiffavorixxi pożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-interessi, b’mod partikolari, tal-Gvern, li huma preżunti li jikkoinċidu ma’ dawk tas-sovranità nazzjonali, u li jiċċensura informazzjoni ta’ kritika. Dan ikun għad-detriment tar-rappreżentanza ta’ interessi leġittimi u indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema pluralista u demokratika, bħal dawk tal-Oppożizzjoni, ta’ gruppi minoritarji jew ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jsegwu għanijiet ta’ interess pubbliku.

215. Fl-aħħar nett, l-Ungerija ma tistax tinvoka l-limitu uniku regolamentari li skontu, qabel kull pubblikazzjoni, l-Uffiċċju huwa obbligat jikkomunika l-konklużjonijiet tiegħu lill-organizzazzjoni investigata sabiex din tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u twieġbu bil-miktub. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(8) tal-Liġi kkontestata, l-Uffiċċju lanqas ma huwa obbligat li jsemmi tali osservazzjonijiet fir-rapport ippubblikat tiegħu.

216. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-indħil ikkonstatat fid-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, fil-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u fil-libertà ta’ assoċjazzjoni ggarantiti mill-Artikoli 7, 11 u 12 tal-Karta ma huwiex iġġustifikat.

217. Konsegwentement, il-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikoli 7, 11 u 12 tal-Karta huma fondati u għandhom jintlaqgħu.

f)      Ksur tal-obbligu tas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta

218. Il-Kummissjoni tinvoka ksur tas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu (iktar ’il quddiem ukoll is-“sigriet tal-avukat”), fis-sens tal-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fehma tagħha, l-espressjoni “kull organizzazzjoni jew persuna oħra”, fis-sens tal-Artikolu 7 (2) u (3) tal-Liġi kkontestata, tista’ tinkludi l-avukati, l-uffiċċji ta’ avukati jew l-organizzazzjonijiet li jipprovdu pariri legali, kif ukoll il-klijenti tagħhom. B’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Uffiċċju, dawn jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni jew dokumenti koperti mis-sigriet tal-avukat. L-Ungerija twieġeb, essenzjalment, li l-garanziji mogħtija mil-Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat, b’mod partikolari fl-Artikoli 9 u 13(2) u (3) tagħha, huma biżżejjed sabiex jipproteġu s-sigriet tal-avukat.

219. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi s-sigriet tal-avukat, b’mod partikolari, mill-protezzjoni tal-ħajja privata skont l-Artikolu 7 tal-Karta billi tieħu inkunsiderazzjoni, bħala limitu minimu tal-protezzjoni (l-Artikolu 52(3) tal-Karta), l-interpretazzjoni li l-Qorti EDB tagħti lill-garanzija korrispondenti prevista fl-Artikolu 8(1) tal-KEDB (128). Din il-garanzija tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ kull korrispondenza bejn l-individwi u tipprovdi protezzjoni msaħħa għall-iskambji bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, mhux biss fil-kuntest tal-attività ta’ difiża, iżda wkoll fil-kuntest tal-konsulenza legali. Għalhekk, l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi s-sigriet ta’ din il-konsulenza legali, u dan kemm fir-rigward tal-kontenut tagħha kif ukoll fir-rigward tal-eżistenza tagħha (129).

220. Skont il-Liġi kkontestata, l-Uffiċċju għandu setgħat awtonomi ta’ investigazzjoni, trażmissjoni ta’ informazzjoni, evalwazzjoni, proposta u żvelar li jidħlu b’mod ċar fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi, li għalihom huma suġġetti individwi, b’mod partikolari dawk taħt investigazzjoni (130). Madankollu, din il-liġi bħala tali ma tipprovdix salvagwardji proċedurali fundamentali favur dawn l-individwi, bħas-sigriet tal-avukat, u lanqas ma tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 8(2) tal-Liġi kkontestata jirriżulta li l-proċedura ta’ investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju “ma tikkostitwixxix proċedura […] amministrattiva” u li “ma tista’ tinbeda ebda proċedura kontenzjuża amministrattiva”.

221. Ċertament, l-Artikolu 9(1) u (2) tal-Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat jipproteġi s-sigriet tal-avukat, b’mod wiesa’, billi jinkludi “[k]ull fatt, informazzjoni u data li l-persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat issir taf bihom” fl-eżerċizzju tal-attività tagħha, kif ukoll “kull dokument jew mezz ieħor li jkun fih sigrieti tal-avukat”. Skont l-Artikolu 9(3), moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi, l-avukat huwa obbligat jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni jew dokumenti koperti mis-sigriet tal-avukat f’kull proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja. Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi, l-avukat ma jistax jiżvela d-dokumenti u d-data li jaqgħu taħt is-sigriet tal-avukat waqt “kontroll amministrattiv, ta’ spezzjoni jew investigazzjoni fuq il-post”, u lanqas ma jista’ jiġi mġiegħel jixhed jew jipprovdi informazzjoni dwar dan is-sigriet, filwaqt li jiġi prekluż milli jostakola l-proċedura amministrattiva.

222. Madankollu, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura mhux amministrattiva tal-proċeduri u tal-miżuri ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju, kif previst espliċitament mill-Artikolu 8(2) tal-Liġi kkontestata (131), ma jidhirx li din hija effettivament marbuta bis-sigriet tal-avukat u ma tistax tikser dan is-sigriet.

223. Fil-fatt, l-Artikoli 9 u 13 tal-Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat japplikaw biss għal proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji u għal spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post, li fil-kuntest tagħhom avukat jista’ “jiġi mġiegħel jixhed jew jipprovdi informazzjoni relatata mas-sigriet professjonali” (132). Madankollu, il-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju la huma amministrattivi u lanqas maħsuba sabiex iwettqu spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post, peress li l-Artikolu 8(1) tal-Liġi kkontestata ma jipprevedix is-setgħa tal-Uffiċċju ta’ aċċess għall-bini tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati. Madankollu, skont l-Artikolu 7(3), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi, l-Uffiċċju huwa awtorizzat jitlob lill-organizzazzjonijiet jew lill-persuni suġġetti għall-investigazzjoni tiegħu kull informazzjoni jew data marbuta mas-suġġett ta’ din l-investigazzjoni permezz ta’ miżuri ta’ investigazzjoni legalment vinkolanti. Bħala klijenti ta’ avukati, dawn l-organizzazzjonijiet u individwi jista’ jkollhom informazzjoni, data u dokumenti koperti mis-sigriet tal-avukat li jistgħu jkunu meħtieġa jittrażmettu lill-Uffiċċju sabiex jirrispettaw id-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni (133). Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja ulterjuri, jekk ikun il-każ repressiva, mibdija wara t-trażmissjoni tal-fajl lill-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 11 tal-Liġi kkontestata, dawn l-awtoritajiet jistgħu jsiru jafu, jew jużaw bħala provi, l-informazzjoni li l-Uffiċċju jkun ġabar bi ksur tas-sigriet tal-avukat.

224. Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżunt li l-Uffiċċju huwa marbut bis-sigriet tal-avukat skont l-Artikoli 9 u 13 tal-Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat, minħabba l-esklużjoni, skont l-Artikolu 8(2) tal-Liġi kkontestata, tal-ftuħ ta’ proċedura kontenzjuża amministrattiva fir-rigward tal-miżuri ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju, ma jeżisti ebda rimedju fid-dritt amministrattiv, kif meħtieġ mill-Artikolu 47 tal-Karta (134), li jippermetti lill-parti fil-kawża li tivverifika l-osservanza tagħha fil-kuntest jew fi tmiem il-proċeduri ta’ investigazzjoni skont l-Artikoli 6 sa 8 tal-Liġi kkontestata.

225. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi dwar is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju u l-implimentazzjoni tagħhom jinvolvu ndħil fis-sigriet tal-avukat iggarantit mill-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

226. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu tas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u għandu jintlaqa’ dan il-motiv.

g)      Ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta

227. Il-Kummissjoni tinvoka ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu (iktar ’il quddiem ukoll id-“dritt li wieħed jibqa’ sieket”) fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta. Fil-fehma tagħha, l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikoli 7 u 8 tal-Liġi kkontestata jista’ jinkludi l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni awtoinkriminanti, li tista’ tintuża kontra l-persuni kkonċernati fil-kuntest ta’ eventwali prosekuzzjoni kriminali sussegwenti jew parallela, b’mod partikolari skont l-Artikolu 350/A tal-Kodiċi Kriminali.

228. Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket, kif irrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti, jiġi mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 u mill-Artikolu 48 tal-Karta (135). Il-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt tiddependi fuq talba għal informazzjoni li ssir fil-kuntest ta’ proċedura kriminali jew amministrattiva repressiva li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji u li timponi obbligi ta’ kooperazzjoni fuq il-persuna akkużata li jistgħu jiġu eżegwiti permezz ta’ mezzi ta’ infurzar (136).

229. Madankollu, f’dan il-każ, kif issostni ġustament l-Ungerija, ir-rifjut li tingħata risposta għal eventwali talba għal informazzjoni tal-Uffiċċju, anki jekk din hija legalment obbligatorja, skont l-Artikolu 7(2) u (3), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tal-Liġi kkontestata, ma huwa suġġett għal ebda sanzjoni fis-sens strett, u lanqas ma jista’ jiġi eżegwit mill-Uffiċċju nnifsu jew minn awtorità oħra permezz ta’ miżuri koerċittivi (137). Għaldaqstant, anki jekk jitqies li tali talba għal informazzjoni tirrigwarda informazzjoni jew dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti, din ma tistax tikser id-dritt li wieħed jibqa’ sieket.

230. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li, fil-kuntest ta’ prosekuzzjoni kriminali, repressiva jew ta’ ksur sussegwenti, wara t-trażmissjoni tal-provi miġbura mill-Uffiċċju lill-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 11 tal-Liġi kkontestata, eventwali provi awtoinkriminanti jistgħu jintużaw kontra l-organizzazzjoni jew il-persuna kkonċernata. Fil-fatt, l-Artikolu 167(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali li jorbot lil dawn l-awtoritajiet jipprojbixxi, bħala prinċipju, tali użu (138).

231. Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta għandu jiġi miċħud bħala infondat.

8.      Ksur tal-GDPR u tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

232. Il-Kummissjoni ssostni li l-Liġi kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5(1) (prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali), fl-Artikolu 6(1)(e) (ipproċessar meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur), fl-Artikolu 6(2) u (3) (bażijiet legali għall-ipproċessar), fl-Artikolu 9(2)(g) (ipproċessar meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku importanti), u fl-Artikolu 10 tal-GDPR (ipproċessar relatat ma’ kundanni kriminali u reati), kif ukoll mal-garanziji tal-Artikolu 8, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, il-Liġi kkontestata ma tipprevedix bażi legali xierqa jew “bażi leġittima”, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Karta, għall-ipproċessar ta’ data personali. L-Ungerija tirribatti, essenzjalment, li l-bażi legali xierqa għal dan l-għan hija l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR bħala tali u, fi kwalunkwe każ, din il-liġi hija konformi mar-rekwiżiti tal-GDPR.

a)      Ipproċessar ta’ data personali skont it-tifsira tal-GDPR

233. Sa fejn il-proċeduri mmexxija u l-miżuri adottati mill-Uffiċċju jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, dawn għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, interpretati fid-dawl tal-garanzija prevista fl-Artikolu 8 tal-Karta, moqri flimkien mal-garanzija tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata rrikonoxxuta mill-Artikolu 7 tal-Karta (139).

234. Skont l-Artikolu 1 tal-GDPR, dan għandu, b’mod partikolari, is-suġġet u l-għanijiet li jistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u regoli dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (paragrafu 1), u li jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali (paragrafu 2).

235. Konformement mal-Artikolu 2(1) tiegħu, il-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali, kompletament jew parzjalment awtomatizzat, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar. Skont l-Artikolu 4(1) tal-GDPR, il-kunċett ta’ “data personali” jinkludi kull informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.

236. Skont l-Artikolu 4(2) tal-GDPR, it-terminu “ipproċessar” jirreferi, b’mod partikolari, għal “kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom”, fosthom “[i]l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, […] l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor […]”.

237. Kif ġie espost fil-punt 203 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kemm il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi kkontestata kif ukoll l-implimentazzjoni tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju jirrigwardaw ukoll (attivitajiet ta’) persuni fiżiċi. Fil-fatt, skont l-Artikoli 7(2) u (3), moqrija flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi, l-Uffiċċju huwa awtorizzat jitlob, b’mod partikolari, lill-persuni kkonċernati l-produzzjoni ta’ kull informazzjoni jew data marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni. Kif jikkonferma l-Artikolu 6(6) tal-imsemmija liġi, li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali, l-informazzjoni u d-data miġbura mill-Uffiċċju jistgħu jinkludu “data personali” u “data personali li tkun fl-interess pubbliku”. Barra minn hekk, dan ma huwiex ikkontestat mill-Ungerija. Minbarra dan, il-ġbir ta’ tali informazzjoni jew data permezz ta’ talbiet għal informazzjoni legalment vinkolanti, ir-reġistrazzjoni jew l-inklużjoni tagħha fil-fajl, kif ukoll l-użu tagħhom għall-finijiet ta’ evalwazzjoni mill-Uffiċċju jissodisfaw il-kunċett ta’ “pproċessar” ta’ tali data.

238. L-istess japplika għat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni u din id-data mill-Uffiċċju, skont l-Artikolu 11 tal-Liġi kkontestata, lill-awtoritajiet kompetenti. Fl-aħħar nett, il-pubblikazzjoni mill-Uffiċċju tar-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu fuq is-sit internet tiegħu u tar-rapport annwali tiegħu, skont l-Artikolu 6(1) u (6) ta’ din il-liġi, tikkostitwixxi “it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor” fis-sens tal-kunċett ta’ “pproċessar”. L-Uffiċċju huwa wkoll awtorizzat b’mod espliċitu li jippubblika “data personali li tkun fl-interess pubbliku” (140).

239. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dawn il-miżuri kollha tal-Uffiċċju jissodisfaw il-kunċett ta’ “pproċessar” ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-GDPR, fil-forma, b’mod partikolari, ta’ ġbir, ta’ reġistrazzjoni, ta’ żamma, ta’ użu, ta’ komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni (141), ta’ tixrid jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor.

b)      Legalità tal-ipproċessar ta’ data personali abbażi ta’ bażi legali xierqa

1)      Bażi legali xierqa għall-ipproċessar

240. Skont il-Kummissjoni, il-Liġi kkontestata ma hijiex bażi legali suffiċjenti għal dan l-ipproċessar ta’ data personali.

241. Konformement mal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali biss meta dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, il-bażi ta’ dan l-ipproċessar għandha tiġi ddefinita mid-dritt tal-Unjoni (taħt a) jew mid-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur (taħt b).

242. F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni b’mod żbaljat li l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR huwa fih innifsu bażi legali suffiċjenti għall-ipproċessar ta’ data personali (142). Isegwi kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) kif ukoll mill-premessa 45 tal-GDPR (143) li bażi legali separata u addizzjonali skont id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni li tiddefinixxi l-“bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1” hija meħtieġa għal dan il-għan.

243. L-espressjoni “jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi” użata fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR (144) ma tinvalidax din l-evalwazzjoni. Din l-espressjoni sempliċement tirrifletti l-possibbiltà għall-Istati Membri, kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu (“jistgħu”), li “jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi” sabiex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-GDPR għall-finijiet ta’ pproċessar legali ta’ tali data skont il-paragrafu 1(c) u (e) tal-imsemmi artikolu (145).

244. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Liġi kkontestata bħala tali tipprevedix bażi legali suffiċjentement preċiża fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR.

2)      In-natura impreċiża tal-Liġi kkontestata

245. Skont l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali biss meta dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.

246. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR, jew il-bażi legali inkwistjoni tiddefinixxi hija stess l-għanijiet tal-ipproċessar jew, fir-rigward ta’ pproċessar fis-sens tal-paragrafu 1(e) tiegħu, dawn l-għanijiet ikunu neċessarji għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Fil-fatt, liġi li tirregola l-ipproċessar ta’ data personali għandha tiddefinixxi b’mod ċar u preċiż, permezz ta’ kriterji oġġettivi, il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għalihom huwa suġġett l-aċċess għal tali data (146).

247. F’dan il-każ, ir-rekwiżit ta’ definizzjoni suffiċjentement ċara u preċiża tal-għanijiet ta’ pproċessar ma huwiex manifestament issodisfatt. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, l-għanijiet tal-ġbir, tar-reġistrazzjoni, tal-ħżin, tal-użu u tat-trażmissjoni mill-Uffiċċju tad-data personali.

248. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni dwar kwalunkwe data, inkluż ta’ natura personali, relatata mas-suġġett tal-investigazzjonijiet tiegħu relatati mal-attivitajiet koperti mill-Artikolu 3 tal-Liġi kkontestata (ara l-punti 237 u 238 ta’ dawn il-konklużjonijiet), pereżempju, dawk “intiżi intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà” (147). Konformement mal-Artikoli 6 sa 8 tagħha, din il-liġi tillimita ruħha għal li teħtieġ li d-data inkwistjoni tippreżenta rabta ma’ dan is-suġġett – potenzjalment vast (148) – tal-investigazzjoni. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet la jillimitaw in-natura u lanqas il-portata tal-informazzjoni jew tad-data personali li l-Uffiċċju huwa awtorizzat jitlob mingħand l-organizzazzjonijiet jew il-persuni kkonċernati. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija liġi, l-Uffiċċju huwa awtorizzat jittrażmetti tali data fl-intier tagħha lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, għas-sempliċi raġuni li huwa “jikkonstata fatti jew ċirkustanzi li jistgħu jagħtu lok għall-ftuħ jew għall-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ ksur, ta’ proċedura kriminali, ta’ proċedura amministrattiva jew ta’ proċedura oħra”, mingħajr ma l-kundizzjonijiet jew l-għanijiet ta’ tali trażmissjoni lid-diversi awtoritajiet ikunu ppreċiżati b’mod ċar.

249. Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq lanqas ma jipprevedu kriterji li jirregolaw (it-tul ta’ żmien) il-ħażna tagħhom jew il-finijiet tal-użu tagħhom skont it-tip ta’ data jew is-suġġett tad-data. Issa, din id-data tista’, pereżempju, tikkonċerna ġurnalisti li jaħdmu għal kumpanniji jew organizzazzjonijiet attivi fis-setturi tal-istampa, tal-media, tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni, li jistgħu jkunu meħtieġa jipproteġu l-anonimat tas-sorsi tagħhom. Għalhekk, dawn jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, data sensittiva fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR, fosthom l- “opinjonijiet politiċi” jew it-“twemmin reliġjuż jew filosofiku”, jew saħansitra “data personali relatata ma’ kundanni kriminali” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, mingħajr ma jiġu ppreċiżati l-għanijiet tal-ipproċessar tagħhom.

250. Għalhekk, il-Liġi kkontestata bħala tali tonqos milli tiddefinixxi b’mod ċar l-għanijiet tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Uffiċċju. Fl-istess ħin, din il-liġi tirrinunzja milli tissuġġetta lill-Uffiċċju, għall-finijiet ta’ tali pproċessar, għall-obbligu li jiżgura li l-għanijiet tal-użu tas-setgħat investigattivi tiegħu jkunu neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ interess pubbliku li huwa għandu sabiex jimplimenta l-imsemmija liġi. Fil-fatt, fl-assenza ta’ preċiżjoni ta’ tali għanijiet fl-istess liġi, huwa impossibbli li tiġi żgurata jew ivverifikata n-natura neċessarja ta’ dawn l-għanijiet għall-eżekuzzjoni ta’ din il-missjoni ta’ interess pubbliku.

251. Fl-aħħar nett, il-Liġi kkontestata tonqos milli tipprovdi salvagwardji effettivi kontra r-riskji ta’ aċċess u użu ħażin jew illegali tad-data personali miġbura (149) mill-Uffiċċju. Fil-fatt, din il-liġi la tipprovdi garanziji proċedurali għas-suġġetti tad-data, u lanqas stħarriġ ġudizzjarju jew amministrattivu li x’aktarx jillimita l-eżerċizzju tas-setgħa wiesgħa tal-Uffiċċju ta’ investigazzjoni, ta’ evalwazzjoni u ta’ disseminazzjoni fir-rigward tad-data personali (150). L-unika garanzija proċedurali prevista mill-imsemmija liġi u dik skont l-Artikolu 6(8) tagħha, li jifformulaw osservazzjonijiet, f’terminu ta’ ħmistax-il jum, qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali li fih il-Uffiċċju għandu l-intenzjoni li jsemmi organizzazzjoni li kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni, u li jirċievi risposta mill-Uffiċċju, immotivata fil-każ ta’ ċaħda ta’ dawn l-osservazzjonijiet, fi żmien tletin jum.

252. Konsegwentement, fid-dawl tan-natura impreċiża, vaga u inkompleta tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza ta’ garanziji proċedurali u ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi kkontestata ma jiggarantixxux li l-Uffiċċju jwettaq ipproċessar ta’ data personali li jkun konformi mal-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 6(1)(e) u mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-GDPR.

3)      Proporzjonalità

253. Konformement mal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR, il-bażi legali inkwistjoni għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

254. Peress li l-Liġi kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jistgħux jitqiesu li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-għan ta’ interess pubbliku leġittimu mfittex. F’dan ir-rigward, l-Ungerija lanqas biss sostniet li dan l-ipproċessar josserva l-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR. Issa, skont dan l-aħħar prinċipju, id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata (151).

255. Minn dan nikkonkludi li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jawtorizzaw lill-Uffiċċju jwettaq ipproċessar illegali ta’ data personali, li jista’ jinvolvi wkoll indħil serju fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, mingħajr madankollu ma jipprevedu limitazzjonijiet suffiċjentement ċari u preċiżi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala proporzjonati fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mil-Liġi kkontestata. Dan huwa inqas u inqas ġustifikabbli peress li dan l-ipproċessar jista’ jikkonċerna attivitajiet li jinvolvu data sensittiva, fosthom is-sempliċi espressjoni ta’ opinjoni pubblika (152).

256. Konsegwentement, il-Liġi kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR.

257. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 27(3) tal-Liġi dwar il-Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali, applikabbli mutatis mutandis għall-attivitajiet tal-Uffiċċju skont l-Artikolu 9(1) tal-Liġi kkontestata (153), jistax jipprekludi jew jiġġustifika l-pubblikazzjoni ta’ data personali jew jekk din il-protezzjoni hijiex iggarantita mill-Artikolu 6(6) ta’ din il-liġi. Fil-fatt, tali protezzjoni hija, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti sabiex tirrimedja l-ksur ikkonstatat tal-Artikolu 6 tal-GDPR.

258. Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-ilment li l-Liġi kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 6(1)(e), tal-Artikolu 6(2) u (3), tal-Artikolu 9(2)(g) u tal-Artikolu 10 tal-GDPR u tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

9.      Konklużjoni intermedjarja

259. Bħala konklużjoni, ir-rikors għandu jintlaqa’, bl-eċċezzjoni tal-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikoli 49 u 56 TFUE u tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta.

VI.    Fuq l‑ispejjeż

260. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Ungerija essenzjalment tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni f’dan is-sens.

261. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom iġarrbu l-ispejjez rispettivi tagħhom. Għalhekk, il-Parlament Ewropew u l-intervenjenti għandhom iġarrbu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

262. Skont l-Artikolu 140(2) tal-imsemmija regoli, l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, għandhom iġarrbu l-ispejjeż tagħhom meta jintervjenu fil-kawża. Għaldaqstant, ir-Renju tan-Norveġja għandu jġarrab l-ispejjeż tiegħu.

VII. Konklużjoni

263. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        Bl-adozzjoni tal-2023. évi LXXXVIII. törvény a nemzeti szuverenitás védelméről (il-Liġi Nru LXXXVIII tal-2023 dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali), l-Ungerija kisret l-Artikolu 63 TFUE, l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, l-Artikoli 14, 16 u 19 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, l-Artikoli 7, 8, 11, 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli 5, 6, 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

–        Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

–        L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

–        Il-Parlament Ewropew, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tan-Norveġja għandhom iġarrbu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Magyar Közlöny 2023/185, tal‑21 ta’ Diċembru 2023, p. 10429.


3      Il-leġittimità ta’ tali protezzjoni hija, fil-prinċipju, irrikonoxxuta wkoll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ April 2018 intitolata “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew” (disponibbli fuq dan l-indirizz: eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018DC0236); Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU 2019, L 79I, p. 1); Proposta tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza tal-interessi mwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 [COM(2023) 637 final; disponibbli fuq dan l-indirizz: EUR-Lex - 52023PC0637 - MT - EUR-Lex ; ara wkoll in-nota tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Ġunju 2025 (disponibbli fuq dan l-indirizz: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CONSIL:ST_10134_2025_INIT). Ara wkoll ir-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Marzu 2024 dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku (ĠU L 2024,/900, tal‑20 ta’ Marzu 2024).


4      L-Artikolu 3(a)(ac) tal-Liġi kkontestata.


5      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


8      Magyar Közlöny 2012/92, tat‑13 ta’ Lulju 2012, p. 13450.


9      Magyar Közlöny 2013/66, tat‑18 ta’ April 2013, p. 49703.


10      Magyar Közlöny 2017/216, tad‑19 ta’ Diċembru 2017, p. 34164.


11      Magyar Közlöny 2011/88, tas‑26 ta’ Lulju 2011, p. 25435.


12      Magyar Közlöny 2011/88, tas‑26 ta’ Lulju 2011, p. 25449.


13      Magyar Közlöny 2017/95, tal‑21 ta’ Ġunju 2017, p. 9048.


14      Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva”).


15      Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tinvoka ksur tal-Artikolu 2 TUE fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja; ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni) (C‑769/22, EU:C:2025:408, punt 142 et seq.).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑530/16, EU:C:2018:430, punt 30), u tat‑22 ta’ Mejju 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja (Direttiva dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku) (C‑238/23, mhux ippubblikata, EU:C:2025:374, punt 45).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑141/05, EU:C:2007:653, punt 27); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni (C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 50), u tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Eliġibbiltà u status ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 56).


18      C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 62 et seq.


19      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69). Ara wkoll, f’dan l-istess sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Eliġibbiltà u status ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 155).


20      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2014:790, punt 44), u La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 99); tas‑16 ta’ Jannar 2024, Österreichische Datenschutzbehörde (C‑33/22, EU:C:2024:46, punt 50); tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus (C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 62), u tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Eliġibbiltà u status ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fi ħdan il-forzi militari, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:597, punti 36 sa 46).


21      L-Ungerija tinvoka insostenn ta’ dan l-argument is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1989, B u Q (C‑145/88, EU:C:1989:593, punt 18).


22      Ara l-Artikolu 8(2) tal-Liġi kkontestata.


23      Ara, f’dak li jirrigwarda s-servizzi edukattivi, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 48), u, fir-rigward ta’ rappreżentazzjonijiet teatrali u tal-provvista transkonfinali ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni) (C‑769/22, EU:C:2025:408, punt 52).


24      Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-mezzi ta’ distribuzzjoni jew għall-modi ta’ trażmissjoni użati mill-awturi ta’ tali attivitajiet, li jistgħu jkunu individwi, fornituri ta’ servizzi, gruppi politiċi jew assoċjazzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-interessi. Għalhekk, waqt is-seduta, l-Ungerija ma eskludietx li l-komunikazzjonijiet jew l-informazzjoni trażmessi fin-networks soċjali fuq l-internet jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi kkontestata.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838, punti 10 sa 12), u tas‑7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C‑69/88, EU:C:1990:97, punti 10 sa 12).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 62 et seq.).


27      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1). Fil-fatt, bħas-setgħat tal-Uffiċċju, is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ data tal-OLAF skont l-Artikolu 3(3) (talba għal informazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni) u l-Artikolu 11 (trażmissjoni tar-rapport ta’ investigazzjoni finali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti) tar-Regolament Nru 883/2013 jistgħu jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji, ċivili u kriminali fuq livell nazzjonali. Fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat, l-OLAF huwa madankollu obbligat li jirrispetta l-garanziji proċedurali fundamentali, bħall-obbligu ta’ diliġenza, li l-ksur tagħhom jista’ jiskatta responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni; ara s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Planistat Europe u Charlot vs Il‑Kummissjoni (C‑363/22 P, EU:C:2024:20, punti 75 sa 78); konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Planistat Europe u Charlot vs Il‑Kummissjoni (C‑363/22 P, EU:C:2023:594, punt 42 et seq.).


28      Ara r-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (ĠU 2021, L 253, p. 1).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Eliġibbiltà u status ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punti 129 u 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments (C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 39).


31      Ara s-sitwazzjoni paragunabbli li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 62 et seq.).


32      B’dan il-mod, il-Liġi kkontestata tmur lil hinn minn ċerti regoli dwar strumenti ta’ investigazzjoni paragunabbli, bħall-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li titlob mingħand l-impriżi informazzjoni fuq bażi mhux vinkolanti; ara wkoll l-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal‑14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L 265, p. 1) u l-Artikolu 67(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1). L-unika differenza fir-rigward tal-Liġi kkontestata hija li, fil-każ li tingħata risposta għal tali talba għal informazzjoni, din għandha tkun eżatta, peress li informazzjoni ineżatta jew żnaturata tista’ tagħti lok għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ sanzjoni pekunjarja.


33      Ara l-Artikoli 14 u 14/A tal-Liġi Nru CXXV tal‑1995 dwar is-servizzi tas-sigurtà nazzjonali (1995. evi CXXV törvény a nemzetbiztonsági szolgálatokról). In-nuqqas ta’ kooperazzjoni ma’ dan il-kumitat parlamentari jista’ jkun punibbli skont l-Artikolu 216/A tal-Liġi Nru II tal‑2012 dwar il-kontravenzjonijiet, il-proċedura fil-qasam tal-kontravenzjonijiet u s-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ kontravenzjonijiet (2012. évi II. törvény a szabálysértésekről, a szabálysértési eljárásról és a szabálysértési nyilvántartási rendszerről).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 123), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 136).


35      Ara, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet negattivi tal-attivitajiet ta’ Transparency International Hungary u tal-portal ta’ investigazzjoni Átlátszó li jinsabu fir-rapporti intitolati, rispettivament, “Rapport ta’ investigazzjoni: L-impatt tal-attivitajiet ta’ Transparency International Hungary fuq is-sovranità Ungeriża” (Vizsgálati jelentés: A Transparency International Magyarország tevékenységének hatása a magyar szuverenitásra), ippubblikat fl‑14 ta’ Ottubru 2024, u “L-impatt tal-attivitajiet ta’ Átlátszó fuq is-sovranità Ungeriża” (Az Átlátszó tevékenységének hatása a magyar szuverenitásra), ippubblikat fit‑28 ta’ Ottubru 2024 (dokumenti disponibbli fl-indirizz li ġej: https://szuverenitasvedelmihivatal.hu/dokumentumaink/).


36      Ara wkoll is-sitwazzjonijiet li wasslu għas-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments (C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 42), u tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 124).


37      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 119); fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 63 TFUE, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 45 sa 64); fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE, sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 24); tat‑2 ta’ April 2020, PF et (C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali II) (C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Liġi kkontestata jipprovdi: “[j]ekk il-poter politiku jaqa’ f’idejn persuni jew organizzazzjonijiet li jinsabu f’relazzjoni ta’ dipendenza ma’ setgħa, organizzazzjoni jew persuna barranija, tiġi ppreġudikata s-sovranità tal-Ungerija, li fl-istess ħin tippreżenta riskju kbir għas-sigurtà nazzjonali”.


39      Ara, f’dan is-sens u b’analoġija mal-Artikolu 49 TFUE, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 135 u 255 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Il-Kummissjoni hawnhekk tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 93).


42      Ara, f’dan is-sens u b’analoġija mal-Artikolu 49 TFUE, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punti 67 sa 70).


43      Ara, fir-rigward tal-fondi pubbliċi mogħtija mill-Unjoni, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 78 sa 80).


44      Dan jagħmel riferiment għal eżempju wieħed ta’ allegat finanzjament illegali ta’ kandidat tal-partiti politiċi tal-Oppożizzjoni magħquda fl-elezzjonijiet parlamentari tal‑2022 fl-Ungerija minn Stat terz, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika.


45      Ara r-“Rapport ta’ investigazzjoni: L-impatt tal-attivitajiet ta’ Transparency International Hungary fuq is-sovranità Ungeriża” (Vizsgálati jelentés: A Transparency International Magyarország tevékenységének hatása a magyar szuverenitásra), tal‑14 ta’ Ottubru 2024 (disponibbli fuq dan l-indirizz: https://szuverenitasvedelmihivatal.hu/dokumentumaink/) li jikkritika b’mod qawwi lil din il-fondazzjoni għall-klassifikazzjoni tagħha allegatament mhux trasparenti, manipulattiva u malafamanti ta’ pajjiż f’indiċi ta’ perċezzjoni tal-korruzzjoni (stabbilita fis-sede tagħha f’Berlin) li l-Uffiċċju jikkwalifikaha bħala “diżinformazzjoni”. Kif jirriżulta mill-paġna 12 tar-rapport tal-Kummissjoni (SWD(2020) 316 final), tal‑20 ta’ Settembru 2020, dwar l-istat tad-dritt, il-kapitolu ddedikat għas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (disponibbli fuq dan l-indirizz: EUR-Lex - 52020SC0316 - MT - EUR-Lex), fl-aħħar indiċi ta’ perċezzjoni tal-korruzzjoni stabbilit minn Transparency International, dan il-pajjiż kiseb marka ta’ 44/100 u jikklassifika fid‑19-il post fl-Unjoni u fis‑70 post fil-livell dinji. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tinvoka rapport tal-Uffiċċju dwar id-“Diskors favur il-gwerra tal-Punent u d-diskors ta’ leġittimazzjoni Russa b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna (Diskors ta’ diżinformazzjoni fl-Ungerija)”, tal‑4 ta’ Lulju 2024 (disponibbli fuq dan l-indirizz: https://szuverenitasvedelmihivatal.hu/dokumentumok/western-pro-war-and-russian-legitimacy-narratives-in-connection-with-the-war-in-ukraine.pdf).


46      Ara r-rapport intitolat “Ir-rwol tal-fondazzjoni Internews fl-influwenza tal-media fl-Ungerija” (Az Internews szerepe a magyarországi média befolyásolásában), tad‑19 ta’ Marzu 2025, mhux inkluż fil-proċess (disponibbli fuq dan l-indirizz: https://szuverenitasvedelmihivatal.hu/dokumentumaink/), u, fir-rigward tal-portal investigattiv mingħajr skop ta’ qligħ Átlátszó u l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ pubblikazzjoni tiegħu dwar is-suġġetti tan-nuqqas ta’ trasparenza u l-korruzzjoni, ir-rapport intitolat “L-impatt tal-attivitajiet ta’ Átlátszó fuq is-sovranità Ungeriża” (Az Átlátszó tevékenységének hatása a magyar szuverenitásra), tat‑28 ta’ Ottubru 2024 (disponibbli fuq dan l-indirizz: https://szuverenitasvedelmihivatal.hu/dokumentumaink/).


47      Ara r-rapport dwar l-attivitajiet tal-fondazzjoni Ökotárs, invokat min-Norveġja u intitolat “Analiżi: L-impatt tal-attivitajiet ta’ Ökotárs fuq is-sovranità Ungeriża” (Az Ökotárs tevékenységének hatása a magyar szuverenitásra), tas‑16 ta’ Diċembru 2024. F’dan ir-rigward, in-Norveġja ssostni li ilha żmien twil “Stat donatur” għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, b’mod partikolari dawk attivi fil-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-imsemmi rapport, kemm in-Norveġja kif ukoll l-Unjoni huma ppreżentati bħala “kompliċi” tal-Istati Uniti li jfittxu li jikkonfoffaw kontra l-Ungerija u li jindaħlu fis-sovranità tagħha. Bl-istess mod, fi stqarrija għall-istampa bit-titolu “Il-programm CERV tal-Kummissjoni Ewropea: dan huwa kif Brussell fetħet il-karus sabiex tiffinanzja n-network Soros” (Az Európai Bizottság CERV programja: Így nyitotta meg Brüsszel a pénzcsapot a Soros-hálózat finanszírozására), tad‑29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni hija akkużata li qiegħda tiffinanzja u tikkonfoffa man-“network Soros” (dokumenti disponibbli fuq dan l-indirizz: https://szuverenitasvedelmihivatal.hu/dokumentumok/).


48      Ara d-Deċiżjoni 20/2024 (XI. 28.), tal‑15 ta’ Novembru 2024, punt 41 et seq.


49      Ara l-Artikolu 8(2) tal-Liġi kkontestata.


50      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2016:382, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata), u fil-kawża Parris (C‑443/15, EU:C:2016:493, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 52(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi wkoll l-eżistenza ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2014, Navileme u Nautizende (C‑509/12, EU:C:2014:54, punt 20, u tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország (C‑106/22, EU:C:2023:568, punti 66 u 67 dwar is-sigurtà tal-provvista).


52      Ara, minn naħa, id-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati tal-Artikolu 350/A, moqri flimkien mal-punt 37 tal-Artikolu 459(1) tal-Kodiċi Kriminali, u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar il-Funzjonament u l-Immaniġġjar tal-Partiti Politiċi, kif ukoll tal-Artikolu 3(16), tal-Artikolu 124(1a) sa (1d) u tal-Artikolu 307/D(3) u (4) tal-Liġi dwar il-proċedura elettorali.


53      Skont dan il-paragrafu, “[j]ekk il-poter politiku jaqa’ f’idejn persuni jew organizzazzjonijiet li jinsabu f’relazzjoni ta’ dipendenza ma’ setgħa, organizzazzjoni jew persuna barranija, tiġi ppreġudikata s-sovranità tal-Ungerija, li fl-istess ħin tippreżenta riskju kbir għas-sigurtà nazzjonali”.


54      Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia), tat‑18 ta’ Marzu 2024, dwar il-Liġi Nru LXXXVIII tal‑2023 dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali (punt 76 et seq., disponibbli fuq dan l-indirizz: default.aspx).


55      Konformement mal-ħames paragrafu tal-preambolu tagħha, il-Liġi kkontestata ma tidhirx li hija limitata għal appoġġ finanzjarju minn barra l-pajjiż, iżda tinkludi wkoll forom oħra ta’ appoġġ li jistgħu jikkostitwixxu “tentattiv ta’ ndħil barrani”.


56      Ara, pereżempju, il-kawża li hija s-suġġett tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289), fejn ir-rikorrenti kienet assoċjazzjoni ta’ avukati li tiddefendi d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru jew intersesswali (LGBTI). Ara wkoll, fir-rigward tal-“Liġi Nru LXXIX tal‑2021 li tintroduċi miżuri iktar stretti kontra delinkwenti pedofeli u li temenda ċerti liġijiet għall-protezzjoni tat-tfal” (A pedofil bűnelkövetőkkel szembeni szigorúbb fellépésről, valamint a gyermekek védelme érdekében egyes törvények módosításáról szóló 2021. évi LXXIX. törvény), ir-rapport ta’ Amnesty International, From freedom to censorship, The consequences of Hungarian Propaganda Law, Budapest, Amnesty International, 2024 ; Háttér Society, The Anti-LGBTQI Law of Hungary in Action: A Combination of State- and Self-Enforcement, Novembru 2024 (ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni) (C‑769/22, EU:C:2025:408, punt 80, Nru 42); rapport disponibbli fuq dan l-indirizz: https://en.hatter.hu/sites/default/files/dokumentum/kiadvany/hatter-anti-lgbtqi-law-2024-november.pdf).


57      Ara l-eżempju tal-attivitajiet tal-fondazzjoni Ökotárs (nota ta’ qiegħ il-paġna 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


58      Ara l-eżempju tal-attivitajiet ta’ Transparency International Hungary (nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


59      Ara, b’mod partikolari, l-eżempji msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ April 2018 intitolata “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew”, p. 4, li tiddefinixxi d-“diżinformazzjoni” bħala li tinkludi “informazzjoni li tista’ tiġi kkonfermata bħala falza jew qarrieqa, li tinħoloq u li tiġi ppreżentata u disseminata għall-benefiċċju ekonomiku jew sabiex tqarraq intenzjonalment lill-pubbliku, u li tista’ tikkawża ħsara pubblika” (disponibbli fuq dan l-indirizz: eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018DC0236).


61      Ara, fir-rigward tat-theddid għall-elezzjonijiet demokratiċi kkawżat minn diversi forom ta’ attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni mwettqa, b’mod partikolari, minn atturi barranin, il-Qorti EDB, sentenza tat‑22 ta’ Lulju 2025, Bradshaw et vs Ir‑Renju Unit, Rikors Nru 15653/22, punti 134 et seq. u punti 159 et seq.). Ara wkoll il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), Deċiżjoni Nru 32 tas‑6 ta’ Diċembru 2024, li tannulla l-proċedura tal-elezzjoni presidenzjali fir-Rumanija (filwaqt li tħassar it-tieni rawnd ta’ din l-elezzjoni, prevista għat‑8 ta’ Diċembru 2024), minħabba tentattivi ta’ manipulazzjoni sistematika tar-rieda tal-eletturi minn atturi statali u mhux statali, b’mod partikolari, permezz tal-media soċjali u ta’ finanzjament illegali.


62      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 83 et seq. tar-Regolament (UE) 2022/2065 tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1), kif ukoll il-premessa 4, l-Artikolu 19(1)(c) u l-Artikolu 26(3)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media) (ĠU L 2024/1083, tas‑17 ta’ April 2024).


63      Ara d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diżinformazzjoni” fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ April 2018 intitolata “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew” (p. 4), imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kuntrarjament, ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ “diżinformazzjoni” jew ta’ “manipulazzjoni tal-informazzjoni” ma tinsab fil-premessi 4 et seq., tal-Artikolu 19(1)(c) u tal-Artikolu 26(3)(a) tar-Regolament 2024/1083. L-istess jgħodd għall-premessi 83 et seq. tar-Regolament 2022/2065.


64      Ara n-nota 45 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara l-Artikolu 8(2) tal-Liġi kkontestata.


66      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, AEON NEPREMIČNINE et (C‑674/23, EU:C:2025:113, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


67      Ara, fir-rigward ta’ rekwiżit diskriminatorju li ma jaqax taħt il-punti (a) jew (b), is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 14).


68      Ara l-punti 73 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk tali diskriminazzjoni hijiex ġustifikabbli jew le. Ara, f’dan l-aħħar sens, fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).


71      Fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar politiku, li jistgħu wkoll jinxterdu b’mod elettroniku, ara r-Regolament 2024/900.


72      Ara wkoll it-tieni sentenza tal-premessa 21 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku li tipprovdi li l-qasam ikkoordinat ikopri r-rekwiżiti relatati mal-attivitajiet online, bħall-informazzjoni online u r-reklamar online.


73      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għad-dikjarazzjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2023 ippubblikata minn Media Freedom Rapid Response (MFRR) u ffirmata mill-Istitut Internazzjonali għall-Istampa (IIP), mill-ARTICLE 19 Europe, miċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Media (ECPMF), mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (FEJ), minn Free Press Unlimited (FPU) u minn OBC Transeuropa (disponibbli fuq dan l-indirizz: https://www.article19.org/resources/hungary-draft-sovereignty-protection-act-threatens-independent-media/).


74      Enfasi tiegħi.


75      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni) (C‑769/22, EU:C:2025:408, punt 319).


76      Ara s-sitwazzjoni paragunabbli li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 58 sa 65), ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi Airbnb Ireland et (C‑662/22 sa C‑667/22, EU:C:2024:18, punt 159).


77      Ara wkoll, fir-rigward tar-“rekwiżiti” fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, il-punti 73 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 63).


79      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 66 u 67). Ara wkoll is-sitwazzjoni paragunabbli li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 59).


80      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et (C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 33 et seq.).


81      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva dwar is-servizzi, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 118), u tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906, punti 41 u 42), tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punti 98 u 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 20); tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország (C‑106/22, EU:C:2023:568, punt 27 et seq., b’mod partikolari l-punt 49), u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kollokament ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi) (C‑540/22, EU:C:2024:530, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


82      Ara wkoll il-premessa 24 u l-Artikolu 2(2)(g) tad-Direttiva dwar is-Servizzi li jeskludu s-“servizzi awdjoviżivi” mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.


83      Ara l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva dwar is-servizzi li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-“servizzi finanzjarji”.


84      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Van der Weegen et (C‑580/15, EU:C:2017:429, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


85      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


86      Fil-fatt, il-kunċett ta’ “appoġġ barrani pprojbit”, kif iddefinit fl-Artikolu 459(1) tal-Kodiċi Kriminali (emendat bl-Artikolu 32(3) tal-Liġi kkontestata), ma jidhirx li japplika b’mod ġenerali. Minn naħa, dan il-kunċett ikopri biss appoġġ barrani “li l-aċċettazzjoni jew l-użu tiegħu huwa pprojbit mil-Liġi dwar il-Funzjonament u l-Immaniġġjar tal-Partiti Politiċi jew mil-Liġi dwar il-Proċedura Elettorali”. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi kunċett jippreċiża biss l-atti ta’ evażjoni pprojbiti u ppenalizzati min-naħa ta’ “[m]embru, uffiċjal jew direttur ta’ organizzazzjoni ta’ nomina fis-sens tal-Liġi dwar il-Proċedura Elettorali, jew minn kandidat fis-sens tal-imsemmija liġi”, skont l-Artikolu 350/A tal-Kodiċi Kriminali (intitolat “Influwenza illegali fuq ir-rieda tal-eletturi” u introdott mill-Artikolu 32 tal-Liġi kkontestata). Għalhekk, it-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Liġi kkontestata, li jsemmi l-eżempju ta’ finanzjament barrani illegali dirett tal-kandidat tal-Oppożizzjoni magħquda għall-kariga ta’ Prim Ministru matul il-kampanja elettorali tal-2022 fl-Ungerija, jirreferi, qabelxejn, għall-aspett kriminali emendat minn din il-liġi. Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn id-dispożizzjonijiet kriminali fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Bl-istess mod, fl-Opinjoni tagħha tat‑18 ta’ Marzu 2024 dwar il-Liġi Nru LXXXVIII tal‑2023 dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali, punt 71 et seq., b’mod partikolari l-punti 81 sa 83 u 94 (disponibbli fuq dan l-indirizz: default.aspx), il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia) ma kkontestatx l-ammissibbiltà bħala tali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Hija pproponiet biss li l-kunċett ta’ “appoġġ barrani pprojbit” jiġi ppreċiżat iktar mil-leġiżlatur Ungeriż sabiex jiġi evitat li jiġi ppenalizzat kull appoġġ finanzjarju barrani riċevut fi kwalunkwe mument, anki barra mill-proċess ta’ elezzjoni.


87      Ara wkoll il-kunċett analogu ta’ “appoġġ barrani” ddefinit fl-Artikolu 3(16) tal-Liġi dwar il-Proċedura Elettorali (“donazzjoni minn Stat ieħor, minn persuna fiżika jew ġuridika barranija jew minn organizzazzjoni barranija mingħajr personalità ġuridika”). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi, bħala eżempji, persuni jew organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-media (ġurnaliżmu, stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni, l-istampa, jew anki f’setturi ta’ attività relatati bħad-disinn u l-produzzjoni ta’ kontenut tal-media elettronika), kif ukoll f’attivitajiet ta’ lobbying, ta’ konsulenza, ta’ komunikazzjoni jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Bl-istess mod, jista’ jkun ikkonċernat ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li jkun jixtieq jeżerċita d-drittijiet politiċi ggarantiti mit-Trattat u joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali jew Ewropej jew li jappoġġja kandidat ieħor għal tali elezzjonijiet.


88      Ara l-punti 63 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tas-sitwazzjoni paragunabbli ta’ fondi pubbliċi mogħtija mill-Unjoni, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 60).


89      Ara wkoll, fir-rigward tas-sitwazzjoni analoga tal-għoti ta’ fondi pubbliċi mill-Unjoni, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 61 u 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


90      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


91      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).


92      Ara l-Artikolu 350/A tal-Kodiċi Kriminali, intitolat, “Influwenza illegali fuq ir-rieda tal-eletturi”, flimkien mal-Artikolu 459(1) ta’ dan il-kodiċi, kif emendat bl-Artikolu 32 tal-Liġi kkontestata.


93      Ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


94      Ara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar il-Funzjonament u l-Immaniġġjar tal-Partiti Politiċi, kif ukoll tal-Artikolu 3(16), tal-Artikolu 124(1a) sa (1d), u tal-Artikolu 307/D(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Proċedura Elettorali, introdotti mill-Artikolu 33 tal-Liġi kkontestata.


95      Ara, fir-rigward tas-sitwazzjoni analoga tal-għoti ta’ fondi pubbliċi mill-Unjoni, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 79 et seq.).


96      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol (C‑633/22, EU:C:2024:843, punt 46).


97      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2016:649, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


98      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol (C‑633/22, EU:C:2024:843, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


99      Ara l-punti 102 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


100      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 51).


101      Skont l-Artikolu 3(a) tal-Liġi kkontestata, “[f]il-qafas tal-funzjoni investigattiva tiegħu, l-Uffiċċju […] jinvestiga [(aa)] l-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi, bl-eċċezzjoni ta’ rappreżentanzi diplomatiċi u esterni u organizzazzjonijiet professjonali ta’ rappreżentanza tal-interessi, [(ab)] l-attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni; [(ac)] l-attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw id-dibattitu demokratiku u l-proċessi deċiżjonali tal-Istat u tas-soċjetà, inklużi attivitajiet intiżi li jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali ta’ persuni li jeżerċitaw setgħat pubbliċi, imwettqa fl-interess ta’ Stati oħra kif ukoll ta’ korpi, organizzazzjonijiet u persuni fiżiċi barranin, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom”. Huma biss id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(a), (ac) kif ukoll f’(b) u (c) ta’ din il-liġi li jagħmlu riferiment espliċitu għal attivitajiet marbuta ma’ influwenza barranija.


102      Fir-rigward ta’ tali effett dissważiv u riskju ta’ awtoċensura, ara wkoll il-Qorti EDB, 15 ta’ Mejju 2023, Sanchez vs Franza (CE:ECHR:2023:0515JUD004558115, punt 184).


103      Ara wkoll il-Qorti EDB, 12 ta’ Marzu 2019, Ali Gürbüz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2019:0312JUD005249708, punti 59 sa 68).


104      Ara wkoll id-dispożizzjonijiet kriminali previsti fl-Artikolu 350/A tal-Kodiċi Kriminali, intitolat, “Influwenza illegali fuq ir-rieda tal-eletturi”, moqrija flimkien mal-Artikolu 459(1) ta’ dan il-kodiċi, kif emendat bl-Artikolu 32 tal-Liġi kkontestata.


105      Din l-evalwazzjoni ma tippreġudikax il-ġustifikazzjoni possibbli ta’ ndħil fil-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tkomplija ta’ “attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(a), (ab) tal-Liġi kkontestata. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-KEDB, il-Qorti EDB, is-sentenza tat‑22 ta’ Lulju 2025, Bradshaw et vs Ir‑Renju Unit (Rikors Nru 15653/22, punt 161).


106      Ara wkoll il-Qorti EDB, it‑22 ta’ Novembru 2012, Telegraaf Media Nederland Landelijke Media B.V. et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2012:1122JUD003931506, punt 127).


107      Ara wkoll il-Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2009, Financial Times Ltd et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2009:1215JUD000082103, punt 70).


108      Ara n-noti 45 et seq. ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


109      Ara wkoll il-Qorti EDB, 25 ta’ Settembru 2012, Trade Union of the Police in the Slovak Republic et vs Is‑Slovakkja (CE:ECHR:2012:0925JUD001182808, punt 60) u l-Qorti EDB, it‑23 ta’ Jannar 2023, Macatė vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2023:0123JUD006143519, punti 181 u 182).


110      Ara, fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi kklassifikati pubblikament bħala “aġenti barranin”, il-Qorti EDB, it‑22 ta’ Ottubru 2024, Kobaliya et vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2024:1022JUD003944616, punti 67, 75 u 82), u l-Qorti EDB, l‑14 ta’ Ġunju 2022, Ecodefence et vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2022:0614JUD000998813, punt 131).


111      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 112 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).


112      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 113 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).


113      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 114 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).


114      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Ungerija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 118). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2022, Ecodefence et vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2022:0614JUD000998813, punt 132).


115      Ara n-noti 45 et seq. ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


116      Ara n-noti 35 et seq. ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


117      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-garanzija għandha tingħata l-istess sens u l-istess portata bħal dawk tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).


118      Il-Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2012, Axel Springer AG vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2012:0207JUD003995408, punt 83).


119      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens (filwaqt li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, indħil parallel fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Karta), is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 73 u 74).


120      Din l-awtorizzazzjoni tirreferi għad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 3(6) tal-Liġi dwar l-informazzjoni, li tipprovdi li din hija “d-data kollha minbarra d-data ta’ interess pubbliku li d-divulgazzjoni, l-aċċessibbiltà jew id-disponibbiltà tagħha hija meħtieġa minn liġi fl-interess tal-pubbliku ġenerali”.


121      B’hekk, ir-rapport intitolat “L-impatt tal-attivitajiet ta’ Átlátszó fuq is-sovranità Ungeriża” (Az Átlátszó tevékenységének hatása a magyar szuverenitásra), ippubblikat fit‑28 ta’ Ottubru 2024, li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ pubblikazzjoni tal-portal ta’ investigazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Átlátszó għas-suġġetti tan-nuqqas ta’ trasparenza u tal-korruzzjoni, isemmi b’ismu l-amministratur tiegħu li ġie akkużat li ma kkooperax mal-Uffiċċju (disponibbli fuq dan l-indirizz: https://szuverenitasvedelmihivatal.hu/dokumentumaink/).


122      Fir-rigward ta’ żjarat domiċiljarji fil-bini kummerċjali tal-impriżi, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 20); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Casino, Guichard‑Perrachon u AMC vs Il‑Kummissjoni (C‑690/20 P, EU:C:2022:579, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawżi magħquda Imagens Médicas Integradas et (C‑258/23 sa C‑260/23, EU:C:2024:537, punti 31 u 41 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti EDB, Société Colas Est et vs Franza (CE:ECHR:2002:0416JUD003797197, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


123      Ċerta protezzjoni f’dan ir-rigward hija ggarantita mis-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE. Ara, fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 131 sa 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fir-rigward tal-preġudizzju għall-immaġni u għar-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika permezz ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni bi ksur tar-rekwiżiti li jaqgħu taħt is-sigriet professjonali, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni (T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 42 et seq.), ikkonfermata bid-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2013, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni (C‑34/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:552). Fir-rigward tar-rabta bejn il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali u dik tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, li hija wkoll marbuta mill-qrib mal-protezzjoni tar-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni (T‑474/04, EU:T:2007:306, punti 62 et seq., b’mod partikolari l-punti 75 sa 78). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni (T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 281), ikkonfermata bis-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni (C‑338/00 P, EU:C:2003:473).


124      Ara l-eżempju tal-maniġer ta’ Átlátszó li ġie akkużat li ma kkooperax mal-Uffiċċju (ara n-nota 121 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara wkoll, fir-rigward tal-ħatra ta’ tali organizzazzjonijiet bħala “aġenti barranin”, il-Qorti EDB, l‑14 ta’ Ġunju 2022, Ecodefence et vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2022:0614JUD000998813, punt 131), u l-Qorti EDB, 22 ta’ Ottubru 2024, Kobaliya et vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2024:1022JUD003944616, punt 75).


125      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 175); tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 35); tas‑16 ta’ Novembru 2023, Roos et vs Il‑Parlament (C‑458/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:871, punti 59 u 60); tat‑18 ta’ Jannar 2024, RTL Nederland u RTL Nieuws (C‑451/22, EU:C:2024:54, punt 69), u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari) (C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Belgian Association of Tax Lawyers et (C‑623/22, EU:C:2024:189, punt 138). Ara wkoll is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Solianevi Komers DS (C-267/24, EU:C:2025:829, punt 80), peress li l-leġiżlazzjoni ma hijiex ċara u preċiża biżżejjed sabiex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta din tista’ tkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti mill-qorti nazzjonali, li waħda minnhom hija kompatibbli u l-oħra inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni).


126      Ara l-Artikolu 8(2) tal-Liġi kkontestata.


127      Dan jikkonċerna wkoll l-“attivitajiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(a), (ab) tal-Liġi kkontestata (ara l-punti 116 u 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


128      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 26).


129      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 27), u tas‑26 ta’ Settembru 2024, Ordre des avocats du Barreau de Luxembourg (C‑432/23, EU:C:2024:791, punt 49), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ordre des avocats du Barreau de Luxembourg (C‑432/23, EU:C:2024:446, punt 25).


130      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1 tal-Liġi kkontestata, l-Uffiċċju huwa “korp awtonomu tal-amministrazzjoni tal-Istat”.


131      Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju […] ma tikkostitwixxix proċedura ta’ awtorità amministrattiva u ma tista’ tinbeda ebda proċedura kontenzjuża amministrattiva fir-rigward tal-attivitajiet [ta’ investigazzjoni] mwettqa mill-Uffiċċju […]”.


132      Ara l-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar il-professjoni ta’ avukat.


133      Fir-rikors, il-Kummissjoni tirreferi għat-tentattivi inutli tal-Uffiċċju li jistieden lill-Ordni tal-Avukati Ungeriża tikkoopera miegħu għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Liġi kkontestata (disponibbli fuq dan l-indirizz: https ://szuverenitasvedelmihivatal.hu/hirek/valasz-a-magyar-ugyvedi-kamaranak).


134      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Skeyes (C‑353/20, EU:C:2016:423, punti 50 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 83 u 84).


135      Ara, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 36 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).


136      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 42 et seq., b’mod partikolari l-punti 55, 57 u 58).


137      L-eventwali riferiment sussegwenti għar-rifjut ta’ kooperazzjoni fir-rapport annwali ppubblikat, skont l-Artikolu 7(4) tal-Liġi kkontestata, ma jikkostitwixxix miżura koerċittiva għal dan l-għan, anki jekk din tista’ ssaħħaħ l-inċentiv li l-organizzazzjoni jew il-persuna kkonċernata tikkoopera b’mod attiv. L-istess japplika għall-possibbiltà għall-President tal-Uffiċċju li jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat Permanenti tas-Sigurtà Nazzjonali tal-assemblea nazzjonali, skont l-Artikolu 12(a) ta’ din il-liġi. Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ksur eventwali tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket biss meta l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tadotta miżuri koerċittivi sabiex tinforza l-obbligu ta’ kooperazzjoni; ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punti 18 u 35 et seq.). Ara, fir-rigward tal-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni (374/87, EU:C:1989:387, punt 26 et seq.); tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs SGL Carbon (C‑301/04 P, EU:C:2006:432, punt 39 et seq.), u tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 147).


138      Għalhekk, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-livell ta’ protezzjoni tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket huwiex differenti skont jekk jiġix invokat minn persuna fiżika jew ġuridika, differenza li hija rilevanti fil-qasam tal-kompetizzjoni; ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


139      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52 et seq.); tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 61), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 330 et seq.); Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 123 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:516, punt 71).


140      Il-kunċett ta’ “interess pubbliku” la huwa ddefinit f’din id-dispożizzjoni u lanqas fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(5) u (6) tal-Liġi dwar l-informazzjoni, li lanqas ma jipprovdu kjarifika f’dan ir-rigward. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar sempliċement jipprevedu, minn naħa, li “data ta’ interess pubbliku” hija “informazzjoni jew data minbarra data personali”. Għalhekk, dawn il-kunċetti jidhru li huma inkompatibbli mal-espressjoni “data personali li tkun fl-interess pubbliku”. Min-naħa l-oħra, jissemmew id-“data aċċessibbli għal raġunijiet ta’ interess pubbliku” li tirrappreżenta “d-data kollha minbarra d-data ta’ interess pubbliku li l-iżvelar, l-aċċessibbiltà jew id-disponibbiltà tagħha hija meħtieġa minn liġi għall-benefiċċju tal-pubbliku ġenerali”, mingħajr madankollu ma ssemmi d-“data personali li tkun fl-interess pubbliku” (enfasi miżjuda minni).


141      Ara wkoll l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 124 li jipprovdi li l-komunikazzjoni ta’ data personali lil parti terza, bħal awtorità pubblika, tikkostitwixxi ndħil fid-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, irrispettivament mill-użu ulterjuri tal-informazzjoni kkomunikata).


142      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Koalitsia “Demokratichna Bulgaria – Obedinenie” (C‑306/21, EU:C:2023:813, punt 52).


143      Skont din il-premessa, b’mod partikolari, il-GDPR “ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali. Tista’ tkun biżżejjed liġi li sservi ta’ bażi għal diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa suġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali. Għandha tkun ukoll il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tiddetermina l-fini tal-ipproċessar […]”.


144      Skont din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, “[d]ik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust[…]” (enfasi tiegħi).


145      Ara wkoll it-tielet sentenza tal-premessa 10 tal-GDPR: “[F]ir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-konformità ma’ obbligu legali, għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament” (enfasi tiegħi).


146      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u l‑ġlieda kontra l‑kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2024:370, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).


147      L-Artikolu 3(a)(ac) tal-Liġi kkontestata.


148      Fir-rigward tal-portata wiesgħa tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju dwar l-informazzjoni li tista’ tinġabar b’rabta mad-diversi attivitajiet imsemmija ara, b’mod partikolari, fil-punti 75 sa 80 u 102 sa 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


149      Ara, rigward dan ir-rekwiżit, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u l‑ġlieda kontra l‑kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2024:370, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).


150      Ara, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari) (C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 90 et seq.); ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Legal Newsdesk Sweden (C‑199/24, EU:C:2025:670, punti 35 u 36).


151      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija(C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).


152      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali ndħil fid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta mill-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


153      Skont din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, “[l]-Uffiċċju, għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 8, japplika kif xieraq l-Artikolu 27(1) u (3) tal-[Liġi dwar il-Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali]”. L-Artikolu 27(3) ta’ din il-liġi jipprevedi li d-dokumenti u l-provi materjali miksuba fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali ma humiex pubbliċi.