European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2532

17.11.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2532

tas-16 ta’ Novembru 2026

li jagħmel l-importazzjonijiet tal-fluworur tal-poliviniliden li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Indja u mill-Ġappun soġġetti għar-reġistrazzjoni bil-ħsieb li jippermetti l-imposta ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Ottubru 2026, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni tal-fluworur tal-polivinilideni joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Indja, u mill-Ġappun.

(2)

Dan il-bidu segwa lment imressaq fl-14 ta’ Settembru 2026 minn produttur tal-fluworur tal-poliviniliden (“l-ilmentatur”) li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-fluworur tal-poliviniliden.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa Fluworur tal-poliviniliden (“PVDF”), imsemmi wkoll poly(vinylidene fluoride), fil-forma primarja, inklużi kopolimeri PVDF li fihom il-fluworur tal-vinylidene u monomeri oħra li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Indja u mill-Ġappun. Bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 3904 69 80 (il-kodiċijiet TARIC 3904 69 80 97 u 3904 69 80 98).

2.   REĠISTRAZZJONI

(4)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(5)

L-għan tar-reġistrazzjoni huwa li jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping, jekk ikun hemm, ikunu jistgħu jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa.

(6)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(7)

Kull responsabilità għall-ġejjieni tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(8)

Il-kalkoli li ngħataw fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 26,5 % u 83,5 % u stima ta’ livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ altar minn 146 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu 2025. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur normalment jiġi stabbilit fil-livell aktar baxx ta’ dumping jew ta’ dannu skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

(9)

Madankollu, f’dan l-istadju l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit b’riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(10)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ Poliviniliden difluworur (“PVDF”), imsemmi wkoll poli (fluworur tal-viniliden), fil-forma primarja, inklużi kopolimeri PVDF li fihom fluworur tal-viniliden u monomeri oħra, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċi NM ex 3904 69 80 (il-kodiċijiet TARIC 3904 69 80 97 u 3904 69 80 98) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Indja u mill-Ġappun.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI; http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2026/5554, 28.10.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5554/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p.39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2532/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)