25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/193


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta’ Mejju 2010

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2008

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat FUE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/114/KE, Euratom tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi l-Istatuti tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0076/2010),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti”) tindika li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2008 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari,

B.

billi, wara d-Deċiżjoni 2008/114/KE, Euratom, Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom, b’sede fil-Lussemburgu fl-1958, issostitwiet l-istatut preċedenti tagħha u saret Aġenzija;

1.

Jieħu nota li fl-2008 l-Aġenzija ma rċeviet l-ebda sussidju għall-finanzjament tal-attivitajiet operattivi tagħha u li l-Kummissjoni tgħabbiet bl-ispejjeż kollha mġarrba minnha fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008; jieħu nota wkoll li l-impenji trasferiti mis-sena 2007 tħallsu mill-parti tas-sussidju tal-2007 li ma kinitx intużat;

2.

Jieħu nota, b’konsegwenza ta’ dan, li fin-nuqqas ta’ baġit awtonomu, l-Aġenzija fil-fatt hija integrata fil-Kummissjoni;

3.

Jenfasizza, madankollu, li din is-sitwazzjoni tqajjem il-kwistjoni dwar il-bżonn li l-Aġenzija tinżamm fil-għamla u fl-organizzazzjoni attwali tagħha; jieħu nota, għalhekk, tat-tweġiba tal-Aġenzija li targumenta li s-sitwazzjoni attwali tirrifletti l-bilanċ bejn, minn naħa, relazzjoni ċara mal-Kummissjoni (pereżempju, il-Kummissjoni tista’ toħroġ direttivi u tinnomina d-direttur ġenerali tal-Aġenzija) u, min-naħa l-oħra, grad ta’ awtonomija ġuridika u finanzjarja;

Verifika interna

4.

Jieħu nota li skont l-Artikolu 3 tal-Istatut tagħha, l-Aġenzija għażlet l-Awditur Intern tagħha, li beda jaqdi dmirijietu mill-1 ta’ Lulju 2009;

5.

Jirreferi, għal osservazzjonijiet oħra, ta’ natura orizzontali, li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni ta’ kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 6.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 41, 15.2.2008, p. 15.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2010)0139 (Ara paġna 241 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).