|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2782 |
22.5.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Mejju 2025
dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro
(C/2025/2782)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva ta' politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Fl-4 ta' Novembru 2024, il-Grupp tal-Euro, f’format inklużiv, ħareġ dikjarazzjoni dwar il-kompetittività tal-Ekonomija Ewropea (id-“dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro”), fejn enfasizza l-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati l-produttività, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-Unjoni li għadhom lura permezz ta' investiment ambizzjuż u riformi strutturali. Din is-sejħa għal azzjoni ġiet sussegwentement imsaħħa mill-Kunsill Ewropew, li ħareġ id-Dikjarazzjoni ta’ Budapest dwar il-Patt Ġdid dwar il-Kompetittività Ewropea fit-8 ta' Novembru 2024 (id-“Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew”). Id-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro u d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew jirriflettu l-konklużjonijiet ġenerali tar-rapport intitolat “The Future of European Competitiveness (il-Futur tal-Kompetittività Ewropea)” (ir-“rapport ta' Draghi”), u tar-rapport intitolat “Much more than a market (Ħafna aktar minn suq)” (ir-“rapport ta’ Letta”), u juru fehim kondiviż tal-isfidi u l-opportunitajiet li qed tiffaċċa l-ekonomija tal-Unjoni. Dawn jipprovdu l-kuntest għall-implimentazzjoni tal-Qafas il-ġdid ta' Governanza Ekonomika (il-“qafas”), wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1263, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 (3) u tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 (4) fit-30 ta' April 2024. Il-qafas għandu l-għan li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jippromwovi tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta' riformi u investimenti ta' prijorità. Il-pjanijiet ta' terminu medju ppreżentati skont il-qafas mill-Istati Membri sal-lum jagħmlu enfasi fuq ir-riformi u l-investimenti mmirati lejn it-titjib tal-kompetittività. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, bħala parti mis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, tipprovdi valutazzjoni tal-politika makroekonomika għaż-żona tal-euro, inkluż kemm dwar l-aspetti fiskali kif ukoll dawk mhux fiskali. Billi tenfasizza l-isfidi makrostrutturali u istituzzjonali ewlenin, kif ukoll il-prijoritajiet u r-rakkomandazzjonijiet indirizzati b'mod kollettiv liż-żona tal-euro kollha kemm hi u lill-Istati Membri tagħha, din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi pjattaforma għal diskussjoni politika dwar oqsma ta' interess komuni tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. |
|
(2) |
Iż-żona tal-euro wriet reżiljenza makroekonomika u soċjali notevoli, fejn għelbet diżinflazzjoni rapida b'impatt minimu fuq l-impjiegi. Il-kapaċità taż-żona tal-euro li tassorbi x-xokkijiet u tirkupra, kif jidher fir-rispons tagħha għall-COVID-19 u l-kriżijiet tal-enerġija, ikkontribwiet ukoll għal dan l-eżitu pożittiv. Din ir-reżiljenza hija dovuta l-aktar għar-rispons politiku f'waqtu, deċiżiv u konġunt mill-Unjoni, inkluż mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-Istati Membri, li għenu biex tiġi protetta l-ekonomija minn kriżijiet kbar. F'dak ir-rigward, is-sitwazzjoni fiskali soda f'diversi Stati Membri fl-2019, l-attivazzjoni rapida tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u strumenti ġodda tal-Unjoni bħal NextGenerationEU u SURE, flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (“QFP”), ipprovdew liż-żona tal-euro bi spazju fiskali kruċjali, li jippermetti rispons fiskali effettiv. It-trasformazzjoni strutturali taż-żona tal-euro matul l-aħħar għaxar snin tejbet ukoll ir-reżiljenza tagħha. Is-swieq tax-xogħol saru aktar flessibbli, u s-sistemi finanzjarji wrew robustezza ħafna akbar milli matul il-Kriżi Finanzjarja Globali. Fil-perjodu ta' wara l-COVID-19, il-konsum privat ibbenefika minn suq tax-xogħol b'saħħtu u miżuri ta' appoġġ politiku, minkejja li r-rata tat-tfaddil baqgħet għolja. L-investiment pubbliku ssaħħaħ mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“RRF”) u fondi oħra tal-Unjoni. L-investiment privat kien ħafna inqas dinamiku, speċjalment mill-2022 'l hawn, f'kuntest ta' kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti u inċertezza makroekonomika globali mifruxa. Sadanittant, il-kontribut tal-esportazzjonijiet netti għat-tkabbir tal-PDG kien kemxejn pożittiv minħabba d-dinamika dgħajfa tal-importazzjoni filwaqt li, aktar reċentement, l-esportazzjonijiet ġew affettwati minn frammentazzjoni u restrizzjonijiet kummerċjali dejjem akbar. Għall-ġejjieni, wara 0,4 % fl-2023, it-tkabbir tal-PDG reali huwa mistenni li jibqa' baxx għal madwar 0,8 % fl-2024 iżda li jiżdied għal 1,3 % fl-2025 u 1,6 % fl-2026. Konsum privat aktar b'saħħtu huwa mistenni li jixpruna l-aċċellerazzjoni fl-attività fl-2025 u l-2026 bis-saħħa ta' żidiet fil-pagi reali sostnuti, għalkemm bil-mod, u ta’ tkabbir fl-impjiegi. Matul is-sentejn li ġejjin, l-investiment totali huwa mistenni li jiżdied b'mod aktar gradwali, appoġġat kemm minn investiment privat li qed jirkupra kif ukoll investiment pubbliku b'saħħtu nazzjonali u ffinanzjat mill-UE, filwaqt li żieda fid-domanda esterna hija mistennija li tappoġġa l-esportazzjonijiet. |
|
(3) |
L-inflazzjoni globali żdiedet wara l-kriżi tal-enerġija għal livelli għoljin (li laħqu l-quċċata ta' 10,6 % f'Ottubru 2022 għall-medja taż-żona tal-euro), iżda hija pprojettata li tonqos għal 2,1 % fl-2025 u tkompli tonqos għal 1,9 % fl-2026. Id-differenzjali tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro, li twessgħu fl-2022, sadanittant naqsu wkoll u huma mistennija li jibqgħu qrib il-medji storiċi. Il-proċess ta' diżinflazzjoni jirrifletti fil-biċċa l-kbira t-tneħħija tal-forzi eżoġeni li kienu wasslu għal żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-ikel u tas-servizzi matul l-aħħar tliet snin. Dan juri wkoll l-impatt tal-azzjonijiet ta' politika deċiżivi meħuda mill-BĊE. B'reazzjoni għaż-żieda inizjali fl-inflazzjoni, il-BĊE implimenta sensiela ta' żidiet fir-rati tal-imgħax bl-għan li l-aspettattivi tal-inflazzjoni jinżammu ankrati u jitrażżnu l-prezzijiet, filwaqt li fl-istess ħin beda jnaqqas il-portafolli tal-assi tiegħu. Il-livell ta' restrizzjoni tal-politika monetarja dan l-aħħar ġie mmoderat bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza b'mod sostenibbli mal-mira fuq terminu medju tal-BĊE ta' 2 %. |
|
(4) |
Is-swieq tax-xogħol baqgħu b'saħħithom fl-2024 minkejja attività ekonomika li ddgħajfet. L-impjiegi żdiedu bi 3 miljuni fiż-żona tal-euro bejn tmiem l-2022 u nofs l-2024 u l-għadd ta' impjiegi laħaq livell rekord. It-tkabbir fl-impjiegi kien b'saħħtu fost il-gruppi differenti tal-età, il-ġeneru u l-livell ta' kisba edukattiva. Il-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol żdiedet ukoll, u laħqet quċċata ġdida fl-2024, għalkemm għad fadal sfidi b'mod partikolari għan-nisa, għall-ħaddiema żgħażagħ u akbar fl-età, għar-Rom u għall-persuni b'diżabilità. Bħal ħafna ekonomiji avvanzati oħra, iż-żona tal-euro bbenefikat minn influssi kbar ta' migrazzjoni, inkluż mill-Ukrajna u żoni oħra, li kkontribwew għall-provvista ta' ħaddiema u għenu biex jitnaqqas in-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet f'xi industriji u pajjiżi. Ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro stabbilizzat għal madwar 6,3 %, rata storikament baxxa, f'Ottubru 2024. Ix-xejra dejjem tikber fin-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, li nġiebet minn popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos u domanda għal ħiliet ġodda, aggravata mill-irkupru rapidu mir-reċessjoni kkawżata mill-pandemija, dan l-aħħar naqset kemxejn. Madankollu għad hemm nuqqas sinifikanti ta' ħaddiema f'diversi industriji. Profitti korporattivi b'saħħithom, u dinamiċi tal-karta tal-bilanċ ikkontribwew għal domanda robusta għax-xogħol. Dan l-aħħar, is-sehem ta' negozji li jiddikjaraw li x-xogħol huwa fattur li jillimita l-produzzjoni tagħhom, u r-rata ta' postijiet tax-xogħol battala naqsu mill-ogħla livelli storiċi tagħhom, għalkemm għadhom għoljin u ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija. |
|
(5) |
Fl-2023 u l-2024, il-pagi nominali żdiedu minħabba ambjent ta' inflazzjoni għoli u suq tax-xogħol ristrett. Fit-tieni trimestru tal-2024, il-kumpens nominali għal kull impjegat żdied b' 4,5 % (il-medja taż-żona tal-euro) meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023, rata kemxejn aktar baxxa minn dik li kienet osservata fl-2023. It-tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni stma tkabbir qawwi fil-pagi nominali fl-2024, b'moderazzjoni mistennija fl-2025. Il-pagi reali, li naqsu fl-2022 u fl-ewwel nofs tal-2023, bdew jirkupraw fit-tielet kwart tal-2023. Iż-żieda fis-sehem tal-profitt f'dawn l-aħħar snin u t-tnaqqis sussegwenti tagħha jissuġġerixxu li n-negozji qed jassorbu ż-żidiet fil-pagi billi jnaqqsu l-marġnijiet tal-profitt minflok jgħollu l-prezzijiet. L-irkupru gradwali li għaddej bħalissa fil-pagi reali jirrifletti fil-biċċa l-kbira d-dinamika ta' rkupru, u l-aspettattivi attwali għat-tkabbir nominali fil-pagi u l-produttività jidhru konsistenti ma' ritorn għall-mira ta' inflazzjoni fuq terminu medju ta' 2 %. L-introjti fil-qiegħ tad-distribuzzjoni tal-introjtu kienu appoġġati kemm mit-trasferimenti tal-gvern kif ukoll miż-żidiet fil-paga minima matul l-aħħar sena. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu promossi pagi adegwati u impjiegi ta' kwalità, peress li r-riskju tal-faqar għadu biss marġinalment aktar baxx milli fl-2019 u t-tbatija finanzjarja tal-unitajiet domestiċi għadha għolja wara li żdiedet matul il-kriżi tal-enerġija, kemm għall-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx kif ukoll għal dawk b'introjtu medju inferjuri. |
|
(6) |
Iż-żona tal-euro għandha problemi strutturali li ilhom jeżistu, li għandhom impatt fuq il-kompetittività tagħha. Dawn jinkludu produttività staġnata, ostakli għas-suq intern, investiment privat insuffiċjenti, innovazzjoni limitata u tixrid limitat tat-teknoloġiji diġitali, prezzijiet għoljin tal-enerġija, u piż amministrattiv. It-tkabbir tal-produttività totali tal-fatturi – metrika ta' produttività li tneħħi ż-żieda fl-impjiegi u l-kapital – staġna matul l-aħħar deċennji, aktar milli f'reġjuni pari internazzjonali oħra bħall-Istati Uniti. Din is-sitwazzjoni qed tqajjem tħassib dwar il-kapaċità taż-żona tal-euro li żżomm il-kompetittività f'ambjent globali kkaratterizzat minn bidla teknoloġika rapida. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jirrikjedi approċċ multidimensjonali. Dak l-approċċ jinkludi l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġiji u infrastrutturi avvanzati diġitali u b'emissjonijiet żero jew baxxi, inkluż billi jitħeġġeġ l-aġġustament tal-mudelli tan-negozju u jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħiliet kif ukoll billi jittejjeb l-aċċess għall-infrastruttura diġitali, fejn meħtieġ. Barra minn hekk, jibqa’ kruċjali li jiġi ffaċilitat it-tixrid tal-innovazzjoni fl-industriji u n-negozji, li jiżdiedu l-ħiliet fil-forza tax-xogħol, b'mod partikolari l-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, u li jitnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li jinżammu l-għanijiet politiċi u l-ħarsien tal-istandards tal-Patt Ekoloġiku. Barra minn hekk, l-approfondiment tas-suq intern, bit-tneħħija tal-ostakli, u l-iżgurar tal-implimentazzjoni korretta, u tal-applikazzjoni u tal-infurzar aħjar tar-regoli tas-suq intern, b'mod partikolari bl-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni, huma kruċjali biex tingħata spinta lill-kompetittività taż-żona tal-euro. Barra minn hekk, prezzijiet ogħla tal-enerġija mill-pari internazzjonali jnaqqsu l-kompetittività tal-kostijiet ta' diversi industriji. Dan ipoġġi lin-negozji fi żvantaġġ, b'mod partikolari l-industriji intensivi fl-enerġija li jiddependu fuq iż-żejt u l-gass. |
|
(7) |
L-Unjoni tispikka fil-livell globali f'termini ta' riċerka fundamentali (jew bażika), għandha livelli komparabbli ta' nfiq pubbliku fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż) fil-konfront tal-kompetituri tagħha, iżda għadha lura fir-riċerka applikata u fil-konverżjoni tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti kummerċjabbli, b'mod partikolari fl-innovazzjoni diġitali ta' teknoloġija avvanzata. Huwa ta' importanza kbira li ż-żona tal-euro u l-Unjoni ma jaqgħux lura meta mqabbla ma' ekonomiji ewlenin oħra fix-xejriet attwali tal-innovazzjoni, inklużi t-tranżizzjoni ekoloġika, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali (IA), is-semikondutturi u l-computing kwantistiku, l-ispazju u l-bijoteknoloġija. Fid-dawl tal-importanza dejjem akbar tagħhom, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fit-teknoloġiji diġitali strateġiċi, u l-isfruttament tal-punti b'saħħithom tal-Unjoni huma kruċjali, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala mexxej teknoloġiku dinji, is-sovranità u r-reżiljenza teknoloġiċi tagħha, u biex tinżamm l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-ostakli għall-mobbiltà tal-għarfien u tat-talent madwar il-pajjiżi Ewropej jistgħu jfixklu t-twettiq sħiħ tal-potenzjal tal-Unjoni fl-innovazzjoni, fil-produttività u fil-kompetittività. It-tisħiħ tal-produttività ser jirrikjedi aċċellerazzjoni fl-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-investiment fir-R&Ż, b'mod partikolari mis-settur privat, inkluż permezz ta' investimenti pubbliċi mmirati u kkalibrati tajjeb fir-R&Ż li jistgħu jingranaw l-isforzi privati ta' R&Ż. L-investiment fil-kapital uman sar vitali, hekk kif l-ekonomiji qed jiffaċċaw il-pressjonijiet ta' bidla teknoloġika u demografika rapida. Filwaqt li l-kisba tal-edukazzjoni terzjarja fl-Ewropa qed titjieb b'mod ġenerali, hemm tnaqqis inkwetanti fil-prestazzjoni tal-ħiliet bażiċi fost iż-żgħażagħ u progress limitat wisq fil-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, li jfixklu l-eżiti tal-edukazzjoni u t-tkabbir tal-produttività fil-futur qrib. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni doppja lejn id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni teħtieġ l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, minn ħiliet bażiċi għal ħiliet aktar avvanzati u speċjalizzati. Dawk l-isfidi kollha jeħtieġ li jiġu indirizzati b'inizjattivi mmirati ta' edukazzjoni u taħriġ matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu. Billi tipprijoritizza l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-Unjoni tista' tagħti spinta lill-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività. |
|
(8) |
In-negozji tal-Unjoni jeħtieġu kundizzjonijiet li jgħinuhom biex jiffaċilitaw l-ekonomiji ta' skala u jrawmu t-tkabbir u l-espansjoni tagħhom, u jgħinuhom jirnexxu fis-swieq globali. L-istħarriġiet jindikaw li l-kumplessità tal-ambjent regolatorju u l-eżistenza ta’ obbligi kumulattivi ta' rapportar u ta’ regoli kkumplikati tat-taxxa spiss ikunu ta' piż fuq id-deċiżjonijiet ta' investiment tan-negozji u l-prospetti ta' espansjoni fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni. It-tensjonijiet ġeopolitiċi, ir-riskji ta' ġeoframmentazzjoni, ir-restrizzjonijiet kummerċjali u t-tħassib dwar is-sigurtà ekonomika li jaffettwaw l-aċċess għal materja prima u teknoloġiji kritiċi, għandhom impatt ukoll fuq it-tkabbir tagħhom. L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari tgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' materja prima kritika, filwaqt li t-trawwim tal-investiment mas-sħab internazzjonali tal-Unjoni jista' jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea, inkluż permezz tal-inizjattiva Global Gateway u l-approċċ ta’ Tim Ewropa. Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għas-setturi li juru potenzjal għal tkabbir għoli fil-produttività teħtieġ it-tneħħija ta' ostakli għall-kapital u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Fis-suq tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet suffiċjenti u kosteffettivi tal-grilja u l-użu effiċjenti ta' dawk eżistenti, b'mod partikolari dawk transfruntieri, huma kruċjali għall-konnessjoni tal-produtturi u l-konsumaturi f'żoni ġeografiċi wiesgħa. Barra minn hekk, sabiex ikun possibbli rispons għad-domanda, jikber ir-rwol tal-flessibbiltà u jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija, huwa kruċjali li tiżdied l-effiċjenza enerġetika u li jiġu installati u użati teknoloġiji b'emissjonijiet żero jew baxxi, inkluż permezz tal-komunitajiet tal-enerġija. L-eliminazzjoni ta' piż amministrattiv żejjed u l-faċilitazzjoni u t-tħaffif tal-permessi jistgħu jappoġġaw l-attività u l-investiment tan-negozji. Ir-riformi strutturali, bħal dawk appoġġati mill-fondi tal-Unjoni inklużi fil-pjanijiet fiskali strutturali fuq terminu medju, jgħinu biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-Istati Membri. It-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli u inklużivi jikkontribwixxu biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni Ewropej u titrawwem konverġenza soċjali 'l fuq. Madankollu, il-potenzjal sħiħ tas-suq intern, aktar minn 30 sena wara l-ħolqien tiegħu, għadu mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed. Il-politiki biex tittejjeb il-produttività fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu identifikati, prijoritizzati u kkoordinati aħjar. Mhux l-Istati Membri kollha stabbilixxew Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività għal dan l-għan jew għamlu użu effettiv mill-potenzjal ta’ dawk diġà stabbiliti. L-intensifikazzjoni tal-konverġenza regolatorja u l-integrazzjoni ekonomika tista' tagħti spinta lill-investiment privat, lill-produttività, u lill-kapaċità innovattiva, kif ukoll lid-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista għan-negozji tal-Unjoni. L-Unjoni ser ikollha bżonn ukoll tinnaviga b'attenzjoni l-kompromessi possibbli bejn l-involviment ulterjuri fil-kummerċ miftuħ u t-tisħiħ tas-sigurtà ekonomika, min-naħa waħda, u l-kisba tal-għanijiet tal-Patt għal Industrija Nadifa filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi globali permezz ta' użu ulterjuri ta' strumenti għad-difiża tal-kummerċ kontra prattika kummerċjali inġusta, min-naħa l-oħra. Dan jesiġi approċċ ikkoordinat u komplementarjetà politika kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-Unjoni. |
|
(9) |
It-tfaddil fiż-żona tal-euro huwa abbundanti. Jekk jiġu diretti lejn investimenti produttivi permezz tas-swieq kapitali, dawn jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju sinifikanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b'hekk jgħinu biex jingħalaq id-distakk fil-kompetittività. Proporzjoni kbira mill-kumpaniji taż-żona tal-euro tiddependi fuq is-settur bankarju bħala sors ta' finanzjament, però f'dawn l-aħħar snin, kundizzjonijiet stretti ta' finanzjament ibbażat fuq il-banek għamluha aktar diffiċli li jinvestu. Madankollu, il-kost tal-kreditu għan-negozji qed jonqos, b'allinjament mat-tnaqqis fir-rati tal-politika. Il-kapital ta' riskju u l-finanzjament mhux bankarju, speċjalment għal negozji innovattivi, mhumiex disponibbli daqs kemm huwafl-Istati Uniti. Għalkemm l-investiment pubbliku, bl-appoġġ tal-RRF u fondi oħra tal-Unjoni, jista' jkollu rwol, l-indirizzar tal-isfida tat-tisħiħ tal-kompetittività taż-żona tal-euro, filwaqt li jappoġġa l-investiment ekoloġiku u diġitali, jinvolvi ħtiġijiet kbar ta' finanzjament privat. Swieq kapitali miftuħa, integrati u li jiffunzjonaw tajjeb huma importanti biex jiġi appoġġat il-fluss ta' investimenti privati fl-innovazzjoni u biex jiġi pprovdut finanzjament adegwat li jikkorrispondi ma’ dik l-isfida ta' investiment. Unjoni Ewropea tat-Tfaddil u l-Investimenti, kif issuġġerita mir-Rapporti ta' Letta u Draghi, tista' tippromwovi setturi finanzjarji u bankarji kompetittivi u li jiffunzjonaw tajjeb biex jappoġġaw it-tkabbir, itejbu l-kompetittività u jgħinu biex jiġi sfruttat il-ġid enormi tat-tfaddil privat biex jingħata finanzjament adegwat għal opportunitajiet ta' investiment. B'mod ġenerali, dan jista' jikkontribwixxi għal finanzjament aktar faċli għall-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni industrijali u għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Madankollu, iż-żieda fil-ġabra ta' proġetti investibbli fiż-żona tal-euro tkun teħtieġ ukoll integrazzjoni aktar profonda tas-swieq tal-oġġetti u s-servizzi, u simplifikazzjoni regolatorja. Fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro, il-Grupp tal-Euro tenna mill-ġdid l-impenn tiegħu li l-Unjoni Bankarja titlesta f'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro f'format inklużiv tas-16 ta' Ġunju 2022. |
|
(10) |
Il-kriżijiet reċenti u r-reazzjoni politika meħtieġa rriżultaw f'livelli ogħla ta' dejn tal-gvern u defiċits sinifikanti f'xi Stati Membri taż-żona tal-euro. Dan il-legat, flimkien maż-żieda fil-kostijiet relatati mat-tixjiħ, joħolqu sfida għas-sostenibbiltà fiskali għas-snin li ġejjin. Dawk li jfasslu l-politika ser ikollhom joħolqu buffers fiskali u jinvestu fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, is-sigurtà tal-enerġija u, fejn meħtieġ, l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża. Il-kisba ta' dan il-bilanċ ser tirrikjedi prijoritizzazzjoni bir-reqqa tal-infiq tal-gvern u koordinazzjoni tal-politiki biex jiġi żgurat li l-investimenti meħtieġa biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza jistgħu jiġu appoġġati. Politiki fiskali prudenti ser jikkontribwixxu għal taħlita ta' politika bbilanċjata, filwaqt li l-istabbiltà finanzjarja ser ikollha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-pedamenti ekonomiċi taż-żona tal-euro u fl-iżgurar tal-pożizzjoni tagħha fl-ekonomija globali. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, u b'mod partikolari l-użu tat-tkabbir fin-nefqa netta bħala indikatur operazzjonali uniku fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, huwa mistenni li jsaħħaħ ir-rwol tal-istabbilizzaturi awtomatiċi fiż-żona tal-euro. |
|
(11) |
Wara li laħaq l-ogħla livell fl-ewwel trimestru tal-2021, il-proporzjon medju tad-dejn tal-gvern mal-PDG għall-Istati Membri taż-żona tal-euro kien qed jonqos, u laħaq 88,9 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Il-proporzjon tad-dejn aggregat huwa mistenni li jiżdied marġinalment fl-2024–2025, għal 89,6 % tal-PDG. Din iż-żieda pprojettata tirrifletti kostijiet ogħla tas-servizzi tad-dejn flimkien ma' tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG nominali minħabba tnaqqis fl-inflazzjoni, filwaqt li defiċits primarji għoljin ikomplu jkunu ta' piż fuq id-dinamika tad-dejn. Fl-istess ħin, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi huma mistennija li jżidu d-dejn fl-2024–2025. Il-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku jvarjaw bejn il-pajjiżi: sa tmiem l-2025, il-parti l-kbira tal-Istati Membri huma mistennija li jkollhom proporzjon tad-dejn għall-PDG aktar baxx milli fl-2020. Madankollu, ħdax-il Stat Membru taż-żona tal-euro xorta jkollhom proporzjonijiet tad-dejn ogħla minn 60 %, b'ħamsa jibqgħu ogħla minn 100 %. Bid-dejn għaż-żona tal-euro li għadu ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija u l-isfidi tas-sostenibbiltà prevalenti f'ħafna Stati Membri, huma meħtieġa strateġiji sostnuti, differenzjati, gradwali u realistiċi għat-tnaqqis tad-dejn f'konformità mal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn u biex jinbnew mill-ġdid il-buffers fiskali. Fl-istess ħin, ir-riformi u l-investimenti jsaħħu t-tkabbir tal-PDG, u jikkontribwixxu wkoll għas-sostenibbiltà fiskali. Il-pożizzjoni fiskali fiż-żona tal-euro hija stmata li kienet restrittiva fl-2024, jiġifieri 0,5 % tal-PDG, u hija pprojettata li tkun kemxejn restrittiva fl-2025, jiġifieri ftit aktar minn 0,25 % tal-PDG. L-implimentazzjoni xierqa tal-qafas fiskali l-ġdid timplika pożizzjoni fiskali kemxejn restrittiva taż-żona tal-euro wkoll fl-2026. Wara l-espansjonijiet qawwija ta' dawn l-aħħar snin, din hija xierqa fiż-żona tal-euro, għalkemm hemm differenzi kbar fost l-Istati Membri, partikolarment meta jitqiesu l-pożizzjonijiet baġitarji individwali tagħhom. Minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar is-sostenibbiltà fiskali, u li jitkompla l-appoġġ għall-proċess diżinflazzjonarju li għaddej bħalissa, huma meħtieġa politiki prudenti. Il-konsolidazzjoni fiskali gradwali u differenzjata flimkien ma' riformi u investimenti, kif ukoll id-disponibbiltà tal-RRF u fondi oħra tal-Unjoni, mistennija li jipproteġu t-tkabbir ekonomiku u jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali fiż-żona tal-euro. |
|
(12) |
It-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi huwa kruċjali biex jiġu indirizzati kriżijiet futuri u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Il-kost tan-nefqa relatata mal-età hija mbassra li tiżdied, b'varjazzjonijiet sinifikanti fost l-Istati Membri, partikolarment minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-pensjonijiet, kif ukoll il-kostijiet tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul. L-aġġustament meħtieġ għall-finanzi pubbliċi joħloq sfidi, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li d-dħul u n-nefqa jiġu ġestiti bir-reqqa. Fiż-żona tal-euro, id-dħul pubbliku baqa', bħala medja, stabbli għal madwar 45,6 % tal-PDG matul l-aħħar żewġ deċennji, filwaqt li n-nefqa żdiedet matul il-kriżi finanzjarja u l-pandemija tal-COVID-19. Il-proporzjon tad-dħul huwa mistenni li jiżdied fl-2024, minħabba dħul mhux mistenni minn dħul mit-taxxa u kontribuzzjonijiet soċjali marbuta ma' suq tax-xogħol b'saħħtu, u huwa pprojettat li jkompli jiżdied fl-2025, xprunat minn miżuri diskrezzjonali ta' dħul. Madankollu, il-kompożizzjoni attwali tad-dħul mit-taxxa mhux dejjem tista' tkun ottimali, u l-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol fiż-żona tal-euro huwa relattivament għoli meta mqabbel ma' ekonomiji avvanzati oħra. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-ħtieġa li tiġi massimizzata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol f'suq tax-xogħol b'saħħtu, fejn in-nuqqas ta' ħaddiema huwa ta' tħassib. Bidla fil-piż tat-taxxa mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għal taxxi oħra li jista' jkollhom impatt inqas fuq it-tkabbir u li joħolqu inqas distorsjoni, bħat-tassazzjoni fuq il-proprjetà jew it-taxxi ambjentali, tkun ta' benefiċċju. Rieżamijiet immirati tal-inċentivi fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji kif ukoll politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-għoti ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u kura fit-tul ta' kwalità u affordabbli jistgħu jgħinu biex jittaffa n-nuqqas ta' ħaddiema filwaqt li jinżamm fluss ta' dħul stabbli, filwaqt li jiġi appoġġat l-aġġustament meħtieġ għall-finanzi pubbliċi. Miżuri li jindirizzaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa jistgħu wkoll jagħmlu s-sistemi tat-taxxa aktar effiċjenti u ġusti, filwaqt li jappoġġaw l-irkupru u jżidu d-dħul. Għalkemm il-proporzjon totali tan-nefqa mal-PDG naqas mill-2021, dan għadu għoli meta mqabbel mal-livelli ta' qabel il-COVID. Il-proporzjon tan-nefqa huwa pprojettat li jistabbilizza għal madwar 49,6 % tal-PDG fl-2024–2025, peress li r-restrizzjonijiet fin-nefqa kurrenti primarja relatata mal-implimentazzjoni tal-qafas fiskali l-ġdid tal-Unjoni jiġu kkumpensati minn nefqa ogħla fuq l-imgħax. |
|
(13) |
Is-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro wriet li hija robusta, f'kuntest ta' rati tal-imgħax li qed jiżdiedu malajr, u issa qed tiffaċċa ambjent makroekonomiku inċert, b'domanda għal self imrażżan u vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli ta' għadd ta' Stati Membri. F'dawn l-aħħar snin, il-profittabbiltà korporattiva qawwija għenet lin-negozji biex iħallsu d-djun tagħhom minkejja kundizzjonijiet ta' finanzjament aktar stretti. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku dgħajjef u ż-żieda fil-kostijiet lavorattivi jistgħu jżidu l-vulnerabbiltajiet f'xi setturi. B'mod partikolari, il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli kummerċjali naqsu drastikament, u dan qajjem tħassib dwar is-servizz tad-dejn, filwaqt li l-iżviluppi fil-prezzijiet residenzjali varjaw ħafna fost l-Istati Membri. Ir-reżiljenza tas-settur bankarju ġiet appoġġata minn qafas prudenzjali robust, inkluż rekwiżiti kapitali ogħla u l-applikazzjoni ta' miżuri bbażati fuq il-mutwatarju. Is-self improduttiv għadu baxx iżda juri sinjali ta' deterjorament fis-settur tal-proprjetà immobbli. Is-settur finanzjarju mhux bankarju li qed jikber qed jiffaċċa wkoll vulnerabbiltajiet fejn id-diskrepanzi fil-likwidità mhumiex mitigati u l-ingranaġġ huwa eċċessiv. Dawk il-vulnerabbiltajiet jistgħu jamplifikaw l-aġġustamenti tal-prezzijiet fil-każ ta' korrezzjoni f'daqqa tas-suq, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, individwalment, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, u kollettivament fil-Grupp tal-Euro fil-perjodu 2025–2026 biex:
1. Kompetittività
Irawmu l-produttività bħala kwistjoni ta' urġenza billi jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tar-riżorsi lejn setturi bi produttività għolja u setturi b’potenzjal ta' produttività għolja, permezz ta' funzjonament imtejjeb u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tal-oġġetti u s-servizzi u riformi strutturali. Jindirizzaw il-frammentazzjoni tal-ekosistemi tal-innovazzjoni u jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, inkluż f'teknoloġiji u infrastruttura mill-aktar avvanzati diġitali u b'emissjonijiet żero jew baxxi, u jżidu l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u b'emissjonijiet żero jew baxxi ġodda u attivitajiet innovattivi b'mod aktar wiesa'. Jinkoraġġixxu n-nefqa min-negozji fuq ir-riċerka applikata u l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni lejn prodotti kummerċjabbli. Iwettqu politiki biex titħeġġeġ l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali u ta' teknoloġija avvanzata fin-negozji. Itejbu l-effiċjenza u l-kapaċità tan-negozji li jilħqu l-aħjar skala, b'mod partikolari billi japprofondixxu s-suq intern. Itejbu l-ambjent tan-negozju billi jnaqqsu l-piż amministrattiv żejjed u l-kumplessità regolatorja u billi jneħħu l-ostakli għall-investiment, filwaqt li jippreservaw l-objettivi politiċi. Jiżguraw li l-politika industrijali tkun immirata b'mod effettiv lejn setturi u teknoloġiji strateġiċi, filwaqt li jiżguraw li l-appoġġ pubbliku jkun ikkoordinat fil-livell Ewropew u ma jfixkilx il-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, u jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-kompetittività taż-żona tal-euro u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha. Jinkoraġġixxu l-intraprenditorija u l-ħolqien ta' negozji ġodda.
Jiżviluppaw malajr Unjoni Ewropea tat-Tfaddil u tal-Investimenti billi jippromwovu setturi finanzjarji u bankarji kompetittivi u li jiffunzjonaw sew, biex jappoġġaw it-tkabbir u l-investimenti u jtejbu l-kompetittività. Ilestu l-Unjoni Bankarja billi titkompla l-ħidma fuq l-elementi pendenti kollha tagħha, f'konformità mad-dikjarazzjoni maħruġa f’Ġunju 2022 mill-Grupp tal-Euro f'format inklużiv, u jiffinalizzaw ir-riforma tal-qafas għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti. Jagħmlu progress fir-rigward tal-miżuri pendenti tal-pjan ta' azzjoni tal-2020 għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tal-miżuri li diġà ġew miftiehma, u javvanzaw fil-ħidma fuq il-miżuri identifikati mid-dikjarazzjoni maħruġa f’Marzu 2024 mill-Grupp tal-Euro dwar il-futur tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, sabiex jiġu pprovduti swieq kapitali Ewropej profondi, li jiffunzjonaw tajjeb u integrati għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tan-negozji. Itejbu l-aċċess għall-finanzjament xieraq għan-negozji biex jikbru u jinvestu, speċjalment SMEs innovattivi, kif ukoll l-aċċess għal għażla akbar ta' possibbiltajiet ta' investiment fis-swieq kapitali għaċ-ċittadini. Jingranaw l-appoġġ tal-Unjoni permezz ta' strumenti finanzjarji biex jittejjeb l-aċċess għall-kapital għall-SMEs, b'mod partikolari għall-finijiet tal-innovazzjoni u l-espansjoni, b’hekk jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-Unjoni. Jimmobilizzaw il-kapital ta' riskju – b'mod partikolari għal kumpaniji start-up u kumpaniji li qed jespandu – permezz ta' swieq kapitali Ewropej integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, biex jidderieġu t-tfaddil u l-kapital ta' riskju, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni.
Jippromwovu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol u impjiegi ta' kwalità bil-ħsieb li tiżdied il-produttività, b'mod partikolari fil-kuntest tal-bidla demografika, u tiġi appoġġata tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta. Ikomplu jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jissaħħu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Itejbu l-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż politiki għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, biex jitjiebu l-eżiti edukattivi u jiġi żgurat li d-domanda għall-ħiliet u l-provvista tagħhom jikkorrispondu aktar.
Jippromwovu investiment tanġibbli u intanġibbli f'teknoloġiji u infrastruttura kritiċi, u f'oqsma ta' prijoritajiet komuni, bħat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta' kapaċitajiet ta' difiża billi jimmobilizzaw il-kapital privat u jiżguraw l-investiment pubbliku meħtieġ, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet għas-suq intern. Jistimulaw l-investiment fir-R&Ż, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-infiq tas-settur privat permezz ta' kundizzjonijiet qafas imtejba għall-investiment, billi jimplimentaw riformi strutturali, u billi jtejbu l-koordinazzjoni tal-finanzjament pubbliku, inkluż fil-livell tal-Unjoni. Ikomplu l-implimentazzjoni rapida tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jsir użu sħiħ mill-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Itejbu l-effettività tal-azzjoni politika mmirata lejn iż-żieda fil-produttività billi jiżguraw li l-miżuri huma identifikati, koordinati u prijoritizzati kif opportun, inkluż permezz ta' governanza mtejba, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u użu aktar effettiv tal-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività.
2. Reżiljenza
Jiffaċilitaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi sottorappreżentati, b'mod partikolari nisa, żgħażagħ, persuni akbar fl-età, persuni b'livell baxx ta' ħiliet, kif ukoll persuni b'diżabilità u persuni bi sfond ta' migrazzjoni. Ineħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, inkluż billi jtejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kura fit-tul u l-kwalità tagħhom. Jieħdu miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u jiffaċilitaw il-migrazzjoni legali ġestita ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiġu impjegati f'okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema, komplementarjetà ma' mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol u jisfruttaw il-provvista tax-xogħol u l-ħiliet minn ġewwa l-Unjoni.
F'konformità mal-prattiki nazzjonali u filwaqt li jiġi rrispettat ir-rwol tas-sħab soċjali, isaħħu l-kundizzjonijiet li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli fil-pagi u fil-produttività, speċjalment għal dawk b'introjtu baxx u medju. In-negozjar tal-pagi għandu jikkunsidra d-dinamika tal-kompetittività relattiva u jevita li jikkontribwixxi għal diverġenzi dejjiema fil-kompetittività fiż-żona tal-euro. Jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika u jsaħħu d-djalogu soċjali. Jippromwovu s-saħħa u sikurezza okkupazzjonali fost l-industriji kollha. Meta jimplimentaw teknoloġiji ġodda, jadottaw approċċ iċċentrat fuq il-bniedem.
Isaħħu l-inċentivi għax-xogħol billi jċaqilqu l-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol, inkluż permezz ta' riformi mmirati tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji. Jieħdu azzjoni fil-ġlieda kontra l-faqar billi jissalvagwardjaw u jsaħħu sistemi ta' protezzjoni u inklużjoni soċjali adegwati u sostenibbli, inkluż billi jtejbu l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli.
Jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija komprensiva għall-Unjoni kollha biex tikkomplementa u tlaqqa' flimkien strateġiji nazzjonali għal elettrifikazzjoni effettiva u t-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż permezz ta' żieda qawwija fil-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli u aktar tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili importati. B'mod partikolari, interkonnessjonijiet tal-grilja suffiċjenti, kosteffettivi u effiċjenti, speċjalment l-interkonnessjonijiet transfruntieri, huma kruċjali għall-konnessjoni tal-produtturi u l-konsumaturi f'żoni ġeografiċi wiesgħa. Iżidu l-isforzi biex itejbu t-tħejjija għal żviluppi avversi, inkluż it-tibdil fil-klima u r-riskji relatati man-natura u dawk ġeopolitiċi, speċjalment fir-reġjuni l-aktar esposti għal tali riskji.
3. L-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja
Jiżguraw il-konformità mal-qafas fiskali l-ġdid biex tittejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn u jiġi promoss tkabbir ekonomiku sostenibbli, jiġi żgurat li t-tkabbir tan-nefqa netta annwali f'kull Stat Membru ma jaqbiżx il-massimu rakkomandat mill-Kunsill. Dak għandu jwassal għal aġġustamenti fiskali differenzjati kif xieraq u, fl-2025 u l-2026, jirriżulta f'pożizzjoni fiskali ġenerali kemxejn restrittiva taż-żona tal-euro.
Meta jkunu qed jiġu ddeterminati l-istrateġiji fiskali, itejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-miżuri tan-nefqa u tad-dħul. Inaqqsu l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, jiġġieldu kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jallinjaw l-istrateġiji fiskali mal-objettivi politiċi, bħar-ridirezzjonar tal-piż tat-taxxa mix-xogħol lejn bażijiet tat-taxxa inqas distorsivi.
Jimmonitorjaw ir-riskji għall-istabbiltà makrofinanzjarja relatati mal-kwalità tal-assi, l-ipprezzar mill-ġdid tal-assi, inkluż ir-riskji relatati mal-klima u mal-ambjent, u jsaħħu s-sett ta' għodod regolatorji għas-settur tal-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja, kif xieraq għall-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji identifikati.
Filwaqt li jieħdu passi ulterjuri fl-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM), jikkunsidraw it-tagħlimiet meħuda mit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-rispons komprensiv tal-politika ekonomika tal-Unjoni għall-kriżi tal-COVID-19. Ikomplu jagħmlu progress fl-approfondiment tal-UEM b'rispett sħiħ tas-suq intern tal-Unjoni u b'mod miftuħ u trasparenti lejn Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro. Ikomplu jsaħħu r-rwol internazzjonali tal-euro u jsir aktar progress fil-ħidma dwar l-euro diġitali.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)