|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/110 |
10.1.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv: il-perspettiva tas-soċjetà ċivili
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
TEN/842
(C/2025/110)
Relatur:
Alena MASTANTUONOKorelatur:
Christophe QUAREZ|
Konsulenta |
Meritxell MARTELL LAMOLLA (għar-relatur) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
31.5.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
26.9.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
23.10.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
591 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
172/6/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom (1) (minn hawn’ il quddiem id-“Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv”) għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv kienet pass ċar ’il quddiem peress li stabbiliet standards minimi għall-ippjanar u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv fl-Istati Membri tal-UE. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ il-programmi nazzjonali tagħhom. Madankollu, jinnota li l-applikazzjoni tad-Direttiva mhijiex uniformi fl-Istati Membri, u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ data komparabbli u, f’xi Stati Membri, involviment baxx tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. |
|
1.2. |
Peress li l-ġenerazzjoni annwali tal-iskart radjuattiv se tiżdied matul l-għaxar snin li ġejjin u lil hinn, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-involviment inklużiv, il-ftuħ u t-trasparenza mas-soċjetà ċivili, inklużi l-komunitajiet ospitanti attwali u l-komunitajiet ospitanti potenzjalment interessati, fl-oqsma kollha tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Il-finanzjament disponibbli għandu jintuża biex iżid il-kapaċità tal-gruppi tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari tal-komunitajiet lokali qrib installazzjonijiet nukleari, biex jipparteċipaw b’mod indipendenti fi proġetti u studji li jivvalutaw il-prattiki ta’ parteċipazzjoni u trasparenza fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. |
|
1.3. |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-monitoraġġ u l-iżvelar regolari tal-iżvilupp ambjentali, tas-saħħa pubblika u dak soċjoekonomiku fiż-żoni madwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. |
|
1.4. |
Il-KESE jenfasizza li għad hemm tħassib dwar in-nuqqas ta’ passi definiti ’l quddiem għar-rimi ta’ fjuwil użat u/jew skart ta’ livell għoli fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u dwar id-dati għall-ikkummissjonar tar-repożitorji, li huma bejn is-snin 2050 u s-snin 2070 fil-maġġoranza tal-pajjiżi, u f’xi wħud saħansitra aktar tard. L-estensjoni tal-ħżin ta’ skart ta’ livell għoli għal aktar minn seklu tista’ żżid ir-riskji u l-kostijiet, u se tkun ta’ piż għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jimplimentaw soluzzjonijiet ta’ rimi permanenti jew jinvolvu ruħhom f’soluzzjonijiet kondiviżi, waqt li dejjem ikomplu jfittxu possibbiltajiet ta’ riċiklaġġ biex ikun hemm ammonti minimi ta’ skart għar-rimi permezz ta’ strateġiji tal-ekonomija ċirkolari. Biex ma jitħalliex piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri u tittieħed responsabbiltà tas-sitwazzjoni, hemm bżonn ta’ djalogu wiesa’ u li jiġu kkunsidrati għadd ta’ perspettivi fil-proġett tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. |
|
1.5. |
Sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ skart radjuattiv ġenerat, għandu jinbeda dibattitu pubbliku wiesa’ dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi kif ukoll dwar id-disponibbiltà tat-teknoloġiji tekniċi rilevanti tal-ipproċessar, pereżempju dawk tal-ipproċessar mill-ġdid jew it-trasmutazzjoni, sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tikseb stampa komprensiva u tifhem l-argumenti kollha favur u kontra. Dan jinkludi wkoll id-djalogu dwar il-faċilitajiet il-ġodda li jipproduċu l-iskart radjuattiv. |
|
1.6. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-ispejjeż għad-dekummissjonar u għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat iqisu ż-żidiet fl-ispejjeż maż-żmien u li l-finanzjament ikun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż reali. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jtejbu l-użu tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) fil-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. |
|
1.7. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltajiet kollha tagħhom sabiex ma jħallux lill-ġenerazzjonijiet futuri l-piż tal-ipproċessar tal-iskart nukleari, irrispettivament min-natura, it-tul tal-ħajja u l-livell ta’ periklu tiegħu. L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet kondiviżi, inkluż iżda mhux limitat għal repożitorji multinazzjonali tal-iskart radjuattiv, jista’ jkun ta’ interess għal xi Stati Membri tal-UE, b’mod partikolari pajjiżi b’inventarji żgħar jew ta’ daqs medju. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri tal-UE jesploraw kif jimplimentaw tali soluzzjonijiet kondiviżi ta’ qabel ir-rimi u dawk tar-rimi. |
|
1.8. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li r-riċerka u l-iżvilupp fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv jiġu indirizzati b’mod integrat u interdixxiplinari. Sabiex jiġi żgurat fehim aħjar u jiġu indirizzati b’mod effettiv l-aspettattivi, il-ħtiġijiet u t-tħassib tas-soċjetà fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, il-Programm Konġunt Ewropew dwar il-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv (EURAD) u l-Pjattaforma Teknoloġika ta’ Implimentazzjoni tad-Disponiment Ġeoloġiku (IGD-TP) għandhom jinteraġixxu mal-pjattaforma SHARE (xjenzi soċjali u umanistiċi fir-riċerka dwar ir-radjazzjoni jonizzanti) u mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, waqt li jistinkaw biex jiżguraw l-inklużività. Barra minn hekk, ir-riżorsi finanzjarji għandhom jiġu allokati b’tali mod li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u nazzjonali interessati jkunu involuti b’mod adegwat f’dan il-programm. |
|
1.9. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti u x-xjenzati fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Barra minn hekk, għodod innovattivi, bħal robots ikkontrollati mis-software, għandhom jiġu żviluppati u użati biex jitwettqu diversi kompiti tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv sabiex jittejbu s-saħħa u s-sikurezza u jiġu protetti l-ħaddiema. |
2. Sfond
|
2.1. |
L-Istati Membri kollha tal-UE jiġġeneraw skart radjuattiv, jew mill-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-impjanti tal-enerġija nukleari jew mid-dekummissjonar ta’ faċilitajiet nukleari jew mill-użu mhux relatat mal-enerġija ta’ materjali radjuattivi, bħal applikazzjonijiet mediċi, tar-riċerka, industrijali u agrikoli. Il-ġestjoni sikura ta’ xi ftit minn dan l-iskart teħtieġ li dan ikun kontenut u iżolat mill-bnedmin u l-ambjent ħaj tul eluf ta’ snin. |
|
2.2. |
L-Istati Membri tal-UE jużaw skemi differenti ta’ klassifikazzjoni tal-iskart radjuattiv. Madankollu, għall-finijiet ta’ aggregazzjoni tal-inventarju tal-UE u sabiex l-inventarji jsiru komparabbli fost Stati Membri differenti, intgħażlet l-iskema ta’ klassifikazzjoni tal-Istandard tas-Sikurezza Ġenerali GSG-1 (2) tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). B’mod ġenerali, l-iskart radjuattiv jiġi kklassifikat skont il-livell ta’ radjuattività tiegħu kif ġej:
L-iskart ta’ livell baxx u ta’ livell baxx ħafna jinkludi 90,7 % tal-volum totali tal-iskart, l-iskart ta’ livell intermedju jammonta għal 9,1 % u l-iskart ta’ livell għoli jikkostitwixxi 0,2 %. Dawn it-tnejn tal-aħħar jinkludu aktar minn 90 % tar-radjuattività totali (3). Sar progress fir-rimi sikur ta’ skart ta’ livell baxx fl-UE. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE hemm nuqqas ta’ soluzzjonijiet ta’ ġestjoni fit-tul għall-iskart ta’ livell intermedju, għall-iskart ta’ livell għoli u għall-fjuwil użat. Xi Stati Membri jaħżnu wkoll l-iskart radjuattiv huma u jistennew li jiġu żviluppati skoperti innovattivi. |
|
2.3. |
L-inventarju totali stmat tal-iskart radjuattiv fl-UE fi tmiem l-2019 kien ta’ 2 334 000 m3. Madwar 66 % ta’ dan l-iskart kien diġà ntrema u 34 % kien għadu maħżun u jkollu jiġi ġestit fil-futur. Il-fjuwil użat jinħażen sakemm jintrema jew jiġi pproċessat mill-ġdid, skont l-istrateġija tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv tal-Istat Membru inkwistjoni. Il-projezzjonijiet attwali tal-inventarju stmati ma jmorrux lil hinn mill-2030 u mhumiex komprensivi peress li xi data hija nieqsa u l-pjani tal-Istati Membri għal bini ġdid jew għal estensjonijiet tul il-ħajja mhumiex ikkunsidrati. |
|
2.4. |
Minħabba l-għeluq, id-dekummissjonar u l-użu ppjanati ta’ faċilitajiet nukleari ġodda f’diversi pajjiżi Ewropej, ir-rata annwali tal-ġenerazzjoni tal-iskart se tiżdied b’mod sinifikanti matul id-deċennji li ġejjin. Għalkemm id-data rrapportata lill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni tindika b’mod ċar żieda fil-ġenerazzjoni tal-iskart matul l-għaxar snin li ġejjin u lil hinn, il-kwalità tal-projezzjonijiet għadha mhijiex biżżejjed biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u jitfasslu pjani b’mod koerenti u trasparenti. |
|
2.5. |
Diversi Stati Membri jeħtiġilhom jaħżnu fjuwil użat għal perjodi twal jew minħabba n-nuqqas attwali ta’ faċilitajiet tar-rimi tagħhom jew minħabba r-riproċessar limitat tagħhom, li jippermettilhom jirriċiklaw materjali fissili u jnaqqsu l-ammont ta’ skart ta’ livell għoli. Dan jiġi kkumpensat bil-bini ta’ faċilitajiet ta’ ħżin interim barra l-bini tar-reatturi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-konfini tal-impjant. Sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ skart radjuattiv, għandu jinbeda dibattitu pubbliku wiesa’ dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi kif ukoll dwar id-disponibbiltà tat-teknoloġiji tekniċi tal-ipproċessar, pereżempju dawk tal-ipproċessar mill-ġdid jew it-trasmutazzjoni, sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tikseb stampa komprensiva u tifhem l-argumenti kollha favur u kontra. Dan jinkludi wkoll id-djalogu dwar il-faċilitajiet il-ġodda li jipproduċu l-iskart radjuattiv. |
|
2.6. |
Id-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv dwar il-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv għandha l-għan li tiżgura l-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv biex “biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piżijiet mhux dovuti fuq ġenerazzjonijiet futuri”. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu qafas leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv nazzjonali li jinkludi l-adozzjoni ta’ programm nazzjonali għall-ġestjoni ta’ dawn il-materjali, l-iżgurar tas-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà tan-nies u l-protezzjoni tal-ambjent. L-impenji internazzjonali, taħt l-awspiċji tal-IAEA, jinvolvu rekwiżiti biex jiġi żgurat li l-iskart radjuattiv kollu jiġi ġestit b’mod sikur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. |
|
2.7. |
Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata l-opportunitajiet meħtieġa biex jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-fjuwil użat u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-obbligi internazzjonali. Din ir-regola mhijiex applikata b’mod ugwali f’xi Stati Membri. |
|
2.8. |
Il-pajjiżi jinsabu fi stadji differenti tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv tagħhom. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE għandhom faċilitajiet ta’ rimi qrib il-wiċċ u f’fond intermedju biex jarmu b’mod sikur skart ta’ livell baxx ħafna, ta’ livell baxx u ta’ livell intermedju , il-Finlandja, Franza u l-Iżvezja biss għandhom siti magħżula għar-rimi ġeoloġiku fil-fond ta’ fjuwil użat u skart ta’ livell għoli. L-ewwel repożitorju ġeoloġiku fond x’aktarx li jkun operazzjonali fil-Finlandja sal-2025, segwit minn dak fi Franza u dak fl-Iżvezja (li huma mistennija li jkunu operazzjonali fl-2035), u mbagħad dawk fil-Ġermanja u l-Belġju (li huma mistennija li jkunu operazzjonali fl-2050). Stati Membri oħra indikaw li jeħtieġu perjodi ħafna itwal biex jistabbilixxu repożitorji bħal dawn. Pereżempju, Spanja fl-2060, iċ-Ċekja u s-Slovakkja fl-2065 u n-Netherlands saħansitra mhux qabel l-2130 (4). |
|
2.9. |
Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, kien hemm dewmien kbir fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ ġestjoni fit-tul għal skart radjuattiv intermedju u ta’ livell għoli, l-aktar minħabba nuqqas ta’ azzjoni politika u oppożizzjoni soċjetali. Dan id-dewmien iqajjem tħassib għas-soċjetà ċivili dwar is-sikurezza u l-kapaċità tal-ħżin għall-iskart radjuattiv eżistenti u l-iskart prodott fil-futur. |
|
2.10. |
L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-valutazzjoni tagħhom tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv fir-rapporti nazzjonali tagħhom. Fl-aħħar rapport dwar il-progress tagħha (5), il-Kummissjoni tqis li l-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat ġew ġestiti b’mod sikur fl-UE. Ir-rapport dwar il-progress jindika wkoll li l-programmi nazzjonali li huma fis-seħħ fl-UE ġeneralment ġew stabbiliti b’mod trasparenti u parteċipattiv. Madankollu, jiġi nnotat ukoll li “diversi Stati Membri għadhom ma ddefinixxewx aktar il-politiki nazzjonali għall-ġestjoni fit-tul tal-iskart radjuattiv kollu tagħhom, b’mod partikolari l-iskart ta’ livell radjuattiv intermedju u l-iskart ta’ livell radjuattiv għoli. Barra minn hekk, il-miri stabbiliti f’xi programmi nazzjonali mhumiex ambizzjużi biżżejjed u jipprevedu perjodi twal ta’ implimentazzjoni li jirriskjaw li jpoġġu piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.” Il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati huma l-kontroll u l-finanzjament tal-programmi. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jaċċelleraw ir-rieżamijiet u l-aġġornamenti tal-programmi nazzjonali tagħhom, waqt li jqisu l-eżiti tal-awtovalutazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet internazzjonali bejn il-pari. |
|
2.11. |
L-UE u s-27 Stat Membru tagħha huma kollha partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali. Dan il-ftehim internazzjonali dwar id-demokrazija ambjentali jiggarantixxi lill-pubbliku tliet drittijiet ewlenin li jikkonċernaw kwistjonijiet ambjentali. Fil-livell tal-UE, id-Direttiva dwar l-Aċċess għat-Tagħrif Ambjentali (2003/4/KE) (6) u d-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni Pubblika (2003/35/KE) (7) jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-Direttivi tal-UE japplikaw bis-sħiħ għall-attivitajiet nukleari, inkluża l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Matul il-proċess tal-għażla tas-sit tal-faċilitajiet tar-rimi, kien hemm tendenza lejn l-involviment pubbliku. |
|
2.12. |
L-Istati Membri jużaw skemi differenti ta’ klassifikazzjoni tal-iskart radjuattiv abbażi tal-kundizzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħhom, mingħajr ma jsegwu eżattament ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, iżda xorta jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Dawn id-differenzi jistgħu jkunu problematiċi għall-komunikazzjoni fir-rigward ta’ skart simili li jiġi ttrattat jew mormi b’mod differenti fi Stati Membri differenti jew f’termini ta’ kooperazzjoni transfruntiera fost l-Istati Membri (8). |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza għas-soċjetà tar-rwol divers li jaqdu x-xjenza u t-teknoloġija nukleari f’setturi importanti (eż. dak mediku, tar-riċerka, agrikolu, industrijali), u b’hekk jaqdu rwol deċiżiv fl-awtonomija strateġika tal-UE, fit-tmexxija industrijali, fir-riċerka, fl-edukazzjoni u fil-ħolqien tal-impjiegi. Għalkemm l-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat huma proporzjon żgħir tal-iskart perikoluż totali, huwa meħtieġ approċċ integrat għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv biex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. |
|
3.2. |
Il-garanzija tal-ogħla livelli ta’ sikurezza nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni waqt iż-żarmar tal-impjanti tal-enerġija nukleari, f’konformità mad-Direttivi tal-UE msemmija hawn fuq, hija kruċjali. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-qafas legali li jistabbilixxi l-ogħla standards ta’ sikurezza għall-ħaddiema involuti fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Is-sikurezza għall-ħaddiema, in-nies u l-ambjent hija kwistjoni ta’ prijorità u, f’ħafna pajjiżi, l-awtorità regolatorja sservi bħala sors integrali ta’ informazzjoni u għarfien espert dwar is-sikurezza tal-proġett tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv żviluppat mill-organizzazzjoni implimentattiva. Il-KESE jappoġġja l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari ddedikati għat-titjib tal-arranġamenti għat-trasparenza dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza nukleari fl-Istati Membri. |
|
3.3. |
Il-KESE jenfasizza li għad hemm tħassib dwar in-nuqqas ta’ passi definiti ’l quddiem għar-rimi ta’ fjuwil użat u/jew skart ta’ livell għoli fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u dwar id-dati għall-ikkummissjonar tar-repożitorji, li huma fis-snin 2050 sas-snin 2070 fil-maġġoranza tal-pajjiżi, u f’xi wħud saħansitra aktar tard. L-estensjoni tal-ħżin ta’ skart ta’ livell għoli għal aktar minn seklu se żżid ir-riskji u l-kostijiet u se tkun ta’ piż għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jimplimentaw soluzzjonijiet ta’ rimi permanenti jew jinvolvu ruħhom f’soluzzjonijiet kondiviżi, u fl-istess ħin ikomplu jfittxu possibbiltà ta’ riċiklaġġ. It-teħid tar-responsabbiltà u li ma jitħalliex piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri jeħtieġu djalogu wiesa’ u kunsiderazzjoni ta’ varjetà ta’ perspettivi fil-proġett tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. |
|
3.4. |
Fid-dawl ta’ żieda fil-previżjoni tal-iskart, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jirriċiklaw il-materjali kemm jista’ jkun. Skont l-IAEA, sa 96 % tal-fjuwil użat jista’ jiġi riċiklat u, għalhekk, ikun meħtieġ inqas uranju naturali biex jitħaddmu l-impjanti nukleari (9). |
|
3.5. |
Komunikazzjoni trasparenti bidirezzjonali dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv mill-atturi kollha hija vitali biex tinbena l-fiduċja u biex jiġi appoġġjat teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat akbar. Il-KESE jitlob li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal djalogu mtejjeb u effettiv fost ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati pubbliċi u privati tradizzjonali tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv fl-Istati Membri kollha. Huwa jappella wkoll għal trasparenza aħjar tal-atturi kollha involuti, jiġifieri s-sors ta’ finanzjament għall-entitajiet involuti fil-konsultazzjoni u fl-istruttura ta’ ġestjoni. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv ma għandhomx jiġu ffinanzjati direttament mill-entità li tniġġes responsabbli għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, iżda minn fond fiduċjarju indipendenti jew permezz ta’ entità oħra li tiżgura l-oġġettività. |
|
3.6. |
Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward il-fjuwil użat u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv jeħtieġ proċess parteċipattiv li jqis l-opinjonijiet infurmati tas-soċjetà ċivili wara proċess deliberattiv bir-reqqa. Djalogu trasparenti bl-involviment tal-komunitajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-media sa minn stadju bikri tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jibqa’ ta’ importanza kbira fil-bini tal-fiduċja u l-kunfidenza fl-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Id-djalogu trasparenti jgħin biex jitneħħew id-dubji, jiġi indirizzat it-tħassib u tingħata informazzjoni wkoll dwar l-impatti soċjoekonomiċi u l-impjiegi marbuta mal-proġett għall-kostruzzjoni ta’ repożitorji tal-iskart radjuattiv. |
|
3.7. |
Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas joħloq obbligu legali għall-ġeneraturi tal-fjuwil użat u tal-iskart biex iġorru l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Madankollu, l-informazzjoni limitata pprovduta rigward il-finanzjament disponibbli għat-twettiq ta’ programmi nazzjonali tqajjem tħassib dwar l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat. Fil-proċess tal-iżvilupp u l-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda bħal reatturi modulari avvanzati u reatturi modulari żgħar, il-ġestjoni tal-iskart u l-aspetti finanzjarji relatati mal-operat tul il-ħajja u l-ispejjeż tad-dekummissjonar għandhom ikunu magħrufa fi stadju bikri. |
|
3.8. |
Il-prattiki attwali ta’ parteċipazzjoni fl-ġestjoni tal-iskart radjuattiv fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jinkludu kummissjonijiet lokali tal-informazzjoni, kumitati lokali tas-sikurezza, assoċjazzjonijiet tal-gvern lokali u sħubijiet komunitarji li r-rwol tagħhom huwa li jiġbru informazzjoni dwar proġett, jorganizzaw diskussjonijiet usa’ mal-pubbliku u jimmonitorjaw u jissorveljaw diversi aspetti tal-faċilità inkwistjoni, eż. it-trasport u l-ħżin. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-prattiki attwali tal-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv kif ukoll l-implimentazzjoni tat-trasparenza. |
|
3.9. |
L-għadd ta’ persunal kwalifikat meħtieġ għall-ġestjoni u r-rimi sikuri u effiċjenti tal-iskart radjuattiv fl-Ewropa se jiżdied fis-snin li ġejjin. L-iżvilupp u ż-żamma tal-għarfien espert u l-ħiliet u l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persunal fl-ġestjoni tal-iskart radjuattiv għadhom sfida f’ħafna pajjiżi. Huwa kruċjali li jkomplu jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti u x-xjenzati fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u li tiġi enfasizzata l-importanza li l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv titqies bħala sfida “soċjoteknika” u li jiġu proposti “approċċi soċjotekniċi” lejn l-iskart radjuattiv. Barra minn hekk, għodod innovattivi, bħal robots ikkontrollati mis-software, għandhom jiġu żviluppati u użati biex jitwettqu diversi kompiti tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv sabiex jittejbu s-saħħa u s-sikurezza u jiġu protetti l-ħaddiema. |
|
3.10. |
F’konformità mal-obbligi skont l-Artikolu 3(2), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-KESE jipproponi li jiġu pprovduti fondi biex jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, inkluż fir-riċerka u t-taħriġ futuri. L-integrazzjoni tal-fehmiet tas-soċjetà mhux biss tista’ trawwem l-innovazzjoni fis-sikurezza tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, fil-ġestjoni tal-għarfien, fil-monitoraġġ u fit-tfassil u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji nukleari, li huma parti neċessarja mill-proċess xjentifiku u tal-inġinerija, iżda tista’ tiżgura wkoll tranżizzjoni ġusta u soċjalment ekwa għan-newtralità klimatika. |
|
3.11. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timmonitorja b’mod sistematiku sa liema punt id-djalogu u l-interazzjoni bejn il-livelli nazzjonali u reġjonali tal-gvern u l-livell lokali kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-komunitajiet lokali, qed jiġu verament implimentati fil-prattika fl-Istati Membri. Monitoraġġ bħal dan jista’ jwassal għal valutazzjoni fejn meħtieġ biex jiġi ċċarat ir-rwol tal-parteċipazzjoni pubblika fid-diversi passi tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u biex titrawwem koordinazzjoni aħjar bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, b’mod partikolari fi kwistjonijiet ta’ lokalizzazzjoni, fejn l-interessi lokali huma naturalment sinifikanti. |
|
3.12. |
L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet kondiviżi bħal repożitorji multinazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv jista’ jkun ta’ interess għal xi Stati Membri tal-UE, b’mod partikolari pajjiżi b’inventarji żgħar jew ta’ daqs medju. Madankollu, il-fattibbiltà tagħhom tiddependi minn ħafna aspetti differenti, inklużi kunsiderazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Il-KESE jappoġġja sforzi koordinati ta’ riċerka fl-oqsma tekniċi u xjentifiċi, bħall-EURAD u l-ħidma tal-IGD-TP fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni f’waqtha ta’ rimi ġeoloġiku fil-fond u sikur fl-Ewropa u t-trawwim ta’ fehim reċiproku bejn l-Istati Membri. In-nuqqas ta’ involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili f’dan l-isforz ta’ riċerka jirfed it-tendenza li l-implimentaturi, ir-regolaturi u x-xjentisti tekniċi jaħdmu fuq il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv mingħajr ma jqisu l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà, bħall-membri tal-pubbliku f’komunitajiet ospitanti potenzjali li għandhom għarfien rilevanti u huma interessati li jipparteċipaw fid-dibattitu tekniku. Il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati mill-komunitajiet lokali affettwati mill-faċilitajiet tar-rimi u tal-ħżin permezz ta’ proċessi u strutturi parteċipattivi hija kruċjali biex jitrawwem sens ta’ sjieda kondiviża fil-proċess. |
|
4.2. |
Il-KESE jappella għall-applikazzjoni ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni adatti biex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv, b’mod partikolari fiċ-ċiklu ta’ rapportar li jmiss. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni mhumiex biss kruċjali għar-rappurtar lill-Kummissjoni Ewropea kull 3 snin iżda huma wkoll mekkaniżmu utli biex tiġi żgurata t-trasparenza għall-pubbliku. |
Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad- 19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv ( ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).
(2) Klassifikazzjoni tal-Iskart Radjuattiv, Standards tas-Sikurezza tal-IAEA Nru GSG-1, 2009, Vjenna.
(3) IAEA (2022), Status and trends in spent fuel and radioactive waste management, IAEA Nuclear Energy Series No. NW-T-1.14.
(6) Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE ( ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).
(7) Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja ( ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).
(8) IDOM Consulting and BGE TECHNOLOGY (2022), Study on radioactive waste classification schemes in the European Union, rapport finali, ENER/2021/NUCL/SI2.853676.
(9) IAEA (2019), Management of Spent Fuel from Nuclear Power Reactors – Learning from the Past, Enabling the Future, Bulletin IAEA, Vjenna.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/110/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)