Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2026 (1)

Kawża C‑14/25

Thüringer Aufbaubank

vs

LN

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 805/2004 – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Titolu eżekuttiv Ewropew għall-krediti mhux ikkontestati – Rifjut ta’ eżekuzzjoni – Esklużjoni ta’ eżami mill-ġdid fil-mertu – Atti awtentiċi – Att notarili eżekuttiv konkluż qabel id-dħul fis-seħħ ta’ regolament”






I.      Introduzzjoni

1.        Qabel l-adozzjoni, fl‑2012, tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I bis”), li ħassar il-proċedura intermedjarja tal-exequatur fil-qasam ġenerali tal-materji ċivili u kummerċjali, il-moviment liberu tas-sentenzi, tar-riżoluzzjonijiet ġudizzjarji u tal-atti awtentiċi bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam inkiseb b’mod gradwali.

2.        Wara t-tnaqqis tal-formalitajiet tal-exequatur fir-reġim komuni (3), it-tneħħija sħiħa tagħhom irriżultat fit-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ moviment liberu f’oqsma limitati, stabbiliti b’mod partikolari mir-Regolament (KE) Nru 805/2004 (4).

3.        Skont dan ir-regolament, meta titolu nazzjonali fuq kreditu mhux ikkontestat ikun ċċertifikat fl-Istat Membru ta’ oriġini bħala titolu eżekuttiv Ewropew (iktar ’il quddiem it-“TEE”), dan jiġi ttrattat, għal finijiet tal-eżekuzzjoni, bħala ekwivalenti għat-titoli eżekuttivi interni fl-Istati Membri l-oħra, huwa ma jistax ikun suġġett għal verifika fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 805/2004 huwa ta’ natura eċċezzjonali sa fejn ma jinkludix klawżola ta’ ordni pubbliku (5).

4.        Madankollu, x’jingħad għal sitwazzjoni fejn ir-Regolament Nru 805/2004 ġie applikat b’mod żbaljat fl-Istat Membru ta’ oriġini? F’din il-kawża, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża s-setgħa ta’ verifika tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni f’tali sitwazzjoni, skont dan ir-regolament, billi twieġeb għall-mistoqsija dwar jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jistax jirrifjuta l-eżekuzzjoni meta ċ-ċertifikazzjoni bħala TEE tkun twettqet bi ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament.

5.        Qabelxejn, nosserva li, f’dan il-każ, wieħed jista’ jkollu t-tentazzjoni li janalizza, minbarra l-kwistjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur, fl-Istat Membru ta’ oriġini, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004, xenarji oħra li jinvolvu ksur ta’ regoli superjuri, b’mod partikolari dak tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, sa fejn dan ir-regolament ma jipprevedix klawżola ta’ ordni pubbliku, tali sitwazzjoni tkun teħtieġ ċertament analiżi fil-fond fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru ta’ oriġini u l-Istat Membru mitlub għal dak li jirrigwarda eżekuzzjoni ta’ TEE maħruġ bi ksur ta’ dan it-tip ta’ regoli superjuri. Madankollu, id-domanda preliminari f’din il-kawża hija b’mod ċar ċirkonskritta. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi biss għad-domanda dwar jekk ir-Regolament Nru 805/2004 jippermettix verifika mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu. L-analiżi tiegħi għalhekk ser tkun limitata għal dan l-aspett, mingħajr ma din tippreġudika r-risposta li għandha tingħata fil-każ ta’ tali ksur.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-premessi 7 sa 10 u 18 tar-Regolament Nru 805/2004 jipprovdu:

“(7)      Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti u strumenti awtentiċi dwar talbiet mhux kontestati u għad-deċiżjonijiet mogħtija wara kontestazzjonijiet għal sentenzi, settlement tal-qorti u strumenti awtentiċi ċertifikati bħala [TEE].

(8)      Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Tampere [il-Finlandja], il-Kunsill Ewropew ikkunsidra l-aċċess għall-infurzar fi Stat Membru li ma ikunx dak li fih kienet ingħatat is-sentenza jitħaffef u jiġi simplifikat billi jitneħħew xi miżuri intermedjarji li jkollhom jittieħdu qabel l-infurzar fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala [TEE] mill-qorti ta’ oriġini għandha, għall-finijiet ta’ l-infurzar, tiġi ttrattata daqslikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. Fir-Renju Unit, per eżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ sentenza barranija ċertifikata għandha għalhekk isegwi l-istess regoli bħar-reġistrazzjoni ta’ sentenza minn parti oħra tar-Renju Unit u ma għandhiex timplika reviżjoni fir-rigward tas-sustanza ta’ dik is-sentenza barranija. L-arranġamenti għall-infurzar ta’ sentenzi għandhom jibqgħu jiġu regolati bil-liġi nazzjonali.

(9)      Dik il-proċedura għandha toffri vantaġġi sinjifikanti meta mqabbla mal-proċedura exquatur li hemm provvediment dwarha fir-[Regolament Brussell I], minħabba li m’hemmx il-ħtieġa għall-approvazzjoni mill-ġudizzjarji tat-tieni Stat Membru bid-dewmien u l-ispejjeż li dan jinvolvi.

(10)      Fejn qorti fi Stat Membru tkun tat sentenza fuq talba mhux kontestata fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti, it-tneħħija ta’ xi verifiki fl-Istat Membru ta’ l-infurzar hija intrinsikament marbuta u dipendenti fuq l-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

[...]

(18)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Mmebri tiġġustifika l-istima mill-qorti ta’ Stat Membru wieħed li l-kondizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni ta’ [TEE] ikunu mħarsa biex jippermettu li sentenza għandha tkun infurzata fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr reviżjoni ġudizzjarja ta’ l-applikazzjoni kif imiss ta’ l-istandards minimi proċedurali fl-Istat Membru fejn għandha tiġu nfurzata s-sentenza.”

7.        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq [TEE] għal talbiet mhux kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

8.        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal. Dan ma għandux jestendi, b’mod partikolari, għal dħul, kwistjonijiet doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbilità ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).”

9.        L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Drittijiet ta’ infurzar li għandhom jiġu ċertifikati bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti, u strumenti awtentiċi dwar talbiet mhux kontestati.

Talba titqies bħala mhux kontestata jekk:

[...]

(d)      id-debitur ikun espressament qabel li jkun strument awtentiku.”

10.      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 805/2004 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “talba” bħala “talba għal ħlas ta’ somma speċifika ta’ flus li tkun saret dovuta jew li dwarha d-data debita tkun indikata fis-sentenza, settlement tal-qorti jew strument awtentiku”.

11.      L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tneħħija ta’ exequatur”, jipprevedi:

“Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala [TEE] fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzar u mingħajr il-possibbiltà ta’ xi opposizzjoni tar-rikonoxximent tagħha.”

12.      L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Korrezzjoni jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċertifikat ta’ [TEE] għandu, fuq applikazzjoni mill-qorti ta’ oriġini, jiġi

(a)      korrett fejn, minħabba żball materjali, ikun hemm diskrepanza bejn is-sentenza u ċ-ċertifikat;

(b)      rtirat fejn ikun ċar li ikun ingħata bi żball, wara li jingħata kont tal-ħtiġiet preskritti f’dan ir-Regolament.

2.      Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tgħodd għall-korrezzjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ [TEE].

3.      Applikazzjoni għall-korrezzjoni jew l-irtirar ta’ [TEE] tista’ ssir bl-użu tal-formola standard fl-Anness VI.

4.      Ma jista’ jsir ebda appell kontra l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ [TEE].”

13.      L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura ta’ infurzar”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċeduri ta’ infurzar għandhom ikunu regolati mill-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar.

Sentenza ċertifikata bħala [TEE] għandha tiġi nfurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk tas-sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

14.      L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 805/2004, intitolat “Rifjut ta’ infurzar”, jipprevedi:

“1.      L-infurzar għandu, ma l-applikazzjoni mid-debitur, jiġi rifjutat mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-infurzar jekk is-sentenza ċertifikata bħala [TEE] tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija qabel f’xi Stat Membru jew pajjiż terz, kemm-il darba :

(a)      dik is-sentenza mogħtija qabel involviet l-istess kawża ta’ azzjoni u kienet bejn l-istess partijiet; u

(b)      is-sentenza mogħtija qabel kienet mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-infurzar jew tħares il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta’ l-infurzar; u

(ċ)      l-irrikonċiljabilità ma kienitx u ma setgħatx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċeduri tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.

2.      Taħt ebda ċirkostanzi ma għandha s-sentenza jew iċ-ċertifikazzjoni bħala [TEE] tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

15.      L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Twaqqif jew limitazzjoni ta’ l-infurzar”, jipprovdi:

“Fejn id-debitur ikun

— ikkontesta sentenza ċertifikata bħala [TEE], inkluża applikazzjoni għar-reviżjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 19, jew

— applika għall-korrezzjoni jew l-irtirar ta’ ċertifikat ta’ [TEE], skond l-Artikolu 10 ,

il-qorti kompetenti jew awtorità fl-Istat Membru ta’ l-infurzar tista’, wara applikazzjoni mid-debitur:

(a)      tillimiti l-proċeduri ta’ infurzar għal miżuri protettivi; jew

(b)      tagħmel l-infurzar kondizzjonat fuq il-provvista ta’ dik il-garanzija hekk kif tista’ tistabbilixxi; jew

(ċ)      taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, twaqqaf il-proċeduri ta’ infurzar.”

16.      Skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, intitolat “Strumenti awtentiċi”:

“1.      Strument awtentiku li jikkonċerna talba skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2) li jkun infurzabbli fi Stat Membru wieħed għandu, ma’ l-applikazzjoni mill-awtorità nominata mill-Istat Membru ta’ l-oriġini, jiġi ċertifikat bħala [TEE], bl-użu tal-formola standard fl-Anness III.

2.      Strument awtentiku li jkun ġie ċertifikat bħala [TEE] fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għandu ikun infurzat fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr il-possibbiltà ta’ opposizzjoni dwar l-infurzabilità.

3.      Id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II, bl-eċċezjoni ta’ l-Artikoli 5, 6(1) u 9(1), u tal-Kapitolu IV, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikoli 21(1) u 22, għandhom japplikaw skond kif xieraq.”

17.      L-Artikolu 26 tal-istess regolament, intitolat “Disposizzjoni transitorja”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal sentenzi mogħtija, għal settlement tal-qorti approvat jew konkluż u għal dokumenti formalment imħejjija jew reġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”

18.      Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 805/2004, intitolat “Dħul fis-seħħ”:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil‑21 ta’ Jannar 2004.

Huwa għandu japplika mill‑21 ta’ Ottubru 2005, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikoli 30, 31 u 32, li għandhom japplikaw mill‑21 ta’ Jannar 2005.”

B.      Id-dritt Awstrijak

19.      L-Artikolu 54b tal-Exekutionsordnung (il-Kodiċi tal-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni) jipprevedi li l-eżekuzzjoni forzata ta’ ċerti krediti pekunjarji hija awtorizzata permezz ta’ proċedura ssemplifikata meta r-rikorrent jibbaża ruħu fuq titolu eżekuttiv Awstrijak jew fuq titolu eżekuttiv barrani li huwa meqjus ekwivalenti għal dan tal-aħħar, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, jew inkella ta’ titolu eżekuttiv barrani li kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ exequatur.

20.      L-Artikolu 54c ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li l-konvenut fl-eżekuzzjoni jista’ jressaq oppożizzjoni kontra d-deċiżjoni li tawtorizza l-eżekuzzjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ssemplifikata, u dan minħabba nuqqas ta’ titolu eżekuttiv li jkopri l-eżekuzzjoni awtorizzata, flimkien ma’ ċertifikat ta’ saħħa eżekuttiva, jew minħabba nuqqas ta’ konformità tat-titolu eżekuttiv mal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal eżekuzzjoni.

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Fl‑14 ta’ Frar 2022, Thüringer Aufbaubank, kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Erfurt (il-Ġermanja), ressqet talba quddiem il-Bezirksgericht Judenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Judenburg, l-Awstrija) għal eżekuzzjoni forzata kontra LN, persuna fiżika, ta’ kreditu parzjalment eżekuttiv ta’ EUR 25 000, flimkien mal-interessi, abbażi ta’ att notarili konkluż fil-Ġermanja, fit‑28 ta’ Mejju 1999, dwar il-kostituzzjoni ta’ garanzija in rem fuq proprjetà immobbli. Dan l-att, li kien jirrigwarda ammont totali ta’ 6 488 600 mark Ġermaniż (DEM) (madwar EUR 3 317 568), kiseb is-saħħa eżekuttiva fl‑1 ta’ Ġunju 1999.

22.      Insostenn tat-talba tagħha, Thüringer Aufbaubank ipproduċiet l-att notarili inkwistjoni kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ TEE maħruġ fid‑19 ta’ Jannar 2021 mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi permezz tal-formola li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 805/2004.

23.      Fl‑24 ta’ Marzu 2022, LN oppona għad-deċiżjoni li tawtorizza l-eżekuzzjoni (6).

24.      B’deċiżjoni li ttieħdet fl-istess jum, il-Bezirksgericht Judenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Judenburg) ċaħdet l-oppożizzjoni u laqgħet it-talba għal eżekuzzjoni skont il-proċedura ssemplifikata prevista fl-Artikolu 54b tal-Kodiċi tal-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni, li tqieset applikabbli.

25.      Adita b’appell minn LN, il-Landesgericht Leoben (il-Qorti Reġjonali ta’ Leoben, l-Awstrija) irriformat dik id-deċiżjoni u ordnat l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni kif ukoll l-annullament tal-atti ta’ eżekuzzjoni diġà mwettqa. Dik il-qorti qieset li l-att notarili tat‑28 ta’ Mejju 1999 ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004, peress li dan ir-regolament japplika biss għat-titoli eżekuttivi stabbiliti wara l‑21 ta’ Jannar 2005. Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fl-Awstrija ta’ dan l-att notarili konkluż fil-Ġermanja huma għalhekk irregolati mhux mill-imsemmi regolament, iżda mill-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (7), li teżiġi proċedura preliminari ta’ exequatur. Issa, f’dan il-każ, l-imsemmi att notarili Ġermaniż ma kienx is-suġġett ta’ proċedura ta’ exequatur fl-Awstrija.

26.      Il-Landesgericht Leoben (il-Qorti Reġjonali ta’ Leoben) qieset li l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ TEE mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi ma setax ibiddel din il-konklużjoni, sa fejn verifika tan-nuqqas ta’ konformità manifesta ta’ din iċ-ċertifikazzjoni mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004 kienet possibbli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

27.      Thüringer Aufbaubank ippreżentat appell għal reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju.

28.      Dik il-qorti tqis li, sabiex tiddeċiedi dwar dan l-appell, hija għandha tiddetermina, essenzjalment, jekk l-osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004 tistax tiġi vverifikata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, b’tali mod li dan tal-aħħar ma huwiex marbut biċ-ċertifikazzjoni bħala TEE maħruġ fl-Istat Membru ta’ oriġini.

29.      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva li mill-istruttura tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li l-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni bħala TEE jistgħu jiġu vverifikati esklużivament fl-Istat Membru ta’ oriġini, mingħajr ma dan iwassal għal assenza ta’ protezzjoni legali għad-debitur, peress li l-eventwali żbalji fil-ħruġ taċ-ċertifikat jistgħu jiġu kkontestati f’dan l-Istat permezz tar-rimedji ġudizzjarji previsti konformement mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament.

30.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal linja dottrinali li skontha l-impossibbiltà li jiġi vverifikat iċ-ċertifikat ta’ TEE fl-Istat Membru ta’ infurzar hija restrittiva wisq, u li għandu jkun possibbli li jiġi kkontestat jew li jitqajjem ex officio f’dan l-Istat Membru nuqqas manifest ta’ osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae jew ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004.

31.      Fir-rigward tal-att notarili tat‑28 ta’ Mejju 1999, il-qorti tar-rinviju tqis li dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004 li jikkonċerna, kif isegwi mill-Artikolu 26 tiegħu, it-titoli eżekuttivi konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l‑21 ta’ Jannar 2005.

32.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 21(2) [tar-Regolament Nru 805/2004], moqri flimkien mal-Artikolu 25 [tiegħu,] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikazzjoni minn wieħed mill-organi kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini – permezz tal-użu tal-formola fl-Anness III tar-Regolament – ta’ att awtentiku eżekuttiv (f’dan il-każ att notarili eżekuttiv ta’ nutar Ġermaniż) bħala [TEE], ma jistax jiġi vverifikat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki meta, fid-dawl tad-data ta’ konklużjoni tal-att awtentiku, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regolament ma kienx ġie osservat b’mod manifest?”

33.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea. Thüringer Aufbaubank, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fit‑12 ta’ Novembru 2025.

IV.    Analiżi

34.      Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 805/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 25 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċertifikazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini, permezz tal-formola fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, ta’ att awtentiku eżekuttiv bħala TEE, ma tistax tiġi eżaminata mill-ġid fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, meta, fid-dawl tad-data ta’ konklużjoni tal-att awtentiku, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament manifestament ma ġiex osservat (8).

35.      Il-partijiet ippreżentaw argumenti radikalment opposti kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll waqt is-seduta.

36.      Minn naħa, il-Kummissjoni u Thüringer Aufbaubank iqisu li l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 805/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi, mingħajr eċċezzjoni, kull eżami mill-ġdid fil-mertu fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, b’tali mod li l-verifika tal-osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament u, għalhekk, tal-validità taċ-ċertifikazzjoni tal-att awtentiku bħala TEE, hija eskluża.

37.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż jiddefendi l-idea li r-Regolament Nru 805/2004 ma japplikax għas-sitwazzjoni kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li d-data ta’ konklużjoni tal-att awtentiku inkwistjoni tippreċedi dik tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Ir-risposta għad-domanda dwar jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jistax jeżamina mill-ġdid iċ-ċertifikazzjoni bħala TEE ta’ dan l-att awtentiku ma tistax għalhekk tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, peress li l-ebda waħda minnhom ma hija applikabbli.

38.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa neċessarju, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, li nibda l-analiżi tiegħi permezz ta’ eżami tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 805/2004 fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu (A), sabiex minnu joħorġu konklużjonijiet fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni dwar l-eżami mill-ġdid ta’ att awtentiku konkluż qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament iżda xorta waħda ċċertifikat bħala TEE abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (B).

A.      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 805/2004

39.      Jidhirli li d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004 hija neċessarja, fid-dawl tad-dibattiti bejn il-partijiet dwar jekk dan ir-regolament huwiex applikabbli meta l-att awtentiku ċċertifikat bħala TEE jkun ġie konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan huwa iktar u iktar neċessarju peress li l-qrati tal-Istati Membri adottaw approċċi diverġenti (9).

40.      Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 805/2004, tali regolament huwa applikabbli biss għad-deċiżjonijiet mogħtija, għar-riżoluzzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi u għall-atti awtentiċi formalment imħejjija jew irreġistrati wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri l‑21 ta’ Jannar 2005 (10). Madankollu, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tiegħu, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ġiet posposta għall‑21 ta’ Ottubru 2005. Għaldaqstant, ċertifikazzjoni bħala TEE kienet possibbli biss minn din it-tieni data (11).

41.      Kif tosserva ġustament il-qorti tar-rinviju, minn din is-sistema tranżitorja jirriżulta li l-kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk att awtentiku jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004 ma huwiex id-data tal-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ TEE iżda dik tal-konklużjoni jew tar-reġistrazzjoni tiegħu (12). Il-formulazzjoni tal-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament hija inekwivoka f’dan ir-rigward.

42.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-att awtentiku inkwistjoni ġie konkluż fl‑1999: għaldaqstant, dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004, kif limitat mill-Artikolu 26 tal-istess regolament.

43.      Madankollu, jidhirli li huwa neċessarju li din il-konklużjoni tiġi spjegata sew.

44.      Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 805/2004 li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-istess regolament għall-atti konklużi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu huma partikolarment rilevanti għall-awtoritajiet jew għall-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li jiġi żgurat li huma biss l-atti awtentiċi u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li jistgħu jiġu ċċertifikati bħala TEE u suġġetti għas-sistema prevista minnu. Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament tikkostitwixxi għalhekk, fil-fehma tiegħi, kundizzjoni preliminari għaċ-ċertifikazzjoni ta’ att awtentiku bħala TEE.

45.      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-data ta’ konklużjoni tal-att awtentiku inkwistjoni kellha għalhekk twassal sabiex l-awtorità tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tkunx tista’ tipproċedi għaċ-ċertifikazzjoni ta’ dan l-att bħala TEE, peress li manifestament ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

46.      F’dan il-każ, minkejja d-data ta’ konklużjoni tal-att awtentiku inkwistjoni, huwa ġie ċċertifikat bħala TEE, skont il-proċedura prevista mir-Regolament Nru 805/2004, permezz tal-użu tal-formola standard fl-Anness III tal-istess regolament. Fi kliem ieħor, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini applikat, għalkemm b’mod żbaljat, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Fl-istess waqt, il-kreditur fit-tilwima fil-kawża prinċipali kellu issa TEE abbażi tal-imsemmi regolament.

47.      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, iċ-ċertifikazzjoni ta’ att awtentiku bħala TEE tippreżupponi li l-awtorità li ħarġet din iċ-ċertifikazzjoni qieset li r-Regolament Nru 805/2004 kien applikabbli u li dan l-att kellu jkun suġġett għas-sistema prevista mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Din l-awtorità għalhekk tkun evalwat l-applikabbiltà tal-imsemmi regolament, anki jekk din l-evalwazzjoni tirriżulta żbaljata.

48.      Skont il-Gvern Ġermaniż, sa fejn l-att awtentiku ċċertifikat bħala TEE ġie konkluż qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 805/2004, l-ebda dispożizzjoni tiegħu ma tapplika.

49.      Madankollu, għar-raġunijiet li esponejt, jiena tal-fehma li ċ-ċertifikazzjoni ta’ att awtentiku bħala TEE minn awtorità kompetenti jew minn qorti ta’ Stat Membru timplika li japplika l-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 805/2004 għall-moviment liberu tiegħu.

50.      Dan huwa iktar u iktar il-każ meta wieħed iqis li kwalunkwe interpretazzjoni oħra tippreġudika l-effett utli tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 805/2004 li jirrigwarda l-moviment liberu tad-deċiżjonijiet, tar-riżoluzzjonijiet ġudizzjarji u tal-atti awtentiċi relatati ma’ krediti mhux ikkontestati (13). Fil-fatt, dan iwassal sabiex il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jivverifikaw b’mod sistematiku jekk l-att awtentiku jew id-deċiżjoni inkwistjoni u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom bħala TEE jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament, u dan anki meta, kuntrarjament għal dan il-każ, ma jidhirx li l-imsemmi regolament ma ġiex osservat b’mod manifest. Issa, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li l-verifika tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis taqa’ taħt il-projbizzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ kull eżami mill-ġdid fil-mertu tad-deċiżjoni jew tal-att awtentiku u taċ-ċertifikazzjoni tagħhom bħala TEE. Għaldaqstant, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma huwiex permess li jivverifika b’mod sistematiku, meta jiġi ippreżentat b’talba abbażi ta’ TEE, li l-istess regolament ġie applikat b’mod korrett fl-Istat Membru ta’ oriġini.

B.      Il-portata tal-projbizzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ eżami mill-ġdid fil-mertu ta’ deċiżjoni jew ta’ att awtentiku u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom bħala TEE

51.      Il-projbizzjoni ta’ eżami mill-ġdid fil-mertu fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ att awtentiku u taċ-ċertifikazzjoni tiegħu bħala TEE tirriżulta mill-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 805/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 25 tiegħu.

52.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali projbizzjoni testendix għall-verifika tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis, hemm lok li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest li jinsabu fih u l-għanijiet tal-att li minnu jiffurmaw parti (14).

1.      Interpretazzjoni litterali

53.      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 805/2004, minn diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni isegwi li din tipprevedi espressament li eżami mill-ġdid fil-mertu ma jista’ jseħħ “taħt ebda ċirkostanzi” (15). Għandu jiġi enfasizzat li għalkemm din il-preċiżazzjoni ma tinsabx fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, madankollu kienet diġà tidher — tal-inqas fil-verżjoni Ingliża — fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni (16). Barra minn hekk, l-imsemmija preċiżazzjoni tikkorrispondi għall-formulazzjoni normali tal-projbizzjoni tal-eżami mill-ġdid fil-mertu, kif stabbilita fil-qasam tal-kooperazzjoni f’materji ċivili sa mill-Konvenzjoni ta’ Brussell (17).

54.      Bl-istess mod, nirrileva li, fil-qasam tal-kooperazzjoni f’materji ċivili, il-projbizzjoni tal-eżami mill-ġdid fil-mertu tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli tivverifika l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi jew ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (18).

55.      Fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-Regolament Nru 805/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ebda kontestazzjoni dwar id-deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini jew iċ-ċertifikazzjoni tagħha bħala TEE ma tista’ tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-qrati jew awtoritajiet (19). B’differenza minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt sekondarju li jistabbilixxu l-projbizzjoni tal-eżami mill-ġdid fil-mertu fil-qasam tal-kooperazzjoni f’materji ċivili tal-Unjoni, l-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi din il-projbizzjoni mhux biss fir-rigward tad-deċiżjoni (jew tar-riżoluzzjoni ġudizzjarja jew tal-att awtentiku, skont il-każ), iżda wkoll fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tagħha bħala TEE.

56.      Fi kliem ieħor, il-projbizzjoni ta’ eżami mill-ġdid fil-mertu tikkonċerna wkoll l-analiżi li wasslet lill-awtorità kompetenti sabiex tiċċertifika l-att awtentiku inkwistjoni bħala TEE. Issa, id-determinazzjoni tal-mument li fih deċiżjoni għandha titqies li ngħatat, u att awtentiku mħejji formalment jew irreġistrat, fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 805/2004, għandha ssir mill-awtorità jew mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini, skont id-dritt nazzjonali tiegħu. Għalhekk, il-punt dwar jekk att jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi preċiżament eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni ġuridika mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma tistax tiġi vverifikata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

57.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-eżami tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis mill-awtorità jew mill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ eżami mill-ġdid fil-mertu taċ-ċertifikazzjoni bħala TEE.

58.      Din il-konklużjoni hija kkorroborata, fil-fehma tiegħi, mill-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2.      Interpretazzjoni sistematika

59.      Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 805/2004, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tneħħija tal-exequatur, prevista fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, hija bbażata fuq tqassim ċar tal-kompetenzi bejn il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (20).

60.      B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi llimita l-kompetenzi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni jew tal-att awtentiku ċċertifikat bħala TEE, ippreveda korrelattivament, fl-Istat Membru ta’ oriġini, mekkaniżmi intiżi sabiex id-debitur tal-kreditu jkun jista’ jikkontesta din iċ-ċertifikazzjoni.

61.      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jipprevedi li ċ-ċertifikat ta’ TEE għandu jagħti lok, fuq talba indirizzata lill-qorti ta’ oriġini, skont il-każ, jew għal korrezzjoni jew għal irtirar. Barra minn hekk, l-Artikolu 25(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li din il-proċedura tapplika mutatis mutandis għaċ-ċertifikazzjoni bħala TEE ta’ atti awtentiċi.

62.      B’mod partikolari, nirrileva li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jipprevedi espressament li ċ-ċertifikat jista’ jiġi rtirat fl-Istat Membru ta’ oriġini meta jkun inħareġ bi żball, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament. Issa, minn naħa, ma teżisti ebda limitazzjoni, fl-imsemmi regolament, tal-motivi li jippermettu li jiġi konkluż li ċ-ċertifikat inħareġ bi żball. Min-naħa l-oħra, kif enfasizzajt, l-analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis taqa’ taħt il-kundizzjonijiet li l-awtorità kompetenti jew il-qorti kompetenti għandha teżamina waqt il-ħruġ taċ-ċertifikazzjoni bħala TEE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li n-nuqqas ta’ osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-istess regolament jagħmel parti mir-raġunijiet li jippermettu li jiġi kkonstatat il-ħruġ żbaljat ta’ ċertifikat bħala TEE.

63.      Fi kliem ieħor, huma biss il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jistgħu jeżaminaw mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni sabiex jiddeċiedu jekk, għal xi raġuni jew oħra, għandhiex tiġi rtirata.

64.      F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 805/2004 huwa l-unika għodda li għandu debitur sabiex isostni li att awtentiku jew deċiżjoni ġew iċċertifikati b’mod żbaljat bħala TEE. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, it-tneħħija ta’ kull verifika fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija intrinsikament marbuta u dipendenti fuq l-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li għandu jiġi interpretat b’mod flessibbli l-kunċett ta’ “ħruġ żbaljat” li jippermetti lill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tipproċedi għall-irtirar taċ-ċertifikazzjoni.

65.      Din il-possibbiltà ta’ rtirar hija kkomplementata minn mekkaniżmu ieħor fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li huwa intiż sabiex, meta jkun intalab l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni, id-debitur ikun jista’ jitlob il-limitazzjoni jew is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, konformement mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 805/2004.

66.      F’dan ir-rigward, il-possibbiltà li d-debitur jikseb is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet restrittivi. Minn naħa, din hija marbuta mal-introduzzjoni mid-debitur ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward jew tad-deċiżjoni jew tal-att awtentiku li huma s-suġġett taċ-ċertifikazzjoni, jew tal-irtirar jew korrezzjoni ta’ TEE. Min-naħa l-oħra, hija tippreżupponi l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, peress li din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata, skont il-ġurisprudenza, b’mod strett (21). F’dan ir-rigward, irrid madankollu nenfasizza li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa manifest, għall-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004 ma ġiex osservat, għandha tkun tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” u tibbenefika minn interpetazzjoni inqas restrittiva minn dik mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett.

67.      Kif issostni l-Kummissjoni, l-istudju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta r-Regolament Nru 805/2004, ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċertifikazzjoni setgħet tkun inħarġet b’mod żbaljat, u għażel li jirrimedja dan billi jipprevedi l-possibbiltà, għall-applikant, li jitlob l-irtirar taċ-ċertifikat fl-Istat Membru ta’ oriġini u, fl-istess ħin, li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

68.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta b’mod ċar li l-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi vverifikata biss fl-Istat Membru ta’ oriġini, skont l-għażliet disponibbli lid-debitur sabiex isostni li ċ-ċertifikazzjoni nħarġet b’mod żbaljat. Konsegwentement, u fid-dawl tat-tqassim strett tal-kompetenzi kif stabbilit minn dan it-test, l-istruttura ġenerali tal-imsemmi regolament ma tippermettix tali eżami mill-ġdid fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

3.      Interpretazzjoni teleoloġika

69.      Fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 805/2004, infakkar li dan għandu bħala sfond il-programm adottat fl‑2000 mill-Kunsill wara l-laqgħa ta’ Tampere sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, b’mod partikolari billi jitneħħew il-miżuri intermedjarji li jippreċedu l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru fejn hija mitluba tali eżekuzzjoni (22). Dan kellu l-għan li jagħti vantaġġ tanġibbli lill-kredituri billi jippermettilhom jiksbu eżekuzzjoni mgħaġġla u iktar effiċjenti barra mill-pajjiż mingħajr intervent mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru fejn l-eżekuzzjoni hija meħtieġa bid-dewmien u l-ispejjeż li dan jinvolvi (23).

70.      Ir-Regolament Nru 805/2004 għalhekk għandu l-għan li joħloq TEE għall-krediti mhux ikkontestati, permezz tal-istabbiliment ta’ standards minimi, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet, tar-riżoluzzjonijiet ġudizzjarji u tal-atti awtentiċi fl-Istati Membri kollha (24). Meta deċiżjoni nazzjonali tkun ġiet iċċertifikata bħala TEE mill-qorti ta’ oriġini, din tiġi ttrattata, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, daqslikieku ngħatat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u għalhekk mingħajr il-ħtieġa ta’ klawżola ta’ exequatur li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tagħha f’dak l-Istat Membru (25). L-istess japplika għar-riżoluzzjonijiet ġudizzjarji (26) u għall-atti awtentiċi (27).

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li mill-qari flimkien tal-Artikoli 1 u 5 tar-Regolament Nru 805/2004, moqrija fid-dawl tal-premessi 8, 10, 11 u 18 tiegħu, jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż, fl-osservanza tal-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri li fuqha huwa bbażat it-tqassim tal-kompetenzi bejn, minn naħa, il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li jiżgura l-moviment liberu, b’mod partikolari, tad-deċiżjonijiet dwar il-krediti mhux ikkontestati, u li titħaffef u li tiġi ssemplifikata l-eżekuzzjoni tagħhom, permezz tat-tneħħija tal-proċedura intiża sabiex dawn id-deċiżjonijiet isiru eżekuttivi filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża (28).

72.      Fil-fehma tiegħi, li tiġi permessa l-verifika tal-osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004 fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun imur b’mod ċar kontra dan l-għan, sa fejn dan ikun iwassal għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ verifika sistematika, f’dan l-Istat Membru, taċ-ċertifikazzjoni bħala TEE li tkun inħarġet fl-Istat Membru ta’ oriġini, minbarra l-proċeduri previsti minn dan ir-regolament u minkejja l-projbizzjoni espressa fi ħdan ir-regolament ta’ eżami mill-ġdid fil-mertu.

73.      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-implimentazzjoni ta’ tali sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet dwar il-krediti mhux ikkontestati hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fl-osservanza tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, kif tiddikjara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 805/2004, il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tiżgura li qorti ta’ Stat Membru tista’ tqis li l-kundizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni bħala TEE huma ssodisfatti sabiex deċiżjoni tkun tista’ tiġi eżegwita fl-Istati Membri l-oħra kollha.

74.      Barra minn hekk, kif turi l-assenza ta’ klawżola ta’ ordni pubbliku li tippermetti li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jipproċedix bl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, tar-riżoluzzjoni ġudizzjarja jew tal-att awtentiku ċċertifikat bħala TEE, dan il-moviment liberu huwa bbażat, fil-fehma tiegħi, fuq livell partikolarment għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

75.      Fi kliem ieħor, huwa tabilħaqq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li jiġġustifika li, minn naħa, l-Istat Membru ta’ oriġini għandu l-kompetenza esklużiva li jipproċedi għall-korrezzjoni jew għall-irtirar ta’ TEE u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tqis ċertifikat ta’ TEE bħala validu u li hija pprojbita milli tivverifika li nħareġ b’mod korrett, anki jekk, minħabba ksur manifest tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 805/2004, iċ-ċertifikazzjoni ma kellhiex tinħareġ.

76.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 21(2) u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 805/2004 kif ukoll il-kuntest li fih jinsabu dawn id-dispożizzjonijiet u l-għanijiet imfittxija mill-att li minnu jagħmlu parti jindikaw li l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprekludu li ċ-ċertifikazzjoni ta’ att awtentiku bħala TEE tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni meta, fid-dawl tad-data tal-konklużjoni tal-att awtentiku, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament manifestament ma ġiex osservat.

V.      Konklużjoni

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati, moqri flimkien mal-Artikolu 25 tiegħu,

għandu jiġi interpretat fis-sens li: ċertifikazzjoni ta’ att awtentiku eżekuttiv bħala TEE, maħruġa mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini permezz tal-użu tal-formola fl-Anness III tal-imsemmi regolament, ma tistax tiġi eżaminata mill-ġid fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, meta, fid-dawl tad-data ta’ konklużjoni tal-att awtentiku, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-istess regolament manifestament ma ġiex osservat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


3      Imwettaq permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).


5      L-unika raġuni għal rifjut ta’ deċiżjoni ċċertifikata, prevista fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 805/2004, hija l-inkompatibbiltà ma’ deċiżjoni preċedenti, li barra minn hekk ma tapplikax għall-atti awtentiċi; ara l-Artikolu 25(3) ta’ dan ir-regolament.


6      Skont l-Artikolu 54c(1) tal-Kodiċi tal-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni.


7      ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”.


8      F’dan ir-rigward, nixtieq nippreċiża li, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 805/2004, tali regolament kien fis-seħħ fil-mument taċ-ċertifikazzjoni bħala TEE tal-att awtentiku inkwistjoni. Għalhekk ma hijiex l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni li hija inkwistjoni hawnhekk. Mill-banda l-oħra l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-istess regolament huwa applikabbli biss għall-atti awtentiċi mfassla jew konklużi wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. Għalhekk, hija din id-dispożizzjoni, li hija intiża li tillimita b’mod temporali l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett taċ-ċertifikazzjoni bħala TEE, li hija inkwistjoni hawnhekk.


9      Ara, b’mod partikolari, Yessiou-Faltsi, P., “The European Enforcement Order after Five Years of Experience in Greece”, Revue Hellénique de Droit International, 2008, Vol. 61, p. 735, 742 u 743 (deċiżjonijiet Griegi ċċertifikati bħala TEE qabel l‑21 ta’ Ottubru 2005); tribunal d’arrondissement Luxembourg (civil), (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu (ċivili), il-Lussemburgu), it-tielet awla, sentenza ta’ mandat ta’ qbid speċjali, Nru 37/2015, aċċessibbli permezz ta’ https:// justice.public.lu/fr/jurisprudence/juridictions-judiciaires.html (TEE maħruġ fi Franza fl‑2012 abbażi ta’ digriet għal miżuri provviżorji mogħti fl‑2003); kif ukoll Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Munich, il-Ġermanja), digriet tat‑30 ta’ April 2007, 6 W 687/07, NJW‑RR, 2007, p. 1582 u 1583 (inapplikabbiltà tar-regolament għal digriet għall-intaxxar tal-ispejjeż mogħti fit‑2 ta’ Marzu 2005).


10      Artikolu 33 tar-Regolament Nru 805/2004.


11      Ara wkoll Huet, A., “Titre exécutoire européen”, f’Répertoire de droit européen, Dalloz, Awwissu 2006, punt 7.


12      Ara, b’analoġija, fir-rigward tad-delimitazzjoni ratione temporis tar-Regolamenti Brussell I u Brussell Ibis, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Weil (C‑361/18, EU:C:2019:473, punt 24).


13      Artikolu 1 tar-Regolament Nru 805/2004.


14      Sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey (C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 33), u tas‑27 ta’ Novembru 2025, Manuel Costa Filhos (C‑643/24, EU:C:2025:923, punt 37).


15      Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Griega (“Σε καμία περίπτωση”), bl-Ispanjol (“en ningún caso”), bil-Franċiż (“en aucun cas”), bit-Taljan (“in nessun caso”), bl-Olandiż (“in geen geval”), bil-Pollakk (“w żadnych okolicznościach”), bil-Portugiż (“em caso algum”), bir-Rumen (“în niciun caz”) u bl-Ingliż (“under no circumstances”).


16      Ara l-Artikolu 22(2) tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati, COM(2002) 159 final, p. 3.


17      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 52 tar-Regolament Brussell I bis.


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach(C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 36), u, fl-aħħar, tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol(C‑633/22, EU:C:2024:843, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey(C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 41).


20      Sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey(C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 41), u tas‑27 ta’ Novembru 2025, Manuel Costa Filhos(C‑643/24, EU:C:2025:923, punt 40).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey(C‑393/21, EU:C:2023:104, punti 34 u 35).


22      Ara l-premessa 8 tar-Regolament Nru 805/2004 kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kunsill (2001/C 12/01), “Abbozz ta’ programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali” (ĠU 2001, C 12, p. 1 u 5).


23      Ara l-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 805/2004.


24      Artikolu 1 tar-Regolament Nru 805/2004.


25      Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 805/2004.


26      Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 805/2004.


27      Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 805/2004.


28      Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2025, Manuel Costa Filhos (C‑643/24, EU:C:2025:923, punt 53). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey (C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 45).