|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2530 |
17.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2530
tas-16 ta’ Diċembru 2025
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji li jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji jaqdu rwol kruċjali biex ikunu żgurati interazzjonijiet diġitali siguri u affidabbli billi jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014. |
|
(2) |
Il-preżunzjoni tal-konformità stabbilita fl-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jenħtieġ li tkun tapplika biss meta s-servizzi fiduċjarji kwalifikati jkunu konformi mar-rekwiżiti, l-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk ir-rekwiżiti, l-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ li jkunu jirriflettu prattiki stabbiliti u jkunu rikonoxxuti b’mod wiesa’ fis-setturi rilevanti. L-istandards ta’ referenza jenħtieġ li jiġu adattati biex jinkludu kontrolli addizzjonali li jiżguraw is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-servizz fiduċjarju kwalifikat u tal-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji li jipprovdu dak is-servizz. |
|
(3) |
Jekk fornitur tas-servizzi fiduċjarji josserva r-rekwiżiti, l-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-korpi superviżorji jenħtieġ li jassumu l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u jqisu kif xieraq dik il-preżunzjoni għall-għoti jew għall-konferma tal-istatus kwalifikat tas-servizz fiduċjarju. Iżda fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji xorta jista’ jistrieħ fuq prattiki oħra biex juri l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment teknoloġiji, prattiki, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. F’konformità mal-Premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni biex iżżommu konformi mal-iżviluppi globali, ma’ teknoloġiji, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda, u biex timxi mal-aqwa prattiki fis-suq intern. |
|
(5) |
Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji jridu jinnotifikaw lill-korpi superviżorji qabel jagħmlu xi bidla fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tagħhom. Permezz ta’ dawk in-notifiki, il-korpi superviżorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji jieħdu miżuri xierqa li jtaffu l-impatti negattivi potenzjali tal-bidliet notifikati fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fir-rigward tal-għoti tal-istatus kwalifikat. Biex jipprovdi ċarezza u gwida lill-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji rigward il-bidliet li jridu jiġu notifikati lill-korpi superviżorji, dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ tali bidliet. |
|
(6) |
Minkejja l-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jipprevedi rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jikkonċernaw riskji legali, kummerċjali, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħra għall-forniment tas-servizz fiduċjarju kwalifikat, li mhumiex indirizzati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2690 (4). Biex ikun żgurat li l-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji jevalwaw u jiddokumentaw strutturalment u sistematikament dawn ir-riskji għall-affidabbiltà tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tagħhom, dawn jenħtieġ li jimplimentaw qafas tal-ġestjoni tar-riskju mfassal għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdu. Biex tkun żgurata l-konsistenza tal-politiki tal-ġestjoni tar-riskju implimentati mill-fornituri mhux kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji u mill-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji, jenħtieġ li dak il-qafas ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2160 (5). |
|
(7) |
Il-kontinwità tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, jew it-terminazzjoni xierqa tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati meta l-kontinwità tagħhom ma tkunx tista’ tiġi żgurata, hija element kritiku biex tiġi appoġġata l-affidabbiltà tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Pjanijiet tat-terminazzjoni dettaljati biżżejjed huma għodda importanti biex ikun żgurat li l-eżiti tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati jkunu jistgħu jiġu invokati mill-abbonati u mill-partijiet dipendenti f’każ ta’ terminazzjoni tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Il-pjanijiet tat-terminazzjoni jenħtieġ li jkopru t-terminazzjoni antiċipata ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat, bħall-bejgħ ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat lil fornitur kwalifikat ieħor tas-servizzi fiduċjarji, u anki t-terminazzjoni mhux antiċipata, bħal fallimenti jew każijiet oħra ta’ insolvenza. Il-pjanijiet tat-terminazzjoni jenħtieġ li jkun fihom dispożizzjonijiet xierqa biex jiżguraw li l-effetti tat-terminazzjoni jkunu jistgħu jiġu ġestiti mingħajr impatt negattiv fuq il-validità jew il-valur tal-eżiti tas-servizz fiduċjarju kwalifikat qabel it-terminazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-pjanijiet tat-terminazzjoni jenħtieġ li jiżguraw li ma jkun jista’ jinkiseb l-ebda eżitu ġdid minn servizz fiduċjarju kwalifikat itterminat li ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati jew għall-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji jenħtieġ li jżommu l-pjanijiet tat-terminazzjoni aġġornati u jenħtieġ li janalizzaw l-impatt ta’ kull bidla għall-fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji jew għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi, bħal bidliet fl-isem, fużjonijiet, akkwiżizzjonijiet, fallimenti, riċevituri, amministrazzjoni furzata, jew bidliet tekniċi, fuq il-pjanijiet tat-terminazzjoni qabel jimplimentaw dawk il-bidliet. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni adottat Regolamenti ta’ Implimentazzjoni li jirreferenzjaw standards u speċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Dawk ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni, imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, jispeċifikaw kif ir-rekwiżiti għall-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, iridu jiġu applikati u interpretati filwaqt li jitqiesu l-aspetti speċifiċi ta’ dawk is-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Biex il-preżunzjoni tal-konformità stabbilita fl-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tkun tapplika għall-fornitur kwalifikat tas-servizzi, ir-rekwiżiti kollha referenzjati fl-Anness jenħtieġ li jiġu implimentati kif applikabbli għas-servizz fiduċjarju kwalifikat speċifiku. |
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta l-opinjoni tiegħu fil-21 ta’ Ottubru 2025 (9). |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Notifiki lill-korp superviżorju
1. Fin-notifiki msemmija fl-Artikolu 24(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom ikopru mqar bidliet sinifikanti fl-elementi kollha li ġejjin:
|
(a) |
id-deskrizzjonijiet tas-servizz, il-politiki, id-dikjarazzjonijiet tal-prattika jew it-termini u l-kundizzjonijiet assoċjati; |
|
(b) |
l-arkitettura teknika tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, jew kwalunkwe sistema jew prodott affidabbli msemmija fl-Artikolu 24(2), il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014; |
|
(c) |
l-ospitar ta’ kwalunkwe komponent tekniku meħtieġ għall-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, jew tas-servizzi tekniċi li jappartjenu għal dawn il-komponenti tekniċi; |
|
(d) |
l-użu ta’ tekniki kriptografiċi jew materjali kriptografiċi fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati; |
|
(e) |
il-proċeduri tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni; |
|
(f) |
l-istruttura organizzazzjonali jew il-governanza tal-fornitur tas-servizzi fiduċjarji; |
|
(g) |
il-pjan tat-terminazzjoni; |
|
(h) |
ir-riżorsi finanzjarji u l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 24(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014; |
|
(i) |
elementi b’impatt fuq il-kontenut tal-lista ta’ fiduċja nazzjonali korrispondenti; |
|
(j) |
partijiet terzi involuti fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, inkluż sottokuntratturi jew fornituri tas-servizzi, jew għal termini kuntrattwali ma’ dawn il-partijiet terzi. |
2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:
|
(a) |
deskrizzjoni tal-bidla; |
|
(b) |
id-data u l-ħin ippjanati tal-bidla; |
|
(c) |
ir-raġunijiet għall-bidla u, meta applikabbli, evidenza għar-raġunijiet; |
|
(d) |
meta applikabbli, dokumenti aġġornati. |
Artikolu 2
Qafas tal-ġestjoni tar-riskju
Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2, fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2160 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji fir-rigward tar-rekwiżit li jkun hemm qafas tal-ġestjoni tar-riskju kif stabbilit fl-Artikolu 24(2), il-punt (fa), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.
Artikolu 3
Pjan tat-terminazzjoni
1. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jistabbilixxu pjan tat-terminazzjoni għal kull servizz fiduċjarju kwalifikat li jipprovdu, li jkun jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva u korretta tat-terminazzjoni tas-servizz jew ta’ partijiet minnu, biex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizz u biex tingħata evidenza fi proċedimenti legali, inkluż kif l-informazzjoni tinżamm aċċessibbli f’konformità mal-Artikolu 24(2), il-punt (h), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.
2. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jistabbilixxu kontrolli u proċeduri biex jiżguraw id-disponibbiltà għall-użu intern tal-politiki, il-prattiki, il-proċeduri, l-arranġamenti ta’ partijiet terzi dokumentati u ta’ kull dokument ieħor meħtieġ biex tkun żgurata l-effettività tal-pjan tat-terminazzjoni.
3. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jistabbilixxu kontrolli u proċeduri biex jiżguraw li l-pjan tat-terminazzjoni tagħhom u kull dokument assoċjat miegħu jkunu aġġornati.
4. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jirrieżaminaw il-pjan tat-terminazzjoni u ta’ kull dokument assoċjat imqar kull sentejn u bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ kull bidla fil-fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji jew fis-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi, u jaġġornaw il-pjan tat-terminazzjoni kif xieraq.
5. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jiġġestixxu r-riskji li jkunu speċifiċi għat-terminazzjoni tal-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tagħhom bħala parti mill-qafas tal-ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 2.
6. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jiżguraw iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti jew jiksbu assigurazzjoni xierqa biex ikopru l-kostijiet meħtieġa għal eżekuzzjoni effettiva tal-pjan tat-terminazzjoni, inkluż f’każ ta’ terminazzjoni mhux antiċipata.
7. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jiżguraw li l-pjan tat-terminazzjoni jkun jispeċifika proċeduri u arranġamenti xierqa mqar għal dawn li ġejjin:
|
(a) |
it-terminazzjoni tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, inkluż, meta rilevanti, fir-rigward tad-dekummissjonar ta’ xi komponenti jew servizzi tekniċi użati biex jiġi pprovdut is-servizz fiduċjarju kwalifikat ikkonċernat; |
|
(b) |
aġġornament fil-ħin tal-entrati tas-servizz relatat kif elenkati fil-lista ta’ fiduċja nazzjonali korrispondenti; |
|
(c) |
ir-revoka ta’ kull ċertifikat kwalifikat eżistenti u mhux revokat maħruġ minnhom qabel il-konklużjoni tat-terminazzjoni tas-servizz fiduċjarju kwalifikat għall-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati, sakemm l-obbligi rilevanti kollha tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tterminati ma jiġux ittrasferiti lil fornitur kwalifikat ieħor tas-servizzi fiduċjarji b’mod li jiżgura li ċ-ċertifikati kwalifikati u s-servizzi relatati kollha jibqgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 b’mod mhux interrott; |
|
(d) |
l-iżgurar li wara t-terminazzjoni tal-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, ma jkun jista’ jinħoloq jew jinkiseb l-ebda eżitu ieħor tas-servizz fiduċjarju kwalifikat permezz tal-użu tad-data għall-ħolqien ta’ firma jew siġill tal-fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji; |
|
(e) |
l-iżgurar tal-aċċessibbiltà u l-użabbiltà tar-rekords rilevanti kollha miżmuma mill-fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji; |
|
(f) |
l-indirizzar ta’ xenarji antiċipati u mhux antiċipati ta’ terminazzjoni parzjali u sħiħa; |
|
(g) |
l-iżgurar li l-interessi tal-abbonati tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tterminati jkunu salvagwardjati mat-terminazzjoni, inkluż iż-żamma kontinwa tal-informazzjoni meħtieġa għall-abbonati biex jivverifikaw il-validità legali tal-eżiti tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati; |
|
(h) |
meta applikabbli, l-ispeċifikazzjoni ta’ kull arranġament li jsir biex ikunu jistgħu jiġu fornuti servizzi fiduċjarji kwalifikati alternattivi minn fornituri kwalifikati oħra tas-servizzi fiduċjarji biex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-tfixkil għall-abbonati; |
|
(i) |
l-għoti ta’ notifiki lill-partijiet magħrufin mal-fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji li se jiġu affettwati direttament jew indirettament mit-terminazzjoni. |
8. Il-proċeduri u l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 7, il-punt (e), għandhom jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-użabbiltà tar-rekords meħtieġa biex:
|
(a) |
tingħata evidenza fir-rigward tal-konformità tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u mar-Regolament (UE) 2016/679; |
|
(b) |
tkun żgurata l-kontinwità tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati fir-rigward tad-data tal-validazzjoni tal-firem jew tas-siġilli tal-fornitur kwalifikat tas-servizzi fiduċjarji u fir-rigward tal-iffaċilitar taż-żamma kontinwa tal-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vverifikata l-korrettezza ta’ eżiti tas-servizzi fiduċjarji maħluqa qabel. |
9. Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji għandhom jiżguraw li l-pjan tat-terminazzjoni u r-rekords assoċjati miegħu jkunu jinkludu mqar id-dokumentazzjoni li ġejja:
|
(a) |
proċeduri għat-terminazzjoni tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati; |
|
(b) |
proċeduri u rekords għal rieżami regolari tal-pjan tat-terminazzjoni msemmi fil-paragrafu 4; |
|
(c) |
rapporti tal-awditjar relatati mal-pjan tat-terminazzjoni; |
|
(d) |
arranġamenti tat-terminazzjoni ma’ partijiet terzi involuti fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jridu jiġu tterminati; |
|
(e) |
it-termini u l-kundizzjonijiet, il-prattiki u d-dokumenti tal-politika relatati mas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. |
Artikolu 4
Standards ta’ referenza u speċifikazzjonijiet għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati
1. Apparti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1, fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3, l-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
2. Meta jkun hemm diskrepanzi bejn l-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni u fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1, fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jipprevalu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1, fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2690 tas-17 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2555 fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u metodoloġiċi tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u speċifikazzjoni ulterjuri tal-każijiet meta inċident jitqies sinifikanti fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi DNS, ir-reġistri tal-ismijiet tad-dominji tal-ogħla livell, il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing, il-fornituri tas-servizzi taċ-ċentri tad-data, il-fornituri tan-networks tat-twassil tal-kontenut, il-fornituri tas-servizzi ġestiti, il-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti, il-fornituri tas-swieq online, tal-magni tat-tiftix online u tal-pjattaformi tas-servizzi tan-networking soċjali, u l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji (ĠU L, 2024/2690, 18.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2690/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2160 tas-27 ta’ Ottubru 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards ta’ referenza, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri għall-ġestjoni tar-riskji għall-forniment tas-servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati (ĠU L, 2025/2160, 28.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2160/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(7) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).
(8) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(9) Kummenti formali tal-EDPS dwar l-abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji li jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati.
ANNESS
Lista tal-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4
|
(1) |
Għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi: il-klawżoli 5.2, 6.1, 6.4, 6.5, 6.8 u 6.9 tal-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1943 (1). |
|
(2) |
Għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi: il-klawżoli 5.2, 6.1, 6.4, 6.5, 6.8 u 6.9 tal-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1943. |
|
(3) |
Għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web: il-klawżoli 5.2, 6.1, 6.4, 6.5, 6.8 u 6.9 tal-istandard kif referenzjat u adattat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1943. |
|
(4) |
Għas-servizzi tal-validazzjoni kwalifikati għall-firem elettroniċi kwalifikati: il-klawżoli 5, 6 u 7 tal-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1942 (2). |
|
(5) |
Għas-servizzi tal-validazzjoni kwalifikati għas-siġilli elettroniċi kwalifikati: il-klawżoli 5, 6 u 7 tal-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1942. |
|
(6) |
Għas-servizzi tal-preservazzjoni kwalifikati għall-firem elettroniċi kwalifikati: il-klawżoli 5, 6 u 7 tal-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1946 (3). |
|
(7) |
Għas-servizzi tal-preservazzjoni kwalifikati għas-siġilli elettroniċi kwalifikati: il-klawżoli 5, 6 u 7 tal-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1946. |
|
(8) |
Għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ħolqien ta’ kronogrammi elettroniċi kwalifikati: il-klawżoli 5, 6 u 7 tal-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1929 (4). |
|
(9) |
Għas-servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja reġistrati il-klawżoli 4, 6 u 7 tal-istandard kif referenzjat u adattat fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1944 (5). |
|
(10) |
Għas-servizzi kwalifikati għall-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien tal-firem elettroniċi mill-bogħod: il-klawżoli 5, 6.1, 6.4, 6.5, 6.7 u 6.8 tal-istandard kif referenzjat u adattat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1567 (6). |
|
(11) |
Għas-servizzi kwalifikati għall-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien tas-siġilli elettroniċi mill-bogħod: il-klawżoli 5, 6.1, 6.4, 6.5, 6.7 u 6.8 tal-istandard kif referenzjat u adattat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1567. |
|
(12) |
Għas-servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat il-klawżoli 6 u 7 tal-istandard kif referenzjat u adattat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2532 (7). |
|
(13) |
Għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ħruġ ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi: l-istandard referenzjat fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1569 (8). |
|
(14) |
Għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati għar-reġistrazzjoni ta’ data elettronika f’reġistru elettroniku kwalifikat: l-istandard kif referenzjat u adattat fil-punt 3(a) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2531 (9). |
(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1943 tad-29 ta’ Settembru 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards ta’ referenza għal ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi u ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi (ĠU L, 2025/1943, 30.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1943/oj).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1942 tad-29 ta’ Settembru 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-servizzi tal-validazzjoni kwalifikati għal firem elettroniċi kwalifikati u s-servizzi tal-validazzjoni kwalifikati għal siġilli elettroniċi kwalifikati (ĠU L, 2025/1942, 30.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1942/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1946 tad-29 ta’ Settembru 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ servizzi kwalifikati ta’ preservazzjoni għall-firem elettroniċi kwalifikati u għas-siġilli elettroniċi kwalifikati (ĠU L, 2025/1946, 30.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1946/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1929 tad-29 ta’ Settembru 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rabta tad-data u l-ħin mad-data elettronika u l-istabbiliment tal-preċiżjoni tas-sorsi tal-ħin għall-forniment ta’ timbri tal-ħin elettroniċi kwalifikati (ĠU L, 2025/1929, 30.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1929/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1944 tad-29 ta’ Settembru 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards ta’ referenza għall-proċessi tat-trażmissjoni u tal-wasla tad-data b’servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrati kwalifikati u fir-rigward tal-interoperabbiltà ta’ dawk is-servizzi (ĠU L, 2025/1944, 30.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1944/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1567 tad-29 ta’ Lulju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġestjoni tal-apparati kwalifikati remoti għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi u tal-apparati kwalifikati remoti għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi bħala servizzi fiduċjarji kwalifikati (ĠU L, 2025/1567, 30.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1567/oj).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2532 tas-16 ta’ Diċembru 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet għas-servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat (ĠU L, 2025/2532, 17.12.2025, http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2532/oj).
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1569 tad-29 ta’ Lulju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi pprovduti minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku (ĠU L, 2025/1569, 30.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1569/oj).
(9) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2531 tas-16 ta’ Diċembru 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri elettroniċi kwalifikati (ĠU L, 2025/2531, 17.12.2025, http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2531/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2530/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)