20.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/55


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/644

tat-12 ta’ April 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-105 sessjoni tiegħu u fi ħdan il-Kumitat ta’ Faċilitazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-46 sessjoni tiegħu fir-rigward tal-adozzjoni ta' emendi għar-riżoluzzjonijiet dwar l-istandards tal-prestazzjoni relatati mat-tagħmir użat fis-Sistema Marittima Globali għall-Periklu u s-Sigurtà u ta’ emendi għall-Anness għall-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (FAL)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima u li jiġi protett l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem.

(2)

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ("IMO"), matul il-105 sessjoni tiegħu ("MSC 105") mill-20 sad-29 ta' April 2022, huwa mistenni jadotta emendi għar-riżoluzzjonijiet dwar l-istandards tal-prestazzjoni relatati mat-tagħmir użat sabiex tiġi riflessa l-modernizzazzjoni tas-Sistema Marittima Globali għall-Periklu u s-Sigurtà (GMDSS). Dawk ir-riżoluzzjonijiet jinkludu A.699(17), A.700(17), MSC.148(77), A.530(13), A.802(19), A.803(19), A.804 (19), A.806(19), A.807(19), MSC.149(77), MSC.80(70) u A.811(19).

(3)

Il-Kumitat ta' Faċilitazzjoni tal-IMO, matul is-46 sessjoni tiegħu ("FAL 46") mid-9 sat-13 ta' Mejju 2022, huwa mistenni jadotta emendi għall-Anness għall-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali ("il-Konvenzjoni FAL").

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni matul l-MSC 105, peress li r-riżoluzzjonijiet dwar l-istandards tal-prestazzjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima kapaċi jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(5)

L-adozzjoni ta’ emendi għar-riżoluzzjonijiet tal-MSC dwar l-istandards tal-prestazzjoni ser ittejjeb l-istandards tal-prestazzjoni adottati preċedentement relatati mat-tagħmir użat biex tiġi riflessa l-modernizzazzjoni tal-GMDSS. Għalhekk jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għar-riżoluzzjonijiet tal-MSC.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni matul is-46 sessjoni tal-Kumitat ta' Faċilitazzjoni, peress li l-emendi previsti fl-Anness għall-Konvenzjoni FAL kapaċi jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u, mill-15 ta' Awwissu 2025 ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

L-emendi għall-Anness għall-Konvenzjoni FAL iġibu dak l-Anness eqreb għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2019/1239 u tar-regoli kummerċjali miftiehma għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament , jiġifieri billi t-trażmissjoni elettronika ssir obbligatorja permezz ta' single window, il-prevenzjoni li jkun hemm ripetizzjoni tal-elementi ta' data, il-prevenzjoni milli l-formoli tal-karti jintużaw għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, u billi jiġi rrinunzjat ir-rekwiżit għall-firem manwali.

(8)

L-Unjoni la hija membru tal-OMI, u lanqas ma hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jkunu kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-105 sessjoni tiegħu għandha tkun li jappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għar-riżoluzzjonijiet li ġejjin dwar l-istandards tal-prestazzjoni relatati mat-tagħmir użat fis-Sistema Marittima Globali għall-Periklu u s-Sigurtà: A.699(17), A.700(17), MSC.148(77), A.530(13), A.802(19), A.803(19), A.804 (19), A.806(19), A.807(19), MSC.149(77), MSC.80(70) u A.811(19).

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Faċilitazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-46 sessjoni tiegħu għandha tkun li jappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għall-Anness għall-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali.

Artikolu 3

1.   Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni speċifikati f'din id-Deċiżjoni jkopru l-emendi kkonċernati sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Dawk il-pożizzjonijiet għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-IMO, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

2.   Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri għall-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.

Artikolu 4

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jagħtu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).

(2)  Id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta' Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64).