29.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/63


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/696

tas-27 ta’ Marzu 2023

li taċċetta talba mressqa mir-Repubblika Taljana skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas ta’ applikazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2024 tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 għal għaxar vetturi ETR675

(notifikata bid-dokument C(2023) 1916)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Settembru 2022, l-Italja ressqet talba lill-Kummissjoni għal nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2024 tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2), li jirrikjedi li vetturi ġodda jkunu mgħammra bil-Linja Bażi 3 tas-Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) abbord sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2023. It-talba tikkonċerna għaxar vetturi ETR675 ġodda bin-numri ta’ identifikazzjoni ETR675.17 sa ETR675.26 konsekuttivi, fornuti minn Alstom Ferroviaria S.p.A. L-għaxar vetturi jgħaqqdu l-flotta eżistenti ta’ 26 vettura ETR675 li hija proprjetà ta’ Italo-Nuovo Trasporto Viaggiatori S.p.A (Italo-NTV S.p.A).

(2)

L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani b’appoġġ għat-talba ppermettiet lill-Kummissjoni twettaq l-analiżi tagħha.

(3)

F’konformità mal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919, vetturi ġodda awtorizzati wara s-16 ta’ Ġunju 2019 għandhom jikkonformaw mas-settijiet ta’ speċifikazzjonijiet #2 jew #3 (Linja Bażi 3 tal-ETCS) imsemmija fit-Tabella A 2 tal-Anness A ta’ dak ir-Regolament (3).

(4)

Il-punt 7.4.2.3 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għandu l-għan li jiffaċilita t-tranżizzjoni mil-Linja Bażi 2 tal-ETCS għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS bi skadenzi estiżi. F’konformità mas-subpunt 3(b) ta’ dak il-punt, ċerti vetturi mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS u awtorizzati qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 f’konformità ma’ awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2019 jistgħu jibbenefikaw minn skadenza estiża sal-1 ta’ Lulju 2023 biex jikkonformaw mal-Linja Bażi 3 tal-ETCS.

(5)

L-għaxar vetturi msemmija fit-talba ġew ordnati f’lottijiet differenti bħala opzjonijiet ta’ xiri wara li l-kuntratt inizjali ġie ffirmat fit-28 ta’ Ottubru 2015 bejn Italo-NTV S.p.A u Alstom Ferroviaria S.p.A għall-provvista u l-manutenzjoni ta’ 26 vettura ETR675 (magħrufa wkoll bħala Pendolino EVO).

(6)

Is-sitt vetturi ETR675.17 sa ETR675.22 ġew ordnati qabel is-16 ta’ Ġunju 2019, mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS u awtorizzati biex jiġu introdotti fis-suq qabel il-31 ta’ Diċembru 2020. F’konformità mal-punt 7.4.2.3 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919, dawk il-vetturi huma meħtieġa jikkonformaw mal-Linja Bażi 3 tal-ETCS sal-1 ta’ Lulju 2023.

(7)

Iż-żewġ vetturi ETR675.23 u ETR675.24 ġew ordnati wara s-16 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri fil-31 ta’ Lulju 2020, mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS u awtorizzati sabiex jiġu introdotti fis-suq qabel il-31 ta’ Diċembru 2020. F’konformità mal-punt 7.4.2.3 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919, dawk il-vetturi huma meħtieġa jikkonformaw mal-Linja Bażi 3 tal-ETCS sal-1 ta’ Lulju 2023.

(8)

Iż-żewġ vetturi ETR675.25 u ETR675.26, ordnati fil-31 ta’ Lulju 2019, kienu skedati għall-kunsinna wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Għalhekk dawn ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżizzjonali tal-punt 7.4.2.3 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 u kellhom jiġu mgħammra bil-Linja Bażi 3 tal-ETCS f’konformità mal-punt 7.4.2.1. ta’ dak l-Anness. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021)3233final (4) tat nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2023. B’riżultat ta’ dan, l-għaxar ferroviji kollha msemmija fit-talba bħalissa huma mgħammra biss bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS.

(9)

Il-migrazzjoni mil-Linja Bażi 2 tal-ETCS għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS tal-għaxar vetturi li jiffurmaw l-oġġett ta’ din id-Deċiżjoni kienet skedata għal perjodu li jintemm fl-1 ta’ Lulju 2023, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fil-punt 7.4.2.3. tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919.

(10)

Madankollu, il-migrazzjoni sikura mil-Linja Bażi 2 tal-ETCS abbord għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-aġġornament tal-linja Milano-Bologna għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS fuq l-art għat-test li jiżgura l-kompatibbiltà tal-Linja Bażi 3 tal-ETCS abbord u maġenb il-binarji. Id-disponibbiltà tal-linja għall-ittestjar ġiet ittardjata, minħabba l-installazzjoni tardiva tal-Linja Bażi 3 tal-ETCS fuq l-art. L-ittestjar se jsir possibbli biss matul it-tieni kwart tal-2023, li se jdewwem l-ewwel awtorizzazzjonijiet imġedda tal-vetturi sa Novembru 2023.

(11)

In-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għal sena oħra għall-għaxar vetturi ERT675 mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS, sal-modifika retroattiva tagħhom għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS, matul il-manutenzjoni regolari, fil-perjodu bejn Novembru 2023 u t-30 ta’ Ġunju 2024, jippermetti l-kontinwazzjoni tas-servizzi fin-nuqqas ta’ kwalunkwe alternattiva fil-qafas ta’ kundizzjonijiet kummerċjalment u operazzjonalment vijabbli.

(12)

Xi dewmien fil-migrazzjoni ma jaffettwax l-interoperabbiltà peress li l-għaxar vetturi kkonċernati diġà huma mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS, u fuq l-art huwa wkoll mgħammar bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS u se jemigra gradwalment għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS sal-2025, skont il-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-ERTMS tal-Italja, mingħajr ma jaffettwa l-interoperabbiltà kemm mal-vetturi mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS kif ukoll mal-vetturi mgħammra bil-Linja Bażi 3 tal-ETCS.

(13)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, il-manifattur tal-vetturi identifikati bin-numri ETR675.17 sa ETR675.26, Alstom Ferroviaria S.p.A, u sidhom, Italo-NTV S.p.A, impenjaw ruħhom għal pjan ta’ inġinerija u installazzjoni biex jaġġornaw dawk il-vetturi u l-bqija tal-flotta b’tagħmir abbord li jikkonforma mal-Linja Bażi 3 tal-ETCS. Skont dak il-pjan, l-aġġornament jenħtieġ li jitlesta sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(14)

It-talba hija msejsa fuq l-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/797, li jippermetti nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ speċifikazzjoni teknika waħda jew aktar għall-interoperabbiltà (TSI) meta l-applikazzjoni tat-TSI tikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika tal-proġett u/jew il-kompatibbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Istati Membri kkonċernati.

(15)

L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani turi li jekk it-talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 ma tiġix aċċettata, l-operatur ikun obbligat jinstalla l-Linja Bażi 3 tal-ETCS fl-għaxar vetturi, u jirtirahom temporanjament mis-servizz lil hinn mill-manutenzjoni skedata normali. Dan ikollu impatt ekonomiku negattiv sinifikanti fuq l-operatur fid-dħul li jintilef minħabba n-nuqqas ta’ servizz kummerċjali, il-fatturi mitlufa, u l-kostijiet meħtieġa għall-ipparkjar tal-għaxar vetturi. Id-dispożizzjoni alternattiva applikata, jiġifieri l-użu kontinwu tal-Linja Bażi 2 tal-ETCS sakemm l-aġġornament għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS ikun jista’ jitwettaq b’mod vijabbli, hija aċċettabbli peress li ma taffettwax l-interoperabbiltà u tiżgura l-kontinwazzjoni tas-servizzi.

(16)

Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jitqiesu ssodisfati, u l-migrazzjoni differita mil-Linja Bażi 2 tal-ETCS għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS tal-għaxar vetturi b’numri ta’ identifikazzjoni ETR675.17 sa ETR675.26 jenħtieġ li tiġi awtorizzata sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(17)

Għalhekk, it-talba mressqa mill-Italja biex ma tapplikax il-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għal dawk il-vetturi sat-30 ta’ Ġunju 2024 jenħtieġ li tiġi aċċettata.

(18)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba tar-Repubblika Taljana biex ma tapplikax il-punt 7.4.2.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 għal għaxar vetturi ETR675 b’numri ta’ identifikazzjoni konsekuttivi ETR675.17 sa ETR675.26 sat-30 ta’ Ġunju 2024 hija aċċettata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-limiti ġeografiċi tan-network ferrovjarju Taljan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2024.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).

(3)  Is-Sett ta’ Speċifikazzjonijiet #1 jikkorrispondi għal-Linja bażi 2 tal-ETCS, Linja Bażi 1 tal-GSM-R

Is-Sett ta’ Speċifikazzjonijiet #2 jikkorrispondi għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS, Verżjoni tal-manutenzjoni 1, Linja Bażi 1 tal-GSM-R

Is-Sett ta’ Speċifikazzjonijiet #3 jikkorrispondi għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS, Verżjoni 1, GSM-R Linja Bażi 1

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3233 final tal-11 ta’ Mejju 2021 li taċċetta talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ parti mill-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà b’rabta mas-subsistemi tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea stabbilita fir-Regolament (UE) 2016/919, imressqa mir-Repubblika Taljana lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.