KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fit‑12 ta’ Settembru 2024 ( 1 )

Kawża C‑337/23

APS Beta Bulgaria EOOD,

Agentsia za kontrol na prosrocheni zadalzhenia AD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti — Direttiva 93/13/KEE — Regolament Nru 2008/48/KE — Garanzija bi ħlas minn garanti professjonali approvat mill-kreditur — Kuntratti ta’ kreditu konnessi — Rimbors ta’ self mill-garanti — Surroga tad-drittijiet tal-kreditur”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) titlob il-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar sensiela ta’ domandi fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti klawżoli li jinsabu f’kuntratti ta’ kreditu tal-konsumatur f’ċirkustanzi meta ċ-ċessjonarji ta’ garanziji ta’ self ifittxu li jirkupraw mingħand il-konsumaturi li jissellfu s-somom mislufa skont dawn il-kuntratti.

II. Il‑kuntest legali

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

2.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE ( 2 ) jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(ċ)

‘ftehim ta’ kreditu’ tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra […]

[…]

(n)

‘ftehim ta’ kreditu konness’ tfisser ftehim ta’ kreditu fejn

(i)

il-kreditu in kwistjoni jservi esklussivament biex jiffinanzja ftehim għall-provvista ta’ merkanzija speċifika jew il-forniment ta’ servizz speċifiku, u

(ii)

dawk iż-żewġ ftehim jiffurmaw minn perspettiva oġġettiva unità kummerċjali; unità kummerċjali għandha tiġi kkunisdrata li teżisti fejn il-fornitur jew dak li jipprovdi servizz innifsu jiffinanzja l-kreditu lill-konsumatur jew, jekk ikun iffinanzjat minn parti terza, fejn il-kreditur juża s-servizzi tal-fornitur jew ta’ dak li jipprovdi s-servizz b’konnessjoni mal-konklużjoni, jew it-tħejjija, tal-ftehim ta’ kreditu, jew fejn il-merkanzija speċifika jew il-proviżjoni ta’ servizz speċifiku huma espliċitament speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.”

3.

Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48:

“Jekk il-merkanzija jew is-servizzi koperti minn ftehim ta’ kreditu konness m’humiex forniti, jew huma biss parzjalment forniti, jew m’humiex f’konformità mal-kuntratt għall-forniment ta’ merkanzija jew servizzi, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jsegwi rimedji kontra l-kreditur jekk il-konsumatur ikun segwa r-rimedji tiegħu kontra l-fornitur iżda jkun naqas milli jikseb is-sodisfazzjon li għalih huwa intitolat skond il-liġi jew il-kuntratt tal-forniment ta’ merkanzija jew servizzi. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw sa fejn u taħt liema kondizzjonijiet dawn ir-rimedji għandhom ikunu eżerċitabbli.”

4.

Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2008/48:

“Fejn id-drittijiet tal-kreditur taħt ftehim ta’ kreditu jew il-ftehim innifsu jiġu ċeduti lil parti terza, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra ċ-ċessjonarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża tpaċija fejn din ta’ l-aħħar tkun permessa fl-Istat Membru kkonċernat.”

5.

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48 jipprevedi:

“1.   Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim kuntratti, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’kuntratti ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

[…]”.

B.   Id‑dritt Bulgaru

6.

Skont l-Artikolu 147(1) taż-Zakon za zadalzheniyata i dogovorite ( 3 ) (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, kif emendata; iktar ’il quddiem iż-“ZZD”):

“Il-garanti jibqa’ responsabbli anki wara li l-obbligu prinċipali jkun sar dovut, jekk il-kreditur ikun ressaq kawża kontra d-debitur fi żmien sitt xhur. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta l-garanti jkun espressament illimita l-garanzija tiegħu għat-tul tal-obbligu prinċipali.

L-estensjoni tat-terminu mogħti mill-kreditur lid-debitur ma għandhiex effett fir-rigward tal-garanti jekk dan tal-aħħar ma jkunx ta l-kunsens tiegħu.”

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

7.

Skont kuntratti individwali ta’ kreditu għall-konsumaturi, Easy Asset Management AD u Credisimo AD, entitajiet ġuridiċi stabbiliti skont id-dritt Bulgaru, sellfu lill-konsumaturi li jissellfu somom ta’ bejn 300 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 150) u BGN 1700 (madwar EUR 870) ( 4 ), b’rati tal-interessi ta’ madwar 40 % sa 50 %, li għandhom jiġu rrimborsati f’termini ta’ bejn tliet xhur u tmintax‑il xahar. Skont kull wieħed minn dawn il-kuntratti ta’ kreditu, il-konsumatur li jissellef kien obbligat jagħti garanzija ( 5 ). Żewġ persuni fiżiċi li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ kreditu, ( 6 ) bank jew kumpannija li jkun ħatar il-kreditur jistgħu jagħtu din il-garanzija ( 7 ). F’kull waħda mill-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konsumatur li jissellef offra garanzija mingħand kumpannija maħtura mill-kreditur, jew Financial Bulgaria EOOD, sussidjarja ta’ Easy Asset Management AD, jew I Trust EOOD. Wara n-nuqqas tal-konsumatur li jissellef li jirrimborsa self mogħti lilu, il-garanti ħallas lill-kreditur fuq il-bażi tal-garanzija. Il-garanti sussegwentement ċedew l-interessi rispettivi tagħhom jew lil APS Beta Bulgaria EOOD (l-ewwel rikorrenti; iktar ’il quddiem “ApS Beta Bulgaria”) jew lil Agentsia za kontrol na prosrocheni zadalzhenia AD (it-tieni rikorrenti; iktar ’il quddiem “Agentsia”).

8.

Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonsistu f’seba’ rikorsi ex parte ta’ APS Beta Bulgaria u Agentsia ( 8 ) intiżi sabiex il-konsumaturi li jissellfu jiġu kkundannati jħallsu s-somom li l-garanti kienu ħallsu lill-kredituri skont il-kuntratti ta’ kreditu ( 9 ). Dawn is-somom kienu jinkludu r-remunerazzjonijiet għall-ispiża tal-garanzija li jammontaw għal iktar minn 75 % tal-ammont totali rimborsabbli skont il-kuntratti ta’ kreditu.

9.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) tinterpreta l-Artikolu 147(1) taż-ZZD fis-sens li, meta kreditur ma jkunx ippreżenta rikors kontra debitur fi żmien sitt xhur wara l-iskadenza tal-obbligu prinċipali, kull garanzija ta’ rimbors ta’ dan id-dejn tiġi estinta permezz ta’ dispożizzjoni legali applikabbli ex officio ( 10 ). Ċerti qrati nazzjonali huma tal-fehma li garanti biss jista’ jinvoka l-Artikolu 147(1) taż-ZZD kontra kreditur. Minkejja li l-obbligi tal-garanti fil-konfront tal-kreditur setgħu ġew estinti minħabba li dan tal-aħħar ma jkunx ressaq proċeduri kontra d-debitur fi żmien utli, garanti jista’ jirkupra mingħand debitur inadempjenti kwalunkwe somom li huwa jkun ħallas fuq il-bażi tal-garanzija ( 11 ). Fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, Financial Bulgaria EOOD u I Trust EOOD ħallsu lill-kreditur iktar minn sitt xhur wara d-data ta’ skadenza tal-aħħar ħlas bin-nifs u ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom skont il-garanziji lil APS Beta Bulgaria. Fir-raba’, is-seba’ u t-tmien kawża, Financial Bulgaria EOOD ħallset id-dejn iktar minn sitt xhur wara d-data ta’ skadenza tal-aħħar ħlas bin-nifs u ttrasferixxiet id-drittijiet tagħha skont il-garanziji lil Agentsia. Fil-ħames kawża, Financial Bulgaria EOOD ħallset id-dejn fi żmien sitt xhur u ttrasferixxiet id-drittijiet tagħha skont il-garanzija lil Agentsia.

10.

F’dan il-kuntest, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE ( 12 ) tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ kreditu jipprevedi l-obbligu għall-konsumatur li jikkonkludi kuntratt ta’ garanzija, fejn il-garanti jkun persuna indikata mill-kreditur, il-kontenut tal-kuntratt ta’ garanzija ma jkunx is-‘suġġett prinċipali’ tal-kuntratt ma’ dan it-terz iżda jkun jagħmel parti mill-kontenut tal-kuntratt ta’ kreditu? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti jekk il-kreditur u l-garanti jkunu persuni konnessi?

(2)

Il-punt 1(i) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur ikun obbligat jipprovdi garanti fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu diġà konkluż, fejn waħda mill-possibbiltajiet sabiex jagħmel dan tkun li jqabbad persuna indikata mill-kreditur, il-kontenut tal-obbligu tal-konsumatur li jipprovdi garanti li jirriżulta minn kuntratt konkluż mhux iktar tard mill-jum li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ kreditu għandu jitqies li huwa ambigwu minħabba l-impossibbiltà li jagħżel jew li jipproponi l-persuna li tkun indikata lilu mill-kreditur bħala garanti futur?

(3)

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fis-sens li s-suġġett tal-kuntratt ta’ garanzija huwa ċar, il-punt 1(i), (j) u (m) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur ikun assuma l-obbligu li jipprovdi garanti fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu diġà konkluż, fejn waħda mill-possibbiltajiet sabiex jagħmel dan tkun li jqabbad persuna indikata mill-kreditur, il-kontenut tal-obbligu tal-konsumatur taħt il-kuntratt ta’ kreditu għandu jitqies li huwa ambigwu u li jista’ jwassal għall-invalidità tal-kuntratt ta’ kreditu jew ta’ wħud mill-klawżoli tiegħu?

(4)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29/KE ( 13 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna li tipproponi l-kreditu tipprovdi li l-konsumatur għandu jikkonkludi kuntratt ma’ persuna indikata mill-persuna li tagħti l-kreditu sabiex tiggarantixxi l-kreditu tiegħu fil-konfront tal-konsumatur, dan jikkostitwixxi f’kull każ teħid ta’ vantaġġ mill-pożizzjoni żvantaġġata tal-konsumatur u, għalhekk, prattika kummerċjali aggressiva?

(5)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fi proċedura ġudizzjarja unilaterali bħal dik għall-ħruġ ta’ mandat, li fiha l-konsumatur ma jkunx parti, il-qorti tista’ tiġġustifika dubju dwar in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali abbażi biss tal-fatt li hemm dubju li l-klawżola setgħet ġiet aċċettat mill-konsumatur bħala riżultat ta’ prattika kummerċjali żleali, jew din tal-aħħar għandha tiġi stabbilita b’ċertezza?

(6)

L-Artikolu 15(2) tad-[Direttiva 2008/48/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika fil-każ li l-kuntratt ta’ kreditu jkun marbut ma’ servizz anċillari, jiġifieri l-għoti ta’ garanzija bi ħlas minn terz, u fis-sens li jagħti lill-konsumatur il-possibbiltà mhux biss li jinvoka id-drittijiet tiegħu minħabba l-aġir li jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tal-garanti, bħalma huwa l-ħlas wara l-iskadenza ta’ terminu legali, iżda wkoll li jqajjem eċċezzjonijiet proċedurali li jeskludu l-obbligu fil-konfront tal-garanti?

(7)

L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48, ikkunsidrat flimkien mal-prinċipju ta’ effettività jew, eventwalment, jekk jitqies li l-kuntratt ta’ kreditu u l-kuntratt ta’ garanzija huma tranżazzjonijiet konnessi, l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrati flimkien mal-punt 1(b) u (c) tal-Anness ta’ din l-istess direttiva, jippermettu ġurisprudenza nazzjonali li permezz tagħha, f’sitwazzjoni fejn, fil-kuntest ta’ kuntratt konness ta’ kreditu għall-konsum, il-garanti li jkun irċieva remunerazzjoni mill-konsumatur sabiex jiggarantixxi l-kuntratt ta’ kreditu, ikun ħallas lill-kreditur prinċipali abbażi ta’ klawżola kuntrattwali minkejja l-iskadenza ta’ terminu legali, bħal dak previst fl-Artikolu 147 taż-[ZZD], li, skont il-ġurisprudenza, ittemm kompletament il-garanzija, il-garanti jista’ xorta waħda jinvoka s-surroga fid-drittijiet tal-kreditur inizjali u jitlob il-ħlas mingħand id-debitur prinċipali filwaqt li jinvoka ambigwità fid-deċiżjonijiet ġudizzjarja dwar l-applikazzjoni tal-liġi?

(8)

L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ kreditu jipprevedi l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta’ garanzija konness mal-kuntratt ta’ kreditu, li jkun marbut ma’ żieda fl-ammont totali dovut bħala kreditu, ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta tal-kreditu għandha tiġi kkalkolata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ħlasijiet dovuti bħala remunerazzjoni lill-garanti? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti min għażel lill-garanti u jekk dan huwiex konness mal-kreditur inizjali?

(9)

L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni żbaljata tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jkun il-persuna li tissellef, għandha titqies bħala assenza ta’ indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu u fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tapplika l-konsegwenzi previsti fid-dritt nazzjonali tagħha għall-każijiet fejn ma tkunx ġiet indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum? Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-konsegwenzi jorbtu b’mod vinkolanti wkoll lill-garanti li jkun ħallas fir-relazzjonijiet tiegħu mal-konsumatur?

(10)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, prevista mil-leġiżlatur nazzjonali u li timplika l-ħlas lura biss tal-kapital misluf, hija proporzjonali fil-każijiet fejn il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jkunx fih indikazzjoni preċiża tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta sa fejn ir-rata indikata ma tkunx tinkludi l-ispejjeż tal-garanti professjonali li jkun intgħażel mill-kreditur (minkejja li fit-test tal-kuntratt ta’ kreditu tkun indikata ċifra għar-rata inkwistjoni)?

(11)

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/138/KE ( 14 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II), moqri flimkien mal-punt A.14 tal-Anness I tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżerċizzju bħala professjoni ta’ attività li tinvolvi l-provvista ta’ garanzija bi ħlas, fejn il-kumpannija li taġixxi bħala garanti tħallas fil-każijiet kollha ta’ inadempjenza l-ammont totali tal-kreditu meħud mill-konsumatur, li jkun id-debitur prinċipali, u fejn ir-remunerazzjoni titħallas indipendentement mill-inadempjenza tal-konsumatur ma’ kull ħlas dovut fuq il-kreditur, jikkostitwixxi ‘attività ta’ assigurazzjoni’ fis-sens tal-imsemmija direttiva?

(12)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħdax-il domanda, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/138 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li teżerċita l-attività msemmija fil-ħdax-il domanda hija suġġetta għall-obbligu li tikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li jkunu responsabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-assiguratur?”

11.

Agentsia, il-Gvern Ċek ( 15 ) u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Evalwazzjoni

12.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tfittex il-parir tiegħi dwar ir-risposta għas-sitt u s-seba’ domanda preliminari. Agentsia u l-Kummissjoni jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina dawn id-domandi flimkien, proposta li jiena naqbel magħha.

13.

Skont il-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli għaliha li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fejn neċessarju, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha ( 16 ). Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiżgura, l-ewwel, jekk l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48 japplikax għal kuntratti ta’ kreditu konnessi mal-għoti ta’ garanzija minn terz inkambju għal remunerazzjoni, u, it-tieni, jekk l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-punt 1(b) u (c) tal-Anness tagħha, japplikawx għal ġurisprudenza nazzjonali li skontha garanti li jkun ħallas lill-kreditur prinċipali ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur jista’ jitlob il-ħlas mid-debitur prinċipali minkejja l-estinzjoni ta’ din il-garanzija.

A.   L‑ammissibbiltà tas‑sitt u s‑seba’ domanda

L‑osservazzjonijiet tal‑partijiet

14.

Skont Agentsia, il-ftehim ta’ garanzija jipprovdi lill-kreditur garanzija addizzjonali għas-self u jiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa u f’waqtha tagħha. Dan il-kuntratt ta’ garanzija huwa distint mill-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-kreditur u l-konsumatur li jissellef, b’tali mod li ż-żewġ kuntratti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala unità kummerċjali waħda. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ garanzija ma jiffinanzjax il-kuntratt ta’ kreditu. Għalhekk, il-kuntratt ta’ kreditu u l-kuntratt ta’ garanzija ma humiex “ftehim ta’ kreditu konness” kif iddefinit fl-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48. Peress li l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48 japplika biss għall-kuntratti ta’ kreditu konnessi, huwa ma jirregolax it-tranżazzjonijiet li tirreferi għalihom id-deċiżjoni tar-rinviju. Is-sitt u s-seba’ domanda ma jirrigwardawx il-fatti tal-kawża, huma ta’ natura ipotetika u għalhekk huma inammissibbli.

15.

Il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda kwistjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tas-sitt u s-seba’ domanda.

Analiżi

16.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża quddiemha, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola, hija marbuta li tiddeċiedi. Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi, u li għalhekk l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għal dik id-domanda ( 17 ).

17.

Is-sitt u s-seba’ domanda jistaqsu jekk l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48 japplikax għal kuntratti ta’ kreditu konnessi mal-għoti ta’ garanziji minn terzi inkambju għall-ħlas ta’ remunerazzjoni mid-debitur u, b’mod partikolari, jekk dawk il-kuntratti humiex “ftehim ta’ kreditu konness” għall-finijiet tad-Direttiva 2008/48. Dawn iż-żewġ domandi jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni Ewropea jistgħux japplikaw għas-sitwazzjoni fattwali deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-partijiet fil-kawża ma jikkontestawx l-eżistenza tagħha. Tali ċirkustanzi jaqgħu manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza li għaliha jirreferi l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sitt u s-seba’ domanda huma ammissibbli.

B.   Fuq il‑mertu

L‑osservazzjonijiet tal‑partijiet

18.

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Agentsia ssostni li l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48 ma japplikax fejn kuntratt ta’ kreditu jkun konness mal-għoti ta’ servizz anċillari, f’dan il-każ garanzija minn terz inkambju għall-ħlas ta’ remunerazzjoni. Hija ssostni li s-seba’ domanda tqajjem kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jimplikaw l-iskadenza ta’ garanzija u mhux krediti fil-konfront ta’ kreditur li jirriżultaw mill-provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi. Agentsia tirrileva, barra minn hekk, li l-fatt li l-garanti ma invokax l-Artikolu 147 taż-ZZD kontra l-kreditur, minkejja li kienu għaddew sitt xhur mill-iskadenza tad-dejn prinċipali, ma għandux konsegwenzi għall-konsumatur li jissellef. Dejn huwa dovut, indipendentement mill-identità tal-persuna li lilha jkun dovut.

19.

Il-Kummissjoni tikkondividi l-fehma li l-kuntratti ta’ kreditu, is-suġġett tal-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48 u għalhekk ma humiex kuntratti ta’ kreditu konnessi li huma rregolati mill-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48. Il-kreditu mogħti ma kienx jiffinanzja esklużivament jew parzjalment kuntratt għall-provvista ta’ merkanzija identifikabbli jew għall-provvista ta’ servizz identifikabbli. Għalhekk, il-kuntratti ta’ garanzija huma anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu u ma jagħtux kreditu għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi. Il-Kummissjoni tirrileva li s-seba’ domanda tidher li tirrigwarda l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, pjuttost milli l-klawżola ta’ kuntratt għall-konsumaturi, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma japplikawx.

20.

Madankollu, il-Kummissjoni tissuġġerixxi, fir-risposti tagħha għas-sitt u s-seba’ domanda, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari li fihom ittieħdet id-deċiżjoni tar-rinviju. Ir-relazzjoni bejn il-kreditur u l-garanti tidher li hija ta’ natura ( 18 ) li tiddiswadi lil dan tal-aħħar milli jinvoka l-Artikolu 147(1) taż-ZZD sabiex iġib l-estinzjoni tal-garanzija. Li kellu l-konsumatur li jissellef ikun awtorizzat jinvoka din id-dispożizzjoni kontra l-kreditur, huwa jkun jista’ jevita r-rimbors tas-somma mislufa. Dawn l-osservazzjonijiet huma partikolarment rilevanti fiċ-ċirkustanzi fejn l-aċċess għall-kuntratt ta’ kreditu jingħata kemm‑il darba l-konsumatur li jissellef jikseb garanzija mingħand entità maħtura mill-kreditur.

21.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/48 jiġi evitat meta garanti jkun jista’ jinvoka kuntratt ta’ garanzija sabiex jikseb ir-rimbors ta’ dejn minn konsumatur li jissellef u mhux trasferiment tad-dritt għall-irkupru ta’ dan id-dejn. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/48 jippreżumi li ċ-ċessjonarju ta’ dejn huwa terz indipendenti mill-kreditur. Il-protezzjoni li jagħti dan l-artikolu għandha tapplika a fortiori meta l-garanti jkun sussidjarju tal-kreditur oriġinali. Arranġament li permezz tiegħu kreditur u garanti, li joperaw bħala unità kummerċjali waħda, jagħtu l-kunsens tagħhom għall-estinzjoni tad-drittijiet ta’ konsumatur li jissellef kontra kreditur jevita d-Direttiva 2008/48, u dan bi ksur tal-Artikolu 22(3) tagħha.

Analiżi

– L‑Artikolu 15(2) tad‑Direttiva 2008/48

22.

Skont l-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48, “ftehim ta’ kreditu konness” jeħtieġ is-sussistenza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: li l-kreditu inkwistjoni jservi esklużivament sabiex jiġi ffinanzjat ftehim relatat mal-provvista ta’ merkanzija jew mal-provvista ta’ servizzi; u li ż-żewġ ftehimiet, ikkunsidrati oġġettivament, ikunu unità kummerċjali waħda ( 19 ). Mid-deċiżjoni tar-rinviju huwa ċar li l-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju ma jiffinanzjawx ix-xiri ta’ merkanzija jew ta’ servizzi identifikabbli. Il-kuntratti ta’ garanzija lanqas ma jipprovdu servizz li l-kuntratti ta’ kreditu jħallsu għalih. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, il-kuntratt ta’ garanzija huwa anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu. Dawn iż-żewġ ftehimiet għalhekk ma jissodisfawx l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa għall-eżistenza ta’ “ftehim ta’ kreditu konness” fis-sens tad-Direttiva 2004/48. Peress li l-Artikolu 15(2) japplika għal “ftehim ta’ kreditu konness” hekk iddefinit, din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika għall-ftehimiet li ma jaqgħux taħt din id-definizzjoni.

– L‑Artikoli 5 u 7 tad‑Direttiva 93/13

23.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza nazzjonali tinterpreta l-Artikolu 147 taż-ZZD b’mod li jippermetti lill-garanti li jkun ħallas kreditur prinċipali jitlob il-ħlas mid-debitur minkejja l-fatt li l-garanzija hija kkunsidrata bħala estinta ipso jure ( 20 ). Id-Direttiva 93/13 hija intiża sabiex tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-klawżoli bil-miktub fil-kuntratti jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem u li, f’każ ta’ dubju, għandha tipprevali l-interpretazzjoni ta’ klawżola li hija l-iktar favorevoli għall-konsumatur. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jirregola l-użu ripetut ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Kif irrilevat il-Kummissjoni, sa fejn is-seba’ domanda tirreferi għall-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-punt 1(b) u (ċ) tal-Anness tagħha, hija tagħmel dan fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, pjuttost milli fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ klawżola f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi. Peress li huma jiddeskrivu lilhom infushom bħala applikabbli għall-interpretazzjoni u għall-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jirregolawx l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħalma hu l-Artikolu 147 taż-ZZD. ( 21 )

– Fuq l‑evitar tad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2008/48

24.

L-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-risposta għad-domandi magħmula lilha minn qorti nazzjonali ( 22 ). Għalkemm, sabiex tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li d-domandi tal-qorti nazzjonali ma jkunux jirreferu għalihom ( 23 ), il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tagħmel dan hija limitata mis-separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejnha u l-qrati nazzjonali li l-Artikolu 267 TFUE jipprevedi ( 24 ) u li abbażi tagħha l-qrati nazzjonali għandhom jiddeċiedu l-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom jitolbu risposta ( 25 ). Għalhekk, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar il-forma u l-kontenut tad-domandi li huma jixtiequ jagħmlu, liema forma u kontenut ma jistgħux jinbidlu mill-partijiet fil-kawża prinċipali ( 26 ). Dan l-istat ta’ fatt huwa konformi mal-ġurisprudenza li teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-gvernijiet tal-Istati Membri u l-partijiet jingħataw opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 27 ).

25.

Dawn il-proċeduri jipprovdu eżempju tajjeb għal mill-inqas parti mir-raġuni għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Peress li l-qorti tar-rinviju ma fittxitx interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2008/48, ma kienx hemm dibattitu dwar il-bażi legali tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-ipoteżi li ċ-ċessjonarju li għalih hija tirreferi għandu jkun terz indipendenti minn kreditur oriġinali. Huwa ċar ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48 li hija teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li huma jadottaw sabiex jimplimentaw din id-direttiva ma jiġux evitati ( 28 ). Peress li l-qorti tar-rinviju ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48, ma tistax tiġi kkritikata talli ma identifikatx jekk id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni ssostni li setgħu kienu qegħdin jiġu evitati ġewx implimentati għal dan l-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk imċaħħda mill-materjal li teħtieġ sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48 li din tal-aħħar tista’ tagħmel użu minnha għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha. Eżiti ta’ din in-natura huma inkompatibbli mal-funzjonament tajjeb tal-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE.

V. Konklużjoni

26.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-sitt u s-seba’ domanda magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE ma japplikax għal kuntratti ta’ kreditu konnessi ma’ servizz anċillari, speċifikament l-għoti ta’ garanzija minn terz inkambju għall-ħlas ta’ remunerazzjoni, fejn tali kuntratti ta’ kreditu ma jkunux iservu esklużivament sabiex jiffinanzjaw ftehim għall-provvista ta’ merkanzija identifikabbli jew il-forniment ta’ servizz identifikabbli.

(2)

L-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-punt 1(b) u (ċ) tal-Anness tagħha, ma japplikawx għall-ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li garanti li jkun ħallas lill-kreditur ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur jista’ jitlob il-ħlas mingħand id-debitur minkejja l-estinzjoni ta’ din il-garanzija.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE tal‑14 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 296, p. 35), bid-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 60, p. 34), bir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 (ĠU 2016, L 171, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 41), bir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 198, p. 241) u bid-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021, L 438, p. 1).

( 3 ) Gazzetta tal-Istat Nru 275 tat‑22 ta’ Novembru 1950, fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 1951, kif emendata fil-Gazzetta tal-Istat Nru 35 tas‑27 ta’ April 2021.

( 4 ) Direttiva 2008/48/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ self ta’ inqas minn EUR 200: ara l-Artikolu 2(2)(c).

( 5 ) F’kawża minnhom ma kienx meħtieġ garanti: madankollu, fl-assenza ta’ garanzija, il-persuna li tissellef kellha tistenna 14‑il jum għall-approvazzjoni tas-self. Meta konsumatur li jissellef ikun ikkonkluda kuntratt ta’ garanzija ma’ persuna magħżula mill-kreditur fi żmien 48 siegħa mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew ikun ipprovda garanzija bankarja inkundizzjonata fi żmien 10 ijiem minn din il-konklużjoni, huwa jkun irċieva approvazzjoni ta’ kreditu fi żmien 24 siegħa. Il-Kummissjoni Ewropea rrilevat li dawn il-kundizzjonijiet għamlu pressjoni fuq il-konsumatur li jissellef sabiex jaċċetta l-għażla tal-garanti magħmula mill-kreditur.

( 6 ) Skont il-qorti tar-rinviju, kien hemm din l-għażla f’uħud mill-kawżi li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 7 ) It-tieni rikorrenti, Agentsia, issostni li hija ma għażlitx jew ma ħatritx il-garanti professjonali propost, iżda pjuttost tat il-kunsens tagħha.

( 8 ) Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-suġġett tad-deċiżjoni tar-rinviju kien ġie rtirat fir-rigward tas-sitt wieħed mit-tmien rikorsi.

( 9 ) Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-konsumaturi li jissellfu, li ma humiex partijiet fil-proċeduri, jistgħu jikkontestaw il-fatti li hija tiddeskrivi.

( 10 ) Deċiżjoni Interpretattiva Nru 4/2013 tat‑18 ta’ Ġunju 2014 tal-Assemblea Ġenerali tal-Awla Ċivili u Kummerċjali tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni).

( 11 ) Ara, pereżempju, id-Digriet Nru 5389 tal‑1 ta’ Marzu 2019 tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), Awla tal-Appell II‑b, fil-Kawża ta’ Appell Ċivili Nru 2165/2019.

( 12 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100, kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) u bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 328, p. 7).

( 13 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

( 14 ) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107 u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69).

( 15 ) Il-Gvern Ċek illimita l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu għal risposta għall-ħdax‑il domanda tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 33).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et (C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punti 26 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Il-Kummissjoni tirrileva li Financial Bulgaria EOOD hija sussidjarja ta’ Easy Asset Management AD. Fir-rigward tar-relazzjoni bejn Credisimo AD u I Trust EOOD, din tirrileva, l-ewwel, li l-kreditur għażel il-garanti għall-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur. It-tieni, il-garanti ma invokax l-estinzjoni tal-garanzija kontra l-kreditur, f’ċirkustanzi fejn garanti konxju tal-possibbiltà li konsumatur li jissellef jista’ jkun f’diffikultà finanzjarja, ikun inklinat jagħmel dan pjuttost milli jirriskja l-inadempjenza tal-konsumatur li jissellef.

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 301), dwar kuntratti ta’ kreditu għall-provvista ta’ vetturi bil-mutur.

( 20 ) Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew li tiddeċiedi dwar il-korrettezza tal-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE: ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 15), u tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 32).

( 21 ) Il-punti 104 u 157 tad-deċiżjoni tar-rinviju jirrilevaw li wieħed mill-kuntratti ta’ kreditu jinkludi klawżola li tipprevedi li l-garanti għandu jibqa’ responsabbli, konformement mat-termini tal-kuntratt ta’ garanzija, wara l-iskadenza tal-obbligi tal-konsumatur skont il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, irrispettivament minn jekk il-kreditur ikunx beda proċeduri kontra l-konsumatur li jissellef u/jew il-garanti fi żmien sitt xhur mill-iskadenza. Agentsia ssostni li tali klawżola hija ta’ benefiċċju għall-konsumaturi sa fejn l-obbligi tagħhom huma ggarantiti minn debitur ieħor li l-kreditur jista’ jdur fuqu u jitlobu jirrimborsa d-dejn.

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos (C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12 (C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kollokament ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi) (C‑540/22, EU:C:2024:530, punt 105), u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Ministero della Giustizia (C‑41/23, EU:C:2024:554, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Sociéité Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 46). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ċar ukoll li, meta qorti tar-rinviju tindika espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li hija ma qisitx neċessarju li tagħmel domanda jew jekk hija tirrifjuta impliċitament li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda mqajma minn waħda mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għal din id-domanda jew teħodha inkunsiderazzjoni fir-risposta tagħha għal dan ir-rinviju: ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de Transportes (C‑412/17 u C‑474/17, EU:C:2018:1005, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punti 29 u 30), u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punti 82 sa 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BAKATI PLUS (C‑656/19, EU:C:2020:1045, punt 33).

( 28 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għal kuntratt ta’ kreditu) (C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).