SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar mibgħuta mill-Malasja – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/278 – Tħassir tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 – Dħul fis-seħħ ta’ dan it-tħassir – Importazzjonijiet li seħħew qabel dan id-dħul fis-seħħ – Irkupru a posteriori ta’ dazji antidumping”

Fil-Kawża C‑412/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Autoridade Tributária e Aduaneira

vs

NT,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal NT, minn A. Côrte-Real Neves, C. Vieira Peres u J. Vieira Peres, advogados,

–

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Rodrigues u N. Vitorino, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz u G. Luengo, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 tas‑26 ta’ Frar 2016 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ tħassir”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall, iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Doganali”) u NT dwar irkupru a posteriori ta’ dazji antidumping, ta’ dazji konvenzjonali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi kumpensatorji, għall-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-azzar fl-Unjoni Ewropea.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, li fosthom hemm il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91) u l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping tal-WTO”).

4

Fis‑26 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas‑26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1).

5

Fit‑18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2011, L 194, p. 6), li sussegwentement ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 693/2012 tal‑25 ta’ Lulju 2012 (ĠU 2012, L 203, p. 23).

6

Fit‑28 ta’ Lulju 2011, il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO (iktar ’il quddiem il-“KRT”) adotta r-rapport tal-Korp tal-Appell kif ukoll ir-rapport tal-Bord ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim emendat permezz tar-rapport tal-Korp tal-Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumpingf definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” (WT/DS 397) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-KRT tat‑28 ta’ Lulju 2011”). F’dawn ir-rapporti, ġie kkonstatat, b’mod partikolari, li l-Unjoni kienet aġixxiet b’mod inkompatibbli ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping tal-WTO.

7

Wara d-Deċiżjoni tal-KRT tat‑28 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta, fl‑4 ta’ Ottubru 2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 924/2012 li jemenda r-Regolament Nru 91/2009 (ĠU 2012, L 275, p. 1), billi jwettaq, b’mod partikolari, tnaqqis tad-dazju antidumping li kien previst f’dan l-aħħar regolament.

8

Wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/519 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 82, p. 78), li permezz tiegħu hija żammet, għal perijodu addizzjonali ta’ ħames snin, id-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija kif stabbilit u emendat, rispettivament, bir-Regolament Nru 91/2009 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2016, il-KRT adotta rapporti ġodda li kkonstataw nuqqas ta’ konformità tal-miżuri meħuda mill-Unjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping tal-WTO (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-KRT tat‑12 ta’ Frar 2016”).

10

Wara d-Deċiżjoni tal-KRT tat‑12 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat, fis‑26 ta’ Frar 2016, ir-Regolament ta’ tħassir.

11

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ tħassir, id-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 91/2009, emendati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 u miżmuma bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/519, huma mħassra.

12

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ tħassir, it-tħassir tad-dazji antidumping imsemmija fl-Artikolu 1 tiegħu jidħol fis-seħħ mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u ma jservix bħala bażi għar-rimbors tad-dazji miġbura qabel din id-data. Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, dan daħal fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit‑28 ta’ Frar 2016.

13

Ir-Regolament ta’ tħassir ġie adottat abbażi tar-Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU 2015, L 83, p. 6).

14

L-Artikolu 1(1) ta’ dan l-aħħar regolament jipprevedi li, meta l-KRT jadotta rapport dwar miżura meħuda mill-Unjoni skont il-leġiżlazzjoni antidumping tagħha, il-Kummissjoni tista’, skont il-każ, tħassar jew temenda l-miżura kkontestata, jew tadotta kwalunkwe miżura oħra partikolari meqjusa xierqa.

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li “[k]walunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament għandha tieħu effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdi l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Wara investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-awtoritajiet Malasjani fuq talba tal-OLAF dwar it-trażbord mill-Malasja ta’ merkanzija li toriġina miċ-Ċina, bl-għan li jiġi evitat il-ħlas tad-dazji antidumping ([OLAF CASE OF/2010/0697, AAA 2010/016‑(2012)S01]), ikkomunikata lill-Istati Membri fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka, ġie kkonstatat li ċerta merkanzija, jiġifieri qfieli tal-azzar, esportata lejn l-Unjoni fit‑3 u fl‑24 ta’ April 2010, kienet ta’ oriġini nonpreferenzjali Ċiniża.

17

Il-kumpannija rregolata mid-dritt Portugiż Inemer Lda. ġiet identifikata bħala d-destinatarja (importatriċi) tal-imsemmija merkanzija. Id-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni kkonċernati, tat‑12 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Ġunju 2010, kienu ġew ippreżentati skont il-modalità tar-rappreżentanza indiretta minn NT, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, f’isem Inemer, bħala detentriċi tal-proċedura.

18

F’dawn id-dikjarazzjonijiet, magħmula fl-uffiċċju doganali ta’ Leixões (il-Portugall), ġie indikat li l-merkanzija importata kienet ta’ oriġini Malasjana, b’tali mod li ebda dazju doganali ma nġabar f’dan l-istadju.

19

Wara li kkonstatat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll, dikjarazzjonijiet foloz ta’ oriġini, relatati mal-Malasja minflok iċ-Ċina, l-Amministrazzjoni Doganali qieset, minn naħa, li l-importazzjonijiet ikkonċernati ma kinux jibbenefikaw mill-miżuri tariffarji preferenzjali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), u, min-naħa l-oħra, li kellu jiġi applikat, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 91/2009, li, fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni inkwistjoni, kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq tali merkanzija li toriġina miċ-Ċina.

20

Konsegwentement, permezz ta’ avviż ta’ taxxa tal‑20 ta’ Marzu 2018, maħruġ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru a posteriori, il-ħlas ta’ dazji antidumping, ta’ dazji konvenzjonali, tal-VAT u tal-interessi kumpensatorji, għal ammont totali ta’ EUR 106997,60, ġie impost fuq Inemer u fuq NT bħala debituri in solidum.

21

NT ippreżentat appell intern kontra dan l-avviż ta’ taxxa, billi sostniet li, wara t-tħassir tar-Regolament Nru 91/2009, kif imwettaq mill-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta’ tħassir, dazji antidumping ma setgħux jiġu imposti iktar abbażi ta’ dan l-ewwel regolament.

22

Peress li dan l-appell kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda, NT ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, il-Portugall), li laqgħet dan l-aħħar rikors permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2021.

23

L-Amministrazzjoni Doganali ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju, billi invokat żball ta’ liġi sa fejn l-imsemmija sentenza tikkonkludi, b’mod partikolari, li kien hemm ksur tar-Regolament ta’ tħassir u tal-effetti ta’ tħassir tiegħu.

24

B’mod partikolari, hija ssostni quddiem il-qorti tar-rinviju li, kuntrarjament għal dak li ġie ddikjarat fis-sentenza tal-ewwel istanza, it-tħassir tar-Regolament Nru 91/2009 imwettaq mir-Regolament ta’ tħassir ma jwassalx għal annullament minħabba illegalità li jwassal għall-invalidità, b’effetti ex tunc, tar-Regolament Nru 91/2009, iżda jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ tħassir, b’tali mod li kien neċessarju li tiġi ggarantita ż-żamma tad-dazji antidumping imnissla qabel din id-data sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

25

NT issostni quddiem il-qorti tar-rinviju li, għall-kuntrarju, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ tħassir, l-awtoritajiet Portugiżi ma setgħux ikomplu jipproċedu għal-likwidazzjoni tad-dazji antidumping abbażi tar-Regolament Nru 91/2009, tkun xi tkun id-data tal-importazzjonijiet ikkonċernati, peress li ma kienx hemm iktar bażi legali għal dawn id-dazji.

26

Fil-fatt, mill-premessi tar-Regolament ta’ tħassir jirriżulta li t-tħassir tar-Regolament Nru 91/2009 kien immotivat min-nuqqas ta’ konformità tiegħu, ikkonstatat mill-KRT, ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping tal-WTO, b’tali mod li dan it-tħassir għandu natura ta’ annullament, ibbażat fuq konstatazzjoni ta’ invalidità, b’effetti ex tunc.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li għandhom jiġu stabbiliti l-portata u l-iskop tal-effetti abrogatorji li jirriżultaw mir-Regolament ta’ tħassir, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk, minkejja li t-tħassir imwettaq minn dan ir-regolament għandux effett mit‑28 ta’ Frar 2016, is-sistema legali tar-Regolament Nru 91/2009, li tħassret, jiġifieri d-dazji antidumping li huwa jipprevedi, tistax tapplika għal importazzjonijiet li seħħew matul ix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2010, żmien meta dan l-aħħar regolament kien għadu fis-seħħ, iżda li ma kinux suġġetti għal likwidazzjoni, fost oħrajn fir-rigward tad-dazji antidumping, ħlief fix-xahar ta’ Marzu 2018, minkejja li l-imsemmi regolament kien tħassar.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 2 tar-[Regolament ta’ tħassir] jista’ jiġi interpretat fis-sens li t-tħassir tad-dazju antidumping, minbarra li japplika għal data futura, mit‑28 ta’ Frar 2016, ikopri, ukoll, importazzjonijiet ta’ qfieli suġġetti għal dawn id-dazji, li seħħew sas‑27 ta’ Frar 2016, iżda li l-likwidazzjoni (ta’ dazji antidumping u ħlasijiet oħra) sseħħ f’data wara t‑28 ta’ Frar 2016 (irkupru a posteriori)?

2.

Is-sens tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jista’ jkun differenti li kieku kellu jitqies li l-irkupru a posteriori joriġina minn ċertifikat, li l-estrazzjoni tiegħu ġie ordnat […] mill-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali bbażata fuq il-provi prodotti mill-[OLAF], fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni OLAF CASE OF/2010/0697, [AAA] 2010/016‑(2012)S01, fejn jiġi konkluż li l-merkanzija esportata lejn il-Komunità Ewropea stivata fil-kontenituri […] u […] fit‑3 ta’ April 2010 u fil-kontenituri […] u […] fl‑24 ta’ April 2010, kienu ta’ oriġini mhux preferenzjali Ċiniża?”

Fuq id‑domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ tħassir għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tħassir tad-dazji antidumping li huwa jwettaq jipprekludi li jsir, fil-kuntest ta’ rkupru a posteriori mwettaq wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-ġbir ta’ dawn id-dazji antidumping u, jekk ikun il-każ, dazji oħra relatati magħhom, fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti suġġetti għall-imsemmija dazji antidumping imwettqa qabel din id-data. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għal din id-domanda hijiex differenti fil-każ li dan l-irkupru a posteriori jkun joriġina minn dokument li l-estrazzjoni tiegħu tkun ġiet ordnata f’proċedura ta’ investigazzjoni kriminali bbażata fuq provi prodotti mill-OLAF.

30

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar, preliminarjament, li mill-Artikolu 201(1) u (2) tar-Regolament Nru 2913/92 jirriżulta li dejn doganali fuq l-importazzjoni jitnissel, b’mod partikolari, mir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, peress li dan id-dejn jitnissel fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni.

31

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-importazzjonijiet tal-qfieli inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqu u, sussegwentement, ġew iddikjarati fid-dwana matul ix-xhur ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2010, u għalhekk f’perijodu li fih ir-Regolament Nru 91/2009, li jistabbilixxi d-dazji antidumping ikkonċernati, kien applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet.

32

Għaldaqstant, huwa paċifiku li, minħabba l-imsemmija importazzjonijiet, id-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 91/2009, u dazji oħra relatati magħhom, kienu dovuti, anki jekk, inizjalment, dawn id-dazji ma ġewx imposti u miġbura minħabba informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjonijiet doganali, li, sussegwentement, irriżultaw li ma kinux korretti għal dak li jirrigwarda l-oriġini tal-prodotti importati.

33

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tħassir tad-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 91/2009, imwettaq fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ tħassir, għandux bħala effett li dawn id-dazji antidumping ma jistgħux iktar jinġabru fil-kuntest ta’ rkupru a posteriori.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ tħassir, it-tħassir tad-dazji antidumping imsemmija fl-Artikolu 1 tiegħu, fosthom dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 91/2009, jidħol fis-seħħ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess regolament u ma jservix bħala bażi għar-rimbors tad-dazji miġbura qabel din id-data.

35

Issa, minn din il-formulazzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li t-tħassir tad-dazji antidumping previst fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament japplika b’mod retroattiv. Għall-kuntrarju, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħet tikkonstata, l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ tħassir jipprevedi l-iskadenza ta’ dawn id-dazji mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u jeskludi kull effett retroattiv (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punt 57).

36

B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni NT, il-preċiżazzjoni li tinsab f’dan l-Artikolu 2, li t-tħassir tad-dazji antidumping ikkonċernati ma jservix bħala bażi għar-rimbors tad-dazji miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, ma tistax tinftiehem bħala li tistabbilixxi eċċezzjoni unika għal effett retroattiv ta’ dan it-tħassir. Fil-fatt, din il-preċiżazzjoni tikkonferma l-assenza ta’ retroattività.

37

Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ NT li tgħid li t-tħassir tad-dazji antidumping ikkonċernati għandu, fir-realtà, in-natura ta’ annullament minħabba illegalità li għandu, bħala konsegwenza, effetti ex tunc, fid-dawl tan-nuqqas ta’ konformità tar-Regolament Nru 91/2009 mal-ftehimiet tal-WTO, kif ikkonstatat mid-Deċiżjonijiet tal-KRT tat‑28 ta’ Lulju 2011 u tat‑12 ta’ Frar 2016. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-validità tar-Regolament Nru 91/2009 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u, b’mod iktar partikolari, fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-KRT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas,C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 56, u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Eurobolt et vs Il‑Kummissjoni u Stafa Group, C‑517/22 P, EU:C:2024:9, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li t-tħassir ta’ att tal-Unjoni mill-awtur tiegħu, kif sar mir-Regolament ta’ tħassir fir-rigward tar-Regolament Nru 91/2009, ma jistax jiġi assimilat ma’ konstatazzjoni tal-illegalità ta’ dan l-att li għandu effetti ex tunc, peress li tali tħassir jipproduċi effett biss għall-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Eurobolt et vs Il‑Kummissjoni u Stafa Group, C‑517/22 P, EU:C:2024:9, punti 88 u 89).

39

Minn dan isegwi li t-tħassir, kif previst fl-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta’ tħassir, tad-dazji antidumping stabbiliti, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 91/2009 ma jistax jiġi interpretat bħala annullament minħabba illegalità li jaffettwa l-validità ta’ dan l-aħħar regolament u li jista’, għalhekk, ikollu effetti fuq l-applikazzjoni tiegħu għal importazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-tħassir.

40

Konsegwentement, peress li t-tħassir tar-Regolament Nru 91/2009 jipproduċi effetti biss fir-rigward tal-importazzjonijiet imwettqa mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ tħassir, huwa ma jista’ jaffettwa la t-tnissil ta’ dejn doganali relatat mad-dazji antidumping u ma’ dazji oħra relatati magħhom bħala importazzjonijiet imwettqa qabel din id-data taħt ir-Regolament Nru 91/2009, u lanqas l-irkupru a posteriori ta’ dawn id-dazji, minkejja l-fatt li dan l-aħħar regolament ma għadux fis-seħħ fil-mument ta’ dan l-irkupru.

41

Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-irkupru a posteriori jseħħ abbażi ta’ dokument li l-estrazzjoni tiegħu tkun ġiet ordnata f’proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, minn naħa, u l-oriġini tal-provi użati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, min-naħa l-oħra, huma, bħala tali, irrilevanti fir-rigward tal-effetti ratione temporis tat-tħassir tad-dazji antidumping inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fir-rigward tal-likwidazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ rkupru mwettaq wara dan it-tħassir.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ tħassir għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tħassir tad-dazji antidumping li huwa jwettaq ma jipprekludix li jsir, fil-kuntest ta’ rkupru a posteriori mwettaq wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-ġbir ta’ dawn id-dazji antidumping u, jekk ikun il-każ, dazji oħra relatati magħhom, fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti suġġetti għall-imsemmija dazji antidumping imwettqa qabel din id-data. Il-fatt li dan l-irkupru a posteriori joriġina minn dokument li l-estrazzjoni tiegħu tkun ġiet ordnata f’proċedura ta’ investigazzjoni kriminali bbażata fuq provi prodotti mill-OLAF ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward.

Fuq l‑ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 tas‑26 ta’ Frar 2016 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

it-tħassir tad-dazji antidumping li huwa jwettaq ma jipprekludix li jsir, fil-kuntest ta’ rkupru a posteriori mwettaq wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-ġbir ta’ dawn id-dazji antidumping u, jekk ikun il-każ, dazji oħra relatati magħhom, fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti suġġetti għall-imsemmija dazji antidumping imwettqa qabel din id-data. Il-fatt li dan l-irkupru a posteriori joriġina minn dokument li l-estrazzjoni tiegħu tkun ġiet ordnata f’proċedura ta’ investigazzjoni kriminali bbażata fuq provi prodotti mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.