European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/200

4.1.2024

Ftehim bejn l-unjoni Ewropea u l-prinċipat tal-liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ Finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-Politika dwar il-viżi, bħala parti mill-fond għall-ġestjoni Integrata tal-fruntieri, għall-perjodu mill-2021 sal-2027

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Unjoni”

u

IL-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Liechtenstein”,

Minn hawn ’il quddiem imsejħin flimkien il-“Partijiet”

WARA LI KKUNSIDRAW il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (1) (il-“Protokoll ta' Assoċjazzjoni”),

BILLI:

(1)

L-Unjoni stabbiliet l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (Border Management and Visa Instrument (il-“BMVI”) permezz tar-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-“Regolament BMVI”), bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.

(2)

Ir-Regolament BMVI jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni.

(3)

Il-BMVI, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, jikkostitwixxi strument speċifiku fil-kuntest tal-acquis ta’ Schengen imfassal biex jiżgura ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri b’saħħitha u effettiva fil-fruntieri esterni, filwaqt li jissalvagwardja l-moviment liberu tal-persuni, f’konformità sħiħa mal-impenji tal-Istati Membri u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen dwar id-drittijiet fundamentali, u biex jappoġġa l-implimentazzjoni u l-modernizzazzjoni uniformi tal-politika komuni dwar il-viżi, u b’hekk jikkontribwixxi għall-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà fl-Istati Membri u fil-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen.

(4)

L-Artikolu 7(6) tar-Regolament BMVI jipprevedi li għandhom isiru arranġamenti sabiex jispeċifikaw in-natura u l-modi tal-parteċipazzjoni fil-BMVI tal-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

(5)

Il-BMVI joffri l-opportunità li jiġu implimentati azzjonijiet b’ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta, u dan il-Ftehim jenħtieġ li jagħmilha possibbli li taliimplimentazzjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta tkun tista’ titwettaq fil-Liechtenstein f’konformità mal-prinċipji u r-regoli tal-Unjoni dwar il-ġestjoni u l-kontroll finanzjarji.

(6)

Fid-dawl tal-piż amministrattiv li r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jimponu fuq il-Liechtenstein biex jimplimenta l-allokazzjoni limitata tiegħu taħt ġestjoni kondiviża, l-appoġġ ipprovdut lil-Liechtenstein skont ir-Regolament BMVI li jirriżulta mid-dritt li tinkiseb allokazzjoni jenħtieġ li jiġi implimentat primarjament taħt ġestjoni diretta f’konformità mat-Titolu VIII tal-Ewwel Parti tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(7)

Fid-dawl tan-natura sui generis tal-acquis ta’ Schengen u l-importanza tal-applikazzjoni uniformi tiegħu għall-integrità taż-żona Schengen, ir-regoli applikabbli għall-ġestjoni jenħtieġ li japplikaw għall-entitajiet fil-Liechtenstein bl-istess mod kif japplikaw għal kwalunkwe entità oħra eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

(8)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkolu u l-użu tal-kontribuzzjonijiet annwali dovuti mil-Liechtenstein lill-BMVI, il-kontribuzzjonijiet tal-Liechtenstein għall-perjodu mill-2021 sal-2027 jenħtieġ li jitħallsu f’erba’ pagamenti parzjali annwali mill-2024 sal-2027. Mill-2024 sal-2025, il-kontribuzzjonijiet annwali jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’ammonti fissi, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet dovuti għas-snin 2026 u 2027 jenħtieġ li jiġu determinati fl-2026 abbażi tal-prodott domestiku gross tal-Istati kollha li jipparteċipaw fil-BMVI b’teħid inkonsiderazzjoni tal-pagamenti li effettivament ikunu saru.

(9)

F’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, jenħtieġ li l-Liechtenstein jibbenefika minn kwalunkwe dħul żejjed kif definit fl-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-“Regolament dwar l-ETIAS”). Fil-qafas tal-BMVI, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji dovuti mil-Liechtenstein lill-BMVI jenħtieġ li jitnaqqsu proporzjonalment.

(10)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), hija koperta mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (7) u ġiet inkorporata fl-Anness XI tiegħu. Il-Liechtenstein għalhekk japplika dak ir-Regolament.

(11)

Il-Liechtenstein mhuwiex marbut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għalkemm huwa parti minnha, u għalhekk josserva d-drittijiet u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha, u mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-referenzi li jinsabu fir-Regolament BMVI u f’dan il-Ftehim għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għalhekk jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenzi għal dik il-Konvenzjoni u għall-Protokolli ratifikati mil-Liechtenstein u għall-Artikolu 14 ta’ dik id-Dikjarazzjoni.

(12)

Jenħtieġ li l-Liechtenstein jimplimenta l-BMVI u dan il-Ftehim f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli supplimentari meħtieġa għall-parteċipazzjoni tal-Liechtenstein fl-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (il-“BMVI”) bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-perjodu ta’ programmazzjoni mill-2021 sal-2027 f’konformità mal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2021/1148 (ir-“Regolament BMVI”).

Artikolu 2

Ġestjoni u kontroll finanzjarji

1.   Fl-implimentazzjoni tar-Regolament BMVI, il-Liechtenstein għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti għall-ġestjoni u l-kontroll finanzjarji li huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u fil-liġi tal-Unjoni li l-bażi legali tiegħu ġej mit-TFUE.

Id-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu huma dawn li ġejjin:

(a)

L-Artikoli 33, 36, 61, 97 sa 106, 115, 116, 125 sa 129, 135 sa 144, 150 sa 153, 154, l-Artikolu 155 (1), (2), (4), (6) u (7) u l-Artikoli 180 sa 205 u 254 sa 257 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ir-“Regolament Finanzjarju”);

(b)

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (8);

(c)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (9) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

2.   Fil-każ ta’ kwalunkwe emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju rilevanti għall-BMVI:

(a)

il-Kummissjoni Ewropea (il-‘Kummissjoni’) għandha tinforma lil-Liechtenstein dwar dan mill-aktar fis possibbli u, fuq talba tal-Liechtenstein, tipprovdi spjegazzjonijiet dwar din l-emenda, ir-revoka, is-sostituzzjoni jew ir-riformulazzjoni;

(b)

minkejja l-Artikolu 13(4), il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-Liechtenstein jistgħu jiddeterminaw bi ftehim komuni kwalunkwe emenda tal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu li tkun meħtieġa biex titqies tali emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni.

3.   Jekk il-kontenut ta’ att li jemenda, jirrevoka, jissostitwixxi jew jirriformula r-Regolament Finanzjarju jkun jista’ jsir vinkolanti għal-Liechtenstein biss wara li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kostituzzjonali, il-Liechtenstein għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan mhux aktar tard minn 30 jum wara li jiġi informat mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 2, -il-punt (a). Meta referendum ma jkunx meħtieġ, dik in-notifika għandha issir sa mhux iktar tard minn 30 jum wara l-iskadenza tar-referendum. Meta jkun meħtieġ referendum, il-Liechtenstein għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni bil-miktub malli jitwettqu r-rekwiżiti kostituzzjonali kollha, u għandu jkollu tmintax-il xahar mid-data ta’ dik in-notifika li fiha jaqbel dwar l-emendi meħtieġa għall-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (a), kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b).

4.   Mid-data stabbilita għad-dħul fis-seħħ, għal-Liechtenstein, tal-att imsemmi fil-paragrafu 3 u sakemm il-Liechtenstein ikun ta notifika kif imsemmi fil-paragrafu 3 li r-rekwiżiti kostituzzjonali ġew issodisfati u ftehim biex jiġi emendat il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (a), ikun instab, il-Liechtenstein għandu, fejn possibbli, jimplimenta l-att inkwistjoni fuq bażi proviżorja.

5.   L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Liechtenstein jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet iffinanzjati mill-BMVI b’kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni tal-parteċipazzjoni

1.   L-allokazzjoni tal-Unjoni lil-Liechtenstein ikkalkolata skont l-Artikolu 7(3), il-punt (a), tar-Regolament BMVI għandha ssir disponibbli għal-Liechtenstein bħala azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-faċilità tematika tal-BMVI f’konformità mal-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament BMVI.

2.   Ir-riżorsi skont l-azzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 8(1), il-punt (a), tar-Regolament BMVI għandhom ikunu disponibbli għal-Liechtenstein fuq l-istess bażi bħal Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen oħrajn. L-azzjonijiet speċifiċi magħżula mil-Liechtenstein għandhom jiġu implimentati taħtġestjoni diretta. L-aċċess tal-Liechtenstein għall-finanzjament jikkonċerna azzjonijiet speċifiċi li:

(a)

jkunu disponibbli għall-pajjiżi kollha li jipparteċipaw f’Schengen u fir-Regolament BMVI biex tiġi żgurata l-konformità mal-acquis (“żidiet”); u

(b)

jirriżulta minn għażla wara sejħiet għal espressjoni ta’ interess għall-pajjiżi kollha li jipparteċipaw f’Schengen u r-Regolament BMVI.

3.   Mhux aktar tard minn 30 jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u, mill-2025, sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, il-Liechtenstein għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-azzjonijiet li jkun bi ħsiebu jimplimenta biex jiżgura l-konformità mal-acquis ta’ Schengen u biex jissodisfa l-objettivi tal-BMVI, u tal-baġit relatat ma’ dawk l-azzjonijiet.

4.   L-implimentazzjoni ta’ proġetti mil-Liechtenstein skont ir-Regolament BMVI għandha titwettaq skont ir-regoli ta’ ġestjoni diretta f’konformità mal-Ewwel Parti, it-Titolu VIII, tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 4

Applikazzjoni speċifika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament BMVI

1.   L-iskadenzi li jirreferu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament BMVI għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għad-data li fiha jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

2.   Ir-referenzi għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom għalhekk jinftiehmu bħala referenzi għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u għall-Protokolli tagħha kif irratifikati mil-Liechtenstein u għall-Artikolu 14 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

3.   Il-Liechtenstein għandu jimplimenta r-Regolament BMVI f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenza tal-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 5

Infurzar

1.   Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni li jimponu obbligu finanzjarju fuq persuni apparti mill-Istati, għandhom ikunu infurzabbli fit-territorju tal-Liechtenstein.

L-infurzar ta’ deċiżjonijiet kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun regolat bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fil-Liechtenstein. Ordni għal tali infurzar għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni rilevanti mill-awtorità kompetenti msemmija fit-tielet subparagrafu mingħajr l-ebda formalità għajr il-verifika tal-awtentiċità ta' dik id-deċiżjoni.

Il-Gvern tal-Liechtenstein għandu jaħtar awtorità kompetenti għal dan l-għan u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’din il-ħatra. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha għandha tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Ladarba jitlestew dawn il-formalitajiet fuq applikazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tkun tista’ tipproċedi bl-infurzar f’konformità mal-liġi tal-Liechtenstein, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fit-tielet subparagrafu.

L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Liechtenstein għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq kwistjonijiet relatati ma’ lmenti li l-infurzar ikun qed isir b'mod irregolari.

2.   Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija dwar l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt jew fi ftehim ta’ għotja fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu infurzabbli fil-Liechtenstein bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet msemmijin fil-paragrafu 1 l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 6

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Liechtenstein għandu:

(a)

jiġġieled il-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta' miżuri li għandhom jaġixxu ta' deterrent u li għandhom jippermettu protezzjoni effettiva fil-Liechtenstein;

(b)

jieħu l-istess miżuri biex jiġġieled il-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħu biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tiegħu stess; u

(c)

jikkoordina l-azzjoni tiegħu li għandha l-għan li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Liechtenstein għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (11) (“OLAF”) bi kwalunkwe fatt jew suspett, li jkunu saru jafu bihom, dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Huma għandhom jinfurmaw ukoll lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (12) (“UPPE”) fejn dawn il-fatti jew is-suspetti jikkonċernaw każ li jista’ jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UPPE.

Il-Liechtenstein u l-Unjoni għandhom jiżguraw assistenza reċiproka effettiva f’każijiet fejn ikun hemm investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew tal-Liechtenstein, f’konformità mal-qafas legali applikabbli, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ xulxin fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

3.   Il-Liechtenstein għandu jadotta miżuri ekwivalenti għallmiżuri adottati mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 325(4) TFUE, li jkunu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.

4.   L-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, OLAF, UPPE, il-Qorti tal-Awdituri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Liechtenstein għandu jsir filwaqt li jitqiesu kif dovut ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità. Id-data personali inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli applikabbli.

Artikolu 7

Rieżamijiet u awditi mill-Unjoni

1.   L-Unjoni għandu jkollha d-dritt li twettaq rieżamijiet u awditi tekniċi, finanzjarji jew tipi oħra ta’ rieżamijiet u awditi fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fil-Liechtenstein, jew kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fiha, u li tirċievi finanzjament mill-Unjoni mill-BMVI, kif ukoll ta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni mill-BMVI residenti jew stabbilita fil-Liechtenstein. Tali rieżamijiet u awditi jistgħu jitwettqu mill-Kummissjoni, mill-OLAF jew mill-Qorti tal-Awdituri.

2.   L-awtoritajiet tal-Liechtenstein għandhom jiffaċilitaw ir-rieżamijiet u l-awditi mwettqa mill-Unjoni li jistgħu, jekk dawn l-awtoritajiet jixtiequ hekk, jitwettqu b’mod konġunt magħhom.

3.   Ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu, inkluż wara s-sospensjoni tad-drittijiet tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Liechtenstein li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew wara t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, fuq kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni li jkun daħal fis-seħħ qabel id-data li fiha tidħol fis-seħħ tali sospensjoni jew terminazzjoni.

Artikolu 8

Verifiki u spezzjonijiet fuq il-post

L-OLAF għandu jkun awtorizzat iwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tal-Liechtenstein fir-rigward tal-BMVI skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE) Nru 883/2013.

L-awtoritajiet tal-Liechtenstein għandhom jiffaċilitaw il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post, li jistgħu, jekk dawk l-awtoritajiet jixtiequ dan, jitwettqu b'mod konġunt magħhom.

Artikolu 9

Qorti tal-Awdituri

Il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri stabbilita fl-Artikolu 287(1) u (2) TFUE għandha testendi għad-dħul u n-nefqa relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament BMVI mil-Liechtenstein, inkluż fit-territorju tal-Liechtenstein.

F’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 287(3) TFUE u fl-Ewwel Parti, it-Titolu XIV, il-Kapitolu 1 tar-Regolament Finanzjarju, il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha l-possibbiltà li twettaq awditi fil-bini ta’ kull korp li jiġestixxi dħul jew nefqa f’isem l-Unjoni fit-territorju tal-Liechtenstein fir-rigward tal-BMVI, inkluż fil-bini ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit.

Fil-Liechtenstein, l-awditjar mill-Qorti tal-Awdituri għandu jitwettaq flimkien mal-entitajiet nazzjonali tal-awditjar jew, jekk dawk il-korpi ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti. Il-Qorti tal-Awdituri u l-korpi nazzjonali tal-awditu tal-Liechtenstein għandhom jikkoperaw fi spirtu ta' fiduċja filwaqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Dawk l-organizzazzjonijiet jew dipartimenti għandhom jinfurmaw lill-Qorti tal-Awdituri jekk tkunx l-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem fl-awditu.

Artikolu 10

Kontribuzzjonijiet finanzjarji

1.   Il-Liechtenstein għandu jagħmel pagamenti annwali lill-baġit tal-BMVI skont il-formula stabbilita fl-Anness I.

2.   Kull sena l-Kummissjoni tista’ tuża sa 0,75 % mill-pagamenti li jsiru mil-Liechtenstein għall-finanzjament tan-nefqa amministrattiva għall-persunal jew għall-persunal estern meħtieġ għall-appoġġ tal-implimentazzjoni mil-Liechtenstein tar-Regolament BMVI u ta’ dan il-Ftehim.

3.   Wara t-tnaqqis tan-nefqa amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2, l-ammont li jifdal tal-pagamenti annwali magħmula mil-Liechtenstein għandhom jiġu assenjat kif ġej:

(a)

70 % għall-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen;

(b)

30 % għall-faċilità tematika msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament BMVI.

4.   Ammont ekwivalenti għall-pagamenti annwali tal-Liechtenstein għandu jintuża biex jikkontribwixxi għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri esterni b’saħħitha u effettiva.

5.   L-Unjoni għandha tipprovdi lil-Liechtenstein b’informazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha kif inkluż fl-informazzjoni relatata mal-baġit, mal-awditjar, mal-prestazzjoni u mal-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u tal-kwittanza tal-Unjoni dwar il-BMVI.

Artikolu 11

ETIAS

1.   Is-sehem tad-dħul mill-ETIAS li potenzjalment jibqa’ wara li jiġu koperti l-kostijiet tal-operat u tal-manutenzjoni tal-ETIAS kif imsemmi fl-Artikolu 86 tar-Regolament dwar l-ETIAS (is-“surplus”) għandu jitnaqqas mill-kontribuzzjoni finanzjarja finali tal-Liechtenstein lill-BMVI, f’konformità mal-formula stabbilita fl-Anness II.

2.   Il-Liechtenstein għandu jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni dwar il-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 85(2) u (3) tar-Regolament dwar l-ETIAS tas-sena fiskali sal-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara. Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, il-Liechtenstein għandu jaderixxi mal-obbligi kollha ta’ rapportar li jirriżultaw mir-Regolament dwar l-ETIAS u kwalunkwe att delegat adottat taħtu.

Artikolu 12

Kunfidenzjalità

L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma bis-saħħa ta' dan il-Ftethim għandha tkun koperta mis-sigriet professjonali u protetta bl-istess mod bħalma tkun protetta informazzjoni simili mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mil-liġijiet tal-Liechtenstein. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief lil dawk fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-Istati Membri jew fil-Liechtenstein, li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafu tali informazzjoni, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħra ħlief dawk li jservu biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u tul ta’ żmien

1.   Il-Partijiet għandhom japprovaw dan il-Ftehim skont il-proċeduri tagħhom. Huma għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija ta’ dawn il-proċeduri. In-notifiki għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Missjoni tal-Liechtenstein għall-Unjoni Ewropea, rispettivament.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-jum tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Biex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (13), il-miżuri koperti mir-Regolament BMVI jistgħu jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u l-aktar kmien fl-1 ta’ Jannar 2021, dment li l-azzjonijiet ma jkunux tlestew fiż-żmien meta jingħata l-appoġġ f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ ta’ tali emendi għandu jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

5.   Minkejja l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kumitat Imħallat stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (14) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) għandu jingħata s-setgħa jinnegozja u jadotta l-emendi meħtieġa fl-Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-Ftehim fil-każ ta’ notifika f’konformità mal-Artikolu 15(2) ta’ dan il-Ftehim minħabba li ċirkostanzi fejn ma jkunx intlaħaq ftehim skont l-Artikolu 2(2) jew (3) ta’ dan il-Ftehim.

6.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5, il-Partijiet għandhom japplikaw dan il-Ftehim provviżorjament mill-jum wara dak tal-firma tiegħu, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali.

Artikolu 14

Soluzzjoni tat-tilwim

Meta tinqala’ tilwima fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 15

Sospensjoni

1.   Id-drittijiet tal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Liechtenstein derivati mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jistgħu jiġu sospiżi f’konformità mal-paragrafi 5 sa 7 ta’ dan l-Artikolu mill-Unjoni:

(a)

fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament sħiħ jew parzjali tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mil-Liechtenstein;

(b)

fil-każ li r-Regolament Finanzjarju jkun is-suġġett ta’ emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni rilevanti għall-BMVI u ma jkunx intlaħaq ftehim skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan il-Ftehim fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ tali emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni, jew, fejn applikabbli, fi żmien 18-il xahar min-notifika mil-Liechtenstein li l-att li jemenda, jirrevoka, jissostitwixxi jew jirriformula r-Regolament Finanzjarju jista’ jsir vinkolanti fuq il-Liechtenstein biss wara li jissodisfa r-rekwiżiti kostituzzjonali; jew

(c)

f’ċirkostanzi li fihom ir-Regolament Finanzjarju jkun is-soġġett ta’ emenda, tħassir, sostituzzjoni jew riformulazzjoni rilevanti għall-BMVI u l-Liechtenstein ikun innotifika lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 2(3) ta’ dan il-Ftehim li l-att li jemenda, jħassar, jissostitwixxi jew jirriformula r-Regolament Finanzjarju jista’ jsir vinkolanti fuq il-Liechtenstein biss wara li jissodisfa r-rekwiżiti kostituzzjonali, u l-Liechtenstein ma jkunx jista’ jimplimenta l-att jew il-miżura inkwistjoni fuq bażi proviżorja kif imsemmi fl-Artikolu 2(4) ta’ dan il-Ftehim.

2.   L-Unjoni għandha tinnotifika lil-Liechtenstein bl-intenzjoni tagħha li tissospendi d-drittijiet tal-entitajiet legali stabbiliti fil-Liechtenstein li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u, f’dak il-każ, il-kwistjoni għandha tiddaħħal uffiċjalment fl-aġenda tal-Kumitat Imħallat stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Kumitat Imħallat”).

3   Il-Kumitat Imħallat għandu jissejjaħ u l-laqgħa għandha ssir fi żmien 30 jum min-notifika msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kumitat Imħallat għandu jkollu 90 jum biex isolvi l-kwistjoni, li jibdew jgħoddu mid-data tal-adozzjoni tal-aġenda li dwarha jkun tqajjem il-każ f’konformità mal-paragrafu 2. Meta l-kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi solvuta mill-Kumitat Imħallat fi żmien l-iskadenza ta’ 90 jum, dik l-iskadenza għandha tiġi estiża bi 30 jum bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni finali.

4.   Meta l-kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi solvuta mill-Kumitat Imħallat sal-iskadenza prevista fil-paragrafu 3, l-Unjoni tista’ tissospendi d-drittijiet tal-entitajiet legali stabbiliti fil-Liechtenstein li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kif imsemmi fil-paragrafi 5 sa 7.

5.   Fil-każ ta’ sospensjoni, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Liechtenstein ma għandhomx ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fi proċeduri ta’ aġġudikazzjoni li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. Proċedura ta’ aġġudikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li tlestiet meta jkunu ttieħdu l-impenji legali b’riżultat ta’ din il-proċedura.

6.   Sospensjoni ma taffettwax l-impenji legali konklużi mal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Liechtenstein qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Dan il-Ftehim għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.

7.   Kwalunkwe operazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn impenji li jkunu daħlu għalihom skont dan il-Ftehim qabel is-sospensjoni tista’ titwettaq wara s-sospensjoni.

8.   L-Unjoni għandha tinnotifika minnufih lil-Liechtenstein ladarba l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja jew operazzjonali dovuta tkun waslet għandha, meta n-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 2(2) ikun intemm jew meta l-kwistjoni relatata mar-Regolament Finanzjarju tkun solvuta. Is-sospensjoni għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir it-tali notifika.

9.   Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni, l-entitajiet ġuridiċi tal-Liechtenstein għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fi proċeduri ta’ aġġudikazzjoni mnedija wara dik id-data, kif ukoll fi proċeduri ta’ aġġudikazzjoni mnedija qabel dik id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.

Artikolu 16

Terminazzjoni

1   Kemm l-Unjoni kif ukoll il-Liechtenstein jistgħu jtemmu dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-Parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom. Il-Ftehim għandu jieqaf japplika tliet xhur wara d-data ta’ din in-notifika. In-notifiki għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Missjoni tal-Liechtenstein għall-Unjoni Ewropea, rispettivament.

2   Dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat awtomatikament meta l-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni jiġi tterminat skont l-Artikolu 11 tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni.

3   Meta dan il-Ftehim jiġi terminat skont il-paragrafu 1 jew 2, l-operazzjonijiet li għalihom ikunu saru impenji legali wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u qabel ma dan il-Ftehim jiġi terminat, għandhom ikomplu sakemm jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.

4   Kwalunkwe operazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn impenji li jkunu saru skont dan il-Ftehim qabel it-teminazzjoni tiegħu tista’ titwettaq wara t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

5   Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 17

Lingwi

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, b’kull test ugwalment awtentiku.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Image 1

Image 2


(1)   ĠU UE L 160, 18.6.2011, p. 21.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU UE L 251, 15.7.2021, p. 48).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU UE L 231, 30.6.2021, p. 159).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU UE L 193, 30.7.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU UE L 236, 19.9.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU UE L 119 4.5.2016, p. 1).

(7)   ĠU KE L 1, 3.1.1994, p. 3.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU KE L 292, 15.11.1996, p. 2).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU KE L 312, 23.12.1995, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU UE L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU KE L 136, 31.5.1999, p. 20).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU UE L 283 31.10.2017, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU UE L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(14)   ĠU UE L 53, 27.2.2008, p. 52.


ANNESS I

FORMULA BIEX JIĠU KKALKULATI L-KONTRIBUZZJONIJIET FINANZJARJI ANNWALI GĦAS-SNIN MILL-2021 SAL-2027 U D-DETTALJI TAL-PAGAMENT

1.   

Il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jqis l-ammont imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament BMVI.

2.   

Għas-snin 2024 u 2025, il-Liechtenstein għandu jagħmel pagamenti annwali lill-baġit tal-BMVI f’konformità mat-tabella li ġejja:

(L-ammonti kollha f'EUR)

 

2024

2025

Il-Liechtenstein

739 017

739 017

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija f’dan il-punt għandhom ikunu dovuti mil-Liechtenstein irrispettivament mid-data tal-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotja.

3   

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Liechtenstein għall-BMVI għandha tiġi kkalkulata kif ġej għas-snin 2026 u 2027:

Għal kull sena mill-2020 sal-2024, iċ-ċifri tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) nominali tal-Liechtenstein disponibbli mill-31 ta’ Marzu 2026 fuq l-Eurostat (PDG bil-prezzijiet attwali) għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri nominali tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fil-BMVI għal kull sena rispettiva. Il-medja tal-ħames perċentwali miksuba għas-snin mill-2020 sal-2024 għandha tiġi applikata

—

għas-somma tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn mill-baġit adottat, u l-emendi jew it-trasferimenti sussegwenti kif impenjati fl-aħħar ta’ kull sena għall-BMVI għas-snin mill-2021 sal-2025;

—

l-approprjazzjonijiet ta’ impenn annwali mill-baġit adottat għall-BMVI għas-sena 2026 li saru fil-bidu tas-sena 2026; u

—

l-approprjazzjoni ta’ impenn annwali skont il-baġit għall-BMVI għas-sena 2027 kif inkluża fl-abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2027 adottat mill-Kummissjoni.

biex jinkiseb l-ammont totali li għandu jitħallas mil-Liechtenstein matul il-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni tal-BMVI.

Minn dak l-ammont, il-pagamenti annwali effettivament magħmula mil-Liechtenstein f’konformità mal-punt 2 għandhom jitnaqqsu sabiex jinkiseb l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għas-snin 2026 u 2027. Nofs dak l-ammont totali għandu jitħallas fl-2026 u n-nofs l-ieħor fl-2027.

4.   

Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f’euro, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti għandu jiġi espress f’euro.

5.   

Il-Liechtenstein għandu jħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tiegħu sa mhux aktar tard minn 45 jum wara li jirċievi n-nota ta' debitu. Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni għandu jwassal għal pagament ta’ imgħax ta’ inadempjenza fuq l-ammont pendenti mid-data li fih ikun dovut. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data tal-iskadenza, u li tiżdied bi 3.5 punti perċentwali.


ANNESS II

FORMULA BIEX JIĠI KKALKULAT IS-SEHEM TAL-LIECHTENSTEIN MID-DĦUL LI POTENZJALMENT JIBQA’ KIF DEFINIT FL-ARTIKOLU 86 TAR-REGOLAMENT DWAR L-ETIAS

Għal kull sena finanzjarja li għaliha jkun hemm surplus iġġenerat kif definit fl-Artikolu 86 tar-Regolament dwar l-ETIAS u sas-sena finanzjarja 2026, iċ-ċifri tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) nominali tal-Liechtenstein disponibbli fil-31 ta’ Marzu fil-Eurostat (il-PDG fil-prezzijiet attwali) għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG nominali tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ETIAS għas-sena rispettiva.

Il-medja tal-perċentwali miksuba għandha tiġi applikata għall-surpluses totali ġġenerati. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Liechtenstein tal-2027 allokata għall-faċilità tematika għandha titnaqqas bl-ammont li jirriżulta.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/200/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)